Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2023 – Markov vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1050/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Yavor Markov (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: I. Stoynev, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ġħażla tad-29 ta’ Novembru 2022, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ġħażla tat-28 ta’ Frar 2023 u d-deċiżjoni impliċita tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tal-20 ta’ Lulju 2023;

tagħti, taħt l-Artikolu 270 TFUE, kumpens għad-danni li r-rikorrent allegatament ġarrab wara/bħala riżultat ta’ kompetizzjoni tal-EPSO għal ġuristi-lingwisti tal-lingwa Bulgara EPSO/AD/383/21 (AD7) bħala kandidat Nru 4657756, fejn wasal fl-aħħar stadju tal-kompetizzjoni, jiġifieri ċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-EPSO ma setax legalment jibdel l-istruttura u l-portata tat-testijiet tal-preżentazzjoni orali u għalhekk id-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2022 għandha tiġi annullata.

L-irregolaritajiet sostantivi fil-proċess tal-kompetizzjoni u l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi rriżultaw fil-ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent dwar l-istruttura u l-portata tat-test tal-preżentazzjoni orali. L-EPSO ma setax ibiddel legalment l-istruttura u l-portata tat-test tal-preżentazzjoni orali billi jżid it-tielet parti separata iddedikata biss għall-għarfien tad-dritt tal-Unjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-EPSO pprovda illegalment lir-rikorrent informazzjoni mhux preċiża, mhux ċara, ambigwa, inkonsistenti u kontradittorja u għalhekk id-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2022 għandha tiġi annullata.

L-EPSO għamel diversi dikjarazzjonijiet rilevanti, pubblikament fuq il-website uffiċjali tiegħu u privatament fil-messaġġi tiegħu lir-rikorrent. Dawn jorbtu lill-EPSO skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti. Ir-rikorrent bbaża ruħu fuq din l-informazzjoni fl-approċċ tiegħu għat-test tal-preżentazzjoni orali u fforma aspettattivi leġittimi rispettivi. L-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq ipprovduta mill-EPSO rriżultat li kienet mhux preċiża, mhux ċara, ambigwa, inkonsistenti u kontradittorja. B’konsegwenza diretta ta’ dan, ir-rikorrenti kiseb riżultati inqas tajbin.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2023 kienet illegali u għalhekk għandha tiġi annullata.

Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2023 hija, l-ewwel, illegali peress li ma tannullax id-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2022, minkejja l-argumenti ppreżentati fit-talba għal eżami mill-ġdid. It-tieni, il-Bord tal-Għażla kiser id-dritt tar-rikorrent li jinstema’ billi ma qiesx l-argumenti kollha tiegħu fl-ilment tiegħu u billi qies argumenti li huwa ma ressaqx, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. It-tielet, l-argumenti li l-Bord tal-Għażla fil-fatt ikkunsidra kienu tant sommarji li d-deċiżjoni ma kienet xejn ħlief sempliċi dikjarazzjoni ġenerali. Għalhekk, għall-finijiet kollha, il-Bord tal-Għażla naqas milli jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ Frar 2023, bi ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE, tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta u tad-dmir tiegħu taħt il-Kodiċi 1 sabiex jiġġustifika d-deċiżjonijiet tiegħu, peress li d-deċiżjoni ma ddikjaratx b’mod ċar ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni impliċita tal-EPSO tal-20 ta’ Lulju 2023 għandha tiġi annullata.

Sa fejn id-deċiżjoni impliċita tal-EPSO tal-20 ta’ Lulju 2023 titqies li tikkonferma d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2023, din għandha tiġi annullata wkoll skont ir-raġunijiet ikkunsidrati iktar ’il fuq fir-rigward tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2023.

____________

1     Kodiċi dwar imġieba amministrattiva tajba għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku (kif iċċitat fir-rikors).