Language of document : ECLI:EU:T:2005:160

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

4 ta' Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja Westlife – Trade mark nazzjonali preċedenti West – Probabbiltà ta' konfużjoni – Xebh bejn sinjali"

Fil-kawża T-22/04,

Reemark Gesellschaft für Markenkooperation mbH, stabbilita f'Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Koch Moreno, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Bluenet Ltd, stabbilita f'Limerick (l-Irlanda),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta' Novembru 2003 (Każ R 238/2002-2), dwar proċedura ta' oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju tat-trade mark West kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Westlife,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Mejju 2004,

wara s-seduta tat-18 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta' Mejju 1999, BMG Music ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali Westlife.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet segwenti fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat:

–        klassi 9: "Mezzi għall-ħażna ta' ħsejjes, mezzi għall-ħażna ta' immaġni u mezzi għall-ħażna ta' data, li jkunu kollha rreġistrati minn qabel; mezzi għall-ħażna ta' ħsejjes, mezzi għall-ħażna ta' immaġni u mezzi għall-ħażna ta' data, inklużi dawk intiżi għal użu interattiv";

–        klassi 16: "Prodotti stampati, bullettini, kotba, opuskuli, kartelluni, dekalkomaniji, stikers għal mal-karozzi, noti mużikali u partituri";

–        klassi 25: "Ħwejjeġ, inklużi t-shirts, sweat-shirts, ġgieget, kpiepel u brieret tal-baseball";

–        klassi 41: "Servizzi ta' divertiment ipprovduti minn grupp mużikali, inklużi programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet tar-radju u materjal elettroniku; servizzi ta' informazzjoni dwar il-mużika, il-kunċerti, l-artisti u s-servizzi ta' divertiment, kemm permezz ta' l-Internet u kemm permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni oħra; organizzazzjoni ta' kunċerti u ta' spettakli oħra".

4        Din l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 22/2000 ta' l-20 ta' Marzu 2000.

5        Fl-20 ta' Ġunju 2000, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra t-trade mark mitluba fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni billi bbażat ruħha fuq it-trade mark verbali Ġermaniża preċedenti tagħha Nru 39 743 603, West, u t-trade mark verbali internazzjonali preċedenti tagħha Nru 700 312, West. Fir-rigward tat-trade mark Ġermaniża, l-oppożizzjoni kienet tikkonċerna l-prodotti u s-servizzi segwenti:

–        "apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi u ottiċi; apparat għar-reġistrazzjoni, trażmissjoni jew riproduzzjoni ta' ħsejjes u immaġni, mezzi manjetiċi għar-reġistrazzjoni, diski fonografiċi, apparat għall-bejgħ awtomatiku, apparat għall-ipproċessar tad-data u l-kompjuters", li jaqgħu fil-klassi 9;

–        "karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta' kartolerija u tad-dar; materjali għall-artisti; pniezel taż-żebgħa; magni tal-kitba u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjal tal-plastik għall-ippakkjar (inkluż f'din il-klassi); karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta' l-istampar", li jaqgħu fil-klassi 16;

–        "ħwejjeġ inklużi l-ħwejjeġ ta' l-isport, żraben, għata tar-ras, xalel, ingravati, kalzetti, ċineg", li jaqgħu fil-klassi 25;

–        "edukazzjoni u divertiment, b'mod partikolari organizzazzjoni u realizzazzjoni ta' festivals, ta' festi u ta' spettakli mużikali", li jaqgħu fil-klassi 41.

6        Fl-1 ta' Frar 2001, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, Bluenet Ltd, saret is-suċċessura fid-dritt ta' BMG Music fil-kuntest tal-proċedimenti ta' applikazzjoni għal trade mark.

7        Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Jannar 2002, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI, minn naħa, irrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni t-trade mark internazzjonali preċedenti minħabba li l-opponenti ma kinitx ressqet il-provi fir-rigward tagħha u, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark fir-rigward tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 25 u 41 minħabba li kemm is-sinjali kunfliġġenti u kemm il-prodotti jew servizzi in kwistjoni kienu identiċi jew simili.

8        Fil-15 ta' Marzu 2002, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

9        It-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 2003 (Każ R 238/2002-2, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni.

10      Il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-banda l-oħra, huwa kkunsidra li bejn is-sinjali kunfliġġenti ftit kien hemm xebh mill-aspett fonetiku u mill-aspett viżiv u li dawn is-sinjali kienu jippreżentaw biss ċertu xebh mill-aspett kunċettwali (punti 19, 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tiegħu taż-żewġ trade marks, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li d-differenzi bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti Ġermaniża kienu sinjifikattivi biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jeżistu flimkien fis-suq. Għaldaqstant, huwa kkunsidra li ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ma ressqitx nota quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fit-terminu preskritt. Wara li inizjalment indikat, permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Ġunju 2004, li kellha l-intenzjoni li tassisti għas-seduta, hija sussegwentament informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fit-12 ta' Jannar 2005, li hija ma kienx għad għandha l-intenzjoni li tassisti għaliha. Għandu jiġi kkonstatat li din il-parti ma ħaditx sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sens ta' l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta' din il-Qorti, b'mod partikolari safejn hija la ressqet it-talbiet tagħha u lanqas ma indikat li hija kienet qiegħda ssostni dawk ta' xi waħda mill-partijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li hija m'għandhiex il-kwalità ta' intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba li mhijiex konformi ma' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94;

–        tikkonstata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark mitluba Westlife u t-trade mark Ġermaniża West;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      L-UASI, filwaqt li jindika espressament li kien obbligat jagħmel dawn it-talbiet, jitlob formalment lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Skondha, il-Bord ta' l-Appell wettaq żball safejn ikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, ma kinitx teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark mitluba Westlife u t-trade mark West, irreġistrata fil-Ġermanja.

15      Essenzjalment, l-UASI jsostni l-argument imressaq mir-rikorrenti. Madankollu, fir-risposta tiegħu, huwa qiegħed formalment jitlob li r-rikors jiġi miċħud minħabba li, skondu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tobbligah li jagħmel talba bħal din. F'dan ir-rigward huwa jinvoka s-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT) (T-110/01, Ġabra p. II-5275, punti 16 et seq), u tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs L-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY) (T-99/01, Ġabra p. II-43, punti 14 et seq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq il-kwalifikazzjoni tat-talbiet ta' l-UASI

16      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li fi proċedura dwar rikors kontra deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI mogħtija fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-UASI m'għandux is-setgħa li jibdel, permezz tal-pożizzjoni li jadotta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, it-termini tal-kwistjoni, kif jirriżultaw mit-talbiet u mill-pretensjonijiet rispettivi ta' l-applikant għar-reġistrazzjoni u ta' min ikun ressaq oppożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs L-UASI, C-106/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 26 sa 38, li tikkonferma fl-appell is-sentenza HUBERT, iċċitata f'punt 15 aktar 'il fuq).

17      Madankollu, kuntrarjament għal dak li huwa osserva fir-risposta tiegħu, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-UASI huwa obbligat li jitlob li jiġi miċħud rikors imressaq kontra deċiżjoni ta' wieħed mill-Bordijiet ta' l-Appell tiegħu. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE) (T-107/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), filwaqt li l-UASI m'għandux il-kapaċità meħtieġa sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell, huma ma jistax, mill-banda l-oħra, jiġi obbligat jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta' Bord ta' l-Appell jew li jitlob b'mod obbligatorju li jiġi miċħud kull rikors imressaq kontra deċiżjoni bħal din (punt 34 tas-sentenza).

18      Għaldaqstant, l-UASI jista', mingħajr ma jibdel it-termini tal-kwistjoni, jitlob li jintlaqgħu t-talbiet ta' xi waħda mill-partijiet l-oħra, skond l-għażla tiegħu, u jressaq argumenti in sostenn tal-motivi mressqa minn din il-parti. Mill-banda l-oħra, huwa ma jistax jifformula talbiet awtonomi għal annullament jew jippreżenta motivi ta' annullament li ma jkunux tqajmu mill-partijiet l-oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza HUBERT, iċċitata fil-punt 15 aktar 'il fuq, punt 34).

19      F'din il-kawża, kemm fir-risposta tiegħu u kemm fis-seduta, l-UASI esprima b'mod ċar ir-rieda tiegħu li jsostni t-talbiet u l-motivi mressqa mir-rikorrenti. Huwa espressament indika li kien qiegħed formalment jitlob li r-rikors jiġi miċħud biss minħabba li kien jikkunsidra lilu nnifsu obbligat li jagħmel dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Peress li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti, din l-evalwazzjoni ma tikkorrispondix mal-pożizzjoni fid-dritt, it-talbiet ta' l-UASI għandhom jiġu rrikkwalifikati u għandu jiġi kkunsidrat li huwa essenzjalment talab li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti. Wara li tkun saret din ir-rikwalifikazzjoni, m'hemmx inkoerenza bejn it-talbiet u l-argumenti mressqa fir-risposta.

 Fuq il-mertu

20      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tintlaqa' "jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u [minħabba] l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti".

21      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi għandha tiġi evalwata globalment skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li huma karatteristiċi tal-każ partikolari, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi identifikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

22      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti f'dan il-każ, ir-rikorrenti u l-UASI jaqblu li dan huwa kkostitwit, minn ta' l-anqas, mill-konsumaturi medji Ġermaniżi. Mit-termini tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ukoll uża din id-definizzjoni.

23      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment simili, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet irrappreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

24      Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti u l-UASI jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta' livell ta' xebh biżżejjed bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni sabiex tinħoloq probabbiltà ta' konfużjoni. Skondhom, fid-dawl ta' l-identiċità u x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kollha koperti, is-sinjali kunfliġġenti huma simili biżżejjed sabiex tinħoloq probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

25      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-dawl tal-fatt li huma identiċi jew simili, it-trade mark mitluba Westlife u t-trade mark preċedenti West humiex simili biżżejjed sabiex joħolqu, min-naħa tal-konsumatur medju Ġermaniż, probabbiltà ta' konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni.

26      F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija minn dawn it-trade marks, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25).

27      F'dan il-każ, is-sinjal Westlife huwa kompost minn żewġ kelmiet magħqudin flimkien, jiġifieri l-kelma "west", li tfisser "punent", u l-kelma "life", li tfisser "ħajja". Għalhekk, il-kelma "west" hija waħda mill-uniċi żewġ kelmiet li jikkostitwixxu t-trade mark mitluba Westlife u l-unika kelma li tikkostitwixxi t-trade mark preċedenti West.

28      Fir-rigward tax-xebh kunċettwali, għandu jiġi osservat li ż-żewġ trade marks jevokaw il-kunċett ta' l-Oċċident safejn it-tnejn li huma fihom l-element "west". Fir-rigward tat-tieni element li jikkostitwixxi t-trade mark mitluba, il-Bord ta' l-Appell ġustament osserva li l-kelma "life" tista' tiġi rrikonoxxuta mill-pubbliku rilevanti bħala l-ekwivalenti bl-Ingliż għall-kelma Ġermaniża "Leben" (jiġifieri "ħajja" fil-Ġermaniż) u, għaldaqstant, bħala kelma b'tifsira identifikabbli u mhux bħala denominazzjoni ta' stħajjil.

29      Għalhekk, dan l-element jista' jinftiehem mill-pubbliku rilevanti, meta assoċjat mal-kelma l-oħra tat-trade mark, "west", bħal referenza għal stil ta' ħajja.

30      Iż-żieda ta' din il-konnotazzjoni dwar l-istil ta' ħajja mhijiex biżżejjed sabiex tiddistingwi ż-żewġ trade marks b'mod sinjifikattiv fuq l-aspett kunċettwali. Safejn iż-żewġ trade marks jiġu pperċepiti bħala li jevokaw prodotti jew servizzi oċċidentali fir-rigward ta' West jew li jikkonċernaw stil ta' ħajja oċċidentali fir-rigward ta' Westlife, it-tnejn li huma għandhom konnotazzjonijiet simili, fatt li joħloq ċertu xebh mill-aspett kunċettwali.

31      Fir-rigward tax-xebh fonetiku, il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatt, imsemmi fil-punt 28 aktar 'il fuq, li l-kelma "life" hija kelma Ingliża li tista' tingħaraf bħala tali mill-konsumatur medju Ġermaniż. Għalhekk, huwa josserva li, jekk it-tieni element tat-trade mark mitluba jingħaraf bħala kelma Ingliża, "ma jistax jiġi eskluż bħala improbabbli" li t-trade mark kollha kemm hi, inkluża l-kelma "west" li teżisti kemm fl-Ingliż u kemm fil-Ġermaniż, tiġi ppronunzjata bl-Ingliż mill-konsumatur medju Ġermaniż. Mill-banda l-oħra, it-trade mark West hija ppronunzjata bil-Ġermaniż, jiġifieri kif hija ppronunzjata l-kelma "vest" skond ir-regoli ta' pronunzja Ingliżi jew Franċiżi.

32      Għandu jiġi kkonstatat li l-formula "ma jistax jiġi eskluż bħala improbabbli" tant m'għandhiex natura affermattiva li, għall-kuntrarju, timplika li teżisti wkoll possibbiltà li mhux ta' min iwarrabha li l-konsumatur Ġermaniż medju jippronunzja l-element "west" tat-trade mark mitluba "Westlife" bil-Ġermaniż, fl-liema każ ikun hemm xebh fonetiku reali bejn iż-żewġ trade marks.

33      Għalkemm huwa probabbli li ċerta proporzjoni tal-konsumaturi li jifformaw il-pubbliku rilevanti jippronunzjaw l-element "west" tat-trade mark mitluba Westlife bil-mod Ingliż, xorta jibqa' l-fatt li konsumaturi oħra jippronunzjawh bil-Ġermaniż. F'dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-preżenza ta' l-element "life" fit-trade mark mitluba Westlife, jeżisti ċertu livell ta' xebh fonetiku bejn iż-żewġ trade marks.

34      Mill-aspett viżiv, jeżisti, b'mod li ma jistax jiġi kkontestat, ċertu xebh bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni minħabba li t-trade mark preċedenti West hija l-ewwel komponent tat-trade mark mitluba Westlife. Barra minn hekk, peress li huma involuti żewġ trade marks verbali, iż-żewġ trade marks huma miktuba mingħajr stil partikolari għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tax-xebh viżiv bejniethom. Għalhekk, il-konsumatur medju, li normalment ikollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tat-trade marks li jkollu f'moħħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 26 aktar 'il fuq, punt 26), jista' jitfixkel mill-aspett viżiv fir-rigward tat-trade marks in kwistjoni.

35      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-sinjali kunfliġġenti huma simili mill-aspett viżiv mingħajr, madankollu, ma jkun possibbli li jitqies li bejniethom jeżisti livell għoli ħafna ta' xebh mill-aspett viżiv.

36      Fl-evalwazzjoni globali taż-żewġ sinjali in kwistjoni, għandu jiġi osservat li l-ebda wieħed miż-żewġ elementi "west" u "life" ma jirriżulta b'mod ċar bħala l-element dominanti tat-trade mark mitluba f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, tkun kunsiderazzjoni artifiċjali jekk jitqies li l-kelma "west" hija dominanti minħabba li hija l-ewwel element tat-trade mark mitluba, iżda lanqas m'hemm xi raġuni għaliex l-element "life" għandu jitqies bħala dominanti. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-kelma "west" hija kelma Ġermaniża kif ukoll kelma Ingliża, filwaqt li l-kelma "life" hija biss kelma Ingliża, u għalhekk barranija f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, il-kelma "west" la tiddeskrivi l-prodotti jew servizzi in kwistjoni u lanqas il-kwalitajiet tagħhom.

37      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li, fuq evalwazzjoni inizjali, fil-każ fejn waħda mill-uniċi żewġ kelmiet li jikkostitwixxu trade mark verbali tkun identika, mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku, għall-unika kelma li tikkostitwixxi trade mark verbali preċedenti u fejn dawn il-kliem, meħuda flimkien jew waħedhom, ma jkollhom, mill-aspett kunċettwali, l-ebda tifsira għall-pubbliku kkonċernat, it-trade marks in kwistjoni, ikkunsidrati t-tnejn li huma fl-intier tagħhom, għandhom normalment jitqiesu bħala simili [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs L-UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39].

38      F'dan il-każ, waħda mill-uniċi żewġ kelmiet li jikkostitwixxu t-trade mark verbali mitluba hija effettivament identika, mill-aspett viżiv, għall-unika kelma li tikkostitwixxi t-trade mark verbali preċedenti. Mill-aspett fonetiku, jeżisti ċertu xebh iżda, madankollu, mingħajr ma l-pronunzja tal-kelma "west" tkun identika, ta' l-anqas fir-rigward tal-pubbliku rilevanti kollu. F'dan il-każ, iż-żewġ kelmiet li jikkostitwixxu t-trade mark Westlife għandhom tifsira għall-pubbliku rilevanti iżda la jiddeskrivu l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni u lanqas il-kwalitajiet tagħhom u għaldaqstant m'għandhom l-ebda konnotazzjoni partikolari fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar.

39      Għaldaqstant, għalkemm il-metodu espost fil-punt 37 aktar 'il fuq mhux direttament applikabbli għal dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-unika differenza viżiva bejn iż-żewġ trade marks verbali in kwistjoni hija li waħda minnhom fiha element addizzjonali miżjud ma' l-ewwel element. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat aktar 'il fuq, iż-żewġ trade marks huma simili, sa ċertu punt, mill-aspett fonetiku u, b'mod partikolari, mill-aspett kunċettwali

40      Għaldaqstant, f'dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li t-trade mark Westlife hija komposta biss mit-trade mark preċedenti West, li magħha hija miżjuda kelma oħra, "life", jikkostitwixxi indikazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks.

41      Madankollu, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq mir-rikorrenti li s-sinjal Westlife jista' jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala derivazzjoni tat-trade mark tiegħu West, peress li dan l-argument huwa bbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti hija allegatament proprjetarja mhux biss tat-trade mark West iżda wkoll ta' trade marks oħra komposti mill-kelma "west" li magħha jiżdied element addizzjonali. Fil-fatt, ir-rikorrenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha quddiem id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni biss fuq iż-żewġ trade marks verbali preċedenti WEST, waħda Ġermaniż u l-oħra internazzjonali [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punti 61 u 62, ikkonfermata fl-appell permezz ta' digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2004, Alcon vs L-UASI, C-192/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra].

42      Mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li jista' jkun li l-eżistenza tat-trade mark preċedenti West ħolqot assoċjazzjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti bejn din il-kelma u l-prodotti kkummerċjalizzati mill-proprjetarju tagħha, b'tali mod li kull trade mark ġdida kkostitwita minn din il-kelma flimkien ma' kelma oħra tista' tiġi pperċepita bħala varjazzjoni tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-pubbliku rilevanti jista' jaħseb li l-oriġini tal-prodotti u servizzi kkummerċjalizzati taħt it-trade mark Westlife hija l-istess bħal dik tal-prodotti jew tas-servizzi kkummerċjalizzati taħt it-trade mark West jew minn ta' l-anqas li teżisti relazzjoni ekonomika bejn il-kumpanniji jew l-impriżi rispettivi li jikkummerċjalizzawhom [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 57].

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u fid-dawl tal-fatt, li dwaru hemm qbil f'dan il-każ, li l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni huma identiċi jew simili, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

44      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Fir-rigward tat-tieni talba tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-talba fil-verità tagħmel parti mit-talba għal annullament ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-UASI tilef, safejn id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ġiet annullata, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, skond it-talbiet tagħha, minkejja r-rikwalifikazzjoni tat-talbiet ta' l-UASI fil-punt 19 aktar 'il fuq.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) tas-17 ta' Novembru 2003 (Każ R 238/2002-2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta' Mejju 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.