Language of document : ECLI:EU:T:2005:170

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

11 ta' Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Trade mark figurattiva preċedenti komposta mill-espressjoni 'capital markets CM' – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva komposta mill-element 'CM' – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-390/03,

CM Capital Markets Holding SA, stabbilita f'Madrid (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn N. Moya Fernández u J. Calderón Chavero, wara minn J. Calderón Chavero u T. Villate Consonni, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u I. de Medrano Caballero, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Caja de Ahorros de Murcia, stabbilita f'Murcia (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta' Settembru 2003 (Każ R 244/2003-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn CM Capital Markets Holding SA u Caja de Ahorros de Murcia,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u M. O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Novembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' April 2004,

wara s-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta' Diċembru 1999, Caja de Ahorros de Murcia (aktar 'il quddiem l-"applikanta") ressqet applikazzjoni lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta' sinjal figurattiv kompost mill-immaġni ta' kwadru aħmar maqsum b'linja safra u bl-ittri "C" u "M" miktubin fih b'kulur abjad, irrappreżentat bil-mod segwenti:

Image not foundImage not found

2        Din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata sabiex tidentifika prodotti u servizzi tal-klassijiet 1 sa 42 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

3        Fit-23 ta' Ottubru 2000, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 84/2000.

4        Fit-23 ta' Jannar 2001, CM Capital Markets Holding SA ressqet oppożizzjoni kontra t-trade mark mitluba abbażi tar-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nri 2 000 040, 2 000 041, 2 000 042 u 2 000 043, fir-rigward tas-servizzi tal-klassijiet 35, 36, 38 u 42, tat-trade mark figurattiva segwenti (aktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti"):

Image not foundImage not found

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-servizzi kollha protetti mit-trade mark preċedenti u kienet imressqa kontra parti mill-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Il-raġunijiet invokati kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

6        Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Jannar 2003, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni fir-rigward tas-servizzi meqjusa bħala identiċi jew simili, jiġifieri s-servizzi "Ġestjoni ta' negozji kummerċjali, amministrazzjoni kummerċjali, xogħlijiet ta' uffiċċju" li jaqgħu fil-klassi 35; "Assigurazzjoni, affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji, affarijiet bankarji, affarijiet relatati ma' immobbli" li jaqgħu fil-klassi 36; "Telekomunikazzjonijiet" li jaqgħu fil-klassi 38; "Servizzi legali, riċerka xjentifika u industrijali" li jaqgħu fil-klassi 42, minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' dawn is-servizzi min-naħa tal-pubbliku Spanjol.

7        Fil-25 ta' Marzu 2003, l-applikanta ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

8        Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Settembru 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell laqa' l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni. Il-Bord ta' l-Appell iddeċieda li ma kienx hemm xebh bejn is-sinjali in kwistjoni u, għaldaqstant, ċaħad l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        bħala konsegwenza, tilqa' l-oppożizzjoni fl-intier tagħha;

–        tordna lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      Fis-seduta, ir-rikorrenti rtirat it-tieni talba tagħha intiża sabiex l-oppożizzjoni tintlaqa' fl-intier tagħha.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrenti

12      Permezz tat-tielet talba tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment titlob li tinħareġ ordni fir-rigward ta' l-UASI sabiex dan jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-rigward tal-prodotti u servizzi in kwistjoni.

13      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' rikors imressaq quddiem il-Qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, dan huwa obbligat, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tagħti ordnijiet lill-UASI. Fil-fatt, huwa dan ta' l-aħħar li għandu jidentifika l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ta' l-UASI tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni hija inammissibbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 19, u tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12].

 Fuq il-mertu

14      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell wettaq eżami żbaljat tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks li jinsabu fil-qofol tal-kwistjoni.

16      Hija ssostni li l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward tad-differenzi bejn it-trade marks hija żbaljata. Għalkemm huwa minnu li t-trade mark preċedenti hija komposta mill-element "CM" kif ukoll mill-espressjoni "capital markets", din ta' l-aħħar xorta waħda m'għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni peress li hija espressjoni ġenerika għas-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti.

17      Barra minn hekk, hija ssostni li t-trade mark mitluba tirripproduċi l-parti l-aktar distintiva tat-trade mark preċedenti, fatt li joħloq probabbiltà ta' konfużjoni b'mod speċjali meta l-pubbliċità magħmula għas-servizzi in kwistjoni tkun ta' natura fonetika fejn il-grafika u l-kuluri li jikkostitwixxu l-imsemmija trade marks ma jkollhom l-ebda importanza.

18      Ir-rikorrenti tenfasizza l-importanza ta' l-element fonetiku u l-predominanza tiegħu fuq l-element viżiv tat-trade mark minħabba l-portata li tgawdi t-trażmissjoni orali tat-trade marks fil-kummerċ permezz tal-pubbliċità u permezz tal-konsumaturi meta jagħmlu l-akkwisti. Ix-xebh kbir ta' l-element fonetiku bejn it-trade marks kunfliġġenti ma jistax jiġi injorat.

19      Ir-rikorrenti tikkontesta l-importanza li l-Bord ta' l-Appell ta lill-kuluri u lill-grafika tat-trade marks kunfliġġenti, li huma biss aspett sekondarju fid-dawl tal-fatt li t-trade marks għandhom l-element komuni "CM" u għandhom kamp ta' applikazzjoni identiku jew simili ħafna, fatt li huwa deċiżiv fir-rigward tal-viżjoni globali li l-konsumatur għandu tat-trade marks ikkonċernati u li huwa ta' natura tali li joħloq probabbiltà ta' konfużjoni.

20      Ir-rikorrenti tirreferi għal deċiżjoni preċedenti ta' l-UASI, ta' l-4 ta' Settembru 2002, mogħtija fil-każ R 223/2001-4, fejn ir-Raba Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trade mark preċedenti u t-trade mark "CM 1824" kienu inkompatibbli peress li "CM" kien l-element predominanti fiż-żewġ trade marks minkejja l-fatt li l-grafika u r-rappreżentazzjoni tagħhom kienu differenti u minkejja li l-element "CM" kellu mieghħu elementi oħra. F'dik id-deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell osserva li l-espressjoni "capital markets" kienet tapplika għas-servizzi kollha li t-trade mark preċedenti kienet tipproteġi u li hija ma kinitx ipperċepita mill-konsumaturi bħala parti integrali minn din ta' l-aħħar. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li r-reġistrazzjoni ġdida tat-trade mark mitluba kienet ser toħloq probabbiltà ta' konfużjoni.

21      Skond ir-rikorrenti, permezz ta' applikazzjoni tal-kriterji esposti f'dik id-deċiżjoni għal dan il-każ, għandha tiġi enfasizzata l-identiċità fonetika ta' l-element predominanti, "CM", u l-identiċità tal-kamp ta' applikazzjoni tat-trade marks kunfliġġenti, li jikkonfermaw il-probabbiltà ta' assoċjazzjoni u ta' konfużjoni li teżisti bejniethom.

22      L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball ta' fatt jew ta' dritt u applika l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja b'mod korrett meta kkonkluda li s-sinjali in kwistjoni la kienu identiċi u lanqas simili u li, għaldaqstant, ma kinitx teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta' trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għandha tiġi miċħuda meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti tkun protetta.

24      Skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jfissru t-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data ta' depożitu tagħhom tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

25      F'dan il-każ, it-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni hija protetta fi Spanja. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fi Spanja.

26      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tadotta d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord ta' l-Appell. Dan ġustament ikkunsidra li s-servizzi koperti mit-trade marks fil-qofol ta' din il-kwistjoni huma indirizzati għal grupp speċjalizzat ta' persuni, li jinkludi, minn naħa, speċjalisti u, min-naħa l-oħra, persuni li għandhom bżonn pariri professjonali fuq suġġetti finanzjarji, legali jew kummerċjali, bħalma huma, b'mod partikolari, il-klijenti ta' banek jew ta' avukati. Għaldaqstant, dan huwa profil ta' utenti speċjalizzati jew informati sewwa. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti mhijiex tikkontesta din id-definizzjoni.

27      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward ta' konsumatur Spanjol li huwa attent u informat ħafna.

28      Skond ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi relatati ekonomikament.

29      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-każ in kwistjoni, b'mod partikoli ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi identifikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

30      Qabel kollox, għandu jiġi indikat li hemm qbil li s-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi.

31      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżultat tar-rikors jiddependi mil-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni huwiex għoli biżżejjed sabiex jippermetti li jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks.

32      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minn dawn is-sinjali, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distinti u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T -292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Għaldaqstant, għandu jsir paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti f'dan il-każ mill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali.

34      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi mfakkar li l-Bord ta' l-Appell osserva li, fit-trade mark preċedenti, is-sinjal kien kompost minn żewġ elementi, l-espressjoni "capital markets", miktuba b'ittri korsivi suwed, minn naħa, u l-ittri "C" u "M" sovrapposti fuq xulxin, min-naħa l-oħra, filwaqt li t-trade mark mitluba kienet komposta mill-ittri "C" u "M" biss miktuba b'tipa normali, ta' kulur abjad, fi kwadru aħmar maqsum b'linja safra. Il-Bord ta' l-Appell ikkonstata wkoll, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ittri "C" u "M" tat-trade mark mitluba ma kinux sovrapposti iżda kienu ħdejn xulxin, li kienu miktubin fi kwadru ta' kulur jgħajjat u li kienu ta' kulur abjad filwaqt li, fit-trade mark preċedenti, l-ittri kienu ta' kulur iswed. Skond il-Bord ta' l-Appell, l-impressjoni viżiva prodotta miż-żewġ trade marks hija totalment differenti u din id-differenza hija enfasizzata permezz tal-preżenza, fit-trade mark preċedenti, ta' l-espressjoni "capital markets".

35      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi figurattivi mitluba permezz tat-trade mark mitluba jikkostitwixxu grafika sħiħa partikolari li hija differenti minn dik komposta mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, kif ġustament indika l-Bord ta' l-Appell, l-ittri "C" u "M" mhumiex sovrapposti iżda huma miktuba ħdejn xulxin fi kwadru ta' kulur jgħajjat. Barra minn hekk, dawn l-ittri huma ta' kulur abjad filwaqt li, fit-trade mark preċedenti, l-ittri huma ta' kulur iswed.

36      Barra minn hekk, l-espressjoni "capital markets" hija importanti fil-perċezzjoni viżiva tat-trade mark preċedenti fid-dawl tal-pożizzjoni inizjali tagħha fil-post l-aktar viżibbli. Minħabba din ir-raġuni, din l-espressjoni hija perċettibbli immedjatament.

37      Ċertament, l-importanza ta' l-espressjoni "capital markets" hija mnaqqsa mill-fatt li s-sens tagħha jevoka s-servizzi protetti mit-trade mark preċedenti. Għalhekk, l-element predominanti fiż-żewġ trade marks, minkejja l-grafika u r-rappreżentazzjoni differenti tiegħu, huwa l-element komuni "CM". Għaldaqstant, l-importanza mnaqqsa ta' l-espressjoni "capital markets" tista' twassal għal ċertu xebh viżiv bejn it-trade marks in kwistjoni.

38      Madankoll, dan ix-xebh viżiv ftit huwa rilevanti. Fil-fatt, fiż-żewġ sinjali, l-element "CM" huwa ppreżentat f'kompożizzjoni li ma tixxibahx, b'kuluri u b'karattru kompletament differenti.

39      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm iż-żewġ trade marks għandu l-element komuni "CM", huma jippreżentaw differenzi viżivi li ma jistgħux jiġu injorati. Għaldaqstant, fil-perċezzjoni viżiva globali tas-sinjali in kwistjoni, l-eżistenza ta' elementi partikolari għal kull sinjal tfisser li l-impressjoni ġenerali ta' kull sinjal hija differenti.

40      Għaldaqstant, kif ġustament ikkonstata l-Bord ta' l-Appell, is-sinjali in kwistjoni, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, mhumiex simili mill-aspett viżiv.

41      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun fonetiku, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ssostni l-importanza ta' l-element fonetiku u l-predominanza tiegħu fuq l-element viżiv fir-rigward ta' l-użu tat-trade marks fis-suq u fil-pubbliċità. Hija ssostni li x-xebh kbir fl-element fonetiku tat-trade marks in kwistjoni ma jistax jiġi injorat.

42      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx paragun speċifiku, mill-aspett fonetiku, tas-sinjali in kwistjoni.

43      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b'mod ġenerali, li żewġ trade marks ikunu simili meta, mill-aspett tal-pubbliku rilevanti, bejniethom teżisti identiċità minn ta' l-anqas parzjali fir-rigward ta' wieħed jew aktar mill-aspetti rilevanti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs L-UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38].

44      F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-element "CM" jikkostitwixxi kemm l-element verbali tat-trade mark mitluba u kemm wieħed mill-elementi verbali li jikkostitwixxu t-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark mitluba hija identika, mill-aspett fonetiku, għal wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark preċedenti. Madankollu, skond il-ġurisprudenza, din il-konstatazzjoni mhijiex biżżejjed fiha nfisha sabiex jitqies li t-trade marks in kwistjoni, ikkunsidrati t-tnejn li huma fl-intier tagħhom, huma simili (sentenza 'MATRATZEN', iċċitata f'punt 43 aktar 'il fuq, punt 31).

45      Fil-fatt, kif diġà ġie mfakkar, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25).

46      Skond il-ġurisprudenza, trade mark kumplessa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala analoga għal trade mark oħra, simili jew identika għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa ħlief jekk dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent waħdu jista' jiddomina l-immaġni ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jiftakar fil-memorja tiegħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu injorati fl-impressjoni ġenerali prodotta minnha (sentenza 'MATRATZEN', iċċitata f'punt 43 aktar 'il fuq, punt 33).

47      Il-ġurisprudenza ppreċiżat li dan ir-raġunament ma jwassalx sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni biss komponent wieħed ta' trade mark kumplessa sabiex jitqabbel ma' trade mark oħra. Għall-kuntrarju, għandu jsir paragun bħal dan filwaqt li jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, ikkunsidrati t-tnejn li huma fl-intier tagħhom. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista', f'ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha (sentenza 'MATRATZEN', iċċitata f'punt 43 aktar 'il fuq, punt 34).

48      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku rilevanti ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti ta' l-impressjoni ġenerali prodotta minnha [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 53, u tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51].

49      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni "capital markets" għandha sens li jevoka s-servizzi identifikati mit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, l-element dominanti f'din it-trade mark huwa l-element "CM".

50      Peress li mill-aspett fonetiku t-trade mark mitluba hija identika għall-element dominanti tat-trade mark preċedenti, jeżisti xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni.

51      Ċertament, għandu jiġi osservat li, kif sostna l-UASI, it-trade marks in kwistjoni jippreżentaw ċerti differenzi fonetiċi. Fil-fatt, minn naħa, fil-pronunzja Spanjola, it-trade mark preċedenti hija komposta minn ħames sillabi ("ca-pi-tal-mar-kets") u minn żewġ fonemi ("ce-eme"), filwaqt li t-trade mark mitluba fiha biss żewġ fonemi ("ce-eme"). Min-naħa l-oħra, il-ħames sillabi inizjali ("ca-pi-tal-mar-kets") tat-trade mark preċedenti jipproduċu ħoss differenti ħafna minn dak prodott mill-fonemi li jikkostitwixxu t-trade mark mitluba.

52      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-differenzi jirriżultaw mill-fatt li t-trade mark preċedenti hija komposta minn grupp iffurmat mill-element "CM" u mill-espressjoni "capital markets". F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-espressjoni "capital markets" għandha sens li tevoka s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u li, għaldaqstant, l-importanza tagħha hija mnaqqsa.

53      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-sinjali in kwistjoni, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, jippreżentaw ċertu xebh fonetiku.

54      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, għandu jiġi indikat li r-rikorrenti ssostni li l-espressjoni "capital markets" tat-trade mark preċedenti m'għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni peress li hija espressjoni ġenerika għas-servizzi protetti minn din it-trade mark.

55      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx paragun tas-sinjali in kwistjoni mill-aspett semantiku. Madankollu, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, huwa indika li ma kienx hemm lok li tiġi injorata l-espressjoni "capital markets", li l-funzjoni tagħha mhijiex biss li tagħmel riferiment għas-settur ta' attività li fih hija involuta l-impriża iżda wkoll li tikkontribwixxi, flimkien ma' l-element "CM", sabiex tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tas-servizzi pprovduti, b'tali mod li konsumatur jidentifika, isemmi u jiftakar fit-trade mark preċedenti bl-espressjoni "capital markets CM" u mhux sempliċement permezz ta' l-element "CM".

56      F'dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-element dominanti tat-trade mark preċedenti huwa l-element "CM" minħabba li l-espressjoni "capital markets" tevoka s-servizzi protetti mit-trade mark.

57      Madankollu, f'dan il-każ, minkejja l-fatt li l-espressjoni "capital markets" ma tistax titqies bħala element dominanti tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel l-UASI, li din l-espressjoni tista' tikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni.

58      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, jekk il-pubbliku kkonċernat jifhem is-sens ta' l-espressjoni "capital markets", f'għajnejh, it-trade marks in kwistjoni jidhru li huma differenti mill-aspett kunċettwali u, jekk ma jkunx jifhem dan is-sens, il-pubbliku kkonċernat lanqas ma jipperċepixxi koinċidenza kunċettwali bejniethom, peress li l-ebda waħda fosthom ma jkollha sens għalih.

59      It-tieni nett, peress li l-element dominanti tat-trade mark preċedenti, jiġifieri l-element "CM", fih innifsu, m'għandu l-ebda valur semantiku, l-espressjoni "capital markets", minkejja l-karattru deskrittiv tagħha fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade mark, issir aktar importanti mill-aspett kunċettwali. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif sostna l-UASI, li l-espressjoni "capital markets", li tirreferi għas-swieq ta' kapital bl-Ingliż, tista' tkun marbuta mill-pubbliku in kwistjoni ma' l-element li jmur ma’ din l-espressjoni, jiġifieri "CM". Għalhekk, l-espressjoni "capital markets" tista' tagħti valur semantiku lill-element "CM" billi tagħtih l-idea ta' swieq finanzjarji. Mill-banda l-oħra, fil-prinċipju, l-element "CM" tat-trade mark mitluba m'għandu l-ebda sens fih innifsu.

60      It-tielet nett, għandu jingħad ukoll li m'għandux jiġi eskluż kompletament li l-pubbliku rilevanti jkun kapaċi jistabbilixxi rabta kunċettwali bejn it-trade mark mitluba u l-impriża li tipprovdi s-servizzi koperti minn din it-trade mark, peress li "CM" huma l-inizjali mqassra ta' l-isem kummerċjali ta' l-applikanta, Caja de Ahorros de Murcia. F'dan ir-rigward, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-pubbliku rilevanti f'dan il-każ huwa kompost minn grupp speċjalizzat ta' persuni, jiġifieri pubbliku attent u informat ħafna.

61      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-sinjali in kwistjoni mhumiex simili mill-aspett kunċettwali.

62      La darba sar il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti f'dan il-każ mill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali, għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, li jirriżulta mill-kwalitajiet intrinsiċi ta' din it-trade mark jew mir-reputazzjoni tagħha, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk, jekk ikun il-każ, ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati miż-żewġ trade marks huwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punti 18 u 24, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 45 aktar 'il fuq, punt 20). Barra minn hekk, il-Qorti kkunsidrat li, minħabba li l-probabbiltà ta' konfużjoni tkun aktar għolja aktar ma' l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun sinjifikattiv (ara, b'analoġija, is-sentenza SABEL, iċċitata fil-punt 45 aktar 'il fuq, punt 24), it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, jew intrinsikament jew minħabba l-għarfien tagħhom fuq is-suq, għandhom igawdu minn protezzjoni aktar wiesgħa minn dawk li l-karattru distintiv tagħhom huwa dgħajjef (ara, b'analoġija, is-sentenzi Canon, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 45 aktar 'il fuq, punt 20).

63      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Għandu jiġi mfakkar li l-Bord ta' l-Appell sostna li huwa jaqbel ma' l-evalwazzjoni mwettqa mill-applikanta fis-sens li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv limitat.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark preċedenti ma tippreżentax karattru distintiv għoli.

65      Għaldaqstant, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward ta' konsumatur Spanjol attent u informat ħafna, li s-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi, li s-sinjali in kwistjoni la huma simili mill-aspett viżiv u lanqas mill-aspett kunċettwali, iżda li jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn iż-żewġ trade marks u, finalment, li t-trade mark preċedenti ma tippreżentax karattru distintiv għoli.

66      Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi kollha, għandu jiġi osservat li l-livell ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni mhux għoli biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom. Fil-fatt, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument invokat mir-rikorrenti u bbażat fuq il-predominanza ta' l-element fonetiku tat-trade mark fuq l-element viżiv, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, id-differenzi viżivi u kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni huma ta' natura tali li, f'dan il-każ, iġibu fix-xejn ix-xebh fonetiku kkonstatat aktar 'il fuq.

67      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa speċjalizzat ħafna fil-qasam tas-servizzi kkonċernati u, għaldaqstant, aktarx juri livell għoli ta' attenzjoni meta jkun qiegħed jagħżel dawn is-servizzi.

68      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' uniformità fid-deċiżjonijiet ta' l-UASI, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/04, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta' deċiżjonijiet preċedenti ta' l-UASI (ara s-sentenza 'CHUFAFIT', iċċitata fil-punt 48 aktar 'il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq allegat nuqqas ta' qbil bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fil-każ R 223/2001-4 huwa irrilevanti u ma jistax jintlaqa'.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li ma kinitx teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

70      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta' Mejju 2005.

H. Jung

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.