Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2023 – Vossko vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1059/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Vossko GmbH & Co. KG (Ostbevern, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Harings u F. Jacobs, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 1 ;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka ksur mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel ksur huwa bbażat fuq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 jikser id-dritt ta’ intrapriża tar-rikorrenti li jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) 1 . It-tnaqqis tal-kwota tariffarja għal-laħam tat-tjur imsajjar jikkostitwixxi restrizzjoni de facto tal-importazzjonijiet. L-attività kummerċjali tar-rikorrenti ntlaqtet fl-essenza tagħha mill-kwota l-ġdida, li heddet l-eżistenza tagħha. Dan l-intervent ma huwiex iġġustifikat. Ġustifikazzjoni hija tal-inqas nieqsa fir-rigward tan-nuqqas ta’ proporzjonalità, peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq.

It-tieni ksur huwa bbażat fuq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 jikser id-dritt għall-proprjetà tagħha skont l-Artikolu 17 tal-Karta. It-tnaqqis tal-kwota tariffarja jeżiġi mir-rikorrenti sagrifiċċju partikolari li ma huwiex iġġustifikat u jikkostitwixxi għalhekk esproprjazzjoni de facto. Ir-Regolament (UE) 2023/1629 jikkunfliġġi direttament mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn jaffettwa fil-fatt, fl-ewwel lok, lill-importaturi prinċipali tal-laħam tat-tjur imsajjar li joriġina mill-Brażil, u għalhekk b’mod partikolari lir-rikorrenti. L-oneri li jirriżultaw għar-rikorrenti jmorru lil hinn minn dak li huwa normalment mistenni fil-każ ta’ bidliet legali jew politiċi. Dan l-indħil ma huwiex iġġustifikat, ladarba ma hemmx sistema ta’ kumpens, meħtieġa għall-każijiet ta’ esproprjazzjoni. Barra minn hekk il-kwota ma hijiex fl-interess pubbliku.

It-tielet ksur huwa bbażat fuq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 jikser il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ proporzjonalita u ta’ ċertezza legali. Ir-Regolament (UE) 2023/1629 jwassal għal bidla imprevedibbli u sinjifikattiva fil-kwoti tariffarji u ma jissodisfax, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-qasam tal-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 ma jipprovdix għal sistema tranżitorja u ta’ kumpens. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629 għandu effett retroattiv ġenwin li huwa inaċċettabbli sa fejn jipproduċi konsegwenzi legali fir-rigward ta’ fatti li kienu diġà seħħew qabel l-adozzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti kienet diġà importat mill-Brażil, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1629, kwantità ta’ tunnellati ta’ laħam tat-tjur imsajjar mill-Brażil li hija ikbar milli hija tista’ timporta fil-futur minħabba dan it-tnaqqis.

____________

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1629 tad-9 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 fir-rigward tal-kwantitajiet li jistgħu jiġu impurtati skont ċerti kwoti tariffarji fis-setturi taz-zokkor u tal-pollam wara l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil.

1     ĠU 2012, C 326, p 391.