Language of document : ECLI:EU:T:2005:167

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

11 ta’ Mejju 2005

(*)

"Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta’ invalidità – Artikolu 51(1)(a), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Trade Mark figurattiva li tikkonsist fir-rappreżentazzjoni ta’ xabla tal-logħba tal-karti – Trade Mark figurattiva li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ kavallier tal-ħatar ta’ logħba tal-karti – Trade Mark figurattiva li tikkonsist fir-rappreżentazzjoni ta’ re tax-xabla ta’ logħba tal-karti – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament nru 40/94"

Fil-kawżi magħquda T-160/02 sa T-162/02

Naipes Heraclio Fournier, SA, stabbilita f’Vitoria (Spanja), rappreżentata minn E. Armijo Chávarri, Avukat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), inizjalment rappreżentata minn J. Crespo Carrillo, u wara minn O. Montalto u I. de Medrano Caballero, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

France Cartes SAS, stabbilita f’Saint Max (Franza), rappreżentata minn C. de Haas, Avukat,

li għandha bħala għan rikors magħmul kontra tliet deċizjonijiet tat-Tieni Bord ta’ Appell ta’ l-UASI tat-28 ta’ Frar 2002 (Kawżi R 771/2000‑2, R 770/2000-2 u R 766/2000-2), dwar il-proċeduri ta’ invalidità bejn Naipes Heraclio Fournier, SA u France Cartes SAS,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

magħmula minn Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi u r-replika depożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-17 ta’ Mejju 2002 u fis-16 ta’ Ġunju 2003 rispettivament,

wara li rat ir-risposti u l-kontro-replika ta’ l-UASI depożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-22 ta’ Novembru 2002 u fil-5 ta’ Awwissu 2003, rispettivament,

wara li rat ir-risposti u l-kontro-replika tal-parti intervenjenti depożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-22 ta’ Novembru 2002 u fis-7 ta’ Novembru 2003, rispettivament,

wara li rat li l-kawżi preżenti ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura miktuba, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 L-isfond Kontenzjuż

1       Fl-1 ta’ April 1996, ir-rikorrenti ppreżentat tliet applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       Fil-kawża T-160/02, it-trade mark għal liema kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni kienet is-sinjal figurattiv riprodotta hawn taħt, li, skond id-deskrizzjoni indikata fl-applikazzjoni, kienet ta’ kulur blu, ċelesti, isfar u aħmar u kienet tirrapreżenta "xabla".

Image not foundImage not foundImage not found

3       Fil-kawża T-161/02, it-trade mark għal liema kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni kienet is-sinjal figurattiv riprodotta hawn taħt, li, skond id-deskrizzjoni indikata fl-applikazzjoni, kienet ta’ kulur aħmar, isfar, aħdar, okra, kannella, blu u ċelesti.

Image not foundImage not found

4       Fil-kawża T-162/02, it-trade mark għal liema kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni kienet is-sinjal figurattiv riprodotta hawn taħt, li, skond id-deskrizzjoni indikata fl-applikazzjoni, kienet ta’ kulur isfar, okra, abjad, aħmar, blu u aħdar.

Image not foundImage not found

5       Il-prodotti li tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 16 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti : "karti tal-logħob".

6       It-trade marks mitluba ġew irreġistrati fil-15 ta’ April 1998.

7       Mill-proċess jirriżulta li fl-1998, ir-rikorrenti kellha rreġistrati bħala trade marks komunitarji, 23 trade mark figurattiva li jirrapreżentaw karti tal-logħob Spanjoli jew simboli li jidhru fuq dawk il-karti, li jinkludu t-tliet trade marks deskritti aktar ’il fuq.

8       Barra minn dan jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kienet is-sid tad-drittijiet ta’ l-awtur fir-rappreżentazzjoni ta’ kull waħda mill-48 karta tal-logħob Spanjoli sa l-10 ta’ Frar 2000.

9       Fis-7 ta’ April 1999, l-intervenjenti talbet li tiġi dikjarata l-invalidità ta’ dawk ir-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 51(1)(a) u (b), tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-motiv li, min-naħa l-waħda, ir-reġistrazzjonijiet jaqgħu taħt ir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (e) (iii), ta’ dak ir-Regolament u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet qed taġixxi b’mala fede meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

10     Fil-15 ta’ Ġunju 2000, id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni ċaħdet l-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks in kwistjoni, fuq il-motiv li r-reġistrazzjonijet kienu fondati u ordnat il-parti intervenjenti tħallas l-ispejjeż.

11     Fid-19 ta’ Lulju 2000, il-parti intervenjenti ippreżentat tliet rikorsi quddiem l-UASI, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament nru 40/94.

12     Permezz tad-deċiżjonijiet tat-28 ta’ Frar 2002 (Każijiet R 771/2000‑2, R 770/2000‑2 u R 766/2000‑2) (minn hawn ’il quddiem "id-deċiżjonijiet ikkontestati"), notifikati lir-rikorrenti fid-9 ta’ Marzu 2002, it-Tieni Bord ta’ l-Appell laqgħat ir-rikorsi tal-parti intervenjenti u annullat id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2000. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li s-sinjali in kwistjoni ma kellhomx karattru distintiv, skond l-Artikolu (7)(1) (b), tar-Regolament Nru 40/94, u fl-istess ħin kienu deskrittivi, skond l-Artikolu (7)(1)(c), ta’ l-istess Regolament, in kwantu jiġu mifhuma mill-plejers medji tal-logħob tal-karti bħala li jirrappreżentaw karatteristiċi ta’ karti tal-logħob Spanjoli.

 Talbiet tal-partijiet

13     Ir-rikorrenti talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha:

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tikkundanna lill-UASI sabiex tħallas l-ispejjeż.

14     L-UASI talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha:

–       tiċħad ir-rikorsi;

–       tikkundanna lir-rikorrent tħallas l-ispejjeż.

15     Il-parti intervenjenti talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha:

–       tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tiddikjara t-Trade Marks Komunitarji in kwistjoni bħala invalidi;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż magħmula mill-parti intervenjenti fil-proċeduri ta’ invalidità u ta’ appell.

 Dwar l-ammissibilità tat-talbiet u tal-motivi tal-parti intervenjenti

16     Ir-rikorrenti tissottometti li t-talbiet u l-motivi tal-parti intervenjenti ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza peress li dawn ma jirrigwardawx l-annullament jew ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Skond ir-rikorrenti, l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax fl-istess waqt tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati u tilqa’ t-talbiet sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara l-invalidità tat-trade marks in kwistjoni minħabba raġunijiet oħra għal rifjut differenti minn dawk mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

17     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, skond l-Artikolu 134 (2) tar-Regolament ta’ Proċedura, l-intervenjenti għandhom ikollhom l-istess drittijiet proċedurali bħall-partijiet prinċipali. Huma jistgħu jsosstnu t-talbiet ta’ parti prinċipali u huma jistgħu jifformulaw talbiet u motivi separati minn dawk tal-partijiet prinċipali. Skond l-Artikolu 134 (3), parti intervenjenti tista’, fir-risposta tagħha, tagħmel talba għall-annullament jew ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell fuq punt mhux imqajjem fir-rikors u tippreżenta motivi mhux imqajma fir-rikors.

18     Konsegwentement, l-intervenjenti kellha d-dritt li tippreżenta talbiet u motivi distinti minn dawk tal-partijiet prinċipali. L-intervenjenti ikkonkludiet ir-risposta tagħha bis-segwenti : "Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza qed tiġi mitluba tikkonferma [d-deċciżjonijiet ikkontestati] safejn dawn jannullaw id-deċiżjoni[jiet] ta’ l-ewwel Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni; tiddikjara invalida t-trade mark[s in kwistjoni] u tikkundanna lir-[rikorrenti] għall-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ invalidità u ta’ appell tal-intervenjenti." Skond ir-rikorrenti, ma jirriżultax espliċitament mit-talbiet ta’ l-intervenjenti li hija talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tirrevedi jew tbiddel id-deċiżjonijiet ikkontestati bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(a), (d) u (e)(iii), tar-Regolament Nru 40/94 u, alternattivament, ta’ l-Artikolu 51(1)(b), ta’ l-istess Regolament.

19     Hemm lok sabiex jinqraw it-talbiet ta’ l-intervenjenti, esposti fil-paragrafu 62 tar-risposta tagħha, flimkien mal-paragrafi 8 u 9. Skond il- paragrafu 8, "il-Qorti tal-Prim’Istanza qed tiġi mitluba sabiex tikkonferma [id-deċiżjonijiet ikkontestati] safejn huma ddeċidew li s-sinjali kienu nieqsa mill-karattru distintiv sabiex jindikaw karti tal-logħob fil-Komunità kollha fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(2), u [ta’ l-Artikolu 7(1) (b) u (c), [tar-Regolament Nru 40/94]; u sabiex titikjara li t-trade marks huma invalidi fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7 (1) (a), (d) u (e)(iii), [tar-Regolament Nru 40/94] u, alternattivament, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 51(1)(b), tar-[Regolament Nru 40/94]". Skond il-paragrafu 9, "madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija mitluba tirrevedi d-deċiżjoni[jiet ikkontestati] fejn huma kkunsidraw li s-sinjali kienu distinti fi Spanja u eventwalment fl-Italja".

20     Jirriżulta b’mod ċar mis-sottomissjonijiet ta’ l-intervenjenti esposti fil-paragrafu 19 aktar ’il fuq, li din tillimita ruħha li tikkontesta ċerti raġunijiet ritenuti mill-Bord ta’ Appell u pproponiet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex taċċetta raġunijiet addizzjonali li jiġġustifikaw, skond din, li tiġgi ddikjarata l-invalidità tat-trade marks in kwistjoni. Madankollu, l-intervenjenti ma kkontestatx l-iskop tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li ddikjaraw l-invalidità ta’ dawk it-trade marks. Għaldaqstant, l-intervenjenti ma tistax tiġi kkunsidrata li qed titlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fis-sens ta’ l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94.

21     Barra minn dan, l-intervenjenti talbet, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-UASI tiddikjara l-invalidità tat-trade marks in kwistjoni.

22     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li wieħed jiftakar li, skond l-Artikolu 63(6), tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI hija meħtieġa li tieħu l-miżuri neċessarj sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Komunità. Konsegwentement, mhux il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħmel inġunzjoni lill-UASI. Għalhekk jaqa’ fuq din ta’ l-aħħar sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha mill-partijiet dispożittivi u l-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II‑433, paragrafu 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II‑683, paragrafu 12, u tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser‑Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II‑2251, paragrafu 22]. Għalhekk huma inammissibbli t-talbiet ta’ l-intervenjenti li jitolbu l-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-UASI tiddikjara l-invalidità tat-trade marks in kwistjoni.

23     Fl-aħħar nett, l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tkun ikundannata tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ invalidità u ta’ appell.

24     Hemm lok li jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, "L-ispejjeż indispensabbli magħmula mill-partijiet għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Bord ta’ l-Appell kif ukoll l-ispejjeż magħmula għall-finijiet tal-produzzjoni tat-traduzzjonijiet tas-sottomissjonijiet u ta’ atti oħra ta’ proċedura għall-lingwa tal-kawża, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 131(4), għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru". Għaldaqstant jirriżulta li l-ispejjez li saru fil-proċedura ta’ invalidità ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. It-talbiet tal-parti intervenjenti intiżi sabiex ikun hemm il-kundanna tar-rikorrenti għall-ħlas ta’ l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli għall-parti relattiva għall-ispejjeż li saru fil-proċedura ta’ invalidità.

 Dwar il-Mertu

25     Bħala sostenn tar-rikors ta’ annullament, ir-rikorrenti ressqet żewġ motivi, ibbażati rispettivament, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 u l-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c), ta’ l-istess regolament.

26     Jeħtieġ illi nibdew bl-eżami tat-tieni motiv.

 Dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94

 Argumenti tal-partijiet

27     Ir-rikorrenti ssostni li l-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 tapplika għall-indikazzjonijiet li huma normalment użati sabiex jiddeskrivu l-karatteristiċi prinċipali tal-prodott jew tas-servizz kif ukoll l-indikazzjonijiet li huma raġonevolment suxxettibbli li jwettqu din il-funzjoni informattiva. Għalhekk, dik il-projbizzjoni m’għandiex fini oħra ħlief li tevita r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li, minħabba fix-xebħ tagħhom ma’ mezzi li normalment jintużaw sabiex jiġu deskritti prodotti, servizzi jew karatteristiċi tagħhom, ma tippermettix li taqdi l-funzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ intrapriżi li jikkummerċjalizzawhom.

28     Fil-każ preżenti, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra f’mod żbaljat li t-trade marks in kwistjoni huma komposti esklussivament minn sinjali li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti għal liema jirreferu. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell illimita ruħu u għal evalwazzjoni tat-taqsimiet [suits] tax-xwabel u l-ħatar tal-logħob tal-karti għar-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94.

29     B’dan, il-Bord ta’ l-Appell naqas milli jifformola raġunament awtonomu u indipendenti dwar l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 permezz tat-trade marks in kwistjoni.

30     Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell estenda b’mod eċċessiv l-iskop ta’ l-applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista minn dik id-dispożizzjoni. Is-sinjali li jirrapreżentaw il-kavallier bil-ħatar u r-re tax-xwabel ma kienux ikkostitwiti esklussivament b’elementi deskrittivi.

31     Fil-fatt, fil-każ tal-kavallier bil-ħatar, it-trade mark għandu l-ewwel element allegat bħala deskrittiv, f’dan il-każ il-ħatar li l-kavallier iġorr, u tieni element li bl-ebda mod ma’ jaqa’ taħt dik id-definizzjoni, jiġifieri d-disinn tal-kavallier, li takkwista aktar importanza u li tagħti lit-trade mark karattru singolari u distintiv li jeċċedi d-dimensjoni allegat bħala deskrittiv ta’ kull element ikkunsidrat separatament. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għad-disinn tar-re bix-xwabel, li l-element li qed jiġi allegat bħala deskrittiv huwa x-xabla li r-re jġorr.

32     Il-Bord ta’ l-Appell naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-motivi li jikkostitwixxu t-trade marks in kwistjoni ma kienux sinjali li jservu sabiex jidentifikaw tip partikolari ta’ prodotti, bħall-karti tal-logħob Spanjoli tat-taqsima tax-xabla jew tal-ħatar, iżda li huma motivi singolari u partikolari, fost ħafna oħrajn, li għandhom l-għan li jispeċifikaw xabla jew karta ta’ din il-logħba. Ir-rikorrenti ssostni li jeżistu mijiet ta’ rappreżentazzjonijiet differenti sabiex jiġu identifikati l-għaxra jew tnax-il karta tat-taqsima tax-xabla jew tal-ħatar, li jiffurmaw parti mil-logħba tal-karti Spanjola magħmula minn 40 jew 48 karta. Għal dak li jirrigwarda x-xabla, id-disinn li jikkostitwixxi t-trade mark in kwistjoni ma jikkorrispondix ma l-ebda mill-karti tal-logħob Spanjoli, peress li huwa motiv ta’ fantażija. Id-dokumenti ppreżentati quddiem l-UASI juru li ma teżisti l-ebda regola jew restrizzjoni rigward il-forma, il-kulur jew id-detallji li jikkaratteriżżaw il-figuri fuq il-karti tal-logħob Spanjoli.

33     Ir-rikorrenti tikkontesta t-teżi tal-Bord ta’ l-Appell li l-pubbliku destinatarju residenti barra mit-territorju Spanjol jew Taljan jipperċepixxi t-trade marks bħala waħda mit-taqsimiet tal-logħob tal-karti Spanjol. Fil-fatt, huwa improbabbli li l-pubbliku residenti barra mit-territorji msemmija jkun jaf li l-karti tal-logħob Spanjoli huma magħmula minn erba’ taqsimiet, fosthom ix-xabla u l-ħatar, u jkun jaf il-karti differenti li jagħmlu parti minnhom. F’kull każ, huwa improbabbli li l-konsumatur jagħraf id-dehra tal-ħatar tal-kavallier tal-ħatar jew id-dehra tax-xabla tar-re tax-xwabel u jagħmel konnessjoni diretta u immedjata bejn is-sinjal in kwistjoni u t-taqsimiet differenti tal-logħob tal-karti Spanjoli.

34     Skond ir-rikorrenti, meta l-persuna li tista’ tuża l-karti tal-logħob tkun affaċjata bir-rappreżentazzjonijiet grafiċci in kwistjoni, huwa ma jagħrafx dawk is-sinjali bħala allużjoni għall-waħda mit-taqsimiet tal-logħob tal-karti Spanjol (fil-każ tal-motiv li jirrapreżenta xabla żgħira) jew għall-waħda mill-karti tal-logħob Spanjoli (għas-simboli li jirrapreżentaw il-kavallier tal-ħatar u r-re tax-xwabel), iżda huwa ser jagħrafhom bħala sinjali assoċjati ma’ produttur tal-karti tal-logħob speċifiku.

35     L-UASI ssostni li l-Bord ta’ l-Appell applika korrettament ir-Regolament Nru 40/94, peress li huwa ma qiesx li ż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) (b) u (c) rispettivament, ta’ dak ir-Regolament kienu interdipendenti u ma nnegax li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet kellha l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan mhux ta’ xkiel għall-Bord ta’ l-Appell li abbażi ta’ argumentazzjoni identika jasal għall-konklużjoni li s-sinjali in kwistjoni jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn iż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ rifjut.

36     Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell korrettament ikkunsidra li x-xabala sempliċi u mhux elaborata u l-karti sempliċi u mhux elaborati li għandhom ir-rappreżentazzjoni ta’ kavallier tal-ħatar u tar-re tax-xwabel jirreferu immedjatament u direttament għall-prodotti li tali sinjali kellhom jidentifikaw u kkonkluda korrettament li s-sinjali kienu deskrittivi, peress li kienu jiġu pperċcepiti mill-konsumatur medju bħala li jirrapreżentaw karatteristiċi tal-karti tal-logħob Spanjoli.

37     L-intervenjenti ssostni li t-trade marks in kwistjoni huma magħmula esklussivament minn sinjali li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, jiġifieri: karta tal-logħob tat-tip Spanjol tat-taqsima tax-xwabel u ta’ valur wieħed; karta tal-logħob tat-tip Spanjol tat-taqsima tal-ħatar u ta’ figura ta’ kavallier; karta tal-logħob tat-tip Spanjol tax-taqsima ta’ xwabel u ta’ figura ta’ re. Dawn is-sinjali, fl-ebda każ, ma setgħu jiġu meqjusa bħala li jindikaw karta oħra tal-logħob. Għaldaqstant, il-pubbliku destinatarju jkun infurmat immedjatament dwar it-tip ta’ prodott (karta tal-logħob), tad-destinazzjoni ta’ tali prodott (parti minn pakkett ta’ karti destinati għal-logħob) u tal-kwalità, tal-kwantità u tal-valur ta’ tali prodott.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Tal-Prim’Istanza

38     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġgu rreġistrati "trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Barra minn dan, l-Artikolu 7(2) ta’ l-istess Regolament jipprovdi li "Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

39     L-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi li sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu riżervati għall-intrapriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade marks. Tali dispożizzjoni għandha għalhekk għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu wżati liberament minn kullħadd (ara, b’analoġija, sentenzi tal-Qorti ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I‑2779, paragrafu 25; tat-8 ta’ April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I‑3161, paragrafu 73; tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I‑3793, paragrafu 52; tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 35, u Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 95).

40     Is-sinjali u l-indikazzjonijiet indikati fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 huma għalhekk dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-konsumatur, biex jindikaw, direttament jew b’referenza għal xi waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, prodott jew servizz bħal dak li għalih qed tintalab ir-reġistrazzjoni (sentenzi tal-Qorti ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I‑6251, paragrafu 39).

41     Il-karattru deskrittiv ta’ trade mark għandu jiġi valutat, min-naħa waħda, billi ssir referenza għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tas-sinjal qed tiġi mitluba u, min-naħa l-oħra, in relazzjoni mal-perċezzjoni tal-pubbliku destinatarju, magħmul minn konsumaturi ta’ dawk il-prodotti jew servizzi [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II‑1963, paragrafu 25].

42     F’dan il-każ, wieħed għandu jirrileva li, l-ewwel nett, il-prodotti indikati bit-trade marks in kwistjoni huma karti tal-logħob. Huwa stabbilit li qed issir referenza b’mod partikolari għal karti tal-logħob hekk imsejħa Spanjoli, użati spiss fi Spanja, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li tuża t-trade marks in kwistjoni għal tipi oħra ta’ karti tal-logħob.

43     Mill-proċess jirriżulta li l-logħba tal-karti Spanjola ("la baraja española") hija magħmula minn 40 jew 48 karta, mill-ass sas-sebgħa jew sad-disgħa, segwit mill-kavall ("sota"), mill-kavallier ("caballo") u mir-re ("rey"). L-erba’ taqsimiet huma muniti tad-deheb ("oros"), il-koppa ("copas"), il-ħatar ("bastos") u x-xwabel ("espadas").

44     Huwa għalhekk kostanti li tnejn mit-tliet trade marks in kwistjoni li jirrapreżentaw tnejn mill-karti Spanjoli: il-kavallier tal-ħatar (Kawża T-161/02) u r-re tax-xwabel (Kawża T-162/02). Għal dak li jirrigwarda r-rappreżentazzjoni tax-xabla (Kawża T-160/02), din ma tikkorrispondiex fiha nfisha għar-rappreżentazzjoni ta’ waħda minn dawn il-karti, iżda tikkonsisti f’element, f’simbolu, li huwa wżat sabiex jirrappreżenta t-taqsima għal karti tat-taqsima tax-xwabel. Din ma tippreżentax il-valur wieħed jew "ass" tal-karti tat-taqsima tax-xabla, kuntrarjament għal dak li tgħid l-intervenjenti. Fil-fatt, jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess li l-karta li tirrappreżenta l-ass tat-taqsima tax-xwabel hija differenti mis-simbolu riprodott fil-paragrafu 2 aktar ’il fuq.

45     Għal dak li jirrigwarda l-pubbliku destinatarju, wieħed għandu jgħid li dan jinkludi l-konsumaturi potenzjali kollha, partikolarment Spanjoli, ta’ karti tal-logħob. Il-prodotti in kwistjoni huma destinati għall-konsum ġenerali u mhux biss għal professjonisti jew dilettanti tal-logħob tal-karti, minħabba, li l-persuni kollha huma suxxettibbli f’mument jew f’ieħor li jixtru tali prodotti b’mod regolari jew kultant. Għaldaqstant, il-pubbliku destinatarju huwa l-konsumatur medju normalment avżat u informat, partikolarment fi Spanja.

46     Jeħtieġ li, fl-ewwel lok, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 (1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, jiġi eżaminat jekk teżistix, mill-perspettiva tal-pubbliku destinatarju, konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed bejn it-trade marks figurattivi li jirrappreżentaw il-kavallier tal-ħatar u r-re tax-xwabel u l-kategoriji tal-prodotti li għalihom ingħatat ir-reġistrazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Daimler Chrysler vs UASI (TELE AID), T-355/00, Ġabra p. II‑1939, paragrafu 28].

47     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li d-disinji tal-kavallier tal-ħatar u tar-re tax-xwabel jevokaw direttament karti tal-logħob għall-pubbliku destinatarju, anki jekk parti minn dan il-pubbliku mhux neċessarjament għandu konoxxenza tal-karti tal-logħob Spanjoli. Fil-fatt, dawk kollha li lagħbu b’kwalunkwe tip ta’ karti jidentifikaw f’tali disinji r-rappreżentazzjoni ta’ karta tal-logħob, peress li r-re u l-kavallier huma simboli li ta’ spiss huma wżati fil-karti tal-logħob. Tali konstatazzjoni mhix invalidata minħabba l-fatt li dik il-parti tal-pubbliku li ma għandhiex konoxxenza tal-karti tal-logħob Spanjoli mhix neċessarjament kapaċi li tagħmel konnessjoni diretta bejn tali disinji u t-taqsima speċifika u l-valur speċifiku ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ karti.

48     F’kull każ, fil-moħħ tal-pubbliku Spanjol, id-disinji in kwistjoni jindikaw direttament it-taqsima u l-valur preċiż ta’ żewġ karti tal-logħob Spanjoli. Fil-fatt, il-konsumatur potenzjali Spanjol ta’ karti tal-logħob jipperċepixxi kull wieħed mis-sinjal in kwistjoni bħala referenza għal karta speċifika.

49     F’dan ir-rigward, wieħed għandu jikkonstata li, għalkemm jeżistu numru ta’ rappreżentazzjonijiet differenti li jippermettu li jiġu identifikati l-karti ta’ ċerta taqsima, kif issostni r-rikorrenti, l-intrapriżi kollha li jipproduċu u jikkommerċjaliżżaw karti tal-logħob Spanjoli, żgur li jużaw is-simboli tal-kavallier u tal-ħhatar sabiex jidentifikaw il-karta li tikkorrispondi għall-valur ħdax tat-taqsima tal-ħatar jew dawk tar-re u tax-xabla sabiex jidentifikaw il-karta li tikkorrispondi għhal valur tnax tat-taqsima tax-xabla. Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li ma teżisti l-ebda regola jew restrizzjoni dwar il-forma, taqsima jew dettalji li jikkaratterizzaw il-figuri tal-logħob tal-karti Spanjoli.

50     Minbarra dan, wieħed għandu jfakkar li, jekk l-Artikolu 7 (1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li sabiex taqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni indikata, it-trade mark trid tkun magħmula "esklussivament" minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati, min-naħa l-oħra, huwa ma jeħtieġx tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu l-uniku mod ta’ identifikazzjoni ta’ tali karatteristiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Campina Melkunie, imsemmija aktar ’il fuq, paragrafu 42, u Koninklijke KPN Nederland, imsemmija aktar ’il fuq, paragrafu 57). Konsegwentement, il-possibbilità li tiddisinja kavallier, re, xabla u ħatar b’mod daqsxejn differenti, ma jbiddel xejn mill-fatt li t-trade marks in kwistjoni huma deskrittivi ta’ karatteristiċi tal-karti tal-logħob.

51     Konsegwentement u partikolarment għall-pubbliku Spanjol, teżisti konnessjoni diretta u konkreta bejn it-trade marks in kwistjoni u l-karti tal-logħob.

52     Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk teżistix, mill-perspettiva tal-pubbliku destinatarju, konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed bejn it-trade mark figurattiva li tirrappreżenta x-xabla u l-kategoriji ta’ prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet aċċettata.

53     Hemm lok li jiġi rrilevat li l-konsumatur potenzjali, persuna li tista’ tuża l-karti tal-logħob, għall-inqas fi Spanja, ser jipperċepixxi s-sinjal in kwistjoni bħala li jalludi għal waħda mit-taqsimiet tal-logħob tal-karti Spanjol. Konsegwentement, għall-inqas għall-pubbliku Spanjol, teżisti konnessjoni diretta u konkreta bejn it-trade mark in kwistjoni u l-prodotti in kwistjoni, jiġifieri l-karti tal-logħob.

54     Minbarra dan, l-intrapriżi kollha li jipproduċu u jikkommerċjaliżżaw il-karti tal-logħob Spanjoli b’ neċessità jużaw is-simbolu tax-xabla sabiex jidentifikaw il-karti tat-taqsima tax-xabla.

55     Peress li huwa biżżejjed li raġguni assoluta għhal rifjut teżisti f’parti tal-Komunità sabiex ikun iġġustifikat ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark mitluba, huwa suffiċjenti li t-trade mark figurattiva tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ xabla li hija deskrittiva fi Spanja.

56     Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li qalet ir-rikorrenti, ir-reġistrazzjoni tas-sinjali in kwistjoni jista’ jkollha l-effett li timpedixxi r-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ disinji oħra tat-taqsima tax-xabla jew ta’ karti tal-logħob li jikkorrispondu għall-kavallier tal-ħatar u għar-re tax-xwabel tal-karti tal-logħob spanjoli.

57     D’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rilevat li t-trade marks in kwistjoni huma deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti indikati.

58     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell naqas milli jifformula kwalunkwe raġunament awtonomu u indipendenti dwar l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, hemm lok li jiġi kkostatat li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teħtieġg eżami separat. Minbarra dan, l-imsemmija raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-interess ġenerali li hija l-bażi ta’ kull waħhda minnhom. L-interess ġenerali ligħandu jittieħed in kunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ kull waħda minn dawk ir-raġunijiet għal rifjut jista’, anzi jrid, jirrefletti l-kunsiderazzjonijiet differenti, skond ir-raġunijiet għal rifjut in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01  P u C-457/01  P, li għadhom ma ġewx ippublikati fil-Ġabra, paragrafi 45 u 46, u tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02  P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 25).

59     Minkejja dan, huwa evidenti li hemm ċerta koinċidenza (overlaping) bejn l-iskop ta’ l-applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut elenkati fis-sub-paragrafi (b) sa (d) ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, trade mark li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(c), ta’ l-imsemmi Regolament, hija, għal din ir-raġuni, neċessarjament nieqsa mill-karattru distintiv fir-rigward ta’ l-istess prodotti u servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b). Trade mark xorta tista’ tkun nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi għal raġunijiet oħra apparti l-fatt li jista’ jkollha karattru deskrittiv (ara, b’analoġija, sentenza Campina Melkunie, imsemmija aktar ’il fuq, paragrafi 18 u 19, u s-sentenza Koninklijke KPN Nederland, imsemmija aktar ’il fuq, paragrafi 85 u 86).

60     Fil-każ preżenti, il-fatt li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li s-sinjali in kwistjoni kienu kontemporanjament nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u deskrittiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(c) ta’ l-istess Regolament, in kwantu huma jkunu pperċepiti minn persuna medja li tuża l-karti tal-logħob bħala sinjali li jirrappreżentaw karatteristiċi tal-karti tal-logħob Spanjoli, ma jistgħax jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 7(1), tar-Regolament Nru 40/94. Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti wara s-seduta, ir-raġunament li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati mhux kuntrarju għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza ċitata SAT.1 vs UASI, ikkwotata, peress li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament nru 40/94 hija sudisfatta.

61     B’konsegwenza ta’ dan, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

62     F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li huwa suffiċjenti li tkun applikabbli waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati, sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi reġistrat bħala trade mark komunitarju [sentenza tal-Qorti tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I‑7561, paragrafu 29; sentenza Giroform, ċitata aktar ’il fuq, paragrafu 30, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T-348/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, paragrafu 37], mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikorrenti.

63     Konsegwentement, jirriżulta minn dak kollu li ngħad qabel li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

64     Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġgi kkundannata tħallas l-ispejjeż magħmula mill-UASI u mill-intervenjenti, bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż magħmula minnha quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, konformement mat-talbiet tagħhom.

Għhal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      It-talbiet tal-parti intervenjenti intiżi sabiex jikkundannaw lir-rikorrenti għall-ispejjeż huma miċħuda fuq il-bażi li huma inammissibbli, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż li saru quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni.

3)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tħallas l-ispejjeż li saru quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks udisinni) u għall-qbija ta’ l-ispejjez tal-parti intervenjenti.

4)      It-talbiet l-oħra tal-parti intervenjenti huma miċħuda.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Mejju 2005.

Reġistratur

 

il-President

H. Jung

 

M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.