Language of document : ECLI:EU:T:2013:372

Kawża T‑321/10

SA.PAR. Srl

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali GRUPPO SALINI – Mala fide – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013

1.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Applikant li kien f’mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Għarfien mill-applikant tal-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili – Intenzjoni tal-applikant – Livell ta’ protezzjoni ġuridika tas-sinjali inkwistjoni – Loġika kummerċjali li hija l-bażi tar-reġistrazzjoni tas-sinjal ikkonċernat bħala trade mark Komunitarja – Sekwenza ta’ avvenimenti li kkaratterizzaw il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark – Livell ta’ reputazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 07/2009, Artikolu 2(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Applikant li kien f’mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark – Trade mark verbali GRUPPO SALINI

(Regolament tal-Kunsill Nru 07/2009, Artikolu 2(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – Għan

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

1.      Permezz tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ invalidità, fil-każ fejn l-applikant kien f’mala fide matul il-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark. Min iressaq it-talba għall-invalidità u biħsiebu jinvoka din ir-raġuni, għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja kien f’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-każ ineżami u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, u b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew servizz identiku jew li jixxiebah li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-tieni nett, l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal, kif ukoll, it-tielet nett, il-livell ta’ protezzjoni ġuridika li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Madankollu, il-fatturi elenkati huma mogħtija biss bħala eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tippronunzja ruħha fuq l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark. Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark Komunitarja kif ukoll tas-sekwenza ta’ avvenimenti kkaratterizzati minn din il-preżentata.

Fl-aħħar nett, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, u dan peress li tali livell ta’ reputazzjoni jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni ġuridika iktar estiża tas-sinjal tiegħu.

F’dak li jirrigwarda l-intenzjonijiet ta’ applikant għal trade mark, għandhom jiġu eżaminati kif jistgħu jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi oġġettivi u mill-azzjonijiet konkreti tagħha, mir-rwol tagħha jew mill-pożizzjoni tagħha, mill-għarfien li għandha fir-rigward tal-użu tas-sinjal preċedenti, mir-rabtiet ta’ natura kuntrattwali, prekuntrattwali jew postkuntrattwali li kellha mal-applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mill-eżistenza ta’ dmirijiet jew obbligi reċiproċi, inklużi d-dmirijiet ta’ lealtà u ta’ onestà li jirriżultaw mill-mandati fil-kumpannija jew mill-funzjonijiet ta’ tmexxija mwettqa jew li għad għandhom jitwettqu fl-impriża tal-applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u, b’mod iktar ġenerali, mis-sitwazzjonijiet oġġettivi kollha ta’ kunflitt ta’ interessi fejn l-applikanti għal trade mark opera.

(ara l-punti 18, 21-23, 28, 33)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26-35, 45)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 41)