Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2010 - Consorzio del vino nobile di Montepulciano et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-318/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Consorzio del vino nobile di Montepulciano (Montepulciano, l-Italja), Contucci di Alamanno Contucci & C. Società Agricola Sas (Montepulciano, l-Italja), Villa S. Anna Società Semplice Agricola di Fabroni Anna S. E M. Società Seplice (Montepulciano, l-Italja), Il Conventino Società Agricola per Azioni (Montepulciano, l-Italja) (rappreżentanti: D. Dodaro, avukat, S. Cianciullo, avukat, G. Brini, avukat, G. Nazzi, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara n-nullità u l-inapplikabbiltà tar-regolament ikkontestat, jew fi kwalunkwe każ tannulla l-emenda li saret permezz tiegħu lill-Anness XV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, sa fejn jidentifika b'mod żbaljat l-iżball tekniku li għandu jiġi kkoreġut bis-sempliċi trasferiment tad-denominazzjoni tal-varjetà tal-għenba "Montepulciano" fil-parti B tal-istess anness, u sa fejn japplika għad-denominazzjoni ta' oriġini protetta "Vino Nobile di Montepulciano" is-sistema derogatorja pprovduta fir-Regolament (KE) Nru 607/09 għall-Artikolu 62(3) u (4) mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni n-natura effettiva tagħha.

sussidjarjament, tiddikjara n-nullità u l-inapplikabbiltà tar-regolament ikkontestat, jew fi kwalunkwe każ tannulla l-emenda li saret permezz tiegħu lill-Anness XV, sa fejn, sabiex isir trasferiment fil-parti A tal-istess anness tad-denominazzjoni tal-varjetà tal-għenba "Montepulciano" għall-finijiet tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, li jikkonċerna l-ismijiet tal-għenba li jinkludu jew jikkonsistu f'denominazzjoni ta' oriġini protetta, identifikat id-denominazzjoni ta' oriġini protetta fil-kelma waħda "Montepulciano", billi neħħiet l-indikazzjoni tradizzjonali "Vino Nobile di" li ilha tikkostitwixxi parti integrali minn din id-denominazzjoni sa mir-rikonoxximent tagħha.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti jikkonċerna r-Regolament Nru 401/2010 1 inkwantu, bl-adozzjoni tiegħu u bil-motivazzjoni li jiġi kkoreġut żball fil-pożizzjoni tal-isem tal-varjetà Montepulciano fil-parti "B" tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 2, il-Kummissjoni poġġiet l-isem fil-parti "A" tal-istess Anness XV u neħħiet l-indikazzjoni tradizzjonali "Vino Nobile di Montepulciano" mill-ewwel kolonna tat-tabella.

Billi għamlet hekk, il-konvenuta kklassifikat bħala sempliċi trasferiment tranżazzjoni regolatorja li għandha effett ikbar minn dak li huwa permess mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009. B'dan il-mod kien hemm abbuż ta' poter evidenti, peress li din id-dispożizzjoni ntużat b'mod li mhuwiex xieraq għal finijiet eżorbitanti meta mqabbla ma' dawk mixtieqa minnha, b'dannu għall-prodotturi tal-Vino Nobile di Montepulciano, għall-Consorzio del Vino Nobile u b'mod ġenerali b'dannu għall-konsumaturi u għas-suq.

Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ksur tal-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs. F'dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li t-tneħħija bil-moħbi tat-terminu tradizzjonali "Vino Nobile" mid-denominazzjoni ta' oriġini protetta "Vino Nobile di Montepulciano", mhijiex miżura suffiċjenti jew xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet indikati fil-Ftehim TRIPS, peress li tiżdied il-probabbiltà ta' konfużjoni, speċjalment fil-konsumaturi Komunitarji mhux Taljani, li jkunu faċilment żvijati b'tikketti li għandhom it-terminu "Montepulciano". Għalhekk, b'dan il-mod, ma tidhirx ċara biżżejjed id-distinzjoni bejn il-prodotti diversi koperti bl-istess terminu, użat hawnhekk minn naħa bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-istess isem mingħajr l-indikazzjoni tradizzjonali u min-naħa l-oħra bħala indikazzjoni tal-varjetà preċedenti u mhux posposta għall-ispeċifikazzjoni ġeografika.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 401/2010, tas-7 ta' Mejju 2010, li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 117, 11.05.2010, p. 13)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, tal-14 ta' Lulju 2009, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60)