Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2012 - Bank Mellat vs Il-Kunsill

(Kawża T-72/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bank Mellat (Tehran, Iran) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy u F. Zaiwalla, Solicitors, M. Brindle, QC (Queen's Counsel), u R. Blakeley, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK2 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/20114, sa fejn dawn l-atti japplikaw għaliha;

tiddikjara li l-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK kif ukoll l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 ma japplikawx għaliha;

tordna li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma japplikax għall-annullament tal-atti li jinkludu lir-rikorrenti u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji sostantivi fir-rigward tal-inklużjoni stabbiliti mid-Deċiżjoni 2010/413/PESK u mir-Regolament Nru 961/2010 ma humiex sodisfatti fir-rigward tagħha u/jew li l-konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni jekk dawn il-kriterji kinux sodisfatti waqt l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-inklużjoni tagħha.

Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni fit-tul tagħha tikser id-drittijiet ta' proprjetà tagħha kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li biż-żamma tal-inklużjoni tagħha, il-konvenut kiser diversi forom sostantivi, fosthom (i) l-obbligu li jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti u (ii) l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fil-kuntest tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa' r-rikors tagħha fil-każ fejn din tilqa r-rikors ippreżentat minnha fil-Kawża T-496/10, Bank Mellat vs Il-Kunsill.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11)

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).