Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Settembru 2008 - L-Olanda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-380/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Olanda (rappreżentanti: C. Wissels, rappreżentant, M. de Mol, rappreżentant)

Konvenuta: Il-Kummissjoni

Talbiet tar-rikorrent

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2008 bir-referenza SG.E3/MV/psiD(2008)5364,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' deċiżjoni mogħtija fis-13 ta' Settembru fil-Każ Nru COMP/38.456 Bitum (L-Olanda)1, il-Kummissjoni imponiet multi fuq numru kbir ta' impriżi, ta' fornituri u ta' klijenti ta' bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq minħabba li huma kienu kisru l-Artikolu 81 KE. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma żvelatx l-informazzjoni kollha. Diversi persuni ġuridiċi, pubbliċi jew le, fosthom ir-rikorrent, garrbu dannu gravi minħabba l-imġiba ta' dawn l-impriżi. Peress li kien ferm utli li jkunu jafu b'din l-informazzjoni sabiex jiksbu kumpens għal dan id-dannu, ir-rikorrent talab, taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 1049/20012, li jingħata aċċess għall-verżjoni kompleta u mhux iċċensurata tad-deċiżjoni tat-13 ta' Settembru 2006. Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2008, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka fl-ewwel lok il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax id-dritt għall-aċċess kif previst fl-Artikolu 255 KE, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament 1049/2001.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni kien imissha tat aċċess parżjali għad-dokumenti, kif previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001.

Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fir-raba' lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 253 KE billi hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni.

Fil-ħames u l-aħħar lok, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 10 KE, flimkien mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2006 dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Każ Nru COMP/F/38.456 - Bitum (NL)) (notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 4090) (ĠU L 196, p. 40).

2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).