Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2010 - Clasado vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-322/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Clasado Ltd. (Milton Keynes, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: G.C. Facenna, Barrister, M.E. Guinness u M.C. Hann, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-partijiet tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/20101 u Nru 384/20102, tal-5 ta' Mejju 2010, li jirrigwardaw l-istqarrijiet li jirrigwardaw is-saħħa ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tal-BimunoBT (BGOS) Prebiotic; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament ta' dawk il-partijiet tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/2010 u Nru 384/2010, tal-5 ta' Mejju 2010, fejn ġie deċiż li l-istqarrijiet li jirrigwardaw is-saħħa ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward ta' BimunoBT (BGOS) Prebiotic, suppliment tal-ikel prebiotiku intiż sabiex isostni lis-sistema immunitarja u s-saħħa gastrointestinali fil-bnedmin, u sabiex inaqqas ir-riskju ta' dijarea tal-vjaġġaturi, ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/20063, u li għaldaqstant ma għandhomx jiġu awtorizzati.

Insostenn ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tippreżenta l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kisret forma proċedurali essenzjali meta adottat ir-regolamenti inkwistjoni, b'mod partikolari, dik tal-possibbiltà għar-rikorrenti u għall-pubbliku sabiex jgħarrfu l-kummenti tagħhom skont l-Artikoli 16(6) u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

It-tieni nett, meta għamlet dan, il-Kummissjoni injorat b'mod żbaljat l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/20024, li huwa intiż sabiex jiżgura li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel twettaq l-attivitajiet tagħha b'livell għoli ta' trasparenza.

Apparti dan, billi kkonkludiet li l-kummenti supplementarji tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar ir-rikorsi tar-rikorrenti tal-4 ta' Diċembru 2009 ma jikkostitwux opinjoni, jew parti mill-opinjoni, li ssir riferenza għaliha fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-regolamenti inkwistjoni ġew addotati fuq il-bażi ta' żball ta' liġi.

Barra minn hekk, ir-regolamenti kkontestati tal-Kummissjoni ġew adottati bi ksur tad-dritt ta' smigħ ta' Clasado, taħt l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 5, u l-aspettativi leġittimi tagħha.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali komuni fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, u b'mod partikolari l-obbligu tagħha bħala leġiżlatur taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 li twettaq eżami dilliġenti u indipendenti tal-materjal rilevanti kollu ppreżentat quddiemha.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/2010, tal-5 ta' Mejju 2010, li ma jagħtix kunsens li jiġu awtorizzati ċerti stqarrijiet li jirrigwardaw is-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel, għajr dawk li jirreferu għal tnaqqis ta' riskju ta' mard u ta' riskju għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal (ĠU L 113, p. 1).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 384/2010, tal-5 ta' Mejju 2010, dwar l-awtorizzazzjoni u ċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel u li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 113, p. 6).

3 - Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9).

4 - Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta' Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 06, p. 463).

5 - Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83, p. 389).