Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2023 – AC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1025/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: AC (rappreżentanti: D. Rovetta u V. Villante, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-EPSO li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti ppreżentat fl-1 ta’ Marzu 2023 taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;

tannulla d-deċiżjoni tal-EPSO/tal-Bord tal-Għażla tat-2 ta’ Diċembru 2022 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ma tiġix inkluża fil-lista ta’ riżerva għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/394/21 AD7-2 – Investigaturi kontra l-frodi (AD 7);

tannulla d-deċiżjoni tal-EPSO/tal-Bord tal-Għażla tat-18 ta’ Ottubru 2022, ippubblikata fil-kont tal-EPSO tar-rikorrenti, li ma tiġix inkluża fil-“lista ta’ riżerva” tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali – EPSO/AD/394/21 AD7-2 – Investigaturi kontra l-frodi (AD 7) – amministraturi, investigazzjonijiet u operazzjonijiet kontra l-frodi fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, it-tabakk u l-oġġetti ffalsifikati;

jekk ikun il-każ, l-ewwel, billi tiddikjara illegali u inapplikabbli għar-rikorrenti u għal din il-kawża taħt l-Artikolu 277 TFUE l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/394/21 – Investigaturi kontra l-frodi (AD 7) u Esperti kontra l-frodi (AD 9) fl-oqsma li ġejjin: Qasam 1: Investigazzjonijiet u operazzjonijiet kontra l-frodi fil-qasam tan-nefqa tal-UE u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; Qasam 2: Investigazzjonijiet u operazzjonijiet kontra l-frodi fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, it-tabakk u l-oġġetti ffalsifikati, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2021, C 405A, p. 1);

tagħti lir-rikorrenti kumpens ta’ EUR 5 000 għad-dannu subit bħala riżultat tad-deċiżjonijiet illegali kkontestati msemmija iktar ’il fuq,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ħiliet tar-rikorrenti u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ħiliet tar-rikorrent, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-illegalità, taħt l-Artikolu 277 TFUE, tal-punt 3 dwar ċ-“Ċentru ta’ evalwazzjoni” fit-taqsima “Kif nintgħażel?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/394/21, sa fejn jipprevedi li t-testijiet jistgħu jsiru wkoll online.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla waqt it-test orali tal-kompetizzjoni u insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni implimentati sabiex jiggarantixxu evalwazzjoni koerenti u oġġettiva, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 1 sa 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika 1 , ksur tal-Artikoli 1d u 28 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/394/21 invokat taħt l-Artikolu 277 TFUE.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5.