Language of document : ECLI:EU:T:2005:166

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

11 ta’ Mejju 2005 (*)

"Għajnuniet mogħtijin mill-Istat – Ristrutturazzjoni – Użu ħażin ta’ l-għajnuniet mogħtijin mill-Istat – Irkupru ta’ l-għajnuniet – Artikolu 88(2), KE – Regolament Nru 659/1999 (KE)"

Fil-kawżi magħquda T-111/01 u T-133/01,

Saxonia Edelmetalle GmbH, stabbilita f’Haslbrücke (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. von Woedtke, avocat,

rikorrenti fil-kawża T-111/01,

u

J. Riedemann bħala stralċjarju      tal-kumpannija ZEMAG GmbH, fi stralċ, stabbilita f’Zeitz (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Vahlhaus, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fil-kawża T-133/01,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapireżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/673/KE, tat-28 ta’ Marzu 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, mogħtija mill-Ġermanja favur EFBE Verwaltungs GmbH & Co. Management KG li saret Lintra Beteiligungsholding GmbH, flimkien mal-kumpanniji Zeitzer Maschinen, Anlagen Geräte GmbH, LandTechnik Schlüter GmbH, ILKA MAFA Kältetechnik GmbH, SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH, SKL Spezialapparatebau GmbH, Magdeburger Eisengießerei GmbH, Saxonia Edelmetalle GmbH u Gothaer Fahrzeugwerk GmbH) (ĠU L 236, p. 3),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger, P. Mengozzi, M. E. Martins Ribeiro u M. F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87(1), KE jistabbilixxi dan li ġej:

"Bla ħsara ta’ kull deroga kkontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni."

2        L-Artikolu 88(2), KE jistabbilixxi dan li ġej:

"Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-[...]".

3        Il-Kunsill adotta, fit-22 ta’ Marzu 1999, ir-Regolament Nru 659/1999 (KE), li jistabbilixxi metodi ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p.1).

4        Skond l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999, "użu ħażin ta’ għajnuna" għandha tfisser "għajnuna użata mill-benefiċjarju f'kontravenzjoni ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 7(3) jew (4) ta' dan ir-Regolament", jiġifieri bi ksur ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna, kif ukoll deċiżjoni li tikkunsidra l-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, deċiżjoni li jista’ jkollha, skond il-każ, kundizzjonijiet u obbligi marbuta magħha.

5        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi dan li ġej:

"Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f'perjodu preskritt li normalment m'għandux ikun aktar minn xahar. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt."

6        Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999:

"1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn jipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta' deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun pprovduta (minn hawn ‘l quddiem imsejħa "inġunzjoni ta' informazzjoni"). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata."

7        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi dan li ġej:

"1. L-eżami ta' għajnuna illegali possibbli għandu jirriżulta f'deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta' deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli".

8        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi li:

"1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejħa "deċiżjoni ta' rkupru"). Il-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ l-irkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi l-imgħax f'rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 185 tat-Trattat, l-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta' proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżorji, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità."

9        Barra minn dan, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, bl-isem "Użu ħażin ta’ għajnuna", jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ f'każijiet ta' użu ħażin ta' għajnuna tiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6,7,9 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Fl-1993, tmien impriżi ta’ l-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża [Zeitzer Maschinen, Anlagen Geräte (ZEMAG) GmbH, LandTechnik Schlüter GmbH, ILKA MAFA Kältetechnik GmbH, SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH, SKL Spezialapparatebau GmbH, Magdeburger Eisengießerei GmbH, Saxonia Edelmetalle GmbH u Gothaer Fahrzeugwerk GmbH] ingħaqqdu f’kumpannija holding, EFBE Verwaltungs GmbH & Co. Management KG, miżmuma mit-Treuhandanstalt (li wara saret il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben; iktar ‘il quddiem il-"BvS"), għall-finijiet ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni.

11      B’kuntratt ta’ privatizzazzjoni ffirmat fil-25 ta’ Novembru 1994, il-BvS biegħet f’daqqa t-tmien impriżi msemmijia iktar ’il fuq lil soċjetà rregolata bid-dritt Ġermaniż, Emans & Partner GbR. It-tmien impriżi u l-kumpannija holding EFBE Verwaltungs GmbH & Co. Management KG li saret Lintra Beteiligungsholding GmbH (iktar ‘il quddiem: il-"kumpannija holding Lintra"), b’hekk iffurmaw il-grupp Lintra.

12      Billi l-proġett ta’ privatizzazzjoni kif ukoll il-proġett relatat ta’ ristrutturazzjoni kienu jinkludu miżuri ta' għajnuna, dawn ġew innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 1995.

13      B’deċiżjoni SG (96) D/4218 tat-13 ta’ Marzu 1996, li sintesi qasira tagħha ġiet ippubblikata fil-ĠU C 168, p. 10 (iktar ‘il quddiem: id-"deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996"), il-Kummissjoni awtorizzat il-ħlas tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, li tqiesu kumpatibbli b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 92(3)(ċ), tat-Trattat KE [li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 87(3)(ċ), KE]. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-awtoritjiet Ġermaniżi b’ittra tat-23 ta’ April 1996. L-ammont totali ta’ l-għajnuniet li ġew awtorizzati li jitħallsu lill-grupp Lintra tela’ sa DEM 824 200 000 Mark Ġermaniż.

14      Għalkemm fil-bidu kien ġie ppjanat li l-kumpanniji sussidjarji tal-kumpannija holding Lintra (iktar ‘il quddiem: il-"kumpanniji sussidjarji Lintra" jew "il-kumpanniji sussidjarji") kienu ser jagħmlu l-qligħ fl-1998, il-BvS kellha tintervjeni fil-bidu ta’ l-1997 biex tevita l-falliment tal-grupp sħiħ. Skond kuntratt magħmul fis-6 ta’ Jannar 1997 max-xerrejja, il-BvS eżentathom minn kull responsabbiltà marbuta mal-kuntratt ta’ privatizzazzjoni. Il-BvS kisbet bħala kumpens id-dritt li takkwista mill-ġdid f’kull mument xi waħda mill-kumpanniji sussidjarji Lintra għal 1 DEM simboliku. Skond dan l-istess kuntratt, il-kumpannija holding Lintra kellha bħala għan ewlieni li tittrasferixxi l-kumpanniji sussidjarji Lintra għal kollox jew parti minnhom lil xerrejja ġodda.

15      Wara li kisbet mill-ġdid il-kontroll tal-grupp Lintra peremzz tal-kuntratt tas-6 ta’ Jannar 1997, il-BvS iddeċidiet li tbigħ l-unika kumpannija tal-grupp, Saxonia Edelmetalle, li f’dak il-mument kienet diġà qed tagħmel qligħ, mingħajr l-għoti ta’ għajnuniet ġodda. Ir-rikorrenti fil-kawża T‑111/01, li taħdem fis-settur ta’ l-istampar tal-muniti, kienet ġiet mixtrija mill-ġdid mill-kumpannija Vereinigte Deutsche Nickelwerke AG fl-1997.

16      B’mod parallel, il-BvS iddeċidiet li tkompli bir-ristrutturazzjoni ta’ diversi kumpanniji sussidjarji oħrajn, fosthom il-kumpannija ZEMAG, bl-għan li tipprepara dawn l-impriżi li setgħu jħallu l-qligħ sabiex jiġu ttrasferiti lill sħab industrijali fl-iqsar żmien possibbli. Il-kumpannija ZEMAG, li hija r-rikorrenti fil-kawża T-133/01, li topera fis-settur tal-magni għall-minjieri ta’ faħam artab kannella, ġiet ittrasferita lix-xerrejja Jacobi & Lobeck fl-aħħar ta’ l-1997.

17      B’kuntratt konkluż matul ix-xahar ta’ Settembru 1999 bejn il-BvS, il-kumpannija holding Lintra u x-xerrejja li kienu baqgħu, il-BvS kisbet mill-ġdid il-kumpannija holding Lintra għas-somma ta’ 1 DEM. Mill-1 ta’ Jannar 2000 din il-kumpannija tinsab fi stralċ.

18      Wara li rċeviet notifika mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar għajnuniet ġodda għar-ristrutturazzjoni fl-1998, il-Kummissjoni bagħtet lista ta’ mistoqsijiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 1998.

19      B’ittra tat-22 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE. Permezz ta’ din id-deċiżjoni (ĠU C 238, p. 4), il-Kummissjoni kkonstatat li l-ammont ta’ l-għajnuniet imħallsin effettivament sa mill-ewwel notifika ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi kien inqas minn dak awtorizzat mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Madankollu hija rrilevat li wħud mill-għajnuniet imħallsin, fosthom self għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż kurrenti ta’ DEM 12 000 000, ma kinux ġew koperti mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll xi dubji fuq il-punti li ġejjin:

–        in-natura kompleta u eżatta ta’ l-informazzjoni miksuba qabel id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 ;

–        l-użu ta’ l-għajnuniet approvati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996;

–        l-għoti ta’ għajnuniet oħra lill-grupp Lintra.

20      Bl-ittri tat-18 ta’ Ottubru 1999 u ta’ l-10 ta’ Marzu 2000, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għall-mistoqsijiet u għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), KE. B’mod partikolari, jirriżulta minn din l-informazzjoni li:

–        sa mill-ewwel notifika ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-ammont totali ta’ l-għajnuniet imħallsin mill-BvS lill-grupp Lintra kien ta’ DEM 658 200 000;

–        sal-31 ta’ Diċembru 1997, kienu jidhru DEM 34 978 000 fil-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra;

–        is-self għall-ispejjeż kurrenti, ekwivalenti għal DEM 12 000 000, kien ingħata fl-1997 lill-kumpanniji sussidjarji Lintra li r-ristrutturazzjoni tagħhom kellha tkompli u, b’mod partikolari lill-kumpannija ZEMAG.

21      Fl-1 ta’ Awwissu 2000 il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat li din l-informazzjoni ma kinitx biżżejjed, teħtieġ lill-awtoritajiet Ġermaniżi, skond l-Artikolu 10(3), tar-Regolament Nru 659/1999, li jgħaddulha, fi żmien xahar minn meta tiġi rċevuta d-deċiżjoni ta’ inġunzjoni (iktar ‘il quddiem: id-"deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000"), l-informazzjoni meħtieġa kollha tkun tista’ tiddetermina l-mod tat-tqassim ta' l-ispejjeż tal- kumpannija holding Lintra fost id-diversi kumpanniji sussidjarji u biex ikun attribwit b’mod korrett l-ammont ta’ l-għajnuna li kien għadu mniżżel fil-kotba tal-kontjiet tal-holding Lintra. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tippreċiża b’liema mod il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpannija holding Lintra kienu ġew iffinanzjati permezz ta’ għajnuniet u saħqet li, fin-nuqqas ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, hija kienet ser tieħdu d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kellha f’idejha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jittrażmettu direttament kopja tad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 għad-destinatarji eventwali ta’ l-għajnuniet.

22      L-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għal din id-deċiżjoni ta’ inġunzjoni permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2000, u kompluta b’ittra oħra tal-31 ta’ Ottubru 2000, li magħha ġie mehmuż rapport ta’ accountant ikkwalifikat dwar it-talba eventwali ta’ restituzzjoni ta’ l-għajnuniet min-naħa tal-grupp Lintra. F’dawn id-dokumenti, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li, fil-31 ta’ Diċembru 1997, l-ammont ta’ DEM 34 978 000, mogħti mir-Repubblika Federali Ġermaniża lill-grupp Lintra, deher fil-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra. Barra minn dan, jirriżulta minn din l-informazzjoni li din is-somma kienet komposta, minn naħa, minn bilanċ ta’ DEM 22 978 000 li deher fil-kapital proprju tal-kumpannija holding Lintra, li l-biċċa l-kbira tiegħu (DEM 18 638 000) kien magħmul minn trasferimenti perijodiċi ta’ fondi fi ħdan il-grupp, mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpannija holding u, min-naħa l-oħra, ta’ ammont ta’ DEM 12 000 000 intiż biex ikopri l-ispejjeż li l-kumpannija holding Lintra għamlet sabiex tkompli r-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra li jagħmlu qligħ wara l-1997.

23      Fl-1 ta’ Marzu 2001 J. Riedemann inħatar stralċjarju tal-kumpannija ZEMAG, li tqiegħdet fi stralċ.

24      Bid-Deċiżjoni 2001/673/KE, tat-28 ta’ Marzu 2001 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, mogħtija mill-Ġermanja favur EFBE Verwaltungs GmbH & Co. Management KG (li saret Lintra Beteiligungsholding GmbH, flimkien mal-kumpanniji Zeitzer Maschinen, Anlagen Geräte GmbH; LandTechnik Schlüter GmbH; ILKA MAFA Kältetechnik GmbH; SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH; SKL Spezialapparatebau GmbH; Magdeburger Eisengießerei GmbH; Saxonia Edelmetalle GmbH u Gothaer Fahrzeugwerk GmbH) (ĠU L 236, p 3, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuniet fl-ammont ta’ DEM 623 224 000 kienu ngħataw skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuniet fl-ammonti ta’ DEM 34 978 000, li hija kienet approvat għar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra, intużaw b’mod ħażin, skond l-Artikolu 88(2), KE. Għalhekk il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra, mingħand il-kumpannija holding Lintra u l-kumpanniji sussidjarji Lintra, l-ammont ta’ DEM 34 978 000 skond ir-regoli ddeterminati iktar ’il quddiem. Minn naħa, l-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000, li ngħata f’forma ta’ self għall-ispejjeż kurrenti lil uħud mill-kumpanniji sussidjarji Lintra u li mhuwiex ikkunsidrat bħala kopert permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, għandu jiġi rkuprat mingħand l-imsemmija kumpanniji sussidjarji, u s-sehem ta’ DEM 4 077 000 għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija ZEMAG. Min-naħa oħra, il-bilanċ ta’ l-għajnuniet, għal ammont ta’ DEM 22 978 000, għandu jiġi rkuprat mingħand il-kumpannija holding Lintra, li hija responsabbli għall-ammont sħiħ inkwantu debitriċi solidali, kif ukoll mingħand il-kumpanniji sussidjarji Lintra kollha, skond kriterju ta’ tqassim iddeterminat minn qabel. Bis-saħħa ta’ dan il-kriterju ta’ tqassim, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija tirkupra ammont ta’ DEM 3 195 559 mingħand il-kumpannija Saxonia Edelmetalle u ammont ta’ DEM 2 419 271 mingħand il-kumpannija ZEMAG. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija għalhekk marbuta li tirkupra mingħand din l-impriża ta’ l-aħħar ammont totali ta’ DEM 6 496 271. L-għajnuniet li għandhom jiġu rkuprati jiżdiedu bl-imgħaxijiet ikkalkolati mid-data minn meta l-għajnuniet użati b’mod ħażin tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sa l-irkupru effettiv tagħhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Mejju 2001 u fit-12 ta’ Ġunju 2001, irreġistrati rispettivament bin-numri ta’ referenza T‑111/01 u T‑133/01, ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi.

26      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T‑111/01 ippreżentat ukoll talba intiża sabiex tikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

27      B’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2001, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni (T-111/01 R, Ġabra p. II-2335), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal proċedura sommarja.

28      Il-proċeduri bil-miktub intemmu, rispettivament, fl-10 ta’ Jannar 2002 fil-kawża T-111/01 u fil-11 ta’ Jannar 2002 fil-kawża T-133/01.

29      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża), fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti.

30      B’digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, il-kawżi T-111/01 u T-133/01 ġew maqgħudin għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

31      Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tibda l-proċedura orali, instemgħu is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2004.

32      Ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex :

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33      Ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        primarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-parti li tirrigwardaha;

–        subordinatament, tannulla għal kollox id-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex, fil-kawżi T-111/01 u T-133/01:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-Dritt

35      Bħala sostenn għat-talbiet għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti qajmu ħames motivi, fosthom erbgħa komuni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha teżamina fl-ordni li ġejja: fl-ewwel lok, il-motiv komuni bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE; fit-tieni lok, il-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata (T-133/01); fit-tielet lok, il-motiv ibbażat fuq l-iżball allegat dwar il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet awtorizzati mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 (Kawża T-111/01); fir-raba’ lok, il-motiv komuni bbażat fuq żball magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuniet in kwistjoni; fil-ħames lok, il-motiv komuni bbażat fuq in-natura arbitrarja tal-kriterju tat-tqassim bejn il-kumpanniji sussidjarji għar-restituzzjoni ta’ l-ammont parzjali ta’ DEM 22 978 000; fl-aħħar nett, fis-sitt lok, il-motiv komuni bbażat fuq l-iżball allegat ta’ valutazzjoni dwar fuq min jitqiegħed l-obbligu tar-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni minħabba t-trasferiment ta’ l-ishma rispettivi tal-kumpannija Saxonia Edelmetalle u l-kumpannija ZEMAG.

 Dwar il-motiv komuni, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fil-kawża T-111/01

36      Ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 issostni li l-kunsiderazzjonijiet li huma fl-oriġini tad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE ma jirrigwardawhiex jew ma jirreferux għaliha. Barra minn hekk, il-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li jirrigwardaha kien ġie implementat b’suċċess. Il-fatt li, f’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma tawx l-informazzjoni u d-dokumenti mitlubin mill-Kummissjoni m’għandux jagħmel ħsara lir-rikorrenti. Minn naħa, ir-rikorrenti tissottolinja li l-Kummissjoni hija obbligata, skond ir-Regolament Nru 659/1999, li tmur fuq il-post sabiex tagħmel il-verifiki tagħha. Minn oħra, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni titlob ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet approvati qabel. Din l-approvazzjoni kienet il-bażi li fuqha straħet l-aspettattiva leġittima tal-legalità ta’ l-għajnuniet. Hija ssostni wkoll li ma kinitx taf bir-riskju tar-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni minħabba l-fatt li ma kinitx taf il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni u li ma kinitx ġiet mistiedna tipparteċipa fl-investigazzjoni li saret qabel ma nbdiet il-proċedura skond l-Artikolu 88(2), KE. Barra minn dan, ir-rikorrenti tissottolinja li l-kumpannija holding Lintra ħallietha fil-għama għal kollox rigward l-ammonti li kellhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet. Issa, skond ir-rikorrenti, li kieku hi kienet taf bir-riskju tar-restituzzjoni, hija kienet tagħmel ir-riċerki tagħha u kienet tikkonkludi ftehim mal-holding Lintra sabiex teskludi dan ir-riskju.

37      Il-Kummissjoni tfakkar fl-ewwel lok li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva dwar id-dritt f’kwistjoni ta’ l-għajnuniet, huma biss l-Istati Membri li jibbenefikaw mid-drittijiet kollha mogħtija lill-partijiet. Fir-rigward tal-benefiċjarji potenzjali jew reali ta’ l-għajnuniet, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija għandha biss l-obbligu li tagħti intimazzjoni lill-interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Mill-banda l-oħra, hija ssostni li bl-ebda mod ma hija obbligata permezz ta’ l-interessati tikkontrolla l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li r-rikorrenti ma qisitx li kien utli li tintervjeni fil-proċedura amministrattiva, għalkemm l-interessati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom meta bdiet dik il-proċedura. Jirriżulta minn dan, skond il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tistax takkużaha li adottat d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux suffiċjenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tissottolinja li mxiet mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 659/1999.

38      Sussegwentement il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li skond din ma ġietx infurmata bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Skond il-Kummissjoni, billi r-rikorrenti ma tikkontestax li rċeviet mill-Istat sostenn finanzjarju kunsiderevoli, mhux konċepibbli li hija ma kkummentatx li kienet irċeviet dawk l-għajnuniet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-obbligu ta’ diliġenza li jaqa’ fuq kull operatur ekonomiku, ir-rikorrenti kellha tassigura ruħha li l-għajnuniet in kwistjoni kienu bbenefikaw mill-awtorizzazzjoni meħtieġa tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ għarfien tagħha sabiex tevita r-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet.

39      Fl-aħħar nett, skond il-Kummissjoni, huwa żbaljat li r-rikorrenti tikkunsidra li hija obbligata li tirrestitwixxi l-għajnuniet biss jekk tkun ikkommettiet "nuqqas". Fil-fatt, xejn ma jipprekludi li n-nuqqas ta’ biżżejjed informazzjoni suffiċjenti trażmessa mill-Istat ikkonċernat lill-Kummissjoni jista’ jispiċċa fi żvantaġġ għall-benefiċjarju ta’ l-għajnuniet.

–       Fil-kawża T-133/01

40      Ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 issostni li, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tiddetermina u tevalwa l-fatti billi tiftaħ investigazzjoni aktar fil-fond. Minn dan il-lat, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni kienet obbligata li ssaqsiha, b’mod partikolari wara li l-Kummissjoni kienet ammettiet li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti. Fil-fehma tar-rikorrenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss setgħet kienet suġġetta għal ittra ta’ intimazzjoni, bl-esklużjoni ta’ terzi interessati, kuntrarjament għal dak previst mill-Artikolu 88(2), KE

41      B’risposta għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skond din, meta bdiet il-proċedura amministrattiva, stiednet lill-interessati sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti, għalkemm ammettiet li l-istralċjarju tagħha ma pparteċipax fil-proċedura msemmija, issostni li dan ta’ l-aħħar ma kienx fil-pożizzjoni li jagħmel dan f’dak iż-żmien, peress illi l-proċedura ta’ stralċ tal-kumpannija ZEMAG ma kinitx għadha bdiet. F’kull każ, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li ma tistax ma tirrilevax ineżattezza li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva. Fil-fehma tagħha, jekk tintlaqa’ konklużjoni bħal din, dan ikun ifisser li jitneħħa kull sens mid-dritt ta’ rikors tal-partijiet interessati.

42      Il-Kummissjoni tfakkar li, f’dan il-każ, wieħed ma jistax jitkellem fuq "proċedura mgħaġġla wisq", fil-każ fejn il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2), KE bdiet fit-22 ta’ Ġunju 1999 u ntemmet biss wieħed u għoxrin xahar wara, permezz ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fit-28 ta’ Marzu 2001. Għalhekk, il-kumpannija ZEMAG kellha ż-żmien meħtieġ sabiex tipparteċipa fil-proċedura msemmija. Il-Kummissjoni ttenni bl-istess mod il-pożizzjoni tagħha espressa fil-punt 37 preċedenti.

43      Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-istralċjarju tagħha ma kienx fil-pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu minħabba l-fatt li l-proċedura ta’ insolvenza kienet għadha ma bdietx, il-Kummissjoni tirribatti li, b’dan, ir-rikorrenti tittraskura l-fatt li l-istralċjarju ma jaġixxix f’ismu stess, u li r-rikorrenti setgħet tifformula osservazzjonijiet fil-bidu tal-proċedura formali ta’ eżami.

44      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tissottolinja li r-rikorrenti ma tistax tinqeda bil-fatti jew iċ-ċirkustanzi li kienet taf bihom waqt il-proċedura formali ta’ eżami, imma li ma kkomunikatx lill-Kummissjoni wara li kienet ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Kontra dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali soluzzjoni ma tqiegħedx in kwistjoni d-dritt ta’ rikors tal-partijiet interessati, billi li dejjem kien possibbli għalihom li jinvokaw motiv ġuridiku mhux imqajjem matul il-proċedura ta’ eżami jew żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      B’dan il-motiv, ir-rikorrenti sostanzjalment jakkużaw lill-Kummissjoni li ma bagħtitilhomx kull wieħed ittra ta’ intimazzjoni sabex jippreżentaw l-osservazzjonijiet qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

46      Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

47      Fl-ewwel lok, jenħtieġ li jitfakkar li l-proċedura ta’ stħarriġ fl-għajnuniet mogħtija mill-Istat hija, wara li tiġi kkunsidrata r-raġuni ġenerali tagħha, proċedura li tinbeda fil-konfront ta’ l-Istat Membru responsabbli, fid-dawl ta’ l-obbligi Komunitarji tiegħu, ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, 234/84, Il-Belġju vs il-Kummissjoni, imsejħa "Meura", Ġabra p. 2263, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42) u mhux fil-konfront tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 83, u s-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

48      Barra minn dan, bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ "interessati", skond l-Artikolu 88(2), KE tirriferi għal grupp indeterminat ta’ indirizzati. Isegwi minn din il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 88(2), KE ma jimponix ittra ta’ intimazzjoni indirizzata individwalment lil kull suġġett. L-iskop uniku tiegħu huwa li jobbliga l-Kummissjoni li tagħmel mod li l-persuni potenzjalment interessati kollha jkunu infurmati u jkollhom il-possibbiltà li jressqu l-argumenti tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-ĠurnalUffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jidher li huwa mezz adegwat sabiex jinforma l-interessati kollha b’bidu ta’ proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 59). Konsegwentement, din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva magħmula skond l-Artikolu 88(2), KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 Ottubru 1996, T-266/94, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 256, u s-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

49      Fil-każ partikolari, filwaqt li huwa paċifiku li r-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura formali ta’ eżami, jirriżulta mill-kliem tal-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Awwisu 1999 (ĠU C 238, p.4 ) li l-partijiet interessati kienu ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999, li biha din ta’ l-aħħar innotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE. B’din il-komunikazzjoni, li kien fiha sintesi ta’ l-ittra ċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll mill-kliem tagħha, b’hekk il-partijiet interessati kienu ġew infurmati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċedura formali ta’ eżami fil-kuntest ta’ għajnuniet mogħtija għar-ristrutturazzjoni ta’ tmien impriżi, fosthom il-kumpannija Saxonia Edelmetalle u l-kumpannija ZEMAG.

50      Żgur li, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li wieħed ikun infurmat bil-ftuħ ta’ proċedura formali mhuwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 659/1999, li huwa wkoll applikabbli, skond l-Artikolu 16 ta’ l-istess Regolament, għall-għajnuniet użati b’mod ħażin, jistabbilixxi li "(i)d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u d-dritt, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura (...) u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni". Isegwi li d-deċiżjoni biex tibda l-proċedura formali ta’ eżami, minkejja n-natura neċessarjament provviżorja ta’ l-evalwazzjoni li ġġib magħha, għandha tkun suffiċjentement preċiża li tqiegħed lill-interessati fil-pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura formali ta’ eżami, u li jkollhom l-okkażjoni matulha li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet interessati jistgħu jkunu r-raġunament adottat mill-Kummissjoni.

51      Madankollu għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti ma allegawx li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ma kinitx biżżejjed immotivata sabiex tippermettilhom li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jagħmlu osservazzjonijiet.

52      Ukoll jekk wieħed jippresupponi li r-rikorrenti invokaw tali argument, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, permezz tal-komunikazzjoni ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet b’mod biżżejjed ċar id-dubji tagħha inkwantu għar-rispett tal-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 u b’hekk ippermettiet lir-rikorrenti li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-ewwel lok, li xi elementi ewlenin tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni, kif kienu ġew approvati, ma kinux implementati. Hija kkunsidrat, fit-tieni lok li, id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 ma kinitx tkopri aktar l-għajnuniet in kwistjoni u pprovdiet għal dan l-għan diversi eżempji preċiżi, fosthom l-għajnuniet maħsubin sabiex ikopru t-telf ta’ l-impriżi u l-finanzjament ta’ investimenti wara li ma seħħewx il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni indikat ukoll li kien possibbli li għajnuniet supplementari kienu ngħataw lill-impriżi tal-grupp Lintra għal ammont totali superjuri għal DEM 82 000 000. Hija esprimiet ukoll dubji dwar il-kumpatibbiltà ta’ dawn l-għajnuniet mas-suq komuni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li wħud minn dawn l-għajnuniet kienu użati għal skopijiet differenti minn dik tar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni integrali tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni espressament ġibdet l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi u ta’ l-eventwali partijiet interessati fuq il-fatt li, meta jenħtieġ, l-għajnuniet mogħtija b’mod illegali kellhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju tagħhom.

53      Peress illi l-Kummissjoni, permezz tal-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, stiednet lill-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet awtorizzati fil-bidu, permezz ta’ deċiżjoni li ħarġet qabel, biex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ksur eventwali tad-deċiżjoni in kwistjoni, minħabba l-użu ta’ dawn l-għajnuniet b’mod li jmur kontra l-imsemmija deċiżjoni, u li l-imsemmija benefiċjarji m’għamlux użu minn dik il-possibbiltà, il-Kummissjoni ma kisret l-ebda dritt tagħhom (sentenzi Falck e Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, 47 iktar ’il fuq, punt 84, u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tkun ikkunsidrata responsabbli għan-nuqqas allegat, mill-Istat Membru kkonċernat jew, kif tallega r-rikorrenti fil-kawża T-111/01, mill-kumpannija holding Lintra, li infurmatha fuq il-bidu tal-proċedura formali ta’ eżami.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-allegazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża T-133/01, li skond din, il-proċedura ta’ stalċ li kienet tirrigwardaha ma kinitx għadha bdiet fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, jirriżulta b’mod ċar mir-rikors introduttiv ta’ istanza li l-stralċjarju jaġixxi biss f’dik il-kwalità u mhux f’ismu proprju. Issa, kif intqal fil-punt 49 iktar ’il fuq, fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, il-kumpannija ZEMAG, indikata b’mod espliċitu f’din id-deċiżjoni, kienet qed tibbenefika minn biżżejjed żmien sabiex tirrispondi għall-istedina biex tippreżenta l-osservazzjonijiet.

55      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa’ l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża T-111/01, li skond dawn hija ma kinitx milquta bid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali u ma kellhiex għarfien tar-riskju tar-restituzzjoni, Fil-fatt minn naħa, fil-każ fejn ir-rikorrenti hija espliċitament ikkunsidrata diversi drabi mill-imsemmija deċiżjoni u fejn il-Kummissjoni tkun esprimiet, ta’ l-anqas, xi dubji dwar l-użu korrett ta’ l-għajnuniet kollha li kienet awtorizzat għar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 kienet neċessarjament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni. Il-fatt li għażlet li ma tagħmilx osservazzjonijiet wara l-istedina fformulata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-paragrafu 49 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi akkużat lil din ta’ l-aħħar.

56      Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 52 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami indikat b’mod biżżejjed ċar li l-għajnuniet li hija kkunsidrat, kienu, skond il-każ, irkuprati mill-benefiċjarju tagħhom, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. B’hekk, sa mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali, ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 ma setgħetx ma tkunx taf bir-riskju tar-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni. Għalhekk, hija lanqas ma setgħet ikollha aspettattivi leġittimi fil-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuniet in kwistjoni mas-suq komuni, allegazzjoni li barra minn hekk hija kkontestata mir-rikorrenti stess meta ssostni li ma kinitx ġiet infurmata bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

57      Fit-tieni lok, jenħtieġ li bl-istess mod jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, wara n-nuqqas min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirrispondi għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 sabiex tipprovdi ċertu informazzjoni partikolari, huma kellhom jiġu direttament mistoqsija mill-Kummissjoni qabel din tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

58      Għalhekk, anki jekk wieħed jippresupponi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-fatt naqqset li tikkonforma mad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li, f’ċirkustanza bħal din, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami u tieħu d-deċiżjoni li tikkonstata l-kumpatibblità jew inkumpatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli. Din id-deċiżjoni tista’ timponi, skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija diġà lill-benefiċjarju tagħha. Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis f’każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna. Għalhekk jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li, kontra dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tistaqsi lill-interessati fl-ipoteżi li Stat Membru jonqos milli jsegwi l-inġunzjoni tagħha li jipprovdi l-informazzjoni.

59      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jsostnux la li kienu talbu, skond l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kopja tad-deċiżjoni li ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipprovdi informazzjoni, u lanqas a fortiori li, minkejja l-istedina magħmula mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 sabiex titrażmetti din id-deċiżjoni lid-destinatarji potenzjali kollha ta’ l-għajnuniet in kwistjoni, huma kkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni li din ma kinitx ikkunsidrat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

60      Fl-aħħar, ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 takkuża lill-Kummissjoni li m'għamlitx il-verifiki fuq il-post, skond kif jimponu fuqha d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999.

61      Dan l-ilment, li ma jirrigwardax id-drittijiet li l-interessati jibbenefikaw matul il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE, imma l-effett ta’ l-investigazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni matul l-eżami ta’ l-għajnuniet ta’ l-Istat, ser ikun eżaminat wara, fil-punti 98-100 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-allegat żball dwar il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

62      F’dawn il-kunidzzjonijiet, jirriżulta li l-motiv komuni, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2), KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżbalji ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata (kawża T-133/01)

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 takkuża lill-Kummissjoni li adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ erba’ elementi żbaljati. Fl-ewwel lok, kontra dak affermat fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-investimenti magħmulin mill-kumpanniji ZEMAG bejn l-1994 u l-1997 ma kinux anqas minn dawk previsti inizjalment. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti rċeviet ammont inferjuri (DEM 44 977 000) minn dak indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata (DEM 65 617 000). Fit-tielet lok, dwar l-għajnuniet li huma s-suġġett ta’ ordni ta’ restituzzjoni, hija ma kinitx ibbenefikat minn self għall-ispejjeż kurrenti, imma minn għajnuniet għall-ispejjeż kurrenti. Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, l-inadegwatezza tal-programm tal-produzzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq u, min-naħa l-oħra, il-kwalifiki u l-kapaċitajiet professjonali tad-diriġenti tal-kumpannija holding Lintra.

64      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel tliet allegazzjonijiet ta’ żbalji ta’ fatt ma jistgħux jintlaqgħu. Skond il-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000. Fil-fehma tal-Kummissjoni, billi r-rikorrenti ma ħaditx sehem fil-proċedura amministrattiva, hija rrinunzjat għall-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq kwalunkwe ineżattezza ta’ fatt. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-elementi li jkollha f’idejha, kemm-il darba Stat Membru, minkejja l-inġunzjoni tal-Kummissjoni, jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba. Ukoll jekk il-Kummissjoni tkun għamlet l-iżbalji allegati mir-rikorrenti, dan ma jinfluwenzax, fil-fehma tagħha, l-eżattezza tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-għajnuniet intużaw essenzjalment skond il-pjan approvat ta’ ristrutturazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-għajnuniet in kwistjoni, ir-restituzzjoni tagħhom intalbet mhux minħabba l-użu illegali tagħhom mill-kumpanniji sussidjarji, imma minħabba ż-żamma tagħhom mill-kumpannija holding Lintra, minn naħa, u l-għoti ta’ self ta’ flus kontanti, wara l-falliment manifest ta’ l-ewwel ristrutturazzjoni, min-naħa l-oħra.

65      Għal dak li jirrigwarda r-raba’ żball ta’ fatt invokat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li, billi dan tqajjem għall-ewwel darba fil-mument tar-replika u ma jsostni l-ebda argument ġuridiku li jistabbilixxi l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, din il-kontestazzjoni hija inammissibbli. F’kull każ, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kontenut ta’ l-allegazzjonijiet huwa bla fundament, billi l-Kummissjoni vverifikat b’mod partikolari l-veraċità ta’ l-informazzjoni in kwistjoni ma’ l-awtoritajiet Ġermaniżi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      Il-Kummissjoni toġġezzjona sostanzjalment, li r-rikorrenti fil-kawża T-133/01 mhijiex awtorizzata sabiex tqajjem l-argumenti ta’ fatt ippreżentati fil-punt 63 iktar ’il fuq, billi ma qajmithomx fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuniet in kwistjoni. Barra minn dan, hija tikkunsidra li r-raba’ żball ta’ fatt allegat huwa inammissibbli, għaliex tqajjem tard, fl-istadju tar-replika.

67      Skond ġurisprudenza kostanti, fil­-kuntest ta’ rikors għal annullament magħmul skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ fatt u ta' dritt li jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fil-funzjoni ta’ l-uniċi li hija kellha fil-mument meta għamlithom (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, punt 81; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II-2881, punt 47, u Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 48).

68      Minn dan isegwi li rikorrent, meta jieħu sehem fil-proċedura ta’ stħarriġ prevista mill-Artikolu 88(2) KE ma jistax jibbaża fuq argumenti ta’ fatt mhux magħrufa lill-Kummissjoni, u ma kienx infurmaha matul il-proċedura ta’ stħarriġ. Min-naħa l-oħra, xejn ma jimpedixxi lill-interessat li jressaq, kontra d-deċiżjoni definittiva, motiv ġuridiku mhux imqajjem matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 102, u Salomon vs Il-Kummissjoni, fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 55).

69      Din il-ġurisprudenza ma tistax neċessarjament tiġi estiża għall-każijiet kollha li fihom impriża ma tkunx ipparteċipat fil-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2), KE. Mingħajr ma jkun eskluż li din il-ġurisprudenza ma tapplikax f’xi każijiet għal kollox eċċezzjonali, jenħtieġ madankollu li jkun kkonstatat li hija tapplika fil-każ preżenti.

70      Fil-fatt għandu jitfakkar li r-rikorrenti m’għamlitx użu mid-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura ta’ eżami, għalkemm huwa paċifiku li hija kienet speċifikatament ikkunsidrata bosta drabi mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ eżami – b’mod partikolari fl-intestatura u fil-punti 2.1 u 2.4 ta’ dik id-deċiżjoni – u li din id-deċiżjoni qajmet dubji rigward l-użu korrett ta’ l-għajnuniet kollha ddestinati għar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra fir-rigward tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Huwa paċifiku wkoll li l-elementi ta’ fatt ikkunsidrati mill-Kummissjoni fil-premessi 39 u 40 tad-Deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-ammonti ta’ l-investimenti u l-ammont ta’ l-għajnuniet miksubin jikkostitwixxu argumenti ta’ fatt li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li b’hekk ma jistgħux jitqajmu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra din id-deċiżjoni.

71      Wieħed jasal għall-istess konklużjoni għall-allegati żbalji ta’ fatt magħmulin mill-Kummissjoni dwar l-inadegwatezza tal-programm ta’ produzzjoni tal-kumpanniji sussidjarji tal-grupp Lintra dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, kif ukoll rigward il-kwalifiki u l-kapaċitajiet professjonali tad-diriġenti tal-kumpannija holding Lintra msemmijin fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar in-natura tardiva ta’ dawn l-argumenti żviluppati fir-replika. F’kull każ, għandu jiġi kkonstsatat li, ukoll jekk jiġi ipotizzat li dawn huma żbalji ta’ fatt, dawn l-indikazzjonijiet ta’ ordni ġenerali huma assolutament irrilevanti għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għażla li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

72      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ġuridika, u mhux purament ta’ fatt, dwar jekk il-kumpannija ZEMAG kisbet, wara l-falliment ta’ l-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni, għajnuniet għall-ispejjeż kurrenti minflok self għall-ispejjeż kurrenti, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti, mistoqsija speċifikatament mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, sempliċement indikat li din id-distinzjoni kienet tirrigwarda essenzjalment it-termini differenti użati mill-kumpannija holding Lintra, imma ma kinitx fil-pożizzjoni li tippreċiża liema konsegwenza din il-kwalifikazzjoni setgħet ikollha fuq ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni. Isegwi li dan l-argument huwa mingħajr effett.

73      Għalhekk jenħtieġ li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball allegat dwar il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet awtorizzati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 (T-111/01)

 L-argumenti tal-partijiet

74      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 issostni li l-għajnuniet li ngħatawlha sal-1996 intużaw skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, kif jirriżulta mid-dokumenti ta’ sostenn mibgħuta lill-awtoritajiet Ġermaniżi mill-BvS. Għalkemm id-Deċiżjoni kkontestata ma turix fid-dettall l-ammont ta’ DEM 3 195 559 li ntalab għar-restituzzjoni mir-rikorrenti bħala sehem ta’ ammont parzjali ta’ DEM 22 978 000, li, skond ir-rikorrenti, jikkostitwixxi diġà fih innifsu illegalità, l-analiżi ddettaljata tal-ħlasijiet magħmulin turi li dawn kienu konformi mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u kienu ġew awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

75      B'hekk, kontra għal dak li tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont parzjali ta’ DEM 22 978 000 ma ntużax għall-ħlas ta’ xi servizzi ta’ maniġment tal-kumpannija holding Lintra, imma esklużivament għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li l-Gvern Ġermaniż indika, fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2000, li s-servizzi mogħtija mill-kumpannija holding Lintra lill-kumpanniji sussidjarji kienu ddestinati sabiex jassiguraw ir-ristrutturazzjoni tagħhom u li mingħajrhom dan ta’ l-aħħar ma kienx ikun possibbli. Minbarra dan, anki kieku l-għajnuniet intużaw biex jitħallsu s-servizzi mogħtijin mill-kumpannija holding Lintra, quod non, ir-rikorrenti tikkunsidra li dan ma jikkostitwixxix użu ħażin. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet taf l-istruttura tal-grupp magħżula mill-awtoritajiet Ġermaniżi, b’mod partikolari l-fatt li Lintra kienet sempliċi kumpannija holding, li għas-servizzi tagħha kien jintalab il-ħlas tagħhom mingħand il-kumpanniji sussidjarji skond applikazzjoni ta’ kriterju ta’ tqassim intern. Billi l-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għall-użu ta’ l-għajnuniet għall-ħlas tas-servizzi tal-holding Lintra, dawn kellhom jiġu kkunsidrati awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

76      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq preżunzjonijiet dwar l-allegat użu ħażin ta’ l-għajnuniet, preżunzjonijiet li dawn stess jirriżultaw minn indikazzjonijiet vagi miksubin mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, li tirreferi għall-punt 42 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skond hi, din ma setgħetx teskludi li l-għajnuniet kienu ntużaw biex jitħallsu xi servizzi tal-kumpannija holding Lintra. Issa, skond ir-rikorrenti, kien meħtieġ li jintwera li dawn l-għajnuniet servew effettivament sabiex jitħallsu l-imsemmija servizzi.

77      Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, l-użu ta’ l-għajnuniet minn naħa tal-kumpannija holding Lintra ma kienx previst. Wara kollox dan ma setax ikun il-każ, minħabba li din il-kumpannija ma kinitx impriża li kienet tinsab f’diffikultà. L-istess jgħodd għall-użu ta’ għajnuniet minn naħa tal-kumpanniji sussidjarji Lintra għall-ħlas tas-servizzi tal-kumpannija holding Lintra. Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-ammont ta’ DEM 22 978 000 kien baqa’ mniżżel fil-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra mingħajr ma l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jipprovdu informazzjoni preċiża dwar l-allokazzjoni tiegħu u min-naħa l-oħra, il-kumpanniji sussidjarji huma responsabbli għall-użu korrett ta’ dan l-ammont, is-somma kollha kellha tkun irkuprata mingħand il-kumpannija holding Lintra u l-kumpanniji sussidjarji tagħha. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bin-natura ta’ holding tal-kumpannija Lintra ma jfissirx li servizzi mogħtija mill-imsemmija kumpannija setgħu jitħallsu permezz ta’ għajnuniet mogħtijin mill-Istat li kienu ġew awtorizzati sabiex il-kumpanniji sussidjarji jiġu rristrutturati.

78      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-attivitajiet ta’ ġestjoni magħmula mill-kumpannija holding Lintra, ir-rikorrenti kkontradiċiet ruħha f’aktar minn okkażjoni waħda. Hija tafferma li s-servizzi mogħtijin mill-kumpannija holding Lintra lill-kumpanniji sussidjarji tagħha kienu meħtieġa għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tagħhom u għalhekk kellhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet awtorizzati permezz tad-deċiżjoni 13 ta’ Marzu 1996. Issa, għalkemm ir-rikorrenti kisbet l-imsemmija servizzi permezz ta’ sussidji ta’ l-Istat, jiġifieri b’xejn, hija ssostni madankollu li ħallset dawn is-servizzi bl-użu ta’ l-għajnuniet mogħtija. Minn dan isegwi, skond il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tistax b’mod serju tallega li kisbet bi ħlas, l-għajnuniet li qed tintalab li tirrimborża. F’kull każ, skond il-Kummissjoni, l-għajnuniet għandhom ikunu rkuprati għaliex mhux possibbli li jkun stabbilit b’ċertezza li ntużaw b’mod konformi mad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Il-motiv ta’ l-irkupru mhux qiegħed għalhekk fl-istruttura astratta tal-grupp, imma fil-fatt li, skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, il-kumpanniji sussidjarji Lintra kienu l-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet.

79      Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-preżunzjonijiet imressqin mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tirribatti li hija ma bbażatx ruħha preċiżament fuq tali suppożizzjonijiet. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat biss li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jeskludu li l-kumpanniji sussidjarji kienu effettivament użaw l-għajnuniet sabiex iħallsu s-servizzi tal-kumpannija holding Lintra. Il-Kummissjoni żżid li, kemm-il darba l-għajnuniet kienu ntefqu mill-kumpannija holding Lintra, dawn kellhom jiġu rkuprati mingħand il-kumpanniji sussidjarji li bbenefikaw mis-servizzi ta’ ġestjoni tal-holding. Jekk ir-rikorrenti kellha f’idejha provi li ma rċevietx tali servizzi bi ħlas, hija kellha titrażmettihom lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, b’risposta għall-istedina magħmula mill-Kummissjoni li tippreżenta osservazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

80      Fis-sustanza, ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 tikkontesta li l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet ta’ DEM 22 978 000, li fuq il-bażi tiegħu ġie kkalkulat l-ammont ta’ DEM 3 195 559 li tiegħu qed jintalab minnha r-restituzzjoni peremzz tad-deċiżjoni kkontestata, intuża b’mod ħażin. Fil-fehma tagħha, dawn l-għajnuniet intużaw għar-ristrutturazzjoni tagħha, skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

81      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jsir f’żewġ stadji. L-ewwel, trid issir il-verifika tas-sinjifikat preċiż tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Imbagħad, fid-dawl ta’ dik l-analiżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza trid tivverifika jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, setgħetx tikkonkludi, skond l-Artikolu 88(2), KE, li kien hemm użu ħażin ta’ l-ammont ta’ għajnuniet li fuq il-bażi tagħhom kien ġie kkalkulat l-ammont li r-rikorrenti fil-kawża T-111/01 għandha tirrestitwixxi.

–       Fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996

82      Fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, eżaminat is-sitwazzjonijiet individwali tat-tmien kumpanniji sussidjarji amministrati mill-kumpannija holding Lintra, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01, mil-lat ekonomiku, soċjali u tal-potenzjal tal-qligħ preżunt fid-dawl tar-ristrutturazzjoni ppjanifikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Hija rrilevat ukoll li, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti mmirata fid-dawl tar-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ l-impriżi, kienet ġiet aċċettata mill-awtoritajiet Ġermaniżi l-offerta ta’ akkwist magħmula għall-kumpless ta’ impriżi minn Emans & Partners GbR, ikkunsidrata bħala l-aħjar offerta, b’mod partikolari b’referenza taż-żamma ta’ l-impjiegi, tal-pjan ta’ investiment, ta’ l-impenn personali tax-xerrej, ta’ l-obbligu finanzjarju fir-rigward tat-Treuhandansalt u tal-prospetti għal kull impriża. It-Treuhandanstalt (li wara saret il-BvS) konsegwentement ittrasferiet lix-xerrejja 100% ta’ l-ishma ta’ dawn l-impriżi miżmumin mill-kumpannija holding Lintra. Il-Kummissjoni mbagħad esponiet b’mod iddettaljat il-miżuri finanzjarji pproġettati mill-awtoritajiet Ġermaniżi għar-ristrutturazzjoni u fl-aħħar il-privatizzazzjoni ta’ l-impriżi tal-grupp Lintra, fosthom għajnuniet għal ammont ta’ DEM 970 200 000, imnaqqas wara għal DEM 824 200 000. Fl-analiżi tagħha tal-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuniet, il-Kummissjoni fl-aħħar irrilevat li "minkejja l-proċedura tas-sejħa għal offerti, ma [kien] instab l-ebda investitur li [kien] dispost li jieħu r-riskju ekonomiku tar-ristrutturazzjoni ta’ l-impriżi in kwistjoni mingħajr l-eżistenza ta’ l-għajnuniet mill-Istat" u li "billi l-impriżi [kienu] nbiegħu lill-aħjar offerent, l-għajnuniet mogħtijin mill-Istat previsti fil-kuntratt ta’ privatizzazzjoni [kienu] limitati għal dak li kien strettament meħtieġ, biex tingħata lill-impriżi l-possibbiltà li jistabbilixxu mill-ġdid fit-tul il-kompetittività tagħhom". Hija ppreċiżat li "l-impriżi fil-kumpless tagħhom [ħadmu] fi swieq li kienu qed jespandu li fihom ma [kienx] hemm produzzjoni żejda strutturali", u li "l-għajnuna finanzjarja kienet limitata fiż-żmien". Il-Kummissjoni ddeduċiet li "[l]-għajnuniet [irrispettaw] il-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam ta’ ristrutturazzjoni (il-kompetittività, proporzjonalità, it-tnaqqis tal-kapaċitajiet)".

83      Fuq il-bażi ta’ l-analiżi li għamlet, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li "jekk wieħed [jikkunsidra] flimkien il-kumpless ta’ l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni, [hija] [tkun] tal-parir li dawn l-għajnuniet imsemmijin [huma] kumpatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 92(3)(c), tat-Trattat (...), billi [kienu limitati] strettament għal dak li [kien] strettament neċessarju u ma [tawx] lill-impriżi pożizzjoni privileġġata fir-rigward tal-kompetituri". Minbarra dan il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li "minħabba l-fatt li l-impriżi [kienu] kollha stabbiliti f’reġjun li jidħol fil-qasam ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' deroga stabbiliti fl-Artikolu 92(3)(a), tat-Trattat (...), wara li tikkunsidra n-numru u d-daqs ta' l-impriżi ssussidjati, minħabba l-fatt li l-firxa tal-prodotti tagħhom [kienet] varja u għalhekk ma [setgħux] jiksbu l-effetti ta’ sinerġija, u minħabba l-ammont relattivament limitat ta’ l-għajnuniet, l-għajnuniet in kwistjoni kienu [ġew] iddikkjarati kumpatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 92(3)(a), tat-Trattat".

84      Jirriżulta minn qari tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet awtorizzati kienu t-tmien kumpanniji sussidjarji Lintra, inkluża r-rikorrenti fil-kawża T-111/01, fejn is-sitwazzjonijiet f’termini ekonomiċi, soċjali u ta’ qligħ kienu ġew speċifikatament deskritti fil-paġni 1-5 tad-deċiżjoni, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Lintra, fejn il-funzjonijiet tagħha kienu jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tal-grupp bl-għan li tiġi permessa r-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji hekk kif ikun possibbli. Jekk il-miżuri finanzjarji maħsuba mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienu intiżi jimmiraw biex jerġa’ jidħol il-kapital fil-kumpanniji u għall-finanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni, partikolarment permezz tal-parteċipazzjoni tal-BvS fit-telf, permezz ta’ l-għajnuniet għall-investimenti u permezz tal-kopertura tal-ħtiġijiet tal-likwidità tal-kumpanniji, id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 tawtorizza biss għajnuniet li jistgħu jiġu użati mill-kumpannija holding Lintra għall-finanzjament ta’ l-attivitjiet ta’ din ta’ l-aħħar. Fuq kollox, il-fatt li l-għajnuniet jistgħu jitħallsu mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-kumpannija holding Lintra, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tal-grupp Lintra, ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li l-kumpanniji sussidjarji ta’ dan il-grupp jiġu kkunsidrati bħala li jieħdu vantaġġ minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, kawżi maqgħuda 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 34) u jkunu, fil-verità, il-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet li kienu ġew awtorizzati mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni awtorizzat esklużivament għajnuniet fid-dawl tar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra, inkluża r-rikorrenti fil-kawża T-111/01.

 − Fuq il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-ammont ta’ għajnuniet fejn ir-restituzzjoni hija mitluba lir-rikorrenti fil-kawża T-111/01

85      Jenħtieġ fl-ewwel lok li jiġi ssottolinjat li, skond l-Artikolu 88(2), KE, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna hija applikata b’mod ħażin, hija tiddeċiedi li l-Istat interessat għandu jwaqqafha jew li jimmodifikaha fit-terminu ta’ żmien li hija tiddetermina.

86      Jirriżulta mill-qari flimkien ta’ l-Artikolu 88(2), KE, u ta’ l-Artikoli 1(g), u ta’ l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999 li, bħala prinċipju, jaqa’ fuq il-Kummissjoni biex turi li l-għajnuniet kollha jew parti minnhom li hija kienet awtorizzat qabel skond deċiżjoni preċedenti intużaw b’mod ħażin mill-benefiċjarju. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ din id-dimostrazzjoni, dawn l-għajnuniet għandhom jiġu kkkunsidrati bħala li kienu koperti permezz tad-deċiżjoni preċedenti ta’ approvazzjoni. Madankollu, ir-riferenza għall-Artikolu 13 mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999 jawtorizza lill-Kummissjoni, fil-każ li Stat Membru jonqos milli jsegwi inġunzjoni biex jipprovdi informazzjoni, biex tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli. Għalhekk, meta Stat Membru jonqos li jipprovdi informazzjoni biżżejjed ċara u preċiża dwar l-użu ta’ l-għajnuniet li dwarhom il-Kummissjoni tesprimi dubju, skond l-informazzjoni li jkollha f’idejha, rigward it-tħaris ta’ deċiżjoni tagħha minn qabel ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni tista’ b’mod leġittimu tikkunsidra l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet in kwistjoni.

87      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, skond il-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej :

"Fil-każ fejn l-għajnuniet mogħtija lill-grupp Lintra ma kinux ġew użati għall-għanijiet murija fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat, m’humiex koperti mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, li skond din l-għajnuniet kellhom iservu direttament għar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji Lintra. L-użu ta’ għajnuniet fil-[kumpannija holding] Lintra (...) mhuwiex previst espressament, la fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u f’din id-deċiżjoni msemmija fuq. Barra minn hekk, dan qatt ma kien ikun possibbli , minħabba li din il-kumpannija ma kinitx impriża f’diffikultà. B’mod analogu, l-użu ta’ għajnuniet minn naħa tal-kumpanniji sussidjarji għall-ħlas tas-servizzi tal-[kumpannija holding] Lintra ma kienx maħsub espliċitament fil-pjan tar-ristrutturazzjoni, u lanqas fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li ma setax ikun eskluż li l-kumpanniji sussidjarji kienu effettivament użaw l-għajnuniet għall-ħlas tas-servizzi ta’ din il-kumpannija. Fuq kollox, bħala risposta għall-inġunzjoni sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-ispejjeż totali tal-[kumpannija holding] Lintra (...) (spejjeż tal-persunal, spejjeż legali, ħlasijiet tal-kera għall-uffiċċji eċċ), l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw biss ċifri fil-qosor ħafna, u ma wrewx b’mod preċiż liema servizzi kienet tat il-kumpannija holding bi ħlas, lil liema kumpanniji sussidjarji u f’liema data. Peress illi l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux f’pożizzjoni li jressqu provi biżżejjed f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont ta’ DEM 34,978 miljun, li baqa’ fil-fondi tal-[kumpannija holding] Lintra (...), ma kienx kopert mid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 1996".

88      Hija ddeduċiet, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"Il-parti ta’ l-għajnuniet mogħtijin li baqgħet għand il-[kumpannija holding] Lintra (...), jiġifieri DEM 34,978 miljun, ma ntużatx skond id-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat. Il-benefiċjarju għalhekk użaha bi ksur tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, li jikkostitwixxi użu ħażin,skond qari flimkien ta’ l-Artikolu 88(2), (...) KE u ta’ l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999, KE (...)".

89      Għal dak li jirrigwarda l-ammont parzjali ta’ DEM 22 978 000, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward ta’ l-użu tiegħu, l-"awtoritajiet Ġermaniżi ma [kinux] ipprovdew provi ddettaljati fir-risposta tagħhom għall-inġunzjoni sabiex tingħata l-informazzjoni". Hija indikat ukoll, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li "l-awtoritajiet Ġermaniżi ma [kinux] urew li dan l-ammont kien tqassam mill-ġdid lill-kumpanniji sussidjarji" filwaqt li rrilevat li "fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, [ma kienx hemm] dubju li l-kumpannija [holding] Lintra (...) [kienet] kisbet l-ammont sħiħ ta’ l-għajnuna". B’konsegwenza, il-Kummissjoni talbet li l-ammont sħiħ tas-somma jiġi rkuprat mingħand il-kumpannija holding Lintra u l-kumpanniji sussidjarji tagħha, skond il-metodi deskritti fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata. Skond din il-premesa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata titlob ir-rimborż ta’ l-ammont ta’ DEM 3 195 559 lir-rikorrenti fil-kawża T-111/01.

90      Mal-qari tal-premessi ċċitati u fuq il-bażi ta’ l-elementi tal-proċess, huwa paċifiku li l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet ta’ DEM 22 978 000 baqa’ mniżżel fil-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra. Huwa paċifiku wkoll li, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha ta’ ġestjoni tal-grupp Lintra, il-kumpannija holding Lintra effettwat diversi servizzi lill-kumpanniji sussidjarji Lintra. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-kontroversja bejn il-partijiet tirrigwarda l-punt jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li l-ammont ta’ DEM 22 978 000 kienx ġie użat b’mod ħażin minkejja l-fatt li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-użu effettiv ta’ din is-somma, b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ provi dettaljati ppreżentati mill-awtoritajiet Ġermaniżi wara d-deċiżjoni ta’ inġunzjoni biex tingħata informazzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000.

91      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-eżami li l-Kummissjoni trid twettaq jimplika l-kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta' fatti u ta' ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress illi l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kumplessi ekonomiċi ma’ dik tal-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu konsegwentement ikun limitat għall-verifika li ġew irrispettati r-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ distorsjoni ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, 138/79 Roquette Frères vs Il-Kunsill, Ġabra p. 3333, punt 25; tal-15 ta’ Ġunju 1993, C‑225/91, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 25; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta’ Lulju 1994, T-17/93, Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, T-17/93, Ġabra p. II‑595, punt 104; tat-8 ta’ Ġunju 1995, Schöller vs Il-Kummissjoni, T-93, Ġabra p. II‑1611, punt 140; Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 170, u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1997, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-243/94, Ġabra p. II-1887, punt 113).

92      F’dan il-każ, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ammont ta’ DEM 22 978 000 intuża b’mod ħażin mhijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ valutazzjoni.

93      Il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li adottat id-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-fatt li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tiddetermina l-użu effettiv ta’ l-ammont in kwistjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-punt 86 iktar ’il fuq, għalkemm fil-prinċipju hija l-Kummissjoni lil għandha turi li għajnuniet partikolari li hija kienet awtorizzat qabel intużaw b’mod ħażin, madankollu l-Istat Membru għandu jipprovdi l-elementi kollha mitluba mill-Kummissjoni wara inġunzjoni sabiex jipprovdi informazzjoni, u fin-nuqqas tagħha l-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li tkun disponibbli.

94      Issa, jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li l-awtoritajiet Ġermaniżi, għalkemm kienu mitluba mill-Kummissjoni biex jipprovdu "l-informazzjoni kollha utli biex jiġi ddeterminat kif kienu tqassmu bejn il-kumpanniji sussidjarji l-ispejjeż tal-[kumpannija holding Lintra]", "l-elementi kollha dwar eventwali allokazzjoni oħra lill-kumpanniji sussidjarji tal-bilanċ fil-kont [DEM 22 978 000] li għadda mill-kumpannija holding għall-kumpannija sussidjarja, baqa’ fid-disponibbiltà tal-holding, jiġifieri l-elementi preċiżi li jikkonċernaw il-fatturat u t-total ta’ l-għajnuniet miksuba mill-kumpanniji sussidjarji matul l-ewwel fażi ta’ ristrutturazzjoni (1994-1996)", kif ukoll "l-elementi kollha meħtieġa li jippermettu li jiġi vvalutat sa liema punt il-kontribuzzjonijiet tal-grupp imħallsin mill-kumpanniji sussidjarji kienu ġew iffinanzjati permezz ta’ l-għajnuniet", ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa. Fil-fatt, fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Ottubru 2000, mibgħuta bħala risposta għad-deċiżjoni ta' inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000, l-awtoritajiet Ġermaniżi llimitaw ruħhom biex jippreżentaw iċ-ċifri globali fir-rigward ta’ l-allokazzjoni ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000, li baqa’ fil-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra, bħala kumpens għal diversi servizzi ta’ din ta’ l-aħħar, mingħajr ma setgħu jippreċiżaw it-tqassim eżatt ta’ dan l-ammont fost il-kumpanniji sussidjarji.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-ammont ta’ DEM 22 0978 000 instab imniżżel fil-kotba tal-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra seta’ ġie interpretat mill-Kummissjoni fiż-żewġ modi li ġejjin biss: jew il-kumpannija holding Lintra, li l-BvS għadditilha l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji, min-naħa tagħha m’għaddietx l-ammont ta’ DEM 22 978 000 lis-sussidjarji, u, f’dan il-każ, din is-sitwazzjoni marret kontra d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 li awtorizzat il-ħlas ta’ l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni favur is-sussidjarji Lintra; jew il-kumpanniji sussidjarji kienu ħallsu lill-kumpannija holding Lintra għas-servizzi li, għalkemm setgħu ġew ipprovduti għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji, ma kienu jikkostitwixxu l-ebda prova preċiża min-naħa ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom u d-data tal-ħlas tagħhom; dan, konsegwentement, seta’ jwassal lill-Kummissjoni tikkunsidra, kif hija rrilevat fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ DEM 22 978 000 ma kienx tqassam mill-ġdid lill-kumpanniji sussidjarji, sitwazzjoni li kisret ukoll id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

96      Ċertament, skond ir-Regolament Nru 659/1999, l-għajnuniet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li kienu ġew użati b’mod ħażin biss jekk din il-prattika hija attribwibbli lill-benefiċjarju tagħhom.

97      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn eżami konġunt tal-premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-benefiċjarju li kellu jinżamm responsabbli ta’ l-użu ħażin ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000 kien il-grupp Lintra kollu, inkwantu benefiċjarju tal-bidu ta’ l-għajnuniet approvati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-benefiċjarji inizjali ta’ l-għajnuniet approvati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 kellhom ikunu biss il-kumpanniji sussidjarji Lintra u mhux il-grupp kollu. Madankollu, billi l-ammont ta’ DEM 22 978 000 baqa’ miktub fil-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra, il-Kummissjoni, wara li kienet ikkunsidrat l-informazzjoni fil-pussess tagħha fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tikkonstata ġustament li dawn l-għajnuniet ma kinux intużaw skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

98      Fl-aħħar nett, kontra dak sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni lanqas biss kienet obbligata tgħaddi għall-verifiki fuq il-post, skond l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel ma setgħet tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

99      Għandu jiġi mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, "[m]eta l-Kummissjoni għandha dubbji serji rigward ir-rispett tad-deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, deċiżjonijiet pożittivi jew deċiżjonijiet kundizzjonali għal dak li jikkonċerna l-Istat Membru kkonċernat, wara li jkun ingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet, għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex twettaq ispezzjonijiet fuq il-post.". L-Artikolu 22(1), tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 20 tiegħu, li skond din "żjajjar ta’ osservazzjoni fuq il-post huma strument xieraq u bżonnjuż, b’mod partikolari għal każijiet fejn għajnuna setgħet intużat ħażin".

100    Madankollu, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, wara r-risposta ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-2 ta’ Ottubru 2000 tad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni, quddiem żewġ ipoteżijiet imsemmijin fil-punt 95 iktar ’il fuq, ma setgħetx ikollha iżjed dubji serji dwar in-nuqqas ta’ rispett tad-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 1996 għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000. F’dawn il-kundizzjonijiet, hija ma kinitx suġġetta għall-obbligu allegat li tagħmel spezzjoni fuq il-post, maħsuba biex tivverifika t-tħaris tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

101    Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha msemmijin, jenħtieġ li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq l-iżball dwar il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

 Dwar il-motiv komuni, ibbażat fuq l-iżball magħmul mill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuniet in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

 − Fil-kawża T-111/01

102    Ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 tagħmel l-osservazzjoni li l-għajnuniet awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 kienu tħallsu direttament mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-kumpannija holding Lintra. Ir-rikorrenti, bħall-bqija tal-kumpanniji sussidjarji kollha Lintra, għalhekk irċeviet l-għajnuniet b’mod indirett biss. Skond ir-rikorrenti, din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-Kummissjoni stess. Fil-fatt, fid-deċiżjoni ta’ inġunzjoni tagħha ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000, indirizzata lill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kellha f’idejha, ma kienx ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li l-ammont ta’ DEM 34 978 000 kien tħallas lill-kumpanniji sussidjarji. Minn dan isegwi, skond ir-rikorrenti, li l-holding Lintra biss tista’ tiġi mġiegħla tirrestitwixxi l-għajnuniet in kwistjoni. Minbarra dan, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti ta’ Prim’Istanza teżamina jekk l-azzjonist uniku tal-Lintra, bejn l-1994 u l-1997 kif ukoll il-BvS u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhomx jiġu obbligati jirrestitwixxu l-għajnuniet.

103    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija holding Lintra u tal-kumpanniji sussidjarji kif stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata. Tali responsabbiltà in solidum m’għandha l-ebda fundament ġuridiku u hija ekwivalenti għall-ammissjoni ta’ "responsabbiltà ta’ grupp bil-maqlub", fejn kumpannija sussidjarja hija responsabbli tad-djun tal-kumpannija prinċipali tagħha. Issa, skond r-rikorrenti, din ma teżistix la fid-dritt Ġermaniż u lanqas, safejn taf hi, fid-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, tali responsabbiltà in solidum kienet ġiet aċċettata biss mill-Kummissjoni minħabba motivi ta’ sempliċità, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza li tinsab fiha l-kumpannija holding Lintra.

104    Il-Kummissjoni tirribatti li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 ħatret il-kumpanniji sussidjarji Lintra bħala l-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet appruvati. Minn dan isegwi, skond il-Kummissjoni, li dawn il-kumpanniji sussidjarji huma responsabbli flimkien ta’ l-użu korrett ta’ l-għajnuniet. Għalhekk mhux arbitrarju min-naħa tal-Kummissjoni li tordna li għajnuniet applikati b’mod ħażin jiġu rkuprati wkoll mingħandhom, u jekk dan ma jkunx possibbli, mingħand il-kumpannija holding Lintra. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkjarifika li, fil-każ preżenti, billi l-awtoritajiet Ġermaniżi ma setgħux jipprovdu informazzjoni ta’ min wieħed joqgħod fuqha dwar l-allokazzjoni ta’ l-għajnuniet mogħtijin, responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji sussidjarji kollha dehret indispensabbli.

105    Skond il-Kummissjoni r-rikorrenti għalhekk mhijiex marbuta ma’ l-obbligi tal-kumpannija prinċipali tagħha bis-saħħa ta’ "responsabbiltà ta’ grupp bil-maqlub", imma bis-saħħa ta’ obbligu impost fuqha bħala benefiċjarja ta’ l-għajnuniet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-unika raġuni għaliex id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi responsabbiltà in solidum hija li l-Kummissjoni, billi taf l-istruttura tal-grupp u l-proġett tal-kanalizzazzjoni ta’ l-għajnuniet permezz tal-kumpannija holding Lintra, ma setgħetx teskludi li wħud mill-għajnuniet jinstabu parzjalment fil-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra. F’kull każ il-Kummissjoni żżid li ftit li xejn hija rilevanti li s-sitwazzjoni ġuridika deskritta fir-risposta hija jew le "ma tagħmilx parti mid-dritt Ġermaniż", minħabba li d-dritt Komunitarju ma jitkejjilx bil-qies ta’ l-ordinament ġuridiku nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-istedina, magħmula mir-rikorrenti lill-Qorti tal-Prim’Istanza, biex teżamina jekk r-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew min-naħa tal-BvS kinitx meħtieġa m’għandhiex sens u l-kwistjoni jekk l-azzjonist uniku tal-holding Lintra kellux jiġi obbligat iwettaq ir-restituzzjoni hija kwistjoni li taqa' taħt id-dritt nazzjonali.

–       Fil-kawża T-133/01

106    Ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 issostni li l-Kummissjoni abbużat is-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, billi eżiġiet l-irkupru ta’ l-għajnuniet mingħandha. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-holding Lintra biss irċeviet l-għajnuniet. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-kumpannija holding Lintra biss kienet irċeviet l-għajnuniet. Minbarra dan, permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 il-Kummissjoni ffirmat il-kunsens tagħha għall-għajnuniet maħsubin għal miżuri ta’ ristruttrazzjoni fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-kumpannija holding Lintra. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti tikkontesta r-reponsabbiltà in solidum tal-kumpannija holding Lintra u tal-kumpanniji sussidjarji tagħha, iddikjarata fid-deċiżjoni kontestata, għal dak li jirrigwarda l-ammont parzjali ta’ DEM 22 978 000, kif ukoll ir-responsabbiltà parzjali tagħha (sa l-ammont ta’ DEM 4 077 000) għal dak li jirrigwarda r-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet taħt forma ta’ self fi flus kontanti. Rigward dan ir-rikorrenti ssostni li m’hemmx lok għar-restituzzjoni, anki jekk parzjali biss, ta’ l-ammont ta’ DEM 4 077 000, iddikjarat mid-deċiżjoni kontestata, li hija fi kwalunkwe każ ma tafx kif dan ġie ddeterminat mill-Kummissjoni.

107    Il-Kummissjoni tikkunsidra fl-ewwel lok li, skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, kienu benefiċjarji ta’ l-għajnuniet mogħtijin it-tmien kumpanniji sussidjarji Lintra. Huwa f’minħabba dan li huma responsabbli għall-użu tajjeb ta’ l-għajnuniet.

108    Hija tfakkar imbagħad li hija l-Kummissjoni li għandha d-dmir, meta tikkonstata li għajnuna mogħtija mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni, li tordna r-restituzzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. L-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, intiż permezz ta’ l-obbligu ta’ l-Istat li jneħħi l-għoti ta’ l-għajnuna, jintlaħaq meta l-għajnuna, li tinkludi wkoll, skond il-każ, miżjud bl-imgħaxijiet għad-dewmien, tkun ġiet restitwita mill-benefiċjarju.

109    B’referenza għall-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000, il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont ma kienx ikkontemplat skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 u għalhekk kellu jiġi rrestitwit. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-għajnuniet awtorizzati mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 kienu intiżi għall-grupp iffurmat mill-kumpanniji sussidjarji, għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni komuni. Issa, skond il-Kummissjoni, l-ammont ta’ DEM 12 000 000 tħallas matul ix-xhur ta’ April u ta’ Ġunju 1997, wara l-falliment ta’ l-ewwel ristrutturazzjoni u f’perjodu meta l-grupp kien sab ruħu kważi f’sitwazzjoni ta’ nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, minħabba li l-BvS kienet ħadet il-kontroll mill-ġdid tiegħu. F’dawna l-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa ċar li l-ammont ta’ DEM 12 000 000 ma setax jiġi kopert mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 u li d-domanda għal restituzzjoni hija ġġustifikata għal kollox.

110    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum, il-Kummissjoni tindika li din il-kwistjoni ġiet affrontata fid-deċiżjoni kkontestata biss għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li parti mill-għajnuniet setgħet kienet fil-kontijiet tal-kumpannija holding Lintra. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tippreċiża li, kontra dak sostnut mir-rikorrenti, din m’hijiex responsabbli għad-djun tal-kumpannija holding Lintra. Bil-kontra, hija l-holding Lintra li hija debitriċi in solidum għad-djun tal-kumpanniji sussidjarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111    Jenħtieġ li jitfakkar b’mod preliminari li, skond id-dritt Komunitarju, ladarba tikkunsidra li xi għajnuniet m’humiex kumpatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tordna Stat Membru biex jirkupra dawn l-għajnuniet mingħand il-benefiċjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 20; tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italia u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 65, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 73).

112    It-twaqqif ta’ għajnuna illegali permezz ta’ l-irkupru hija l-konsegwenza loġika ta’ l-aċċertament ta’ l-illegalità tagħha u hija maħsuba biex jerġa’ jinġieb l-istatus quo ante (is-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 74).

113    Dan il-għan jintlaħaq meta dawn l-għajnuniet in kwistjoni, miżjudin skond il-każ mill-interessi ta’ dewmien, ikun ġew irrestitwiti mill-benefiċjarju jew, f’termini oħra, mill-impriżi li kellhom benefiċċju effettiv. B’konsegwenza ta’ din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju huwa fil-fatt imċaħħad mill-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fis-suq fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ħlas ta’ l-għajnuna terġa’ tiġi għal li kienet (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑350/93, Ġabra p. I-699, punt 22; tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, punt 55, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 75).

114    Minn dan isegwi li l-għan prinċipali tar-rimborż ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat imħallsa illegalment huwa dak li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv miġjub mill-għajnuna illegali (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 76).

115    Is-sitwazzjoni ma tinbidilx, bħala prinċipju, għal dak li jirrigwarda r-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet imħallsin mill-Istat li, skond deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, jiġu kkunsidrati li ntużaw b’mod ħażin, skond l-Artikoli 88(2), KE u 1(g) u ta’ l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi b’mod partikolari li l-Artikolu 14 ta’ l-istess Regolament, meta jimponi l-irkupru ta’ l-għajnuna ddikjarata illegali mingħand il-benefiċjarju tagħha, japplika, mutatis mutandis, fil-każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna. Għalhekk, għajnuna mogħtija b’mod ħażin għandha, bħala regola ġenerali, tiġi rkuprata mingħand l-impriża li effettivament ibbenefikat minnha, għall-iskop li tkun eliminata d-distorzjoni tal-kompetizzjoni pprovokata mill-vantaġġ kompetittiv miġjub minn din l-għajnuna.

116    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-legalità ta’ l-ordni ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuniet in kwistjoni li tidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa, fl-ewwel lok, il-legalità ta’ l-ordni ta’ restituzzjoni ta’ l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet ta’ DEM 22 978 000, indirizzat kemm lill-kumpannija Saxonia Edelmetalle, sa l-ammont ta’ DEM 3 195 559, kif ukoll lill-kumpannija ZEMAG, sa l-ammont ta’ DEM 2 419 271. Fit-tieni lok, il-Qorti ta’ Prim’Istanza ser teżamina l-ordni ta’ restituzzjoni ta’ l-ammont ta’ DEM 12 000 000, indirizzata lill-kumpannija ZEMAG sa l-ammont ta’ DEM 4 077 000.

–        Fuq l-ordni ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuniet in kwisjtoni għal dak li jirrigwarda l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet, ta’ DEM 22 978 000, li jidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (kawża T-111/01 u T-133/01)

117    Hemm bżonn fl-ewwel lok li jiġi ssottolinjat li, kif kien ikkonstatat fl-ambitu ta’ l-istħarriġ tal-motiv preċedenti mqajjem mir-rikorrenti fil-kawża T‑111/01, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet, ta’ DEM 22 978 000, kien ġie użat b’mod ħażin. Aktar minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 ma kkontestatx serjament il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu ħażin ta’ dan l-ammont għal dik il-parti li tikkonċernaha.

118    Imbagħad hemm bżonn li jitfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat fil-premessa 44 dan li ġej:

"Billi l-għajnuna mogħtija fil-bidu lill-grupp Lintra kellha tifforma somma globali u l-grupp m’għadux jeżisti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina b’liema miżura d-diversi impriżi tal-grupp setgħu ibbenefikaw mill-għajnuna. Għalhekk, l-obbligu ta’ l-irkupru għandu japplika fil-konfront ta’ l-impriżi kollha li fid-data ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna kienu jiffurmaw parti mill-grupp".

119    Minbarra dan, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, m’hemmx dubju li l-kumpannija [holding] Lintra (...) kienet kisbet l-ammont sħiħ ta’ l-għajnuna. Dwar id-DEM 22,978 miljun l-awtoritajiet Ġermaniżi ma wrewx li dan l-ammont kien ġie mqassam mill-ġdid lill-kumpanniji sussidjarji. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-somma kollha mogħtija għandha tiġi rkuprata mingħand il-[kumpannija holding] Lintra (...) u l-kumpanniji sussidjarji tagħha".

120    Il-Kummissjoni mbagħad ippreċiżat il-metodi ta’ l-irkupru ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000 mingħand is-sussidjarji Lintra, permezz tal-kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq id-daqs ta’ l-għajnuniet li dawn l-impriżi kienu rċevew u li kienu ġew iddikkjarati permezz tad-deċiżjoni kkontestata għala li ġew użati skond id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

121    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk waslet sabiex tikkonstata li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja min-naħa ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-ammont ta’ DEM 22 978 000, li baqa’ mniżżel fil-kontijiet tal-holding Lintra, ma kienx tqassam mill-ġdid lill-kumpanniji sussidjarji. Fin-nota tagħha, kif ġie enfasizzat fil-punt 64 preċedenti, il-Kummissjoni ammettiet ukoll li l-irkupru mingħand ir-rikorrenti ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000 ma kienx ġie mitlub minħabba l-użu illegali ta’ dawn l-għajnuniet min-naħa tal-kumpanniji sussidjarji, imma minħabba ż-żamma tagħhom min-naħa tal-holding Lintra.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra mingħand ir-rikorrenti l-ammonti indikati fit-tieni tabella li tidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata billi, skond l-istess deċiżjoni kkontestata u skond n-nota tal-Kummissjoni, dawn l-impriżi ma kinux benefiċjarji ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000, peress li ma kinux effettivament ibbenefikaw minn dan l-ammont użat b’mod ħażin.

123    Din il-valutazzjoni ma titqiegħedx in kwistjoni minħabba l-affermazzjoni magħmula fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata li skond din l-għajnuniet kienu ngħataw fil-bidu, bis-saħħa tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, lill-grupp Lintra kollu kemm hu u li, bħala konsegwenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina b’liema mod id-diversi impriżi tal-grupp setgħu jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna. Fil-fatt biżżejjed jiġi kkunsidrat li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 84 iktar ’il fuq, jekk il-grupp Lintra, permezz ta’ l-intermedju tal-kumpannija l-holding Lintra, irċieva l-għajnuniet mħallsa mill-BvS, il-benefiċjarju inizjali ta’ l-għajnuniet kollha ma kienx il-grupp Lintra, magħmul mill-kumpanniji sussidjarji u mill-kumpannija holding Lintra, imma kellhom ikunu esklużivament il-kumpanniji sussidjarji għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni u tal-privatizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, meta indikat partikolarment fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li qatt ma seta’ jkun hemm il-kwistjoni ta’ l-użu ta’ għajnuniet min-naħa tal-kumpannija ­holding Lintra , minħabba l-fatt li hija ma kinitx impiża li kienet tinsab f’diffikultà, hija stess ammettiet li ma kienx il-grupp bħala tali li kellu jkun il-benefiċjarju tal-bidu ta’ l-għajnuniet appruvati bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. F’dawn il-kundizzjonijiet, hija żbaljata l-premessa li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni biex tikkonkludi li hija ma kinitx obbligata teżamina b’liema mod id-diversi impriżi tal-grupp kienu setgħu jibbenefikaw mill-ammont ta’ DEM 22 978 000.

124    Jenħtieġ madankollu jiġi ppreċiżat li, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tiddetermina fid-deċiżjoni kkontestata b'liema mod kull impriża kienet ibbenefikat mill-ammont ta’ DEM 22 978 000, imma setgħet tillimita ruħha biex tistieden lill-awtoritajiet Ġermaniżi jirkupraw dawn l-għajnuniet mingħand il-benefiċjarju tagħhom, jew il-benefiċjarji tagħhom, jiġifieri mingħand l-impriża jew impriżi li fil-fatt kienu bbenefikaw minnhom. Għalhekk kellha tkun ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipproċedi, fil-kuntest ta’ l-obbligi Komunitarji tagħha, li tipproċedi għall-irkupru ta’ l-ammont in kwistjoni.. Fl-ipoteżi fejn, fl-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni ta’ restituzzjoni, l-Istat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mhux previsti, jenħtieġ jitfakkar li dan jista’ jressaq dawn il-problemi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ il-Kummissjoni u l-Istat Membru, fil-qadi tad-dover ta’ kollaborazzjoni leali, imsemmi partikolarment fl-Artikolu 10 KE, għandhom jikkollaboraw bil-bona fidi biex jegħlbu d-diffikultajiet, b’rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuniet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, C-303/88, L-Italia vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-1433, punt 58, u tat-13 ta’ Ġunju 2002, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I‑5163, punt 50).

125    Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ informazzjoni aktar preċiża u minħabba l-fatt li l-ammont ta’ l-għajnuniet kien imniżżel fil-kontijiet tal-holding Lintra, il-Kummissjoni, ma tistax legalment timponi awtomatikament l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ l-għajnuniet fil-kwistjoni lir-rikorrenti, għall-motiv biss li huma ssemmew bħala l-benefiċjarji tal-bidu ta’ l-għajnuniet awtorizzati permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, kif hija sostniet fin-nota tagħha. Dan il-metodu fil-fatt jisker ir-regola li hija l-impriża li tkun effettivament ibbenefikat mill-għajnuniet użati b’mod ħażin li għandha tirrestitwixxi l-vantaġġ li bbenefikat minnu.

126    Konsegwentement, huwa żbaljat li l-Kummissjoni eżiġiet ir-restituzzjoni ta’ l-ammont ta’ DEM 3 195 559 mingħand il-kumpannija Saxonia Edelmetalle u l-ammont ta’ DEM 2 419 271 mingħand il-kumpannija ZEMAG.

127    Minn dan isegwi li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn jeżiġi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra mingħand ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01 ammont ta’ DEM 3 195 559 u mingħand ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01, ammont ta’ DEM 2 419 271.

–       Fuq l-ordni ta’ irkupru ta’ l-għajnuniet in kwistjoni għal dak li jikkonċerna l-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000 li jidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (T-133/01).

128    Skond il-punt 29 tad-deċiżjoni kkontesta:

"L-ammont ta’ 12-il miljun DEM ingħata wara l-falliment ta’ l-ewwel ristruttrazzjoni, taħt forma ta’ miżuri ta’ self ta’ kontanti lill-kumpanniji sussidjarji Lintra għall-preparazzjoni ta’ ristrutturazzjoni ulterjuri. (...) Dawn il-fondi, maħsubin biex jitħallsu kontijiet mhux imħallsin, bejn April u Ġunju 1997 kienu ngħataw lill-kumpanniji sussidjarji li kien jidher possibbli li ssirilhom it-tieni ristrutturazzjoni. Peress illi din l-għajnuna ngħatat mill-BvS wara li kien sar evidenti li falliet l-ewwel ristrutturazzjoni tal-grupp Lintra, għall-preparazzjoni tat-tieni ristrutturazzjoni, huwa ċar li ma taqax taħt id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996."

129    Skond il-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont ta’ DEM 12 000 000 jista’ "b’mod ċar jiġi attribwit lill-kumpanniji sussidjarji li bbenefikaw minnu wara li sar magħruf il-falliment ta’ l-ewwel ristrutturazzjoni tal-grupp Lintra". Sa mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ir-restituzzjoni ta’ l-ammont ta’ DEM 12 000 000 ġiet imposta fuq id-diversi kumpanniji sussidjarji interessati skond it-tabella li tidher fl-istess premessa u li tidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

130    Imbagħad hemm bżonn li jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-kawża T-133/01 ma tikkontestax in-natura abużiva ta’ l-użu ta’ l-għajnuniet in kwistjoni, kif ġie kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, jenħtieġ li jiġi ssottolinjat li, skond l-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-10 ta’ Marzu 2000, l-ammont ta’ DEM 12 000 000 ma kienx kopert mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996. L-awtoritajiet Ġermaniżi ma ċaħdux din il-pożizzjoni fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Ottubru 2000 b’risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002. Għandu għalhekk jiġi osservat li, fil-mument li adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li l-ammont ta’ DEM 12 000 000 la kien kopert mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, u lanqas kien legali, għaliex ma kienx ġie formalment innofikat lill-Kummissjoni.

131    Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01 tikkontesta, minn naħa, il-konstatazzjoni li skond din hija rċeviet xi parti mill-ammont ta’ DEM 12 000 000 li l-Kummissjoni teżiġi li r-restituzzjoni u tistaqsi, min-naħa l-oħra, dwar il-mod kif ġie ddeterminat l-ammont ta’ DEM 4 077 000, li ntalab bħala rimborż.

132    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kumpannija ZEMAG kinitx fil-fatt ibbenefikat minn parti mill-ammont ta’ DEM 12 000 000, il-Qorti tal-Prim' Istanza tqis li, fir-rigward ta’ l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan kien tassew il-każ.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħhom ta’ l-10 ta’ Marzu 2000, iċċitata iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Ġermaniżi affermaw li l-ammont ta’ DEM 12 000 000 kien tħallas lill-kumpanniji sussidjarji matul ix-xhur ta’ April u Ġunju 1997, safejn it-tieni privatizzazzjoni kienet ġiet maħsuba min għal dawn l-impriżi. L-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw "l-ewwel tqassim ta’ dawn il-fondi" fost il-kumpanniji sussidjarji kkonċernati li deher fl-anness għall-imsemmija ittra. Il-kumpannija ZEMAG dehret tliet darbiet fit-tabella mehmuża ma’ l-ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 2000 u, b’mod korrispondenti ma’ kull riferenza, ġew indikati ammonti partikolari, għal total ta’ DEM 4 077 000.

134    Fl-1 ta’ Awwissu 2000 il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipprovdi, skond l-Artikolu 10(3), tar-Regolament Nru 659/1999, b’mod partikolari, "l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi ddeterminat kif l-ispejjeż tal-kumpannija holding [Lintra] [kienu] tqassmu fost il-kumpanniji sussidjarji" Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, fin-nuqqas tat-trażmissjoni ta’ l-informazzjoni, iċ-ċifri u d-dokumenti rilevanti kollha għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ l-għajnuniet, hija kienet kostretta tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta’ elementi fil-pussess tagħha.

135    L-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 bl-ittra tat-2 ta’ Ottubru 2000 li magħha hemżu r-rapport ta’ accountant ikkwalifikat. Skond din l-informazzjoni, DEM 7 910 000 (minn ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000) kellhom jiġu allokati lill-kumpanniji sussidjarji, li jikkorrispondu għall-użu effettiv ta’ l-għajnuna. Fir-rigward tal-kumpannija ZEMAG, it-tabella sinottika mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi (li tinsab ukoll fir-rapport ta' l-accountant ikkwalifikat) kienet tindika ammont ta’ DEM 107 000 allokati lil din l-impriża. Għall-ammont li kien fadal ta’ DEM 4 090 000 (12 000 000 − 7 910 000), l-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li dan l-ammont kellu jiġi allokat lill-unika kumpannija holding Lintra fil-każ fejn dan l-ammont kien, parti minnu (f’ ammont ta’ DEM 421 000), kien maħsub għal attivitajiet oħra ta’ privatizzazzjoni fl-1998 u serva, għall-parti l-oħra (DEM 3 669 000), biex jiffinanzja l-kumpannija holding Lintra għall-ispejjeż ta’ materjal u tal-persunal. L-awtoritajiet Ġermaniżi żiedu wkoll li l-ammont attribwibbli lill-kumpanniji sussidjarji kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni privatizzazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati.

136    Jirriżulta mill-elementi ta’ informazzjoni ċċitati, mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-Kummissjoni, li din ta’ l-aħħar setgħet tikkonkludi, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpannija ZEMAG kienet effettivament ibbenefikat minn parti mill-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000 li ġie kkunsidrat li ntuża b’mod ħażin

137    Madankollu, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti, fis-sustanza bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar l-ammont ta’ DEM 4 077 000, li l-irkupru tiegħu kien ġie impost fuqha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, għar-raġunijiet esposti iktar 'il fuq, li dan il-motiv huwa fondat.

138    Hemm bżonn li jitfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, biex ikunu sodisfatti l-obbligi imposti mill-Artikolu 253 KE, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni li tkun fasslet l-att, b'tali mod li tippermetti lill-partijiet kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha Għalkemm mhux meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, hija madankollu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kliem ta’ l-att, imma wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mill-kuntest tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86; tat-12 ta’ Diċembru 2002, C-5/01, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-11991, punt 68; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 230, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 1999, T-158/96, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T-158/96, Ġabra p. II-3927, punt 167).

139    F’dan il-każ, l-unika raġuni, iċċitata fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-oriġini ta’ l-obbligu impost fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-ammont ta’ DEM 4 077 000 mingħand il-kumpannija ZEMAG tistrieħ fuq "[l]-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi".

140    Madankollu, fid-dawl tal-kuntest fejn tidħol id-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li tali motivazzjoni tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti.

141    Kif kien innutat fil-punt 133 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fl-ittra tagħhom imsemmija ta’ l-10 ta’ Marzu 2000 iċċitata iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu indikaw b’mod espliċitu li l-informazzjoni ttrażmettew lill-Kummissjoni kienet tikkostitwixxi biss "l-ewwel tqassim" fost il-kumpanniji sussidjarji ta’ l-ammont ta’ DEM 12 000 000. Fl-ittra tagħhom tat-2 ta’ Ottubru 2000, l-awtoritajiet Ġermaniżi, bħala risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 biex jagħtu "l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi ddeterminat kif l-ispejjeż tal-kumpannija holding [Lintra] tqassmu fost il-kumpanniji sussidjarji", ippreżentaw xi kalkoli, imfakkra fil-punt 135 iktar ’il fuq, li fuq il-bażi ta’ dawn, ammont ta’ DEM 107 000 (inkluż fl-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000) kellu jiġi allokati lill-kumpannija ZEMAG, allokazzjoni li tirrappreżenta, skond l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-"użu effettiv ta’ l-għajnuniet".

142    Mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-raġuni għaliex l-ammont ta’ DEM 4 077 000 kien ġie allokat lill-kumpannija ZEMAG mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 ma ppermettietx li jinftiehem kif kien ġie kkalkulat il-bilanċ ta’ DEM 107 000, magħmul minn krediti bbażati fuq ħlasijiet magħmulin mill-kumpannija holding Lintra favur il-kumpanniji sussidjarji u kif ukoll minn krediti allegatament miżmuma mill-kumpanniji sussidjarji fuq il-holding, kien ġie kkalkulat. Iċ-ċifra miksuba lanqas ma hija spjegata fid-dettall mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żiedet tgħid li mhux ikkontestat li s-self ta’ kontanti ta’ DEM 12 000 000 għandu jintalab kollu kemm hu u li huwa t-tqassim indikat fl-ittra msemmija ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi ta’ l-10 ta’ Marzu 2000, iċċitata iktar ’il fuq, li serviet bħala bażi għall-ordni ta’ restituzzjoni tal-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet aktar preċiżi u li jistgħu jiftehmu aktar.

143    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni ordnat ir-restituzzjoni ta’ l-ammont ta’ DEM 4 077 000 mingħand il-kumpannija ZEMAG mingħajr ma ppruvat u lanqas spjegat ir-raġunijiet għaliex dak l-ammont kien intalab.

144    Huwa ċertament veru li, kif ukoll tindika l-Kummissjoni, għandu jintlaħaq l-għan li jiġi rkuprat l-ammont ta’ DEM 12 000 000. Madankollu, jenħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-metodi ta’ tqassim ta’ dawn l-għajnuniet għand il-benefiċjarji reali tagħhom ma jistgħux jiġu stabbiliti mingħajr motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata u fuq il-bażi ta’ suppożizzjoni sempliċi.

145    F’dan ir-rigward, jekk, fil-kuntest ta’ inġunzjoni adottata mill-Kummissjoni bis-skond l-Artikolu 10(3), tar-Regolament Nru 659/1999, hija tista’, skond l-Artikolu 13(1), tar-Regolament imsemmi, "(jekk) Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli", tadotta deċiżjoni ta’ għeluq ta’ proċedura ta’ eżami fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni madankollu hija marbuta li tikkjarifika suffiċjentement fuq il-bażi tad-dritt, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li l-informazzjoni mogħtija minn Stat Membru, bħala risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata valida fid-deċiżjoni finali li hija għandha l-ħsieb li tadotta. Fil-fatt, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi assimilata maċ-ċirkustanza li fiha Stat Membru jonqos li jipprovdi kull informazzjoni lill-Kummissjoni b’risposta għall-inġunzjoni adottata skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, ipoteżi li fiha l-motivazzjoni tista' tiġi limitata biex tfakkar li l-Istat Membru naqas li jagħti risposta għall-imsemmija inġunzjoni. Fil-każ preżenti l-Kummissjoni kienet għalhekk obbligata li tindika fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala risposta għad-deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 ma setgħetx tiġi kkunsidrata għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuniet li kellhom jiġu rrestitwiti mill-kumpannija ZEMAG.

146    Jenħtieġ ukoll jitfakkar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2000, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 135 preċedenti, kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar in-notifika l-ġdida ta’ l-għajnuniet mogħtijin lill-kumpanniji sussidjarji interessati fil-kuntest tat-tieni ristrutturazzjoni tagħhom, osservazzjoni li barra minn hekk tidher ukoll fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tkunx taf, fil-mument li adottat id-deċiżjoni kkontestata, li kienet iddeċidiet li tibda, fl-1 ta’ Frar 2001, jiġifieri madwar xahrejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, proċedura formali ta’ eżami dwar għajnuniet għar-ristrutturazzjoni favur il-kumpannija ZEMAG, li t-test tagħha intuża fl-istedina sabiex tippreżenta osservazzjonijiet ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 133, p. 3), li fiha indikat li, fuq l-ammont ta’ l-għajnuniet mogħtija lil din il-kumpannija sa mill-1 ta’ Jannar 1997, “għajnuniet ta’ DEM 107 000 huma eżaminati fil-kuntest tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-kawża C-41/99, Lintra Beteiligungsholding GmbH", jiġifieri fil-kuntest tal-proċedura li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl ta’ dan, kien obbligu tal-Kummissjoni li ta’ l-anqas timmotiva d-differenza bejn dan l-ammont allokat lill-kumpannija ZEMAG u dak ikkunsidrat mid-deċiżjoni kkontestata.

147    Isegwi li l-motivazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti fid-dawl ta’ l-Artikolu 235 KE għal dak li jirrigwarda l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuniet għal ammont ta’ DEM 4 077 000 mingħand il-kumpannija ZEMAG.

148    B’kunsiderazzjoni ta’ dan kollu, hemm lok li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi safejn jordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra, minn naħa, għajnuniet fl-ammont ta’ DEM 3 195 559 mingħand ir-rikorrenti fil-kawża T-111/01, inklużi l-imgħaxijiet relatati, u, minn oħra, għajnuniet għal ammont totali ta’ DEM 6 469 271 mingħand ir-rikorrenti fil-kawża T-133/01, inklużi l-imgħaxijiet relatati.

149    F’dawn il-kundizzjonijiet, m'hemmx lok li jiġi deċiż il-motiv komuni tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura arbitrarja tal-fissazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim, bejn ir-rikorrenti, ta’ l-ammont ta’ DEM 22 978 000 li għandu jiġi rrestitwit, inkwantu l-ordni tar-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ l-ammont iċċitat iktar ’il fuq, huwa annullat għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti. Lanqas hemm ħtieġa li jiġi deċiż il-motiv komuni bbażat fuq l-allegat żball dwar l-allokazzjoni ta’ l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni, minħabba t-trasferiment ta’ l-ishma tal-kumpanniji, rispettivament, tar-rikorrenti fil-kawża T-111/01 u tar-rikorrenti fil-kawża T-133/01, billi l-ordni tar-restituzzjoni ta’ l-għajnuniet in kwistjoni fiż-żewġ kawżi huwa annullat.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, li jinkludu dawk relatati mal-proċedura sommarja fil-kawża T-111/01, skond it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/673/KE, tat-28 ta’ Marzu 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur EFBE Verwaltungs GmbH & Co. Management KG (li saret Lintra Beteiligungsholding GmbH, flimkien mal-kumpanniji Zeitzer Maschinen, Anlagen Geräte GmbH; LandTechnik Schlüter GmbH; ILKA MAFA Kältetechnik GmbH; SKL Motoren- und Systembautechnik GmbH, SKL Spezialapparatebau GmbH; Magdeburger Eisengießerei GmbH; Saxonia Edelmetalle GmbH u Gothaer Fahrzeugwerk GmbH), huwa annullat safejn jimponi eżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-irkupru ta’ ammont ta’ DEM 3 195 559, inklużi l-imgħaxijiet relatati, mingħand il-kumpannija Saxonia Edelmetalle GmbH kif ukoll l-ammont totali ta’ għajnuniet ta’ DEM 6 496 271, inklużi l-imgħaxijiet relatati, mingħand il-kumpannija Zeitzer Maschinen, Anlagen Geräte (ZEMAG) GmbH.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja fil-kawża T-111/01

Vesterdorf

Jaeger

Mengozzi

Martins Ribeiro

 

Dehousse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Mejju 2005.

H. Jung

 

      B. Vesterdorf

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-Dritt

Dwar il-motiv komuni, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2), KE

L-argumenti tal-partijiet

– Fil-kawża T-111/01

– Fil-kawża T-133/01

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżbalji ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata (kawża T-133/01)

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżball allegat dwar il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuniet awtorizzati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 (T-111/01)

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996

− Fuq il-konstatazzjoni ta’ l-użu ħażin ta’ l-ammont ta’ għajnuniet fejn ir-restituzzjoni hija mitluba lir-rikorrenti fil-kawża T-111/01

Dwar il-motiv komuni, ibbażat fuq l-iżball magħmul mill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuniet in kwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

− Fil-kawża T-111/01

– Fil-kawża T-133/01

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-ordni ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuniet in kwisjtoni għal dak li jirrigwarda l-ammont parzjali ta’ l-għajnuniet, ta’ DEM 22 978 000, li jidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (kawża T-111/01 u T-133/01)

– Fuq l-ordni ta’ irkupru ta’ l-għajnuniet in kwistjoni għal dak li jikkonċerna l-ammont parzjali ta’ DEM 12 000 000 li jidher fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (T-133/01).

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.