Language of document : ECLI:EU:T:2012:38

Kawża T-237/09

Région wallonne

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Belġju għall-perijodu mill-2008 sal-2012 — Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 2216/2004 — Korrezzjoni a posteriori — Operatur ġdid — Deċiżjoni li tinkariga lill-amministratur ċentrali tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet sabiex idaħħal il-korrezzjoni fit-tabella ‘Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni’”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tirriżulta mill-motivazzjoni ta’ att — Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Ambjent — Tniġġiż atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (PNA) — Proċedura ta’ notifika tal-PNA — Dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jagħmel il-korrezzjonijiet a posteriori għat-tabella PNA — Ammissibbiltà — Kriterji — Natura kumulattiva

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2006, Artikolu 44(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2004/101, Artikolu 9(3))

3.      Ambjent — Tniġġiż atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (PNA) — Proċedura ta’ notifika tal-PNA — Dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jagħmel korrezzjonijiet a posteriori fit-tabella PNA — Ammissibbiltà — Kriterji ta’ allokazzjoni — Interpretazzjoni restrittiva

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2216/2004, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 44(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2004/101, Artikoli 9(3), 11(2) u Anness III)

1.      Huwa biss id-dispożittiv ta’ deċiżjoni li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi u, konsegwentement, li jikkawża preġudizzju, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jkunu, fihom infushom, suġġetti għal rikors għal annullament u jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni biss meta, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att.

Madankollu, anki jekk id-dispożittiv f’deċiżjoni ma jiċħadx espressament talba fformulata mid-destinatarju, jista’, madankollu, mid-deċiżjoni jirriżulta, kif moqrija fid-dawl tal-motivi essenzjali tagħha, li l-istituzzjoni awtriċi tal-att espressament ħadet pożizzjoni dwar din it-talba u ċaħditha. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li f’tali każ id-deċiżjoni jkollha effetti ġuridiċi vinkolanti li jikkawżaw preġudizzju lid-destinatarju f’dan il-punt.

(ara l-punti 44-46)

2.      L-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, dwar sistema ta’ reġistri standardizzati u protetti skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004, jipprovdi għal żewġ kriterji kumulattivi għal korrezzjoni li tista’ ssir fit-tabella ta’ “Pjan Nazzjonali ta’ Allokazzjoni ta’ kwoti” (PNA), mingħajr ma għandha ssir il-proċedura ta’ notifika ta’ PNA emendat skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/8, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità. Min-naħa waħda, din il-korrezzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-PNA, kif innotifikat lill-Kummissjoni u li ma ġiex miċħud minnha, u, min-naħa l-oħra, għandha tirriżulta minn “titjib fid-data”. Barra minn hekk, meta dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni hija obbligata, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2), fl-aħħar nett, tar-Regolament Nru 2216/2004, li tinkariga lill-amministratur ċentrali fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet biex idaħħal il-korrezzjoni inkwistjoni fit-tabella “PNA”.

(ara l-punt 55)

3.      Minħabba r-regola ġenerali li tirrikjedi, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, li jinqara flimkien mal-kriterji ta’ allokazzjoni msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont totali ta’ kwoti disponibbli matul il-perijodu ta’ allokazzjoni kkonċernat, il-kriterji kumulattivi ta’ “korrezzjoni” u ta’ “titjib fid-data”, meħtieġa għal emenda li għandha ssir fit-tabella ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti (PNA) wara n-notifika tal-PNA, għandhom jingħataw, bħala eċċezzjonijiet, interpretazzjoni restrittiva, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tal-proċedura ta’ notifika skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, dwar sistema ta’ reġistri standardizzati u protetti skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, hija biss interpretazzjoni restrittiva li tista’ tiggarantixxi stħarriġ minn qabel sħiħ, fir-rigward tal-imsemmija kriterji ta’ allokazzjoni, ta’ emendi sussegwenti mitluba mill-Istat Membru.

(ara l-punt 66)