Language of document : ECLI:EU:T:2005:179

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

25 ta' Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali SPA-FINDERS – Trade marks verbali nazzjonali preċedenti SPA u LES THERMES DE SPA – Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-67/04,

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita fi Spa (il-Belġju), irrappreżentata minn L. de Brouwer, E. Cornu, E. De Gryse u D. Moreau, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Spa-Finders Travel Arrangements Ltd, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-10 ta' Diċembru 2003 (każ R 131/2003-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, u Spa-Finders Travel Arrangements Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Frar 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Mejju 2004,

wara s-seduta tat-18 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta' Ottubru 1996, il-kumpannija Spa-Finders Travel Arrangements Ltd ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali SPA-FINDERS.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 16 u 39 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Dawn il-prodotti u servizzi jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        "pubblikazzjonijiet stampati, inklużi katalgi, perijodiċi u bulettini" li jaqgħu fil-klassi 16;

–        "servizzi ta' aġenziji ta' l-ivvjaġġar", li jaqgħu fil-klassi 39.

4        Fid-19 ta' Jannar 1998, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 5/1998.

5        Fis-17 ta' April 1998, Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, (aktar 'il quddiem "Spa Monopole" jew ir-"rikorrenti"), ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti SPA u LES THERMES DE SPA, li kienu s-suġġett tar-reġistrazzjonijiet segwenti:

–        reġistrazzjoni Nru 389 230 fil-Benelux tat-trade mark SPA, fir-rigward tal-prodotti "ilma minerali u ilma bil-gass u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xropp u preparazzjonijiet oħra għat-tħejjija tax-xorb", li jaqgħu fil-klassi 32;

–        reġistrazzjoni Nru 372 307 fil-Benelux tat-trade mark SPA, fir-rigward tal-prodotti "preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ, preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi", li jaqgħu fil-klassi 3;

–        reġistrazzjoni Nru 54 721 fil-Ġermanja tat-trade mark SPA għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassi 3 imsemmija aktar 'il fuq u s-"servizzi ta' akkomodazzjoni f'lukanda; banji pubbliċi, pixxini u servizzi ta' sawni; organizzazzjoni ta' konferenzi u wirjiet, riżervazzjonijiet ta' kmamar", li jaqgħu fil-klassi 42;

–        reġistrazzjoni Nru 501 661 fil-Benelux tat-trade mark LES THERMES DE SPA fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 3.

7        L-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti kienet ibbażata wkoll fuq sinjal li mhuwiex irreġistrat, jiġifieri l-isem ta' kumpannija u l-isem kummerċjali SA Spa Monopole, compagnie fermière de Spa, fil-qosor "SA Spa Monopole NV", użat għall-kummerċ fir-rigward ta' ilma minerali u ta' stabbilimenti termali.

8        In sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet imressqa kontra l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark mitluba.

9        Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Novembru 2002, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni billi kkunsidrat li ma kienx ipprovat li l-użu tat-trade mark SPA-FINDERS kien jippermetti li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti SPA jew li din kienet tippreġudika l-karattru distintiv ta' dawn ta' l-aħħar.

10      Fit-28 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-UASI skond l-Artikoli 57 sa 59 tar-Regolament Nru 40/94.

11      Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Diċembru 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell imressaq mir-rikorrenti. Il-Bord ta' l-Appell aċċetta l-karattru simili tat-trade marks in kwistjoni u l-firxa tar-reputazzjoni tat-trade mark SPA fir-rigward ta' l-ilma minerali fil-Belġju u fil-pajjiżi kollha tal-Benelux. Madankollu, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li ma kienx ġie stabbilit li r-reġistrazzjoni tat-trade mark SPA-FINDERS, fir-rigward tal-prodotti tal-klassi 16 u tas-servizzi tal-klassi 39, kienet tippreġudika t-trade mark SPA, fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

13      L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

14      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

15      Preliminarjament, l-UASI jinvoka l-inammissibbiltà ta' l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-trade mark LES THERMES DE SPA, irreġistrata bil-Benelux bin-numru 466 130 fir-rigward tas-"servizzi mogħtija fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ stabbiliment termali inklużi l-provvista ta’ servizzi ta’ kura sanitarja; banjijiet, doċoċ, massaġġi", li jaqgħu fil-klassi 42. F'dan ir-rigward, l-UASI jsostni li, safejn il-proċedura ta' oppożizzjoni u dik quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ma kkonċernawx din it-trade mark, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tagħha huma inammissibbli.

16      Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li kien quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija evokat għall-ewwel darba t-trade mark LES THERMES DE SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 466 130 fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42.

 Fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

–       Fuq ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

17      Ir-rikorrenti ssostni li d-diversi trade marks SPA jgawdu minn reputazzjoni vasta fil-Benelux li tirriżulta, l-ewwel nett, mid-dritt esklużiv tagħha għall-użu ta' l-ilma tal-belt ta' Spa mill-1921 u mill-fatt li hija tipproduċi u tikkumerċjalizza, taħt it-trade mark SPA, ilma minerali miksub minn dawn is-sorsi. It-tieni nett, it-trade mark SPA hija t-trade mark dominanti fis-suq tal-Benelux fir-rigward tal-fliexken ta' l-ilma minerali. It-tielet nett, SPA tirrappreżenta ilma minerali b'effetti pożittivi għas-saħħa, irrikonoxxuti mill-Académie royale de médecine tal-Belġju. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fliexken SPA jinbiegħu f'diversi pajjiżi ta' l-Ewropa u fil-bqija tad-dinja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li r-reputazzjoni li tgawdi minnha t-trade mark SPA fil-Benelux fir-rigward ta' l-ilma minerali ġiet irrikonoxxuta mid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni kif ukoll mill-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll f'każ ieħor (deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell tat-12 ta' Diċembru 2003, SA SPA Monopole, compagnie fermière de Spa vs Cosmetics Ltd, każ R 168/2003-2).

18      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark LES THERMES DE SPA tgawdi wkoll minn reputazzjoni vasta fil-Benelux fir-rigward tas-servizzi tal-klassi 42. F'dan ir-rigward hija tirreferi għall-kwalitajiet terapewtiċi ta' l-ilma ta' Spa u ta' l-istabbilimenti termiċi ta' din il-belt, kwalitajiet li ilhom magħrufa mid-dsatax-il seklu minn meta t-trade mark LES THERMES DE SPA bdiet tikseb waħda mill-aktar reputazzjonijiet stabbiliti u bdiet tattira ħafna turisti u konsumaturi.

19      L-UASI jikkunsidra li t-trade mark SPA, irreġistrata bin-numru 389 230, li tkopri prodotti tal-klassi 32, hija l-unika waħda li tgawdi minn reputazzjoni vasta fit-territorju tal-Benelux u għandha tkun l-unika trade mark ikkunsidrata għall-finijiet ta' dan ir-rikors.

–       Fuq ix-xebh jew l-identiċità bejn it-trade marks in kwistjoni

20      Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks SPA u SPA-FINDERS imwettqa mill-Bord ta' l-Appell. Barra minn hekk, hija tqis li t-trade marks LES THERMES DE SPA u SPA-FINDERS huma simili.

21      L-UASI jieħu l-istess pożizzjoni bħar-rikorrenti fir-rigward tax-xebh bejn it-trade marks SPA-FINDERS u SPA. Skondu, il-pubbliku tal-Benelux jista', minħabba dan ix-xebh, jistabbilixxi rabta bejn is-sinjal u t-trade mark fis-sens tal-ġurisprudenza Adidas (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, aktar 'il quddiem is-"sentenza Adidas"). Madankollu, l-UASI jenfasizza li l-eżistenza ta' rabta bħal din ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi stabbilit preġudizzju għar-reputazzjoni jew għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jew inkella li jista' jittieħed vantaġġ inġust minnha.

–       Fuq il-metodu ta' evalwazzjoni tal-kundizzjoni stabbilita fl-aħħar parti ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

22      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), sabiex issostni li huwa importanti li l-pubbliku rilevanti jkun jista' jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark mitluba (sentenza Adidas, punti 38 u 39). Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta' rabta bħal din ikollha bħala konsegwenza, minn naħa, li tippreġudika l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lit-trade mark mitluba tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti żżid li aktar ma t-trade mark preċedenti jkollha reputazzjoni stabbilita, aktar l-użu ta' trade mark simili għal prodotti jew servizzi differenti jippreġudika l-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

23      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq is-sentenza Claeryn tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux ta' l-1 ta' Marzu 1975, li tgħid li l-karattru distintiv tat-trade mark magħrufa jista' jitkejjel skond il-kapaċità tat-trade mark li tevoka f'moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni immedjata mal-prodott li fir-rigward tiegħu hija rreġistrata. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinsisti fuq l-eżistenza ta' rabta fil-moħħ tal-pubbliku bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti, li tippermetti li jittieħed vantaġġ inġust u li tiġi ppreġudikata r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Il-pubbliku jikkunsidra, b'hekk, li teżisti rabta ekonomika bejn l-impriżi li joffru l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

24      L-UASI ma jaqbilx ma' din it-teżi.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

25      Fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għal dan il-każ, ir-rikorrenti tfakkar, l-ewwel nett, li t-trade mark SPA-FINDERS tkopri pubblikazzjonijiet marbuta mas-saħħa u s-sbuħija kif ukoll servizzi ta' aġenzija ta' l-ivvjaġġar fir-rigward ta' stabbilimenti termali fl-Ewropa. Skondha, safejn it-trade mark SPA tgawdi minn reputazzjoni vasta fil-Benelux, il-pubbliku ta' dan ir-reġjun immedjatament jistabbilixxi rabta bejn SPA-FINDERS u l-ilma minerali kopert mit-trade mark SPA kif ukoll ma' l-istabbilimenti termali li jużaw dan l-istess ilma. Għaldaqstant, din l-assoċjazzjoni bejn it-trade mark SPA u t-trade mark SPA-FINDERS li tikkonċerna servizzi ta' aġenzija ta' l-ivvjaġġar u ta' pubblikazzjonijiet tippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti billi tnaqqas l-effett ta' l-imsemmija trade mark.

26      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi jassoċja t-trade marks SPA u SPA-FINDERS flimkien, il-pubbliku jaħseb li teżisti rabta ekonomika bejn l-impriżi li joffru dawn il-prodotti u servizzi. B'mod aktar preċiż, il-pubbliku jista' jippreżumi li s-servizzi ta' aġenzija ta' l-ivvjaġġar SPA-FINDERS huma offruti mir-rikorrenti jew jibbenefikaw minn liċenzja mogħtija minnha. Għaldaqstant, it-trade mark SPA-FINDERS tikseb vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark SPA. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Diċembru 2003, iċċitata aktar 'il fuq (punt 28).

27      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq ir-rabta ekonomika li l-pubbliku jista’ jistabbilixxi bejn l-impriżi li joffru l-prodotti SPA u SPA-FINDERS sabiex tipprova l-probabbiltà ta' preġudizzju għar-reputazzjoni tat-trade mark SPA. Il-probabbiltà ta' preġudizzju hija effettiva peress li Spa Monopole ma tistax tikkontrolla l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi mibjugħa taħt it-trade mark SPA-FINDERS. In sostenn ta' l-argument tagħha, ir-rikorrenti tirreferi mill-ġdid għad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Diċembru 2003, iċċitata aktar 'il fuq (punt 28).

28      L-UASI jqis li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tippermetti l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. L-UASI jinsisti fuq il-fatt li l-kelma "spa" mhijiex magħrufa biss minħabba l-ilma minerali: hija tevoka wkoll il-belt ta' Spa, il-korsa tat-tlielaq tal-karozzi tal-formula 1 tagħha u l-kampanja tagħha. Il-kelma "spa" hija użata wkoll b'mod komuni sabiex tidentifika l-materjali u t-trattamenti akwatiċi (idroterapija, sawni, eċċ.). L-UASI jżid li l-konsumatur jassoċja t-trade mark SPA-FINDERS mar-riċerka tal-postijiet li għandhom il-karatteristiċi marbuta ma' spas (idroterapija, banjijiet Torok, sawni eċċ.). Għalhekk, skond l-UASI, m'hemm xejn suspettuż fl-użu tal-kelma "spa" fis-sens deskrittiv u ġeneriku tagħha sakemm dan l-użu ma jagħmilx riferiment dirett jew indirett għall-ilma minerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

29      Skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, "malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-Paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trademark preċedenti, u [jekk hija intiża sabiex] tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trademark Komunitarja preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust [minn], jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti".

30      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Bord ta' l-Appell kisirx din id-dispożizzjoni, għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tagħha humiex sodisfatti f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li t-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni huma trade marks irreġistrati fil-Benelux u trade mark nazzjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk it-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hijiex identika għal dawn it-trade marks preċedenti jew jekk għandhiex xi xebh magħhom; it-tieni nett, jekk it-trade marks preċedenti jgawdux minn reputazzjoni fil-Benelux jew fl-Istat Membru kkonċernat; u, it-tielet nett, jekk l-użu mingħajr dritt tat-trade mark mitluba jiksibx vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jekk jikkawżalhomx preġudizzju. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta' waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma jkunux applikabbli.

31      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, kif ġie kkonfermat matul is-seduta, li l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti ma kinitx tikkonċerna t-trade mark LES THERMES DE SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 466 130 u invokata għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, fatti li jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu tressqu qabel quddiem l-awtoritajiet ta' l-UASI ma jistgħux jolqtu l-legalità ta' deċiżjoni ħlief jekk l-UASI kien imissu ħadhom in kunsiderazzjoni ex officio. F'dan ir-rigward, mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li, fi proċedimenti dwar raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet, jirriżulta li l-UASI mhuwiex obbligat jieħu in kunsiderazzjoni, ex officio, fatti li ma jkunux tressqu mill-partijiet. Għaldaqstant, fatti bħal dawn ma jistgħux jikkontestaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs L-UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13].

32      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda safejn jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni fil-Benelux bin-numru 466 130 tat-trade mark LES THERMES DE SPA u l-evalwazzjoni għandha tkun ristretta għat-trade marks SPA, irreġistrati bin-numri 389 230, 372 307, 54 721, u għat-trade mark LES THERMES DE SPA, irreġistrata bin-numru 501 661.

 Fuq ix-xebh jew l-identiċità tat-trade marks in kwistjoni

33      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-partijiet ġustament jaqblu meta jirrikonoxxu x-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni. Għaldaqstant, ir-riżultat tar-rikors jiddependi miż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (ara l-punt 30 aktar 'il fuq).

 Fuq ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti

34      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, skond il-ġurisprudenza, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni, trade mark nazzjonali preċedenti għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat permezz tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punt 31, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67].

35      F'dan il-każ hemm qbil li r-reputazzjoni tat-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 389 230 fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, hija stabbilita fit-territorju tal-Benelux.

36      Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li abbażi tiegħu jista' jiġi konkluż li teżisti reputazzjoni, fit-territorju tal-Benelux, tat-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 372 307, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 3.

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li r-reputazzjoni, fit-territorju Ġermaniż, tat-trade mark SPA, irreġistrata fil-Ġermanja bin-numru 54 721, fir-rigward tal-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 42 mhijiex stabbilita. F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat speċifikament in-nuqqas ta' kwalunkwe prova mressqa mir-rikorrenti li abbażi tagħha setgħet tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta' din it-trade mark fuq dan it-territorju. Issa, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li abbażi tagħha tista' tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, il-fatt li fliexken ta' ilma minerali ta' SPA jinbiegħu fil-Ġermanja ma jistabbilixxix, fih innifsu, l-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade mark SPA fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 42.

38      Finalment, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li ma jista' jiġi konkluż abbażi ta' l-ebda prova li teżisti reputazzjoni tat-trade mark LES THERMES DE SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 501 661, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 3. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ressqet biss provi fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade mark LES THERMES DE SPA fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42, minħabba l-ġestjoni ta' stabbilimenti termali.

39      Għaldaqstant, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għal dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ser tieħu in kunsiderazzjoni biss ir-reputazzjoni, fit-territorju tal-Benelux, tat-trade mark SPA, irreġistrata bin-numru 389 230 u li tikkonċerna l-prodotti tal-klassi 32. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu mingħajr dritt tat-trade mark SPA-FINDERS jiksibx vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux bin-numru 389 230 u li tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, jew jekk dan l-użu jikkawżalhomx preġudizzju.

 Fuq il-vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-preġudizzju kkawżat fir-rigward tagħhom

40      Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-għan ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' kull trade mark identika għal trade mark magħrufa jew li tixbaha. L-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa, b'mod partikolari, li jippermetti lill-proprjetarju ta' trade mark nazzjonali preċedenti magħrufa li jopponi r-reġistrazzjoni ta' trade marks li jistgħu jew jippreġudikaw ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew jieħdu vantaġġ inġust minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv. F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti mhuwiex obbligat jipprova l-eżistenza ta' preġudizzji effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Madankollu, huwa għandu jressaq il-provi li abbażi tagħhom ikun jista' jiġi konkluż li primafacie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta' vantaġġ inġust jew preġudizzju.

41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-eżistenza ta' rabta bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti hija kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, il-preġudizzju msemmi minn din id-dispożizzjoni, meta jseħħ, ikun il-konsegwenza ta' ċertu livell ta' xebh bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti, xebh li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejniethom, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom. L-eżistenza ta' din ir-rabta għandha tiġi evalwata globalment filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza Adidas, punti 29 u 30). F'dan ir-rigward, aktar ma' l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkunu sinjifikattivi, aktar l-eżistenza ta' preġudizzju tkun faċilment aċċettata (sentenza General Motors, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30).

42      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tivverifika jekk it-trade mark SPA-FINDERS tistax tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark SPA jew tikkawżalhom preġudizzju.

–       Fuq il-preġudizzju kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti

43      Dan il-preġudizzju jirriżulta meta t-trade mark preċedenti ma tibqax f'pożizzjoni li toħloq assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata (ara, f'dan is-sens, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Adidas, Ġabra p. I-12540, punt 37).

44      F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li abbażi tagħha jista' jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta' preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark SPA permezz ta' l-użu tat-trade mark SPA-FINDERS. Fil-fatt, ir-rikorrenti tinsisti fuq l-allegata rabta immedjata li l-pubbliku jistabbilixxi bejn it-trade mark SPA u t-trade mark SPA-FINDERS. Minn din ir-rabta hija tikkonkludi li jeżisti preġudizzju għall-karattru distintiv. Issa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti matul is-seduta, l-eżistenza ta' rabta bħal din mhijiex biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-probabbiltà ta' preġudizzju għall-karattru distintiv. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li peress li l-kelma "spa" hija użata ta' spiss sabiex tindika, per eżempju, il-belt Belġjana ta' Spa u l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi Belġjana ta' Spa-Francorchamps jew, b'mod ġenerali, l-istabbilimenti ddedikati għall-idroterapija bħalma huma l-banjijiet Torok jew sawni, il-probabbiltà ta' preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark SPA tidher waħda limitata.

45      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-użu tat-trade mark SPA-FINDERS jista' jikkawża preġudizzju lill-karattru distintiv tat-trade mark SPA.

–       Fuq il-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

46      Dan il-preġudizzju jirriżulta meta l-prodotti li fir-rigward tagħhom tintuża t-trade mark mitluba jattiraw lill-pubbliku b'tali mod li titnaqqas l-attrazzjoni tat-trade mark preċedenti (ara, f'dan is-sens, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Adidas, iċċitati aktar 'il fuq, punt 38).

47      F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova, matul il-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet ta' l-UASI jew inkella quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li abbażi tagħha jista' jiġi stabbilit li huwa probabbli li r-reġistrazzjoni tat-trade mark SPA-FINDERS tikkawża preġudizzju lir-reputazzjoni tat-trade mark SPA.

48      F'dan ir-rigward, kif josserva ġustament l-UASI, ma jeżisti l-ebda antagoniżmu bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks SPA u SPA-FINDERS li jista' jikkawża preġudizzju lir-reputazzjoni ta' l-ilma minerali SPA. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li ftit huwa probabbli li t-trade mark SPA-FINDERS ittebba' l-immaġni tat-trade mark SPA.

49      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Diċembru 2003, iċċitata aktar 'il fuq, ma jikkontradixxix din il-konklużjoni peress li, f'dik id-deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkunsidra, fil-punt 28, li kien hemm probabbiltà ta' preġudizzju għar-reputazzjoni u ta' vantaġġ inġust marbut ma' din ta' l-aħħar minħabba l-qrubija bejn il-prodotti kkonċernati. Issa, f'dan il-każ, it-trade marks SPA u SPA-FINDERS jidentifikaw prodotti differenti ħafna li jikkonsistu, minn naħa, f'ilma minerali u, min-naħa l-oħra, pubblikazzjonijiet u servizzi ta' aġenzija ta' l-ivvjaġġar. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li għaldaqstant ftit huwa probabbli li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark SPA-FINDERS, anki jekk jirriżulta li huma ta' kwalità baxxa, inaqqsu l-attrazzjoni tat-trade mark SPA.

50      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-użu tat-trade mark SPA-FINDERS jista' jikkawża preġudizzju lir-reputazzjoni tat-trade mark SPA.

–       Fuq il-vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

51      Il-vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-każijiet fejn ikun hemm sfruttament jew parassitiżmu manifesti ta' trade mark famuża jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha (ara, f'dan is-sens, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Adidas, iċċitati aktar 'il fuq, punt 39).

52      F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li ma ġiet stabbilita l-ebda prova li t-trade mark SPA-FINDERS tippermetti lill-proprjetarju tagħha li jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark SPA. Fil-fatt, l-ebda prova ma tindika li hemm xi kwalunkwe probabbiltà ta' sfruttament jew ta' parassitiżmu fir-rigward tat-trade mark SPA jew ta' tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha.

53      Għaldaqstant, mhuwiex stabbilit li t-trade mark mitluba tista' tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tikkawżalhom preġudizzju. Għaldaqstant, m'hemmx lok li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha dwar l-eżistenza ta' probabbiltà ta' użu mingħajr dritt tat-trade mark mitluba.

54      Peress li mhijiex sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' din id-dispożizzjoni mhuwiex fondat. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta' Mejju 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.