Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Ottubru 2012 - Virgin Media vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-460/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Virgin Media Ltd (Hook, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Ellison, D. Slater, solicitors, u D. Waelbroeck, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat SA.33540 tat-12 ta' Ġunju 2012 ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta' Lulju 2012 li tiddikjara l-miżura ta' għajnuna "City of Birmingham - Digital Districts NGA Network" kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq espożizzjoni inkorretta tal-fatti fid-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi, fost oħrajn:

konstatazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex preżenza kompetittiva fiż-Żoni Diġitali (Digital Districts) ta' Birmingham li jinkludu ż-żoni ta' Digbeth, Eastside u Jewellery Quarter (iktar 'il quddiem iż-"żona inkwistjoni");

konstatazzjoni li ż-żona inkwistjoni għandha biss kapaċità broadband modesta ta' aċċess next generation (iktar 'il quddiem "NGA") li tikkonsisti fit-tqegħid ippjanat minn BT Group plc ta' linja ta' fibra-ottika imsejħa Fibre-to-the-cabinet (iktar 'il quddiem "FTTC") f'parti miż-żona;

konstatazzjoni li veloċitajiet broadband fiż-żona inkwistjoni huma sostanzjalment limitati (20 Mbps għal tniżżil mill-internet (download) u 2 Mbps għal tlugħ fuq l-internet (upload));

konstatazzjoni li s-suq wera nuqqasijiet minħabba l-fatt li ċerti servizzi speċifiċi ma humiex disponibbli għal kategorija ta' impriżi żgħar u medji (iktar 'il quddiem "SMEs") fiż-żona bi prezzijiet li jifilħu jħallsu;

konstatazzjoni li ebda parti ma oġġezzjonat għall-Iskema NGA broadband tal-Belt ta' Birmingham dwar iż-Żoni Diġitali (iktar 'il quddiem l-"Iskema");

konstatazzjoni li l-proċess ta' tfassil ta' mappa u l-proċess ta' konsultazzjoni jikkonferma li l-Iskema mhux ser ikollha impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat u b'mod partikolari dawk espressi fil-Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa' (ĠU 2009 C 235, p. 7) (iktar 'il quddiem il-Linji Gwida dwar il-Broadband). L-applikazzjoni żbaljata min-naħa tal-konvenuta tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-TFUE u tal-Linji Gwida dwar il-Broadband tinkludi, fost oħrajn:

nuqqas ta' konfutazzjoni ta' preżunzjoni kontra l-legalità ta' għajnuna mill-Istat f'żona b'servizzi residenzjali broadband li qed jikkompetu kontra xulxin (punti 77 u 78 tal-Linji Gwida dwar il-Broadband);

nuqqas milli tipprova li kien hemm nuqqasijiet tas-suq (punt 35 tal-Linji Gwida dwar il-Broadband), b'mod partikolari sabiex tiddefinixxi s-suq rilevanti li kien allegatament wera nuqqasijiet; u milli tipprovdi provi effettivi ta' "nuqqas" abbażi tal-prezz biss;

nuqqas milli twettaq konsultazzjoni tas-suq approprjata (punt 51(a) tal-Linji Gwida dwar il-Broadband);

nuqqas milli tevalwa l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti b'mod konformi mal-paragrafi 34 u 35 tal-Linji Gwida dwar il-Broadband.

____________