Language of document : ECLI:EU:T:2014:52

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Frar 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Adattament tat-talbiet — Terminu — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawżi magħquda T‑174/12 u T‑80/13,

Syrian Lebanese Commercial Bank SAL, stabbilita f’Bejrut (il-Libanu), irrappreżentat minn P. Vanderveeren, L. Defalque u T. Bontinck, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Étienne u S. Cook, bħala aġenti,

konvenut,

li għandu bħala għan talba għal annullament parzjali, l-ewwel nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jimplimenta l-Artikolu [32](1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 19, p. 6), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 19, p. 33), it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 330, p. 21), ir-raba’ nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, tad-29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU L 330, p. 9), il-ħames nett, tal-“ittri deċiżjonijiet” tal-Kunsill, tal-24 ta’ Jannar 2012, u tat-30 ta’ Novembru 2012, li jinnotifikaw lir-rikorrent il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, is-sitt nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/109/PESK, tat-28 ta’ Frar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/739/PESK (ĠU L 58, p. 8), is-seba’ nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), it-tmien nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-atti jaffettwaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, G. Berardis (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

1        Ir-rikorrent, is-Syrian Lebanese Commercial Bank SAL, huwa bank Libaniż, li 84.2 % tal-kapital tiegħu huwa miżmum mill-Commercial Bank of Syria (iktar ’il quddiem is-“CBS”), li jappartjeni lill-Istat Sirjan.

2        Fid‑9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). L-Artikolu 4(1) tagħha jipprovdi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u lill-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet assoċjati magħhom flimkien mal-fondi u riżorsi li huma jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw, għandhom jiġu ffriżati. Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar huma ddefiniti fil-paragrafi l-oħra ta’ dan l-istess artikolu. Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista ta’ dawn il-persuni.

3        Fl-istess sens, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u d-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament (UE) Nru 442/2011, tad‑9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1). L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi elenkati fl-Anness II, jew li jinsabu fil-pussess, miżmuma jew ikkontrollati minnhom.

4        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 269, p. 33), is-CBS ġie inkluż fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/273, bil-motivazzjoni li ġejja:

“Bank tal-istat li jipprovdi appoġġ finanzjarju lir-reġim.”

5        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal‑1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw is-CBS baqgħu fis-seħħ, fejn dan tal-aħħar kien imniżżel fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/782.

6        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 19, p. 33), isem ir-rikorrent ġie inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/782, bil-motivazzjoni li ġejja:

“Sussidjarju tal-[CBS], diġà elenkat. Ipparteċipa fil-finanzjament tar-regim.”

7        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 269, p. 18), is-CBS ġie inkluż fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 442/2011, bl-istess motivazzjoni bħal dik tad-Deċiżjoni 2011/684.

8        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat‑18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), il-miżuri restrittivi dwar is-CBS baqgħu fis-seħħ, fejn ismu kien imniżżel fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012.

9        Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012, tat‑23 ta’ Jannar 2012, li jimplimenta l-Artikolu [32](1) tar-Regolament (UE) Nru  36/2012 (ĠU L 19, p. 6), isem ir-rikorrent ġiet inkluż fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012, bl-istess motivazzjoni bħal dik tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/37.

10      Fl‑24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill bagħat ittra lir-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑24 ta’ Jannar 2012”) li tgħid:

“Permezz ta’ din l-ittra nixtiequ ninformawk li l-Kunsill […] iddeċieda li l-kumpannija tiegħek għandha tiġi inkluża fil-lista tal-persuni u entitajiet imniżżla fl-Anness I tad-Deċiżjoni [2011/782], implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2012/37], u fl-Anness II tar-Regolament [Nru 36/2012], implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 55/2012]. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħek f’din il-lista jissemmew [fl-]entrati korrispondenti fl-annessi inkwistjoni.

Hawn anness għandek issib kopja tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li jipprovdu għall-inklużjoni tal-kumpannija tiegħek fil-lista msemmija iktar ’il fuq […]”

11      Ir-rikorrent ikkonferma li kien irċieva din l-ittra fit‑8 ta’ Frar 2012.

12      Fl‑24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ippubblika wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782, kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/37, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, kif implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU C 19, p. 5).

13      Skont l-Avviż inkwistjoni, il-persuni u entitajiet ikkonċernati jistgħu jindirizzaw lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha huma ġew inklużi fil-listi annessi għall-atti msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, billi flimkien ma’ din it-talba jinkludu d-dokumenti ġustifikattivi.

14      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent indirizza lill-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid, li permezz tagħha, minn naħa, huwa kkontesta l-fatt li kien qed jipparteċipa fil-finanzjament tar-reġim Sirjan u, min-naħa l-oħra, huwa talab li jkollu aċċess għall-provi fil-pussess tal-Kunsill li jikkonċernawh kif ukoll li jinstema’. Fl-assenza ta’ tweġiba mill-Kunsill, fl‑4 ta’ April 2012, ir-rikorrent reġa’ tenna din it-talba.

15      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill, l-ewwel nett, ikkomunika lir-rikorrent is-silta min-nota tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li magħha kien anness id-dokument li serva bħala bażi għall-inklużjoni tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi fuq is-Sirja (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkomunikati fit‑3 ta’ Lulju 2012”) u, it-tieni nett, irrifjuta li jagħtih smigħ formali, ġaladarba l-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub kellha titqies bħala suffiċjenti.

16      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent talab sabiex jerġa’ jsir eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu.

17      Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tat‑29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi applikati lir-rikorrent u lis-CBS inżammu, fejn dawn iż-żewġ kumpanniji kienu inklużi rispettivament fl-Annessi I.B u II tad-Deċiżjoni 2012/739.

18      Skont l-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni 2012/739, din kienet tapplika sal‑1 ta’ Marzu 2013.

19      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, tad‑29 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU L 330, p. 9), l-ismijiet ta’ persuni oħra ġew miżjuda fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 filwaqt li tneħħa isem persuna minn dan l-anness.

20      Fit‑30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill bagħat ittra lir-rappreżentanti tar-rikorrent li tgħid:

“Permezz ta’ din l-ittra nixtiequ ninformawk li l-Kunsill [...] iddeċieda li l-klijent tiegħek ser jibqa’ inkluż fil-lista tal-persuni u entitajiet imniżżla fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni [2012/739] kif ukoll fl-Annessi II u Iia tar-Regolament [Nru 36/2012], implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 1117/2012]. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-klijent tiegħek f’din il-lista jissemmew [fl-]entrati korrispondenti fl-annessi inkwistjoni.

Hawn anness għandek issib kopja tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-klijent tiegħek fil-lista msemmija iktar ’il fuq.

[…]

Fl-aħħar nett, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tiegħek dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-[Qorti Ġenerali]”.

21      Ir-rikorrent ikkonferma li kien irċieva din l-ittra fit‑3 ta’ Diċembru 2012.

22      Fit‑30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ippubblika wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739 u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, kif implementati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012 (ĠU C 370, p. 6), li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-avviż imsemmi fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq.

23      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Diċembru 2012, indirizzata lill-Kunsill, ir-rikorrent ikkontesta ż-żamma tiegħu fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, hekk kif jirriżulta mill-atti msemmija fil-punti 17 u 19 iktar ’il fuq, u talab li jkollu aċċess għall-provi fil-pussess tal-Kunsill li jikkonċernawh kif ukoll li jinstema’.

24      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill irreaġixxa għat-talba tar-rikorrent tas‑7 ta’ Novembru 2012, billi ċaħad l-argumenti tiegħu dwar l-allegata indipendenza tiegħu fejn jikkonċerna s-CBS u billi kkonferma l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrent u l-finanzjament tar-reġim Sirjan.

25      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill wieġeb it-talba tar-rikorrent tal‑14 ta’ Diċembru 2012. F’din l-okkażjoni, huwa informa lir-rikorrent, minn naħa, li ż-żamma tiegħu fil-listi tal-persuni msemmija mill-miżuri restrittivi kontra s-Sirja kienet ibbażata fuq id-dokumenti li tagħhom huwa diġà kien irċieva kopja u, min-naħa l-oħra, li ma kien jeżisti ebda obbligu li jiġi kkonvokat għal smigħ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ April 2012, ir-rikorrent ippreżenta rikors, li ġie rreġistrat bir-referenza T‑174/12, li permezz tiegħu huwa talab b’mod partikolari l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/37, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

27      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fid-20 ta’ Novembru 2012.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Frar 2013, ir-rikorrent ippreżenta rikors ieħor, li ġie rreġistrat bir-referenza T‑80/13, li permezz tiegħu huwa talab b’mod partikolari l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/739 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

29      Ir-rikors fil-Kawża T‑80/13 kien jinkludi talba għal proċedura mħaffa, abbażi tal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“talba għal proċedura mħaffa”).

30      Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill, bi tweġiba għat-talbiet tar-rikorrent, ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, bħala offerta ta’ prova ġdida fil-Kawża T‑174/12, ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2012 li l-Gvernatur tal-Banque du Liban kien bagħatlu fir-rigward tal-miżuri meħuda kontra dan il-bank fir-rigward tar-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Gvernatur”).

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Frar 2013, l-ittra tal-Gvernatur ġiet inkluża fil-proċess tal-Kawża T‑174/12 u ġie ffissat terminu sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jesprimi ruħu f’dan ir-rigward.

32      Ir-rikorrent ma ppreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ittra tal-Gvernatur fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

33      Fis-7 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal proċedura mħaffa, li fihom huwa talab li din it-talba tiġi miċħuda.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2013, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

35      Il-proċedura bil-miktub fil-Kawża T‑80/13 ingħalqet fit‑18 ta’ Ġunju 2013, wara li ġiet ippreżentata r-risposta, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx neċessarju li jsir skambju ieħor ta’ noti, abbażi tal-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Fl-imsemmija risposta, il-Kunsill qajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn jikkonċerna r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012.

37      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent talab sabiex ikun jista’ jadatta t-talbiet tiegħu fil-Kawża T‑80/13 sabiex it-talba tiegħu għal annullament tinkludi wkoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/109/PESK, tat-28 ta’Frar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/739/PESK (ĠU L 58, p. 8), sa fejn din tipproroga l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739 tal‑1 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem l-“ewwel talba għal adattament tat-talbiet”).

38      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill qal li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar l-ewwel talba għal adattament tat-talbiet.

39      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent mill-ġdid talab sabiex ikun jista’ jadatta t-talbiet tiegħu fil-Kawża T‑80/13, sabiex it-talba tiegħu għal annullament tkun tinkludi wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat‑22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/201) (ĠU L 111, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal‑31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-atti, li magħhom huma annessi listi li jinkludu ismu, jaffettwaw is-sitwazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem it-“tieni talba għal adattament tat-talbiet”).

40      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fil-Kawżi T‑174/12 u T‑80/13.

41      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2013, fuq talba tal-Kunsill u wara li semgħet lir-rikorrent, dawn il-Kawżi T‑174/12 u T‑80/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

42      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill osserva li t-tieni talba għal adattament tat-talbiet, fil-parti li tikkonċerna r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, kellha tiġi kkunsidrata bħala tardiva u, konsegwentement, inammissibbli.

43      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrent ifformola l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tat-tieni talba għal adattament tat-talbiet. Dawn l-osservazzjonijiet ġew inklużi fil-proċess permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Settembru 2013.

44      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013.

45      Fil-Kawża T‑174/12, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012 u l-punt 27 tal-Anness għal dan ir-regolament, sa fejn ismu ġie inkluż fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/37 u l-punt 27 tal-Anness għal din id-deċiżjoni, sa fejn ismu ġie inkluż fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/273;

–        tannulla, sa fejn huwa neċessarju, l-“ittra deċiżjoni tal-Kunsill tal‑24 ta’ Jannar 2012”;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

46      Fil-Kawża T‑80/13, ir-rikorrent, fid-dawl tal-ewwel u tat-tieni talba għal adattament tat-talbiet jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2012/739 u l-Anness I.B tagħha, sa fejn ismu jirriżulta fin-nru 34 ta’ dan l-anness;

–        tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012, sa fejn dan għandu bħala konsegwenza ż-żamma ta’ ismu fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012 u tal-punt 27 tal-Anness għal dan l-aħħar regolament;

–        tannulla, sa fejn huwa neċessarju, l-“ittra deċiżjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2012”;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2013/109, sa fejn din tipprovdi li d-Deċiżjoni 2012/739 tapplika sal‑1 ta’ Ġunju 2013;

–        tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jaffettwaw is-sitwazzjoni tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

47      Fiż-żewġ kawżi, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

48      Waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ir-rikorrent irrikonoxxa li wettaq żball tal-pinna fit-tieni kap ta’ talbiet fil-kawża T‑174/12, billi semma b’mod żbaljat id-Deċiżjoni 2011/273 minflok id-Deċiżjoni 2011/783, it-tieni nett, huwa rrinunzja għal dan l-istess kap ta’ talbiet, minħabba t-tħassir ta’ din l-aħħar deċiżjoni, it-tielet nett, il-Kunsill speċifika li huwa ma kienx ser iqajjem dubji (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrent fil-Kawża T‑80/13, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012 kien ġie nnotifikat lir-rikorrent.

49      Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ewwel parti ta’ adattament tat-talbiet

50      Permezz tal-ewwel talba għal adattament tat-talbiet, ir-rikorrent jixtieq iwessa’ l-portata tar-rikors għal annullament tiegħu sabiex jinkludi wkoll id-Deċiżjoni 2013/109, li permezz tagħha l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739 ġiet ipprorogata mill‑1 ta’ Marzu 2013 sal‑1 ta’ Ġunju 2013.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-att ikkontestat inizjalment huwa, fil-mori tal-kawża, issostitwit b’att ieħor li għandu l-istess suġġett, dan tal-aħħar għandu jitqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. F’dan is-sens ma jistax jiġi aċċettat li istituzzjoni jew korp tal-Unjoni tista’, sabiex tiffaċċja l-kritika li tinsab f’rikors dirett kontra wieħed minn dawn l-atti, tadatta dan l-att jew tissostitwixxiha b’oħra u tinvoka, fil-mori tal-kawża, din l-emenda jew din is-sostituzzjoni sabiex tkun tista’ ċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li twessa’ t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att ulterjuri jew li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontrih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8, u tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il‑Kunsill, T‑200/11, punt 80).

52      Barra minn hekk, sabiex tkun ammissibbli, talba għal adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ sentejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud bit-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa regola ta’ ordni pubbliku u għandu jiġi applikat mill-Qorti tal-Unjoni b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kawża quddiem il-liġi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101). B’hekk hija l-qorti li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ billi tagħmel dan ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2012, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑301/11, punt 16).

53      F’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2013/109 issostitwixxiet b’mod partikolari l-kliem tal-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni 2012/739 sabiex tipprovdi li din tapplika sal‑1 ta’ Ġunju 2013, u mhux biss sal‑1 ta’ Marzu 2013, kif kien ġie stabbilit inizjalment. Minkejja li d-Deċiżjoni 2013/109 ma ssostitwixxietx id-Deċiżjoni 2012/739, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa “adattament” tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, sabiex jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis. Tali adattament ta’ att li huwa s-suġġett ta’ tilwima jikkostitwixxi kawża ta’ adattament tat-talbiet imressqa mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al Matri vs Il‑Kunsill, punt 51 iktar ’il fuq, punt 81).

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tat-talbiet kontra d-Deċiżjoni 2013/109, li ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2013, jiġifieri fit-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament. Fil-fatt, din id-deċiżjoni, li ġiet adottata fit‑28 ta’ Frar 2013 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Marzu 2013, ma kinitx ġiet innotifikata lir-rikorrent fid-data tat-tressiq tat-talba tiegħu għal adattament tat-talbiet, sew jekk individwalment sew jekk permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż.

 Fuq it-tieni talba għal adattament tat-talbiet

55      Permezz tat-tieni talba tiegħu ta’ adattament tat-talbiet, ir-rikorrent jixtieq iwessa’ l-portata tar-rikors tiegħu għal annullament sabiex jiġi inkluż ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255.

56      Il‑Kunsill ma jqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-parti tat-tieni talba għal adattament tat-talbiet li jikkonċernaw id-Deċiżjoni 2013/255, filwaqt li jinvoka l-inammissibbiltà tal-parti ta’ din it-talba li tikkonċerna r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, minħabba li hija tardiva. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ifakkar li, fit‑23 ta’ April 2013, huwa ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux biss l-imsemmi regolament ta’ implementazzjoni, iżda wkoll Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, kif implementata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, kif implementat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013 (ĠU C 115, p. 5, iktar ’il quddiem l-“Avviż tat‑23 ta’ April”). B’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P), il-Kunsill isostni li t-terminu sabiex ir-rikorrent jadatta t-talbiet tiegħu billi jinkludi dan ir-regolament ta’ implementazzjoni kien beda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-Avviż tat‑23 ta’ April u kien skada fit‑3 ta’ Lulju 2013. Skont il-Kunsill, f’dan il-każ ma huwiex applikabbli l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att, dan it-terminu jibda jiddekorri minn tmiem l-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

57      Ir-rikorrent jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill.

58      Fl-ewwel lok, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tat-tieni talba għal adattament tat-talbiet sa fejn din tirreferi għad-Deċiżjoni 2013/255. Fil-fatt, din id-deċiżjoni, li bis-saħħa tagħha jkomplu japplikaw il-miżuri restrittivi kontra s-Sirja fil-konfront tar-rikorrent, ġiet adottata fil‑31 ta’ Mejju 2013 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Ġunju 2013. Għalhekk, it-tieni talba għal adattament tat-talbiet, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Lulju 2013, ġiet ippreżentata fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tad-deċiżjoni inkwistjoni.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fejn jikkonċerna t-talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 li tinsab fit-tieni talba għal adattament tat-talbiet, għandu jiġi osservat li mill-punti 61 u 61 tas-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, jirriżulta li b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li kienu applikabbli fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, meta huwa impossibbli li jiġi kkomunikat individwalment lill-parti kkonċernata l-att li permezz tiegħu ġew adottati jew inżammu fis-seħħ miżuri restrittivi kontrih, il-pubblikazzjoni ta’ avviż jagħti lok għal terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan l-att.

60      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji f’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 36/2012 jinkludi, fl-Artikolu 32(2), dispożizzjoni li essenzjalment tikkorrispondi ma’ dik interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-Kunsill għandu jikkomunika lill-partijiet ikkonċernati d-deċiżjoni tiegħu li japplika miżuri resrittivi kontrihom, jew direttament, jekk l-indirizz tagħhom huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż.

61      It-tieni nett, għandu jiġi osservat, bħal ma jagħmel ir-rikorrent, li l-Kunsill ma spjegax kif kien diffiċli għalih li jikkomunika individwalment lir-rikorrent id-deċiżjoni tiegħu li jadotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, meta żgur li kien jaf l-indirizz tiegħu, peress li preċedentement kien ikkomunikalu atti oħra u kien informat dwar l-indirizz tar-rappreżentanti tar-rikorrent f’dawn il-kawżi, li kienu pendenti.

62      It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fil-punt 64 tas-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tillimita ruħha sabiex tikkonstata li, fid-data tal-preżentata ta’ rikors fl-ewwel istanza, it-terminu sabiex jintalab l-annullament tal-atti kkontestati permezz ta’ dan ir-rikors kien skada, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi erbatax-il ġurnata supplimentari għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, fi kwalunkwe ipoteżi l-imsemmi rikors kien tardiv.

63      Min-naħa l-oħra, f’dawn il-kawżi, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika meta l-adozzjoni ta’ att li jinkludi miżuri restrittivi jkun ġie kkomunikat lill-parti kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż huwa determinanti biex jiġi stabbilit jekk it-tieni talba għal adattament tat-talbiet tressqitx qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, ikkalkolat mill-pubblikazzjoni tal-avviż tat‑23 ta’ April. Fil-fatt, l-imsemmija talba, imressqa fil‑5 ta’ Lulju 2013, ma tkunx tardiva jekk, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien jiskadi fis‑17 ta’ Lulju 2013 u mhux fit‑3 ta’ Lulju 2013, bħal ma jallega l-Kunsill.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta, billi ma jkunx jista’ jipproċedi għal komunikazzjoni individwali, il-Kunsill jissostitwixxi din il-komunikazzjoni bi pubblikazzjoni ta’ avviż, dan l-avviż jibqa’ att li dwaru l-partijiet kkonċernati jiġu nnotifikati biss malli jaqraw il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-għan tat-terminu ta’ erbatax-il ġurnata previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura jikkonsisti f’li jiġi ggarantit lill-partijiet ikkonċernati ammont ta’ żmien suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra atti ppubblikati u, għaldaqstant, jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hekk kif issa ġie stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

65      Ġaladarba r-Regoli tal-Proċedura jipprovdu, fl-Artikolu 102(1), terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll, b’analoġija, meta l-avveniment li jagħti bidu għat-terminu għal preżentata ta’ rikors ikun avviż li jikkonċerna l-imsemmija atti, li huwa wkoll ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-istess raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti ta’ terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata fir-rigward tal-atti ppubblikati huma validi għal dak li jikkonċerna l-avviżi ppubblikati, kuntrarjament għall-komunikazzjonijiet individwali.

66      Barra minn hekk, għalkemm ġie kkunsidrat li l-imsemmi artikolu tar-Regoli tal-Proċedura ma kienx applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-partijiet fil-kawża jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kienet tirriżulta fl-assenza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni individwali. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, is-sempliċi pubblikazzjoni tal-atti li jinkludu l-miżuri restrittivi kien suffiċjenti sabiex jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li kien jinkludi l-erbatax-il ġurnata supplimentari msemmija fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 58 tas-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, spjegat il-fatt li l-obbligu ta’ komunikazzjoni individwali kien iservi sabiex jiġu protetti aħjar il-partijiet f’kawża. Għalhekk, l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi invokata biex dawn jiġu suġġetti għal trattament li jkunilhom inqas favorevoli minn dak li jirriżulta mis-sempliċi pubblikazzjoni tal-atti li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi fir-rigward tagħhom.

68      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u li għalhekk jiġi konkluż li t-tieni talba għal adattament tat-talbiet hija ammissibbli fl-intier tagħha, inkluż sa fejn hija tikkonċerna r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013.

 Fuq il-mertu

69      Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑174/12, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, rispettivament:

–        fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tiegħu fil-finanzjament tar-reġim Sirjan;

–        fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u preċiża;

–        fuq insuffiċjenti madwar l-adozzjoni, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 36/2012 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012.

70      Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑80/13, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet motivi ewlenin imsemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq, kif ukoll motiv ibbażat fuq eżami insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi tal-każ.

71      Fid-dawl tas-simetriji evidenti bejn iż-żewġ rikorsi, jeħtieġ li jiġu miġbura flimkien il-motivi ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi magħquda li jikkonċernaw l-istess kwistjonijiet u li dawn jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni preċiża u suffiċjenti

72      Ir-rikorrent isostni li, billi ddeċieda li jinkludih u li jżommu fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni li bih huwa marbut. Filwaqt li r-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li l-Kunsill spjega suffiċjentement ir-raġunijiet għalfejn jeħtieġ li jiġu adottati l-miżuri restrittivi fir-rigward tas-Sirja, huwa jenfasizza li l-motivazzjoni speċifika li tikkonċernah hija fformulata bi kliem ambigwu u tillimita ruħha għall-konstatazzjoni fattwali li huwa sussidjarju tas-CBS, mingħajr ma jispeċifika b’liema mod din iċ-ċirkustanza tippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa jipparteċipa fil-finanzjament tar-reġim Sirjan. Din hija preżunzjoni inaċċettabbli, fid-dawl tan-natura kważi kriminali tal-miżuri inkwistjoni u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P). Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-allegata assenza ta’ kull rabta ta’ dipendenza tar-rikorrent fir-rigward tas-CBS.

73      Sussegwentement, skont ir-rikorrent, in-nuqqas ta’ motivazzjoni madwar l-inklużjoni tiegħu fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ma huwiex imtaffi permezz tad-dokumenti kkomunikati fit‑3 ta’ Lulju 2012 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), b’risposta għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, meta jitqies li matul iż-żmien huwa kien ittrażmetta lill-Kunsill serje ta’ elementi li jistabbilixxu l-indipendenza tiegħu fir-rigward tas-CBS.

74      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

75      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 KE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li minnu tista’ ssir deroga biss minħabba raġunijiet imperattivi. Għaldaqstant, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħall-att li jikkawża preġudizzju, fejn l-assenza tagħha ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata tieħu konjizzjoni tal-motivi tal-att matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt  49, u tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bank Melli tal-Qorti Ġenerali”, punt 80).

76      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil persuna jew lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli tal-Qorti Ġenerali punt 75 iktar ’il fuq, punt 81).

77      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 75 iktar ’il fuq, punti 53 u 54, u sentenza Bank Melli tal-Qorti Ġenerali, punt 75 iktar ’il fuq, punt 82).

78      F’dan il-każ, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill wara l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, essenzjalment, dejjem kienet din li ġejja:

“Sussidjarju tal-[CBS], diġà elenkat. Ipparteċipa fil-finanzjament tar-regim.”

79      Id-dokumenti kkomunikati fit‑3 ta’ Lulju 2012 essenzjalment isemmu l-motivazzjoni riprodotta fil-punt 78 iktar ’il fuq u jżidu l-preċiżazzjoni li r-rikorrent “jippermetti [lis-CBS] l-implementazzjoni ta’ strateġiji ta’ evitar ta’ sanzjonijiet Ewropej”.

80      Fir-rigward tal-preċiżazzjoni miżjuda, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li din hija informazzjoni li ġiet trażmessa lir-rikorrent biss wara l-preżentata ta’ rikors fil-Kawża T‑174/12 u, fit-tieni lok, li hija nieqsa minn kull indikazzjoni dwar il-modalitajiet konkreti li jipprovdu li r-rikorrent jippermetti lis-CBS li “[jevita s-]sanzjonijiet Ewropej”.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-unika motivazzjoni validament ipprovduta mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-inklużjoni u ż-żamma tar-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja hija dik imsemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qari tal-ewwel sentenza tal-motivazzjoni tal-atti li permezz tagħhom ir-rikorrent ġie inkluż u miżmum fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja kienet suffiċjenti biex ir-rikorrent ikun jista’ jifhem li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu japplikaw għalih minħabba l-istatus tiegħu ta’ kumpannija sussidjarja tas-CBS.

83      Il-prova ta’ dan hija li r-rikorrent, fit-talba li permezz tagħha huwa ppreżenta r-rikors tiegħu fil-Kawża T‑174/12, ikkontesta r-rilevanza tal-kriterju kapitalistiku kkunsidrat mill-Kunsill u ssottometta elementi initiżi biex jipprovaw l-allegata indipendenza fir-rigward tas-CBS.

84      Għalkemm huwa minnu li, bħal ma jsostni r-rikorrent, it-tieni sentenza tal-motivazzjoni inkwistjoni ma tispeċifikax jekk huwa s-CBS jew ir-rikorrent li jipparteċipa fil-finanzjament tar-reġim Sirjan, għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ ipoteżijiet ma jeskuludix reċiprokament lil xulxin. Fil-verità, din il-frażi tfisser li r-rikorrent, bħala kumpannija sussidjarja ta’ bank li jiffinanzja r-reġim Sirjan, jipparteċipa wkoll, mill-inqas b’mod indirett, għal dan il-finanzjament.

85      Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li t-tieni sentenza tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżazzjoni tiegħu, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex konsegwenzi fuq l-eżistu ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-imsemmija motivazzjoni hija biżżejjed waħedha biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kunsill issodisfa l-obbligu tiegħu li jispjega r-raġuni għalfejn ir-rikorrent ġie inkluż u nżamm fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, jiġifieri li huwa kumpannija sussidjarja tas-CBS.

86      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Għalkemm dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 181, u Il‑Kunsill vs Bamba, punt 75 iktar ’il fuq, punt 60).

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fejn il-fondatezza tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-motivi bbażati fuq l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq minn din l-istituzzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrent fil-finanzjament tar-reġim Sirjan.

 Fuq il-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrent fil-finanzjament tar-reġim Sirjan

88      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li huwa kien jipparteċipa fil-finanzjament tar-reġim Sirjan mingħajr ma pproduċa l-prova tal-allegazzjonijiet tiegħu fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, huwa jispeċifika li l-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet jew fuq is-sempliċi rabta kapitalistika bejnu u s-CBS, iżda li huwa obbligat jipproduċi provi.

89      Skont ir-rikorrent, l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill huwa wisq iżjed manifest meta jitqies li l-eżami tad-dokumenti li huwa pproduċa juri li huwa ma jistax jiffinanzja r-reġim Sirjan.

90      B’hekk, l-ewwel nett, l-istatuti tar-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“istatuti SLBC”), li jafda t-tmexxija tiegħu lill-bord tad-diretturi biss, jipprovaw l-awtonomija kompleta tiegħu fir-rigward tas-CBS, li ma jagħtix direttivi jew pariri li jikkonċernaw is-sussidjarja tiegħu.

91      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li l-bord tad-diretturi tiegħu ħa d-deċiżjoni, fl‑24 ta’ Frar 2012, li ma jkollu ebda relazzjoni mal-persuni ġuridiċi inklużi fil-listi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja adottati mill-Unjoni u mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll mal-persuni marbuta magħhom.

92      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li, sa mill‑2005, hija ma ssellifx fondi lis-CBS u li, fi kwalunkwe każ, it-tranżazzjonijiet kollha li huwa jagħmel huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni bankarja Libaniża u vverifikati mill‑Banque du Liban, li ġie saħansitra maħtur kontrollur permanenti fi ħdan ir-rikorrent.

93      Barra minn hekk, ir-rikorrent josserva li awdituri indipendenti kkonfermaw li huwa ma kienx wettaq tranżazzjonijiet bankarji ta’ natura suspetta.

94      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

95      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni 2011/782, tal-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2012/739 u tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.”

96      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 36/2012 jirreferi għad-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq, għad-definizzjoni tal-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu f’dan ir-regolament.

97      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri restrittivi kontra s-Sirja japplikaw għar-rikorrent minħabba l-fatt li huwa kumpannija sussidjarja tas-CBS u, bħala tali, jista’ jkun li jipparteċipa għall-finanzjament tar-reġim Sirjan.

98      B’hekk, jidher li l-Kunsill qies li r-rikorrent jagħmel parti mill-persuni “assoċjati” ma’ persuni li jsostnu r-reġim Sirjan, f’dan il-każ is-CBS, fis-sens tad-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq.

99      Din il-pożizzjoni tal-Kunsill għandha tiġi milqugħa.

100    Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi, mhux ikkontestati, li l-kapital tar-rikorrent huwa 84.2 % miżmum mis-CBS, minn naħa, u li dan tal-aħħar, li jappartjeni lill-Istat Sirjan, isostni lir-reġim ta’ dan il-pajjiż, min-naħa l-oħra, b’mod ċar jikkostitwixxu rabta mal-persuni li jsostnu lill-imsemmi reġim, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta l-fondi ta’ entità rikonoxxuta li ssostni lir-reġim Sirjan, bħas-CBS, jiġu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinjifikanti li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew tikkontrolla jew li huma proprjetà tagħha sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jittieħdu kontra tagħha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet, li jaqa’ taħt l-obbligu tal-Kunsill skont id-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq, u fir-riferiment għaliha magħmul mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 36/2012, huwa neċessarju u xieraq biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u biex jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jiġux evitati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Melli Bank tal-Qorti tal-Ġustizzja”, punti 39 u 58).

102    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta persuna ġuridika tinżamm 100 % minn persuna oħra li fir-rigward tagħha ma hemm l-ebda dubju li għandhom japplikaw miżuri restrittivi, dawn għandhom japplikaw ukoll għall-imsemmija persuna ġuridika, minħabba din is-sempliċi rabta kapitalistika, dejjem sa fejn l-atti li permezz tagħhom ġew adottati l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprovdu l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-persuni ġuridiċi miżmuma jew ikkontrollati minn dawk il-persuni li għalihom diġà japplikaw dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 101 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2013 Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑492/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Melli Bank tal-Qorti Ġenerali”, punt 56).

103    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bis-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill, punt 72 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrent. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, li miżuri restrittivi ma setgħux jiġi applikati lil persuni fiżiċi minħabba s-sempliċi fatt tar-rabta familjari ma’ persuni assoċjati mad-diriġenti tal-pajjiż terz li kontrih kienu ġew adottati dawn il-miżuri, xejn f’din is-sentenza ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-kriterju tar-rabta kapitalistika stabbilita fis-sentenza Melli Bank tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 101 iktar ’il fuq, ġie invalidat.

104    F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li s-CBS iżomm 84.2 % tal-kapital tar-rikorrent, u mhux 100 %, bħal ma kien il-każ fil-kawża msemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq.

105    Huwa wkoll minnu li, hekk kif irrimarka r-rikorrent fis-seduta, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il‑Kunsill (T‑493/10, punt 119), ġie kkunsidrat li ż-żamma ta’ 60 % tal-kapital tal-Persia International Bank plc mill-Bank Mellat, li għaliha diġà kienu japplikaw miżuri restrittivi, ma kinitx tiġġustifika, waħedha, l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi anki fir-rigward tal-Persia International Bank.

106    Madankollu, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Persia International Bank vs Il‑Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm il-Bank Mellat kellu l-maġġoranza fi ħdan l-assemblea ġenerali tal-Persia International Bank, ftehim bejn l-azzjonisti ta’ dan tal-aħħar kien jipprekludi lill-Bank Mellat milli jaħtar il-maġġoranza tad-diretturi tal-Persia International Bank li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li r-riskju deskritt fil-punt 101 iktar ’il fuq ma kienx jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Persia International Bank vs Il‑Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq, punti 106 sa 113).

107    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Persia International Bank vs Il‑Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma pproduċa ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, fi ħdan l-assemblea ġenerali tiegħu, il-maġġoranza kbira li kellu s-CBS ma kienx biżżejjed biex ikun jista’ jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu.

108    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li żamma tal-kapital b’84.2 % tippermetti lis-CBS jikkontrolla l-assemblea ġenerali tar-rikorrent.

109    Fil-fatt, għandu jiġi konstatat li, skont l-Artikolu 54 tal-istatuti SLBC, fi ħdan l-assemblea ġenerali, kull azzjonist għandu numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ azzjonijiet miżmuma. B’84.2 % tal-kapital, is-CBS għaldaqstant għandu biżżejjed azzjonijiet sabiex jikseb il-kworum u l-maġġoranza meħtieġa fit-tliet kompożizzjonijiet tal-assemblea ġenerali, jiġifieri kostitutiva, ordinarja u straordinarja, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 57, 58, 63, 64, 69 u 70 tal-istatuti SLBC.

110    It-tieni nett, fir-rigward tas-setgħat tal-assemblea ġenerali, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-assemblea ordinarja tiddetermina d-dividendi li għandhom jiġu ddistribwiti, skont l-Artikolu 65(c) tal-istatuti SLBC. B’hekk, il-fatt li r-rikorrent, sa mill‑2005, ma qassamx dividendi lis-CBS ma jipprekludix lil dan tal-aħħar, li għandu maġġoranza kbira fi ħdan l-imsemmija assemblea ġenerali, milli jiddeċiedi mod ieħor fil-futur, hekk kif jenfasizza l-Kunsill.

111    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li għalkemm, skont l-Artikolu 30 tal-istatuti SLBC, il-ġestjoni tar-rikorrent tirriżulta mill-bord tad-diretturi, hija l-assemblea ġenerali li teleġi l-membri tiegħu, skont l-istess artikolu. Il-bord tad-diretturi jgawdi, ċertament, minn setgħat kbar, madankollu dawn huma eżerċitati sabiex jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali, skont l-Artikolu 36 tal-istatuti SLBC.

112    Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill imissu ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 144 tal-Kodiċi tal-Kummerċ tal-Libanu jipprovdi li, bħala prinċipju, il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Libaniża għandhom ikollhom in-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż.

113    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li n-nazzjonalità Libaniża tal-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent ma hijiex element li jippermetti li jiġi eskluż li, skont id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali, ikkontrollata mis-CBS, l-imsemmi bord jiddeċiedi li jittrasferixxi fondi lir-reġim Sirjan.

114    L-osservazzjonijiet preċedenti jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent huwa persuna ġuridika marbuta mas-CBS u li, konsegwentement, ir-riskju deskritt fil-punt 101 iktar ’il fuq jeżisti f’dan il-każ, b’differenza ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Persia International Bank vs Il‑Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-Kunsill kellu japplika fil-konfront tar-rikorrent il-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, b’mod konformi mad-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 59 iktar ’il fuq.

115    Peress li l-kundizzjoni dwar il-fatt li r-rikorrent huwa persuna “assoċjata” ma persuna li ssostni r-reġim Sirjan ġiet issodisfatta, ma huwiex neċessarju li jsir stħarriġ kumplimentari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 101 iktar ’il fuq, punti 78 u 79), sa fejn l-elementi sostnuti mir-rikorrent ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni r-rabta kapitalistika li fuqha bbaża ruħu l-Kunsill.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din ir-rabta ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bil-fatt li l-attivitajiet tar-rikorrent huma suġġetti għall-kontroll tal-Banque du Liban.

117    Ċertament, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Banque du Liban, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tal-gvernatur, iħares, fir-rigward tar-rikorrent bħal fir-rigward ta’ kull bank ieħor li jopera fil-Libanu, li jiġu osservati l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f’dan il-pajjiż, b’mod partikolari dawk relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fl-ittra tiegħu, il-gvernatur speċifiku wkoll li kontrollur permanenti kien ġie nnominat fi ħdan ir-rikorrent, sabiex tissaħħaħ din il-ġlieda, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tar-restrizzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet internazzjonali kompetenti.

118    Sussegwentement, l-ittra tal-gvernatur tispeċifika li l-Banque du Liban ħarġet ċirkulari li skontha l-banek li joperaw f’dan il-pajjiż għandhom l-obbligu li jkunu jafu l-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw il-korrispondenti tagħhom barra mill-pajjiż u li jitrattaw ma’ dawn tal-aħħar b’mod konformi, b’mod partikolari, mas-sanzjonijiet u r-restrizzjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi rispettivi ta’ dawn il-korrispondenti. Barra minn hekk, il-Banque du Liban għalqet il-kontijiet li r-rikorrent kellu fi ħdanu f’munita barranija.

119    Xorta jibqa’ l-fatt li l-attività ta’ kontroll u l-miżuri adottati mill-Banque du Liban jikkonċernaw il-fondi li r-rikorrent għandu f’dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati mill-Kunsill jikkonċernaw biss il-fondi li r-rikorrent għandu jew jista’ jkollu fi ħdan l-Unjoni u t-tranżazzjonijiet li huwa jixtieq iwettaq b’dawn il-fondi.

120    B’hekk, għandu jiġi osservat li l-għanijiet tal-miżuri adottati mill-Banque du Liban ma jikkoinċidux, fi kwalunkwe każ mhux kompletament, ma’ dawk tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill kontra s-Sirja.

121    Barra minn hekk, u fuq kollox, ir-rikorrent ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-opportunità tal-inklużjoni u taż-żamma tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja adottati mill-Kunsill minħabba l-fatt li l-attivitajiet tiegħu, inklużi dawk li jippreżentaw rabta mal-Unjoni, huma ssorveljati mill-awtorità nazzjonali ta’ Stat terz. Fil-fatt, f’sitwazzjoni tali, il-Kunsill ma jkollux iżjed kontroll fuq l-effikaċja ta’ din is-sorveljanza, liema fatt jista’ jiddetermina l-falliment ta’ dawn il-miżuri.

122    Għandu jiġi enfasizzat li din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi punt li jippermetti li ssir distinzjoni wkoll bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent u dik li kienet tirriżulta fil-kawża li tat lok għas-sentenza Persia International Bank vs Il‑Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali spjegat ir-rwol ta’ kontroll tal-Financial Services Authority (awtorità tas-servizzi finanzjarji tar-Renju Unit) li jillimita l-influwenza li l-azzjonist maġġoritarju tal-bank ikkonċernat seta’ jeżerċita, din kienet awtorità ta’ Stat Membru, marbuta għall-osservanza tal-atti tal-Kunsill, u mhux ta’ Stat terz, bħal f’dan il-każ.

123    Fl-aħħar nett, peress li l-Kunsill aġixxa b’mod konformi mal-ġurisprudenza, ir-rikorrent b’mod żbaljat isostni li l-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja minħabba l-identità tal-azzjonist maġġoritarju tiegħu imorru kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt li jipprovdu li tista’ tiġi ssanzjonata biss l-entità responsabbli mill-fatti li ġew żvelati. Fil-fatt, permezz tal-imsemmija inklużjoni u żamma, il-Kunsill ma kienx qed jistenna aġir awtonomu min-naħa tar-rikorrent kuntrarju għas-suġġerimenti tal-atti li jipprovdu miżuri restrittivi kontra s-Sirja, iżda l-kompożizzjoni tal-azzjonijiet tiegħu u għaldaqstant tar-rabta tiegħu mill-qrib mal-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 101 iktar ’il fuq, punt 81), fejn ma hijiex ikkontestata l-appartenenza tagħha lill-Istat Sirjan (ara l-punt 1 u 100 iktar ’il fuq).

124    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

 Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

125    Ir-rikorrent isostni li, minkejja l-bosta talbiet tiegħu, il-Kunsill qatt ma kkomunikalu l-elementi speċifiċi u individwalizzati li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fil-listi tal-persuni msemmija mill-miżuri restrittivi kontra s-Sirja. Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑174/12, il-Kunsill ma kienx għadu wieġeb it-talbiet tiegħu tal‑15 ta’ Frar u tal‑4 ta’ April 2012 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

126    Bl-istess mod, il-Kunsill qatt ma spjega fuq liema elementi kien qiegħed jibbaża ruħu biex iżomm lir-rikorrent fl-imsemmija listin minkejja allegati provi prodotti minnu sabiex juri li l-evalwazzjoni tal-Kunsill kienet żbaljata, minħabba li s-sempliċi fatt li huwa kumpannija sussidjarja tas-CBS ma kienx ifisser li r-rikorrent kien jiffinanzja lir-reġim Sirjan.

127    Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkritika l-fatt li l-Kunsill ma laqax it-talbiet tiegħu għal smigħ waqt seduta. Il-ġurisprudenza invokata mill-Kunsill biex isostni li s-smigħ ma huwiex dritt li għandhom il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi ma hijiex rilevanti.

128    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

129    Għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva hija espressament stabbilita fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 66).

130    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit bl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, fejn barra minn hekk dan il-prinċipju ġie stabbilit mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”, punt 335).

131    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li b’mod partikolari għandu jkun jista’ jitratta l-legalità tal-motivi li fuqhom ibbażat ruħha awtorità tal-Unjoni biex tinkludi l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi tad-destinatarji tal-miżuri restrittivi adottati mill-imsemmija awtorità, jimplika li din tal-aħħar għandha l-obbligu li tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, b’kull mod possibbli, jew fil-mument meta tiġi deċiża l-inklużjoni tiegħu, jew, mill-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet inkluża sabiex l-imsemmija persuna tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tressaq rikors kontra din l-inklużjoni fit-termini meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 130 iktar ’il fuq, punt 336).

132    Ir-rispett ta’ dan l-obbligu li l-imsemmija motivi jiġu kkomunikati huwa fil-fatt neċessarju kemm sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien komplet tal-fatti jekk huwiex utli li l-każ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra, p. 4097, punt 15) kif ukoll sabiex iqegħdu lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni li hija għandha tagħmel bis-saħħa tat-Trattat (sentenza Kadi, punt 130 iktar ’il fuq, punt 337).

133    Issa, b’mod konformi mar-rekwiżiti imposti minn din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 21(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/782, l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2012/739, l-Artikolu 30(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255 u l-Artikolu 32(2) u (3) tar-Regolament Nru 36/2012 jipprovdu li l-Kunsill jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista, jew direttament, jekk l-indirizz tiegħu jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, billi jagħtih il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet. Fejn jiġu formulati osservazzjonijiet, jew jekk jiġu ppreżentati provi ġodda sostanzjali, il-Kunsill jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew l-organu kkonċernat kif meħtieġ.

134    L-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 36/3013 jispeċifika li l-listi annessi ma’ dan l-att huma eżaminati f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

135    F’dan il-każ, ir-rikorrent ġie kkomunikat, permezz tal-ittra tal‑24 ta’ Jannar 2012, l-atti li permezz tagħhom il-Kunsill iddeċieda li jinkludi fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja. Din l-ittra kienet tirreferi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/37 u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012, li kienu jinsabu f’dokumenti annessi u jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni tar-rikorrent fl-imsemmija listi.

136    Il-fatt li din il-komunikazzjoni seħħet wara l-ewwel inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat fih innifsu bħala ksur tad-drittijiet tad-difiża.

137    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, ma jirrikjedix li l-awtoritajiet tal-Unjoni, qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li timponi miżuri restrittivi, jikkomunikaw ir-raġunijiet għal din l-inklużjoni lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 130 iktar ’il fuq, punt 338).

138    Fil-fatt, tali komunikazzjoni minn qabel hija ta’ natura li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti mill-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 130 iktar ’il fuq, punt 339).

139    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 130 iktar ’il fuq, punt 340).

140    B’hekk, il-Kunsill ma kellux obbligu li jisma’ lir-rikorrent qabel l-ewwel inklużjoni tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, fejn il-possibbiltà li r-rikorrent jindirizza ruħu lill-Kunsill wara li rċieva l-ittra tal‑24 ta’ Jannar 2012 hija suffiċjenti biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

141    Fil-fatt, fid-dawl tal-motivazzjoni tal-inklużjoni tiegħu, hekk kif imniżżel fl-atti annessi mal-ittra tal‑24 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent iddeċieda li jressaq quddiem il-Kunsill talba għal aċċess għall-provi li juru s-sostenn tiegħu lir-reġim Sirjan. Fl-istennija tar-risposta tal-Kunsill, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors li ta lok għall-Kawża T‑174/12.

142    Il-Kunsill wieġeb għal din it-talba biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri t‑3 ta’ Lulju 2012.

143    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-kontenut tad-dokumenti kkomunikati fit‑3 ta’ Lulju 2012 jikkoinċidi essenzjalment mar-raġunijiet li tagħhom ir-rikorrent diġà kellu konjizzjoni meta qara l-ittra tal‑24 ta’ Jannar 2012 u tal-atti annessi magħha, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/37 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 55/2012. Fil-fatt, skont dawn tal-aħħar, id-dokument inkwistjoni jikkonstata li r-rikorrent huwa kumpannija sussidjarja tas-CBS.

144    Peress li, l-ewwel nett, ir-rikorrent kien jaf, evidentement, l-identità tal-azzjonist prinċipali tiegħu, it-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrent fil-finanzjament tar-reġim Sirjan, is-sempliċi ċirkustanza li r-rikorrent huwa kumpannija sussidjarja 84.2 % miżmuma mis-CBS tippermetti li tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u, it-tielet nett, ir-rikorrent ġie immedjatament informat bil-fatt li dawn il-miżuri restrittivi kienu speċifikatament dovuti għas-sitwazzjoni tagħha ta’ kumpannija sussidjarja tas-CBS, ftit jimporta li d-dokument inkwistjoni jinkludi raġunijiet kumplimentari.

145    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li r-rikorrent seta’, mill-mument li ġie inkluż fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, jeżerċita d-drittijiet tiegħu tad-difiża u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jesponi lill-Kunsill u lill-Qorti Ġenerali r-raġunijiet għalfejn huwa kien iqis li s-sitwazzjoni tiegħu ta’ kumpannija sussidjarja tas-CBS ma kinitx tiġġustifika l-inklużjoni tiegħu.

146    Fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li l-Kunsill imissu pprovda lir-rikorrent id-dokumenti kkomunikati fit‑3 ta’ Lulju 2012 qabel il-preżentata ta’ rikors kontra l-atti kkontestati fil-Kawża T‑174/12, jeħtieġ li jiġi osservat li din hija irregolarità mingħajr konsegwenzi, ġaladarba, fin-nuqqas tagħha, ir-rikorrent ma setax jiżgura d-difiża tiegħu b’mod aħjar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Frar 2012, il-Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, punt 78, u tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, T‑25/06, Ġabra p. II‑5741, punt 183).

147    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma kkonċediex smigħ lir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt għal tali smigħ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punt 93, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Europäisch‑Iranische Handelsbank vs Il‑Kunsill, T‑434/11, punt 64).

148    Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, tad-Deċiżjoni 2013/109 u tad-Deċiżjoni 2013/255, li huma atti sussegwenti li żammew ismu fil-listi li jinkludu l-ismijiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-effett ta’ sorpriża tal-imsemmija miżuri bħala prinċipju ma jistax jiġi validament invokat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, punt 129 iktar ’il fuq, punt 62).

149    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għalihom jippresupponi li l-Kunsill ikkunsidra elementi ġodda kontra dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, punt 129 iktar ’il fuq, punt 63, u s-sentenza Melli Bank tal-Qorti Ġenerali, punt 102 iktar ’il fuq, punt 72).

150    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, meta żamm isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ma kkunsidra ebda element ġdid, li ma kienx diġà ġie kkomunikat lir-rikorrent wara l-inklużjoni inizjali tiegħu.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 133 iktar ’il fuq, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jinstema’ mill-Kunsill mingħajr ma tiġi fformulata stedina ġdida qabel l-adozzjoni ta’ kull att sussegwenti, fl-assenza ta’ elementi ġodda kkunsidrati fir-rigward tiegħu.

152    Ir-rikorrent jagħmel użu minn din il-possibbiltà, b’mod partikolari permezz tal-ittra li huwa bagħat lill-Kunsill fl‑14 ta’ Diċembru 2012, li għaliha huwa wieġeb fis‑6 ta’ Marzu 2013 (ara l-punti 23 u 25 iktar ’il fuq).

153    Minkejja li din ir-risposta seħħet wara l-preżentata tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2012/739, hemm lok li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar, kif wara kollox ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1117/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, ma biddlitx il-motivazzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent u ma kienu bbażati fuq ebda element ġdid, iżda biss fuq ir-rabta kapitalistika bejn is-CBS u r-rikorrent, li dwaru dan tal-aħħar kien diġà esprima l-opinjoni tiegħu bosta drabi, u dan quddiem il-Kunsill u quddiem il-Qorti Ġenerali.

154    Għal din l-istess raġuni, li kieku kellu jitqies li l-Kunsill imissu sema’ lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali irregolarità hija nieqsa minn konsegwenzi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 146 iktar ’il fuq.

155    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda dawn il-motivi.

 Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqasijiet madwar l-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2012 u tar-Regolament Nru 55/2012

156    Ir-rikorrent jilmenta lill-Kunsill il-fatt li r-Regolament Nru 36/2012, b’differenza tar-Regolament Nru 442/2011, li dan ħassar, ma jinkludix riferiment għar-rekwiżit li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni suġġetti għall-miżuri li jinsabu f’dawn ir-regolamenti.

157    Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li, għalkemm huwa minnu li l-kontenut u l-għanijiet tar-Regolament Nru 36/2012 jiġġustifikaw il-fatt li l-Kunsill adottah abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, madankollu jmissu ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan ir-regolament iqajjem kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-drittijiet fundamentali, liema fatt kien jeħtieġ li dan jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 75 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi l-adozzjoni ta’ atti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 249 TFUE, li tagħti lill-Parlament Ewropew rwol iktar importanti mis-sempliċi informazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, previst fl-Artikolu 215 TFUE.

158    Il-Kunsill jikkonfuta l-argumenti tar-rikorrent.

159    L-ewwel nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ riferiment għad-drittijiet fundamentali, għandu jiġi osservat li din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-atti kkontestati, fin-nuqqas tal-prova mir-rikorrent li d-drittijiet fundamentali tiegħu ġew miksura. B’hekk, din il-parti ta’ dan il-motiv hija ineffettiva.

160    It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-bażi legali tar-Regolament Nru 36/2012, ir-rikorrent, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, irrikonoxxa li l-Kunsill seta’ validament jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215 TFUE biex jadotta dan ir-regolament. Ittieħdet nota ta’ din id-dikjarazzjoni fil-proċess-verbali tas-seduta.

161    Fir-rigward tal-affermazzjoni, magħmula mir-rikorrent fir-replika tiegħu, li huwa “kontestabbli li l-bażi legali tal-atti li jikkawżawlu preġudizzju [tippermetti] lill-Kunsill jadotta atti li jinkludu miżuri partikolarment dannużi għad-drittijiet fundamentali tad-destinatarji tagħhom, u dan mingħajr l-intervent tal-Parlament” għandu jitfakkar, fi kwalunkwe każ, li, għalkemm il-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv hija r-riflessjoni, fuq il-livell tal-Unjoni, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali skont liema l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva, id-differenza bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE fir-rigward tal-involviment tal-Parlament jirriżulta minn għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jingħata rwol iktar limitat lill-Parlament fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, punti 81 u 82).

162    F’dan ir-rigward, li kieku kellu jitqies li r-rikorrent għandu dritt iqajjem motiv li jikkonċerna, essenzjalment, il-ksur tal-prerogattivi tal-Parlament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati miżuri li għandhom effett dirett fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, ġaladarba l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali huwa indirizzat, b’mod konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, lill-istituzzjonijiet kollha, lill-organi u l-korpi kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 215(3) TFUE, l-atti msemmija minn dan l-artikolu jinkludu d-dispożizzjonijiet neċessarji fil-qasam tal-garanziji legali. Konsegwentement, att, bħar-Regolament Nru 36/2012, jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE sa fejn jinkludi garanziji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punti 83 u 84; fejn jikkonċerna l-possibbiltà għal persuna ġuridika li tinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali, ara s-sentenza Melli Bank tal-Qorti Ġenerali, punt 102 iktar ’il fuq, punt 41).

163    F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 36/2012 jinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba jipprovdi b’mod partikolari, fl-Artikolu 32(2) sa (4), l-obbligi, għall-Kunsill, sabiex tiġi mmotivata l-inklużjoni ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu f’dan ir-regolament, li jikkomunika lill-imsemmija persuni, direttament jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, l-inklużjoni tagħhom, billi jagħtihom il-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet, li jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu jekk jiġu prodotti provi sostanzjali jew jekk jiġu fformulati osservazzjonijiet u li jeżamina l-listi mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-eżami insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi tal-każ

165    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma wettaqx eżami veru taċ-ċirkustanzi tal-każ, iżda sempliċement adotta l-proposti ppreżentati mill-Istati Membri, mingħajr ma vverifika l-fondatezza u r-rilevanza tal-informazzjoni u tal-provi li fuqhom setgħet kienet ibbażata l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

166    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

167    F’dan il-każ, il-Kunsill inkluda u żamm lir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja minħabba l-fatt li l-kapital tagħha kien miżmum għal 84.2 % mis-CBS.

168    Dan il-fatt huwa minnu u r-rikorrent qatt ma kkontestah. Min-naħa l-oħra, huwa pprova juri li, minkejja din ir-rabta kapitalistika, huwa żamm l-indipendenza tiegħu fir-rigward tas-CBS.

169    Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tar-rikorrent fil-finanzjament tar-reġim Sirjan, f’dan il-każ il-Kunsill seta’ ġustament juża l-imsemmija rabta kapitalistika biex jinkludi u jżomm lir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

170    Peress li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-imsemmija rabta, li l-fondatezza tagħha għandha tiġi kkonfermata, hemm lok li jiġi konkluż li huwa eżamina b’mod suffiċjenti biżżejjed iċ-ċirkustanzi tal-każ.

171    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi tar-rikorrent ma huwa fondat, fejn għaldaqstant hemm lok li r-rikorsi jiġu miċħuda fl-intier tagħhom, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà, ikkontestata mill-Kunsill, tat-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-annullament, sa fejn meħtieġ, tal-“ittri deċiżjonijiet tal-Kunsill” tal‑24 ta’ Jannar 2012 u tat‑30 ta’ Novembru 2012.

 Fuq l-ispejjeż

173    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Is-Syrian Lebanese Commercial Bank SAL huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Berardis

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.