Language of document : ECLI:EU:T:2014:52

Kawżi magħquda T‑174/12 u T‑80/13

Syrian Lebanese Commercial Bank SAL

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Adattament tat-talbiet — Terminu — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Frar 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li fil-mori tal-kawża jissostitwixxu l-att ikkontestat — Element ġdid — Ammissibbiltà ta’ talbiet ġodda

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/109/PESK)

2.      Rikors għal annullament — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Att li jagħti lok għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità — Komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — Għarfien dwar l-att fid-data tal-pubblikazzjoni — Talba għall-adattament tat-talbiet li jikkunsidraw lil din il-pubblikazzjoni bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu tal-introduzzjoni tiegħu — Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(1))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja — Obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt tal-adozzjoni tal-att li jikkawżalha preġudizzju jew immedjatament wara — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/782/PESK u 2012/739/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, Nru 55/2012 u Nru 1117/2012)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja — Obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt tal-adozzjoni tal-att li jikkawżalha preġudizzju jew immedjatament wara — Limiti — Sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom — Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/782/PESK u 2012/739/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, Nru 55/2012 u Nru 1117/2012)

5.      Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata minn tali entità — Sussidjarja miżmuma minn kumpannija parent suġġetta għal tali miżuri b’mod li jippermetti lill-kumpannija parent tikkontrolla l-assemblea ġenerali tas-sussidjarja — Natura suffiċjenti tar-rabta kapitalistika

(Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikolu 15(1))

7.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata minn tali entità — Rabta kapitalistika kkaratterizzata bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha — Kontroll tal-attivitajiet tas-sussidjarja mill-bank ċentrali ta’ pajjiż terz — Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikolu 15(1))

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja — Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri — Assenza — Drittijiet iggarantiti permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni u permezz tal-possibbiltà ta’ smigħ wara t-teħid ta’ dawn il-miżuri — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata

(Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/782/PESK, Artikolu 21(2) u (3), 2012/739/PESK, Artikolu 27(2) u (3), u 2013/255/PESK, Artikolu 30(2) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikolu 32(2) u (3))

9.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi responsabbli mir-repressjoni vjolenta eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-provi kontra — Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem ta’ persuna fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri — Ksur tad-dritt ta’ smigħ — Assenza

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/739/PESK, 2013/109/PESK u 2013/255/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1117/12 u Nru 363/13)

10.    Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Proċedura ta’ inklużjoni fil-lista tal-persuni kkonċernati — Proċedura li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 215 TFUE u mhux l-Artikolu 75 TFUE — Ammissibbiltà

(Artikolu 75 TFUE u 215(2) u 3 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, Artikolu 32(2) sa (4))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 51-54)

2.      Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika meta l-adozzjoni ta’ att li jinkludi miżuri restrittivi jkun ġie kkomunikat lill-parti kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż huwa determinanti biex jiġi stabbilit jekk talba għal adattament tat-talbiet tressqitx qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra regolament, ikkalkolat mill-pubblikazzjoni tal-avviż inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, meta, billi ma jkunx jista’ jipproċedi għal komunikazzjoni individwali, il-Kunsill jissostitwixxi din il-komunikazzjoni bi pubblikazzjoni ta’ avviż, dan l-avviż jibqa’ att li dwaru l-partijiet kkonċernati jiġu nnotifikati biss malli jaqraw Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-għan tat-terminu ta’ erbatax-il ġurnata previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura jikkonsisti f’li jiġi ggarantit lill-partijiet ikkonċernati ammont ta’ żmien suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra atti ppubblikati u, għaldaqstant, jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hekk kif issa ġie stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ġaladarba r-Regoli tal-Proċedura jipprovdu, fl-Artikolu 102(1), terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll, b’analoġija, meta l-avveniment li jagħti bidu għat-terminu għal preżentata ta’ rikors ikun avviż li jikkonċerna l-imsemmija atti, li huwa wkoll ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-istess raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti ta’ terminu supplimentari ta’ erbatax-il ġurnata fir-rigward tal-atti ppubblikati huma validi għal dak li jikkonċerna l-avviżi ppubblikati, kuntrarjament għall-komunikazzjonijiet individwali.

Barra minn hekk, għalkemm ġie kkunsidrat li l-imsemmi artikolu tar-Regoli tal-Proċedura ma kienx applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-partijiet fil-kawża jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kienet tirriżulta fl-assenza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni individwali. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, is-sempliċi pubblikazzjoni tal-atti li jinkludu l-miżuri restrittivi kien suffiċjenti sabiex jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li kien jinkludi l-erbatax-il ġurnata supplimentari msemmija fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 63-66)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 75)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 76, 77, 131, 132, 144)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 86)

6.      Meta l-fondi ta’ entità rikonoxxuta li ssostni lir-reġim Sirjan jiġu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinifikanti li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew tikkontrolla jew li huma proprjetà tagħha sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jittieħdu kontra tagħha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet huwa neċessarju u xieraq biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u biex jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jiġux evitati. Barra minn hekk, meta l- kapital ta’ persuna ġuridika tinżamm minn persuna oħra, li fir-rigward tagħha ma hemm l-ebda dubju li għandhom japplikaw miżuri restrittivi, b’tali mod li jippermetti lil din tal-aħħar tikkontrolla lill-assemblea ġenerali tal-imsemmija persuna ġuridika, din il-persuna ġuridika għandha wkoll tkun suġġetta għal dawn il-miżuri restrittivi, minħabba din is-sempliċi rabta kapitalistika, dejjem sa fejn l-atti li permezz tagħhom ġew adottati l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprovdu l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-persuni ġuridiċi miżmuma jew ikkontrollati minn persuni ġuridiċi li diġà huma suġġetti għal tali miżuri restrittivi.

Fil-fatt, permezz tal-inklużjoni u ż-żamma ta’ persuna fil-listi ta’ dawk li diġà huma suġġetti għal miżuri restrittivi minħabba l-identità tal-azzjonist maġġoritarju tiegħu, il-Kunsill jridx jolqot l-aġir awtonomu min-naħa ta’ din il-persuna li jmur kontra s-suġġerimenti tal-atti li jipprovdu tali miżuri, iżda l-kompożizzjoni tal-azzjonijiet tiegħu u għaldaqstant tar-rabta tiegħu mal-kumpannija parent.

(ara l-punti 101, 102, 104, 108, 123, 144, 169)

7.      Ir-rabta kapitalistika bejn persuna li hija suġġetta għal miżuri restrittivi u l-kumpannija parent tagħha ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bil-fatt li l-attivitajiet ta’ din il-persuna huma suġġetti għall-kontroll tal-bank ċentrali ta’ Stat terz. Fil-fatt, l-attività ta’ kontroll u l-miżuri adottati minn tali bank jikkonċernaw il-fondi li l-persuna għandha fil-pajjiż tagħha. Min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati mill-Kunsill jikkonċernaw biss il-fondi li r-rikorrent għandu jew jista’ jkollu fi ħdan l-Unjoni u t-tranżazzjonijiet li huwa jixtieq iwettaq b’dawn il-fondi. Barra minn hekk, persuna bħal din ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-opportunità tal-inklużjoni u taż-żamma tagħha fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja adottati mill-Kunsill minħabba l-fatt li l-attivitajiet tiegħu, inklużi dawk li jippreżentaw rabta mal-Unjoni, huma ssorveljati mill-awtorità nazzjonali ta’ Stat terz.

(ara l-punti 116-122)

8.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, ma jirrikjedix li l-awtoritajiet tal-Unjoni, qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li timponi miżuri restrittivi, jikkomunikaw ir-raġunijiet għal din l-inklużjoni lill-persuna jew lill-entità kkonċernata. Fil-fatt, tali komunikazzjoni minn qabel hija ta’ natura li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti mill-imsemmija awtoritajiet. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat. B’hekk, il-Kunsill ma kellux obbligu li jisma’ persuna li kienet suġġetta għal miżuri restrittivi qabel l-ewwel inklużjoni tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li tali persuna tindirizza ruħha lill-Kunsill wara li rċeviet il-komunikazzjoni li ġiet inkluża fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi hija suffiċjenti biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt għal tali smigħ. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li din il-persuna kienet tista’, mill-mument li ġiet inkluża fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi, teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi tesponi lill-Kunsill u lill-Qorti Ġenerali r-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li din l-inklużjoni ma kinitx ġustifikata.

(ara l-punti 137-140, 145, 147)

9.      Fil-qasam ta’ miżuri restrittivi meħuda fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, l-argument tal-effett ta’ sorpriża tal-imsemmija miżuri bħala prinċipju ma jistax jiġi validament invokat fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li jikkonċernaw atti sussegwenti li żammew isem rikorrenti fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.

Madankollu, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni diġà suġġetti għalihom jippresupponi li l-Kunsill ikkunsidra elementi ġodda kontra dawn il-persuni.

Meta persuna tagħmel użu mill-possibbiltà li tinstema’ fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ċerti atti sussegwenti permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kunsill, li għaliha wieġeb biss wara l-preżentata tar-rikors ta’ din il-persuna kontra dawn l-atti, iċ-ċirkustanza li l-Kunsill missha semgħet lill-imsemmija persuna qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti hija nieqsa minn konsegwenzi ġaladarba l-Kunsill żamm l-isem ta’ din il-persuna fil-listi inkwistjoni mingħajr ma kkunsidra ebda element ġdid fir-rigward tiegħu.

(ara l-punti 148-154)

10.    Għalkemm il-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv hija r-riflessjoni, fuq il-livell tal-Unjoni, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali skont liema l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva, id-differenza bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE fir-rigward tal-involviment tal-Parlament jirriżulta minn għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jingħata rwol iktar limitat lill-Parlament fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni.

F’dan ir-rigward, ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati miżuri li għandhom effett dirett fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, ġaladarba l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali huwa indirizzat, b’mod konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, lill-istituzzjonijiet kollha, lill-organi u l-korpi kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 215(3) TFUE, l-atti msemmija minn dan l-artikolu jinkludu d-dispożizzjonijiet neċessarji fil-qasam tal-garanziji legali. Konsegwentement, att, bħar-Regolament Nru 36/2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011, jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE sa fejn jinkludi garanziji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 36/2012 jinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba jipprovdi b’mod partikolari, fl-Artikolu 32(2) sa (4), l-obbligi, għall-Kunsill, sabiex tiġi mmotivata l-inklużjoni ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu f’dan ir-regolament, li jikkomunika lill-imsemmija persuni, direttament jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, l-inklużjoni tagħhom, billi jagħtihom il-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet, li jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu jekk jiġu prodotti provi sostanzjali jew jekk jiġu fformulati osservazzjonijiet u li jeżamina l-listi mill-ġdid f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

(ara l-punti 161-163)