Rikors ippreżentat fil-31 ta'Awwissu 2007 -Marcuccio vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-87/07)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G.Cipressa, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla n-nota tat-18 ta' Diċembru 2006, prot. ADMIN.B.2 MB/hm (2006) 29517 ;
tannulla d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda, min-naħa tal-konvenuta, l-applikazzjoni tar-rikorrent, tat-2 ta' Awwissu 2006, li kien għamel ma' l-Awtorità bis-Setgħa tal-Ħatra sabiex jingħata, minn naħa waħda, il-ħlas lura ta' dik il-parti li tħalset sa dik id-data tad-dannu soffert mir-rikorrent u kkawżat minn atti, fatti u aġir illegali li jirrigwardaw tliet ċertifikati mediċi ppreżentati mir-rikorrent fis-sajf ta' l-2001 (iktar 'il quddiem id-"dannu in kwistoni"), u, min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej sabiex fil-kawża li r-rikorrenti bi ħsiebu jressaq, huwa jixhed fuq l-atti, il-fatti u l-aġir imsemmija iktar 'il fuq, kif ukoll sabiex jippreżenta nota ta' l-14 ta' Awwissu 2001 quddiem il-Qrati kompetenti;
tannulla, jekk ikun il-każ, in-nota tas-27 ta' April 2007, rif. ADMIN.B.2/MB/ade D(07) 9132, li biha ġie miċħud l-ilment tat-12 ta' Jannar 2007 magħmul mir-rikorrent kontra ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tat-2 ta' Awwissu 2006;
tikkonstata l-atti, il-fatti u l-aġir imsemmija mir-rikorrent fl-applikazzjoni tat-2 ta' Awwissu 2006, kif ukoll, b'mod inċidentali, tiddikjara l-illegalità tagħhom;
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 100 000, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ġusta u ekwa, bħala riżarċiment ta' dik il-parti mid-dannu in kwistjoni li diġà seħħ sa llum;
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, għal kull ġurnata li tgħaddi bejn għada u l-jum li fih, wara li jinstemgħu it-talbiet kollha ta' din il-kawża, u d-deċiżjoniiet kollha jiġu eżegwiti bla ebda eċċezzjoni, is-somma ta' EUR 20, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ġusta u ekwa, li titħallas fl-ewwel jum ta' kull xahar b'relazzjoni ma' l-ammont dovut fix-xahar ta' qabel, bħala riżarċiment għal dik il-parti mid-dannu in kwistjoni li seħħ fit-terminu taż-żmien bejn għada u d-data ta' l-eżekuzzjoni;
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
In sostenn ta' l-argumenti tiegħu, ir-rikorrent jinvoka t-tliet motivi segwenti : 1) nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba nuqqas ta' loġika, nuqqas ta' kongruwenza, nuqqas ta' raġonevolezza, konfużjoni u pretestwożità tar-raġunijiet adottati mill-konvenuta ; 2) ksur gravi, ċar u manifest tal-liġi ; 3) ksur tad-dmir ta' premura u ta' amministrazzjoni tajba.
____________