Language of document :

Rikors ippreżentat fit28 ta’ Settembru 2023 – IlĠermanja vs ACER

(Kawża T612/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u R. Kanitz, aġenti, kif ukoll R. Bierwagen, avukat)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni A0032019 R tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tas7 ta’ Lulju 2023, sa fejn din tikkonferma l-Artikolu 5(8) u (9) tal-Anness I u l-Artikolu 5(8) u (9) tal-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-konvenuta;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom fil-punt 1 huma inseparabblilment marbuta mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-artikolu jew tal-anness rispettivi tagħhom, jew tad-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-konvenuta fl-intier tagħha tal21 ta’ Frar 2019, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, tannulla l-artikoli jew l-annessi rispettivi jew id-deċiżjoni fl-intier tagħha;

iktar sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom fil-punt 2 huma inseparabblilment marbuta mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-artikolu jew tal-anness rispettivi tagħhom, jew tad-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-konvenuta fl-intier tagħha tal21 ta’ Frar 2019, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, tannulla l-artikoli jew l-annessi rispettivi jew id-deċiżjoni fl-intier tagħha, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa bbażat fuq il-ħames motivi segwenti:

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku 1

L-introduzzjoni ta’ analiżi addizzjonali tal-effiċjenza sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kritiċi tan-network fil-kalkolu tal-kapaċitajiet kummerċjali transkonfinali tmur kontra l-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku, peress li qabelxejn hija l-persuna responsabbli mill-kalkolu kkoordinat tal-kapaċitajiet, u mhux l-Aġenzija, li għandha tiddefinixxi l-elementi kritiċi tan-network. Dan jirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, kemm fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-oriġini u tal-istruttura tagħhom kif ukoll tal-premessi tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel valur minimu ta’ 70 % u mhux kriterju ta’ effiċjenza. Barra minn hekk, il-kriterju ta’ effiċjenza huwa prattikament impossibbli li jiġi ssodisfatt, u għalhekk jeskludi l-kapaċità minima ta’ 70 %. Iktar minn hekk, hemm esklużjoni tar-rekwiżiti relatati mad-delimitazzjoni ġdida taż-żoni ta’ offerta, peress li l-Istat Membru jkun de facto obbligat iwettaq konfigurazzjoni ġdida taż-żona tal-offerti tiegħu jekk ma jkunx jista’ jieħu iktar inkunsiderazzjoni elementi ta’ network interni fil-kalkolu tal-kapaċità.

Power Transfer Distribution Factor (iktar ’il quddiem, il-“fattur PTDF”) ta’ 10 % jew iktar skont l-Artikolu 5(8)(b) tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni jikser ukoll l-Artikolu 16(4) u (8) tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku. Peress li d-deċiżjoni stess tirrikonoxxi li, bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kapaċità b’effett mill2020, l-elementi kritiċi tan-network li għandhom fattur PTDF ta’ iktar minn 5 % huma diġà meqjusa kritiċi, ikun arbitrarju jekk jintalab fattur PDTF ta’ 10 % jew iktar b’effett minn nofs l2022.

It-tieni motiv: il-kriterju ta’ effiċjenza jikser ir-Regolament (UE) 2015/1222 1

Il-kriterju ta’ effiċjenza stabbilit fl-Artikolu 5(8)(c) tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni jmur kontra l-proċedura ta’ reviżjoni taż-żona tal-offerti stabbilita fl-Artikolu 32 et seq. tar-Regolament (UE) 2015/1222, id-dritt tal-operaturi tas-sistema li jiddeterminaw individwalment il-miżuri korrettivi disponibbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2015/1222, u r-regola tal-Artikolu 29(3)(b) tar-Regolament (UE) 2015/1222, dwar (in-nuqqas) ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi tan-network fil-kalkolu tal-kapaċità.

It-tielet motiv: ksur tal-Linja Gwida dwar l-operat tan-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku

L-obbligu impost fuq l-operatur tan-network previst fl-Artikolu 21(2)(a) tal-Linji Gwida li jattiva l-iktar miżuri korrettivi xierqa għat-tħaddim tan-network ta’ trażmissjoni billi jagħżel l-iktar miżuri effettivi u ekonomiċi ta’ rimedju huwa evitat bl-Artikolu 5(8)(b) tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-kriterju ta’ effiċjenza u l-kriterju tal-PTDF skont l-Artikolu 5(8)(b) u (c) tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li jikkompromettu s-sigurtà tas-sistema fir-reġjun Core u peress li ma hemmx rabta bejn l-ispejjeż u l-effiċjenza. L-eliminazzjoni ta’ kważi l-elementi kritiċi kollha tan-network fil-kalkolu tal-kapaċità twassal għal riskji addizzjonali għas-sigurtà tas-sistema u żżid l-ispejjeż.

Il-ħames motiv: illegalitajiet formali

Il-konvenuta ma għandhiex kompetenza sabiex tistabbilixxi l-elementi kritiċi tan-network permezz tal-kriterju ta’ effiċjenza u sabiex tistabbilixxi t-teħid inkunsiderazzjoni bikri tal-miżuri korrettivi.

Id-Deċiżjoni tikser l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 , sa fejn ġiet ippubblikata u kkomunikata biss bil-lingwa Ingliża.1

____________

1Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 54).

1Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).

1Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5).