Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 minn MG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-573/20, MG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment

(Kawża C-173/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: MG (rappreżentant: L. Levi, avocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-573-20;

Konsegwentement, tilqa’ t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza u, għaldaqstant:

- Tannulla d-deċiżjoni tal-BEI tal-11 ta’ Ottubru 2018 li biha l-appellant ġie miċħud mill-benefiċċju tal-allowances tal-familja (inklużi b’mod partikolari l-ispejjeż taċ-ċentru ta’ ħarsien ta’ tfal żgħar matul il-jum u taċ-CPE imnaqqsa indebitament mis-salarju tal-appellant min-naħa tal-BEI sa Novembru 2019) u tad-drittijiet finanzjarji dderivati (inkluż b’mod partikolari t-tnaqqis fiskali u r-rimbors tal-ispejjeż mediċi tat-tfal sostnuti mill-appellant);

- Sa fejn ikun meħtieġ, tannulla l-ittra/id-deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2019 li tiċħad it-talbiet kollha tal-appellant;

- Sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-BEI tat-30 ta’ Lulju 2020 li tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ konċiljazzjoni u tikkonferma d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2018;

- tordna l-kumpens tad-danni materjali u morali mġarrba mill-appellant;

Tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, l-appellant ressaq l-aggravji sussegwenti:

- Is-sentenza kkontestata kienet kisret il-kunċett tad-dritt għal smigħ;

- Is-sentenza kkontestata kienet kisret il-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-obbligu ta’ motivazzjoni;

- Is-sentenza kkontestata kienet żnaturat il-proċess u kisret il-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Kienet ukoll kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità intiża għad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-allowances tal-familja;

- Is-sentenza kkontestata kienet kisret il-kuntest leġiżlattiv applikabbli (Artikolu 3.4 tar-Regolament Nru 260/681 );

- Is-sentenza kkontestata kienet żnaturat il-proċess billi ċaħdet il-ħames aggravju, kienet kisret l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u pproċediet għal klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti. Il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-ilmenti kollha mqajma u kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

____________

1 Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33).