Language of document : ECLI:EU:T:2015:864

Kawża T‑74/12

Mecafer

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw miċ-Ċina – Rifjut parzjali ta’ rimbors tad-dazji antidumping imħallsa – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Tnaqqis tad-dazji antidumping – Modulazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ annullament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Novembru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Preżentata tardiva tal-offerti ta’ provi – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikoli 46(1), u 48(1))

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Kundizzjoni – Riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni – Għażla tal-metodu ta’ analiżi – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 2(9), u 11(10))

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Kundizzjonijiet – Aġġustamenti – Applikazzjoni ex officio

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(9))

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Kundizzjoni – Riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni – Analiżi numru ta’ kontroll ta’ prodott b’numru ta’ kontroll ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, premessa 20 u l-Artikolu 11(10))

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehim antidumping tal-GATT tal-1994 – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Eċċezzjoni – Interpretazzjoni stretta

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “ftehim antidumping tal-1994”, Artikoli 2.4, u 9.3.3; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9), u l-Artikolu 11(10))

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Kundizzjoni – Evalwazzjoni każ b’każ – Prattika preċedenti jew posterjuri tal-istituzzjonijiet – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(10))

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Għażla tal-metodu ta’ analiżi – Obbligu li jintuża metodu koerenti ma’ dak adottat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 2(9) u (11), u 11(10))

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Rimbors tad-dazji antidumping – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping effettiv – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Użu minn prezz ta’ esportazzjoni mibni – Aġġustamenti – Nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tad-dazji antidumping imħallsa – Oneru tal-prova tar-riperkussjoni tal-imsemmi ammont fuq l-importatur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(10))

9.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni li tirrifjuta parzjalment ir-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa indebitament – Neċessità li jinżammu b’mod provviżorju l-effetti tad-deċiżjoni sabiex jiġi evitat l-obbligu ta’ ħlas lura tat-totalità tas-somom irrimborsati – Assenza

(Artikolu 264 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-30)

2.      Fil-qasam ta’ dumping, l-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 ma jistabbilixxix metodu speċifiku sabiex jiġi evalwat jekk dazju antidumping ġiex mgħoddi debitament fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, minkejja r-riferiment doppju għall-Artikolu 2 tar-regolament antidumping bażiku magħmul mill-Artikolu 11(10) tal-istess regolament, l-avverbju “kif suppost [debitament]” ma jirreferix għal metodu ta’ eżami jew għal regola msemmija fl-Artikolu 2 tar-regolament antidumping bażiku, iżda għall-għan tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ipprattikati mill-kumpanniji marbuta mal-produttur-esportatur fir-rigward tal-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni, jiġifieri l-modifika tal‑aġir tal-imsemmija kumpanniji wara l-istabbiliment tad-dazji antidumping, jew, fl-aħħar mill-aħħar, l-eliminazzjoni tal-marġni ta’ dumping ikkonstatat inizjalment.

Fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ metodu fir-regolament antidumping bażiku li jippermetti li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tal-istess regolament humiex issodisfatti, l-għażla bejn diversi metodi tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta hija tagħżel il-metodu, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni hija mitluba teżerċita, f’dan il-qasam, biss stħarriġ ġudizzjarju ristrett.

(ara l-punti 53, 63-67)

3.      Rigward id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping, mill-Artikolu 2(9) tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 jirriżulta li l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw li l prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur jew terz jew minħabba arranġament ta’ tpaċija bejn l-esportatur u l-importatur jew terz. Minbarra dawn il-każijiet, l-istituzzjonijiet huma marbuta, meta jkun hemm prezz ta’ esportazzjoni, li jibbażaw ruħhom fuq dan għad-determinazzjoni tad-dumping.

Meta l-prezz ta’ esportazzjoni jinbena fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, l-aġġustamenti previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament antidumping bażiku jsiru ex officio mill-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 55-57)

4.      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riperkussjoni tad-dazji antidumping imħallsa fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, l-applikazzjoni ta’ metodu NKP b’NKP ma tippreġudikax in-natura unika tal-prodott ikkonċernat, peress li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx marġni ta’ dumping permezz ta’ NKP, iżda marġni ta’ dumping uniku għall-prodott ikkonċernat.

Imbagħad, meta l-prodott ikkonċernat huwa prodott kumpless, li l-mudelli differenti tiegħu għandhom karatteristiċi tekniċi differenti u prezzijiet li jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli, il-metodu NKP b’NKP, li huwa intiż sabiex iqabbel NKP li l-karatteristiċi u l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom huma simili, huwa iktar xieraq sabiex tiġi eżaminata l-evoluzzjoni tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors. Min-naħa l-oħra, il-metodu ta’ analiżi bbażat fuq iż-żieda globali tad-dħul mill-bejgħ ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk l-importatur marbut effettivament immodifikax l-aġir tiegħu fis-suq jew jekk, bil-kontra, implementax politika ta’ prezzijiet li tippermettilu jikkumpensa l-mudelli l-inqas mibjugħa b’dawk l-iktar mibjugħa, billi jintervjeni b’dan il-mod fuq il-marġnijiet magħmula.

Barra minn hekk, skont interpretazzjoni litterali tal-premessa 20 u tal-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku, ir-riperkussjoni tad-dazji antidumping imħallsa għandha tiġi eżaminata għal kull prezz tal-bejgħ u, għaldaqstant, pjuttost skont metodu tranżazzjoni bi tranżazzjoni jew saħansitra, fejn xieraq, skont metodu mudell b’mudell jew metodu NKP b’NKP.

F’dan il-kuntest, l-użu tal-metodu NKP b’NKP, sakemm dan jiġi applikat b’mod koerenti fl-istadji kollha tal-eżami tat-talba għal rimbors, ma jimplikax li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali għar-rimbors totali tad-dazji antidumping imħallsa, iżda biss li l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku tiġi vverifikata mal-livell tal-NKP individwali, pjuttost milli mal-livell tal-prodott ikkonċernat fil-globalità tiegħu.

Minbarra dan, il-fatt li l-approċċ NKP b’NKP ma jissemma mkien fir-regolament antidumping bażiku ma jfissirx li huwa illegali jew manifestament żbaljat.

(ara l-punti 72-74, 76, 96, 114)

5.      Id-dispożizzjonijiet tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping).

Fil-fatt, l-Unjoni adottat ir-regolament antidumping bażiku sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-ftehim antidumping. Barra minn hekk, bl-Artikolu 11(10), tar-regolament antidumping bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplementa l-obbligi partikolari li jinvolvi l-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping. L-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku huwa għaldaqstant interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping tistabbilixxi li, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-regolament antidumping bażiku, il-prinċipju tad-“dazju assimilat għal spiża”, skont liema d-dazji u t-taxxi inkorsi bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, fosthom id-dazji antidumping imħallsa, huma spejjeż li għandhom jitnaqqsu fil-bini tal-prezz ta’ esportazzjoni. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping skont l-Artikolu 9.3.3 tal-ftehim antidumping huwa meqjus li huwa eċċezzjoni fir-rigward tar-regola “dazju assimilat għal spiża”, inkluża fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-imsemmi ftehim. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping, stabbilit fl-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku, huwa eċċezzjoni fir-rigward tar-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tal-istess regolament, u għaldaqstant għandu jiġi interpretat b’mod strett.

B’dan il-mod, l-ostakolu għall-ksib ta’ rimbors totali tad-dazji antidumping imħallsa, li jikkonsisti f’li wieħed juri li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni żdiedu b’ammont ugwali għal darbtejn il-marġni ta’ dumping, huwa l-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku ma humiex issodisfatti u, għaldaqstant, tal-applikazzjoni tar-regola tad-“dazju assimilat għal spiża”.

(ara l-punti 81, 82, 86-88, 94, 95)

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex teżamina jekk il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni humiex issodisfatti. Din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata każ b’każ abbażi tal-fatti kollha rilevanti.

F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping mill-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl, minn naħa, tal-provi prodotti mill-importaturi li jitolbu n-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull kawża.

Konsegwentement, sabiex jibbenefika min-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping imħallsa, importatur ma jistax jinvoka l-prattika preċedenti jew posterjuri tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 121-123)

7.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa, l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-klijenti ta’ importatur marbut, previst fl-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 huwa stadju fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni mibni abbażi tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, skont ir-riżultat miksub wara dan l-eżami, id-dazji antidumping jitnaqqsu mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni u, għaldaqstant, ikollhom impatt dirett fuq l-ammont ta’ dan, sa fejn ikun neċessarjament inqas għoli milli kieku d-dazji antidumping ma kinux imnaqqsa. Barra minn hekk, iktar ma l-prezz ta’ esportazzjoni jkun baxx, iktar id-differenza mal-valur normali tkun kbira u l-marġni ta’ dumping rivedut ikun għoli. L-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku jagħmel għaldaqstant parti mill-bini tal-prezz ta’ esportazzjoni u, indirettament, mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping rivedut.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tadotta metodi koerenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) u (11), u tal-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tivverifika jekk id-dazji antidumping ġewx mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti stabbilit fl-Unjoni skont metodu ta’ analiżi numru ta’ kontroll ta’ prodott b’numru ta’ kontroll ta’ prodott (NKP b’NKP), hija twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tirrifjuta n-nuqqas ta’ tnaqqis tad-dazji antidumping mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-NKP li għalihom id-dazji antidumping kienu madankollu ġew mgħoddija fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. Fil-fatt, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma tiddeduċix il-konsegwenzi kollha tal-metodu NKP b’NKP li hija kienet, hija nnifisha, iddeċidiet li tapplika, sa fejn hija tnaqqas l-integralità tad-dazji antidumping imħallsa mill-prezz ta’ esportazzjoni mibni skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament antidumping bażiku u tnaqqas b’dan il-mod b’mod artifiċjali l-prezz ta’ esportazzjoni medju ponderat uniku għal kull NKP.

Barra minn hekk, l-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku ma jobbligax lill-Kummissjoni tnaqqas b’mod sistematiku t-totalità tad-dazji antidumping imħallsa f’każ fejn l-eżami tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping skont metodu NKP b’NKP ma jippermettix li jiġi konkluż li din ir-riperkussjoni kienet saret għall-NKP kollha, iżda biss għal xi wħud fosthom.

(ara l-punti 137-144, 147)

8.      Sabiex jiġi stabbilit, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rimbors tad-dazji antidumping imħallsa, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni mibni għandu jiġi kkalkolat mingħajr ma jitnaqqas l-ammont ta’ dawn id-dazji, l-unika kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(10) tar-regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 hija li l-importatur marbut jagħti provi konklużivi tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

F’dan il-kuntest, sakemm tkun “konklużiva”, il-prova tar-riperkussjoni tad-dazji antidumping fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tista’ tinġab b’kull mezz.

(ara l-punti 151, 152)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 162-164)