Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2023 – Pomilio Blumm vs EUIPO

(Kawża T-1051/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Pomilio Blumm Srl (Pescara, l-Italja) (rappreżentanti: A. Clarizia, P, Ziotti u P. Nocito, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Bħala miżura istruttorja tordna l-produzzjoni quddiem il-qorti tad-dokumenti amministrattivi kollha, tal-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-offerent rebbieħ matul il-proċedura ta’ verifika tal-adegwatezza tal-offerta għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti kif ukoll il-kopja sħiħa tad-deċiżjoni tal-għoti favur l-offerent rebbieħ;

tannulla

il-komunikazzjoni tal-EUIPO tat-30 ta’ Awwissu 2023 li biha ttrażmettiet il-klassifikazzjoni tal-offerta mħabbra u kkomunikat l-għoti tas-sejħa lil Figame.Com Travel Organisation Ltd; tad-deċiżjoni mhux magħrufa tal-għoti tal-offerta lil Figame.Com Travel Organisation Ltd;

id-deċiżjoni mhux magħrufa ta’ konklużjoni tal-verifika tal-anomalija tal-offerta fil-konfront ta’ Figame.Com Travel Organisation Ltd; tal-ittra tal-EUIPO tat-8 ta’ Settembru 2023 li permezz tagħha, bi tweġiba għat-talba ta’ Pomilio Blum S.r.l., ċaħad l-aċċess għad-dokumenti mitluba u rrifjuta l-applikazzjoni għal eżami mill-ġdid tal-għoti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

tal-ittra tal-EUIPO tat-28 ta’ Settembru 2023 li awtorizzat, fuq talba ta’ Pomilio Blum, l-aċċess parzjali għal uħud mid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti ta’ Figame.com u fl-istess ħin ċaħdet l-applikazzjoni għal eżami mill-ġdid ippreżentata konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

u tikkundanna lill-EUIPO jikkumpensa f’forma speċifika d-dannu allegatament imġarrab, b’mod partikolari permezz tad-dikjarazzjoni tan-nullità, tal-annullament jew ta’ ineffettività tal-kuntratt konkluż bejn il-EUIPO u l-offerent rebbieħ fil-15 ta’ Settembru 2023, kif ukoll li Pomilio Blum tiġi ddikjarata l-offerent rebbieħ.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 170 tar-Regolament Nru 2008/1046 1 , peress li l-EUIPO l-ewwel ċaħad l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-offerta teknika tal-offerent li ġie l-ewwel fil-klassifika u sussegwentement ippermetta biss aċċess parzjali għalihom għaliex qies li d-dokumenti kien fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni adegwata.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-offerent rebbieħ kellu jiġi eskluż mis-sejħa għall-offerti għaliex skont id-dokumenti prodotti minnha stess hija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 6(2)(2) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li kien jirrikjedi prova li l-offerent kellu, fl-aħħar tliet snin, ammont medju ta’ ħaddiema ta’ 20 persuna. Għaldaqstant l-EUPO, billi ma eskludiex lill-kompetitriċi, aġixxa bi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-offerta tal-offerent rebbieħ hija anormalment baxxa u bħala tali ma tkoprix l-ispejjeż li huwa għandu jsostni biex jipprovdi s-servizz. Għaldaqstant, il-EUIPO kellu jirrifjuta l-offerta minħabba li din hija inkonsistenti u mhux ta’ min joqgħod fuqha.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi, peress li l-offerent rebbieħ biddel l-offerta tiegħu waqt il-verifika tal-anomalija, bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn il-kompetituri u ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, l-offerent rebbieħ iddikjara li ser tkopri l-ispejjeż bl-użu ta’ forom addizzjonali ta’ remunerazzjoni biss meta l-EUIPO talbu jiġġustifika l-offerta tiegħu. Għal din ir-raġuni l-Uffiċju kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, li l-għan tiegħu huwa dak li jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni f’saħħitha u effikaċi fost l-impriżi li jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti pubblika.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

1 Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).