Language of document : ECLI:EU:C:2015:413

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Direttiva 2004/83/KE — Artikolu 24(1) — Regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Revoka tal-permess ta’ residenza — Kundizzjonijiet — Kunċett ta’ ‘raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika’ — Parteċipazzjoni ta’ persuna li għandha l-istatus ta’ refuġjat f’attivitajiet ta’ organizzazzjoni li tinsab fil-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi stabbilita mill-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑373/13,

li tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

H. T.

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T., minn B. Pradel, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21(2) u (3) u 24(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T. u Land Baden-Württemberg dwar deċiżjoni dwar it-tkeċċija tiegħu mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li rrevokat il-permess ta’ residenza tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjati

3        L-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève, fit-28 ta’ Lulju 1951, [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru. 2545 (1954)], u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu, intitolat “Dokumenti tal-ivvjaġġar”:

“L-Istati kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jirrisjedu legalment fuq it-territorju tagħha, dokumenti tal-ivvjaġġar intiżi sabiex jippermettulhom li jivvjaġġaw barra minn dan it-territorju sakemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku ma jkunux jeħtieġu mod ieħor [...]”

4        L-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Tkeċċija”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati kontraenti jistgħu biss ikeċċu refuġjat li jinsab legalment fuq it-territorju tagħhom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku.”

5        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulment”, jipprovdi:

“1.      L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, rifuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

2.      Madankollu din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal refuġjat li għal raġunijiet serji huwa jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa residenti jew huwa, minħabba kundanna definittiva għal delitt jew delitt partikolarment gravi, periklu għall-kollettività ta’ dak il-pajjiż.”

 Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti

6        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li l-preambolu tagħha jtenni, b’mod partikolari, “il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li jippreżentaw l-atti ta’ terroriżmu”.

7        Skont it-termini tal-punt 5 tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jiddikjara “li l-atti, il-metodi u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ atti terroristiċi jew l-istigazzjoni biex jitwettqu dawn l-atti, magħmula bil-ħsieb, imorru wkoll kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

8        Il-punt 5 tar-Riżoluzzjoni 1377 (2001) tat-12 ta’ Novembru 2001 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar il-perikolu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali minħabba atti terroristiċi, jenfasizza “li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-finanzjament, il-pjanifikazzjoni u l-preparazzjoni ta’ atti terroristiċi internazzjonali, l-istess bħall-forom l-oħra ta’ għajnuna f’dan ir-rigward, huma wkoll kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti [fiha]”.

 Id-dritt tal-Unjoni

9        Il-premessi 3, 6, 10, 16, 22, 28 u 30 tad-Direttiva 2004/83 jipprovdu:

“(3)      Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[...]

(6)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[...]

(10)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa partikolarment mill-Kapitolu [Karta] ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Partikolarment, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt għal kenn (asylum) [ażil] għal applikanti għal kenn (asylum) u l-membri tal-familja li jakkompanjawhom.

[...]

(14)      L-għarfien ta’ stat ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju.

[...]

(22)      Atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċiji tan-Nazzjonijiet Uniti huma dikjarati fil-Preamblu u l-Artikoli 2 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li ‘atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’.

[...]

(28)      L-idea ta’ sigurta nazzjonali u ordni pubblika tkopri wkoll każijiet li fihom ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jappartjeni għal assoċjazzjoni li tappoġġja terrorismu internazzjonali jew tappoġġja din l-assoċjazzjoni.

[...]

(30)      Fil-limiti dikjarati minn obbligi internazzjonali, Stati Membri jistgħu jippreskrivu li l-għoti ta’ benefiċċji rigward aċċess għal impjieg, solliev soqjali, kura tas-saħħa u aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta’ permess ta’ residenza.”

10      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “L-għoti ta’ stat ta’ refuġjat”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [persuna apolida], li jikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

11      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Revoka u, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ stat ta’ refuġjat”, jipprovdi:

“[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kwasi-ġudizzjarju, meta:

a)      ikun hemm bażi raġunevoli sabiex jitqies jew titqies bħala periklu għas-sigurta ta’ l-Istat Membru li fih huwa jew hija huma preżenti;

b)      huwa jew hija, wara li nstabu ħatja minn ġudizzju finali ta’ delitt partikolarment serju, jikostitwixxu periklu għall-Komunità ta’ dak l-Istat Membru.

[…]

6.      Persuni li għalihom japplikaw paragrafi 4 jew 5 huma ntitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3,4, 16, 22, 31 u 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra sakemm u safejn huma preżenti fl-Istat Membru.”

12      L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni minn refoulement”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.      Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri may refoule refuġjat [jistgħu jissuġġettaw refuġjat għal refoulement], sewwa jekk magħruf formalment u sewwa jekk le, meta:

a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

b)      huwa jew hija, wara li nstabu ħatja minn ġudizzju finali ta’ delitt partikolarment serju, jikostitwixxu periklu għall-Komunità ta’ dak l-Istat Membru.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għaliha japplika l-paragrafu 2.”

13      L-Artikolu 24 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Permessi ta’ residenza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kemm jista’ jkun malajr wara li l-istat tagħhom ikun ingħata, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ stat ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), il-permess ta’ residenza li trid tinħareġ lil membri tal-familja tal-benefiċjarji ta’ stat ta’ refuġjat jista’ jkun validu għal inqas minn tliet snin u jkun jiġġedded.

2.      Kemm jista’ jkun malajr wara li l-istat tagħhom ikun ingħata, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjarja permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.”

14      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)], intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”, jipprovdi:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti;

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

15      L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 44, p. 272), intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jipprovdi:

“1.      Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

[...]

b)      l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija taħt il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 12;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

16      L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-ħaddiema fuq it-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”), intitolat “Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ċittadin barrani li kien suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija jew ta’ refoulement jew ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera ma għadx għandu d-dritt li jidħol fuq it-territorju federali u jirresjedi fih. L-ebda permess ta’ residenza ma jista’ jingħatalu, anki jekk il-kundizzjonijiet mitluba minn din il-liġi f’dan ir-rigward ikunu sodisfatti [...]”

17      L-Artikolu 25 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat, “Residenza minħabba raġunijiet umanitarji”, jipprovdi:

“(1)      Awtorizzazzjoni ta’ residenza tingħata lil ċittadin barrani li jkun ingħatalu d-dritt ta’ ażil permezz ta’ att inkontestabbli. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta ċ-ċittadin barrani jkun ġie suġġett għal miżura ta’ tkeċċija minħabba raġunijiet gravi marbuta mas-sigurtà nazzjonali u mal-ordni pubbliku. Sa ma tingħata l-awtorizzazzjoni, ir-residenza hija kkunsidrata awtorizzata. L-awtorizzazzjoni ta’ residenza tippermetti l-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

(2)      Awtorizzazzjoni ta’ residenza tingħata lil ċittadin barrani li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ att inkontestabbli mill-uffiċċju federali għall-migrazzjoni u r-refuġjati skont l-Artikolu 3(4) tal-Liġi dwar il-proċedura ta’ ażil. It-tieni sar-raba’ sentenzi tal-paragrafu 1 japplikaw b’analoġija.

[...]

(5)      Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 11(1), awtorizzazzjoni ta’ residenza tista’ tingħata lil ċittadin barrani li jkollu jħalli t-territorju abbażi ta’ att eżekuttiv meta t-tluq tiegħu jkun impossibbli minħabba raġunijiet ta’ liġi jew ta’ fatt u li ma jkunx jidher li l-ostakoli għat-tluq tiegħu jkunu ser jisparixxu f’terminu prevedibbli. L-awtorizzazzjoni ta’ residenza tingħata jekk it-tneħħija tkun sospiża għal iktar minn 18-il xahar [...]”

18      L-Artikolu 51 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Tmiem tal-legalità tar-residenza; żamma ta’ restrizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-permess ta’ residenza jsir invalidu fil-każijiet segwenti:

[...]

5.      Tkeċċija taċ-ċittadin barrani,

[...]”

19      L-Artikolu 54 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat, “Prinċipju tat-tkeċċija”, huwa fformulat kif ġej:

“Ċittadin barrani bħala regola jitkeċċa meta

[…]

5.      fatti li jippermettu li jiġi konkluż li huwa msieħeb jew kien imsieħeb f’assoċjazzjoni li ssostni t-terroriżmu jew li jsostni jew sostna assoċjazzjoni ta’ dan it-tip; l-espulsjoni tista’ tkun ibbażata fuq sħubija jew atti ta’ sostenn passati biss sa fejn dawn ikunu joħolqu periklu attwali,

[...]”

20      Skont l-Artikolu 54a tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Sorveljanza, għal raġunijiet ta’ sigurtà interna, taċ-ċittadini barranin li jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija”:

“(1)      Ċittadin barrani li tkun ingħatat deċiżjoni eżekuttiva ta’ tkeċċija kontrih skont l-Artikolu 54(5) [...] huwa suġġett għall-obbligu li jippreżenta ruħu tal-inqas darba fil-ġimgħa għand id-dipartiment tal-pulizija kompetenti għall-post ta’ residenza tiegħu, sa fejn dan id-dipartiment tal-barranin ma jipprovdix mod ieħor. Jekk barrani jkollu jitlaq mit-territorju minħabba att eżekuttiv meħud minħabba raġuni differenti mill-kawżi ta’ tkeċċija msemmija fl-ewwel sentenza, obbligu ta’ preżentazzjoni skont l-ewwel sentenza jista’ jiġi ordnat, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi evitatj periklu għas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku.

(2)      Ir-residenza tiegħu hija limitata għaż-żona taħt il-ġurisdizzjoni tad-dipartiment tal-barranin, sakemm dan ma jistabbilixxix mod ieħor.

[…]”.

21      L-Artikolu 55 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Tkeċċija fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Ċittadin barrani jista’ jitkeċċa meta r-residenza tiegħu tippreġudika s-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku jew interessi oħra importanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[...]

(3)      Fid-deċiżjoni dwar it-tkeċċija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

1.      it-tul tar-residenza regolari tal-barrani u r-rabtiet personali, ekonomiċi u oħrajn li jkollu fit-territorju federali, li jistħoqilhom protezzjoni,

2.      konsegwenzi tat-tkeċċija għall-membri tal-familja jew is-sieħeb taċ-ċittadin barrani li jirresjiedu legalment fuq it-territorju federali u li joqgħodu miegħu fil-kuntest ta’ komunità ta’ ħajja tal-familja jew ta’ koppja.

3.      kundizzjonijiet ta’ sospensjoni tat-tneħħija msemmija fl-Artikolu 60a(2) u (2b)”.

22      L-Artikolu 56 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ċittadin barrani li

1.      ikollu awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment u jkun irresjeda legalment għal mill-inqas ħames snin fit-territorju federali,

[...]

3.      ikollu awtorizzazzjoni ta’ residenza, jkun irresjeda legalment matul tal-inqas ħames snin fuq it-territorju federali u jkun jgħix, fil-kuntest ta’ koppja miżżewġa jew le, ma’ ċittadin barrani kif previst fil-punti 1 u 2,

4.      jgħix ma’ membru tal-familja Ġermaniż jew ma’ sieħeb Ġermaniż f’kuntest ta’ komunità ta’ ħajja tal-familja jew ta’ koppja,

5.      ingħatalu d-dritt ta’ ażil, jibbenefika fuq it-territorju federali mill-istatus ta’ refuġjat barrani jew għandu dokument tal-ivvjaġġar imsemmi fil‑Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati (BGBl. 1953 II, p. 559) u maħruġ minn awtorità tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

jibbenefika minn protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija. Huwa jitkeċċa biss għal raġunijiet gravi ta’ sigurtà nazzjonali u ta’ ordni pubbliku. Fil-prinċipju jeżistu raġunijiet gravi ta’ sigurtà nazzjonali u ta’ ordni pubbliku fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 53 u 54(5) sa (5b) u (7). Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 53 ikunu sodisfatti, il-barrani, fil-prinċipju, jitkeċċa. Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 54 ikunu sodisfatti, jiġi deċiż li ma jkunx hemm tkeċċija skont is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.”

23      L-Artikolu 60 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Projbizzjoni ta’ tneħħija”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Skont il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati (BGBl. 1953 II, p. 559), ċittadin barrani ma jistax jitkeċċa lejn Stat li fih il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew il-fehmiet politiċi tiegħu. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-benefiċjarji tad-dritt ta’ ażil u għall-barranin li, jew kisbu l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ att inkontestabbli, jew jibbenefikaw, għal raġuni oħra, minn status ta’ refuġjati barranin fuq it-territorju federali, jew ġew rikonoxxuti barra mit-territorju federali bħala refuġjati barranin skont il-[Konvenzjoni ta’ Genève] dwar l-istatus tar-refuġjati [...]

[...]

(8)      Il-paragrafu 1 ma japplikax meta, għal raġunijiet gravi, iċ-ċittadin barrani għandu jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew li, wara li ġie kkundannat definittivament għal piena ta’ ħabs ta’ tliet snin jew iktar għal reat jew delitt partikolarment gravi, jikkostitwixxi periklu għall-komunità. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta ċ-ċittadin barrani jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tal-liġi dwar il-proċedura ta’ ażil.

(9)      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 8, ċittadin barrani li jkun talab l-ażil jista’, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-proċeduar tal-ażil, jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija, li tista’ ssir eżekuttiva [...]

[...]”

24      L-Artikolu 60a tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Sospensjoni temporanja tat-tneħħija (tolleranza)”, jipprovdi:

“[...]

(2)      It-tneħħija ta’ ċittadin barrani għandha tiġi sospiża sakemm din it-tneħħija tkun impossibbli minħabba raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi u sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni ta’ residenza. [...]

(3)      Is-sospensjoni tat-tneħħija ta’ ċittadin barrani ma tippreġudikax l-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju.

[...]”

25      L-Artikolu 18 tal-Liġi li tirregola s-sistema pubblika tal-assoċjazzjonijiet (Gesetz zur Regelung des öffentlichen Vereinsrechts), tal-5 ta’ Awwissu 1964 (BGBl. 1964 I, p. 593), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vereinsgesetz”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-projbizzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet”, jipprovdi:

“Il-projbizzjoni ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom barra mit-territorju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi iżda li għandhom fergħat ġewwa dan it-territorju tapplika biss għal dawn tal-aħħar. Jekk l-assoċjazzjoni ma għandha l-ebda fergħa fuq it-territorju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-projbizzjoni [Artikolu 3(1)] tapplika għall-attività tagħha fuq dan it-territorju.”

26      L-Artikolu 20 tal-Vereinsgesetz, intitolat “Ksur tal-projbizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull min, permezz ta’ attività eżerċitata fuq it-territorju ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi,

[...]

4.      jikser projbizzjoni eżekuttiva li tkun saret b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3), jew tat-tieni sentenza tal-Artikolu 18,

[...]

huwa suġġett għal piena ta’ ħabs ta’ sena jew iktar jew għal multa jekk l-att ma jkunx jaqa’ taħt l-Artikoli 84, 85, 86a jew l-Artikoli 129sa 129b tal-Kodiċi Kriminali [...]

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      T., mwieled fl-1956, huwa ċittadin Tork ta’ oriġini Kurda. Ilu jgħix fil-Ġermanja mill-1989 flimkien ma’ martu, ukoll ċittadina Torka, u mat-tmien ulied tagħhom, li ħamsa minnhom huma ċittadini Ġermaniżi.

28      Fl-24 ta’ Ġunju 1993, T. ġie rikonoxxut bħala refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan ir-rikonoxximent kien immotivat mill-attivitajiet politiċi li kien iwettaq f’eżilju favur il-“Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan” (iktar ’il quddiem il-“PKK”) kif ukoll mill-persekuzzjoni politika li kien mhedded li jsir vittma tagħha jekk jirritorna fit-Turkija.

29      Mis-7 ta’ Ottubru 1993, T. ingħata permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fil-Ġermanja.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2006, l-awtoritajiet kompetenti irrevokaw l-istatus ta’ refuġjat ta’ T., minħabba li s-sitwazzjoni politika fit-Turkija kienet inbidlet u li, konsegwentement, ma kienx għadu jista’ jitqies li hemm ir-riskju li jsofri persekuzzjoni fil-pajjiż tiegħu.

31      Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Karlsruhe (Qorti Amministrattiva Karlsruhe, il-Ġermanja) tat-30 ta’ Novembru 2007, b’tali mod li T. żamm l-istatus ta’ refuġjat tiegħu.

32      Matul is-snin 90, T. ipparteċipa, taħt forom differenti, f’attivitajiet politiċi favur il-PKK u organizzazzjonijiet marbuta ma’ dik li ġew wara.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 1993, il-Ministru Federali tal-Intern ipprojbixxa lill-PKK u lil organizzazzjonijiet oħra marbuta ma’ dan il-partit milli jwettqu attivitajiet fil-Ġermanja.

34      Abbażi tal-Artikolu 20 tal-Vereinsgesetz, l-awtoritajiet kompetenti bdew proċedura kriminali kontra T. minħabba s-sostenn tiegħu lill-PKK, wara li kisbu elementi kontra tiegħu matul perkwiżizzjoni fir-residenza tiegħu. Matul il-proċeduri ġie stabbilit li l-persuna kkonċernata kienet ġabret donazzjonijiet f’isem il-PKK u kienet, xi drabi, qassmet ir-rivista Serxwebûn, ippubblikata mill-PKK.

35      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-Landgericht Karlsruhe (Qorti Reġjonali ta’ Karlsruhe) ikkundannat lil T. għal multa ta’ EUR 3 000 għal ksur ta’ projbizzjoni ta’ attività relatata mad-dritt tal-assoċjazzjonijiet. Peress li l-appell kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Bundesgerichtshof (Qorti tal-Ġustizzja Federali), dan sar definittiv fit-8 ta’ April 2009.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2012, ir-Regierungspräsidium Karlsruhe (Gvern reġjonali Karlsruhe) ordna, f’isem il-Land Baden-Württemberg, it-tkeċċija ta’ T. mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”). Din id-deċiżjoni, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 54(5), 55 u 56 tal-Aufenthaltsgesetz, kienet immotivata mill-fatt li T. kien wettaq atti insostenn tal-PKK sa data avvanzata fis-sena 2011 u li b’hekk kien ta’ “periklu attwali” fis-sens tal-Artikolu 54(5) tal-Aufenthaltsgesetz. L-imsemmija deċiżjoni, barra minn hekk, imponiet fuq il-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 54a tal-Aufenthaltsgesetz, l-obbligu li jippreżenta ruħu darbtejn fil-ġimgħa fid-dipartiment tal-pulizija kompetenti u llimitat il-libertà ta’ moviment tiegħu biss għat-territorju ta’ Mannheim (il-Ġermanja), fejn tinsab ir-residenza tiegħu. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 51(1) tal-Aufenthaltsgesetz, din l-istess deċiżjoni wasslet b’effett sħiħ għall-invalidità tal-permess ta’ residenza li kien ingħata lil T.

37      Madankollu, fid-dawl tal-komunità ta’ ħajja familjali li T. ifforma mal-konjuġi tiegħu u mal-ulied minuri tiegħu u fid-dawl tal-permess ta’ residenza għal żmien indeterminat li kien ingħatalu preċedentement, tad-dritt ta’ ażil li kien ingħatalu, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ttieħdet fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni abbażi tal-Artikolu 56(1) tal-Aufenthaltsgesetz u l-awtorità kompetenti ddeċidiet li tissospendi t-tkeċċija ta’ T. L-appell ippreżentat minn dan tal-aħħar kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Karlsruhe tas-7 ta’ Awwissu 2012.

38      T. appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u din, permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Novembru 2012, laqgħet dan l-appell. L-imsemmija qorti esprimiet dubji dwar l-annullament tad-dritt ta’ residenza ta’ T. u, għaldaqstant, tistaqsi lilha nfisha jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikoli 21(2) u (3), u 24 tad-Direttiva 2004/83. Il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (Qorti Amministrattiva Superjuri Baden-Württemberg) ikkunsidrat, b’mod partikolari, li l-obbligu tal-Istati Membri skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva li jagħtu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza validu għal ta’ mill-inqas tliet snin, jimplika l-projbizzjoni li dan it-titolu ta’ residenza jew titolu diġà eżistenti jiġi annullat, meta ma jkunx hemm raġunijiet li għalihom l-għoti ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat immedjatament.

39      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

“1.      (a)   Ir-regola li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-[direttiva dwar il-kundizzjonijiet] dwar l-obbligu, għall-Istati Membri, li joħorġu permess ta’ residenza lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat għandha tiġi osservata wkoll fil-każ li jiġi annullat permess ta’ residenza diġà mogħti?

(b)      Din ir-regola għandha, għalhekk, tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-permess ta’ residenza ta’ persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat jiġi annullat jew mitmum (pereżempju bi tkeċċija skont id-dritt nazzjonali) jekk il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-paragrafi 3 u 2 tal-Artikolu 21 [tad-direttiva dwar il-kundizzjonijiet] ma jkunux sodisfatti u ma jkunux jirriżultaw ‘raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika’ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) [tad-direttiva dwar il-kundizzjonijiet]?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affirmattiv għat-tieni domanda:

(a)      Kif għandha l-klawsola ta’ esklużjoni ta’ ‘raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika’ li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, tiġi interpretata fir-rigward ta’ theddid li jirriżulta mis-sostenn ta’ assoċjazzjoni terrorista?

(b)      Jista’ wieħed ikun fil-preżenza ta’ ‘raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika’ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 meta persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat tkun sostniet lill-PKK, inter alia permezz tal-ġbir ta’ donazzjonijiet u l-parteċipazzjoni b’mod kontinwu f’avvenimenti marbuta mal-PKK, anki jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-waqfien tal-protezzjoni minn refoulement stipulati fl-Artikolu 33(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, ma jkunux sodisfatti?

3.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1(a):

Skont id-dritt tal-Unjoni, l-annullament jew it-tmiem tal-permess ta’ residenza mogħti lil persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat (pereżempju bi tkeċċija skont id-dritt nazzjonali) huma possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-paragrafi 3 u 2 tal-Artikolu 21 tad- Direttiva 2004/83 (jew tas-sistema identika tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9)] li ġiet warajha) ikunu sodisfatti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

40      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u f’liema kundizzjoni l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 jawtorizzax Stat Membru jirrevoka l-permess ta’ residenza ta’ refuġjat, jew itemm dan il-permess ta’ residenza, meta din id-dispożizzjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, ma tipprovdix espliċitament din il-possibbiltà. Fil-każ affermattiv, hija tistaqsi jekk ir-revoka ta’ tali permess ta’ residenza hijiex awtorizzata unikament b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, meta r-refuġjat ma jkunx iktar protett kontra r-refoulement, jew ukoll skont l-Artikolu 24(1) tagħha.

41      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandha tiġi eżaminata l-portata rispettiva tal-Artikolu 21(2) u (3) tad-Direttiva 2004/83 u tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll ir-rabtiet li jeżistu bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

42      Skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi internazzjonali tagħhom. L-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, li l-formulazzjoni tiegħu tirrifletti essenzjalment dik tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jipprovdi madankollu deroga għal dan il-prinċipju, billi jagħti lill-Istati Membri s-setgħa diskrezzjonali li jissuġġettaw għal refoulement lil refuġjat sakemm dan ma jkunx ipprojbit minħabba raġunijiet serji li jwasslu biex jiġi kkunsidrat li dan ir-refuġjat huwa perikolu għas-sigurtà tal-Istat Membru fejn jinsab jew li, wara li ġie kkundannat definittivament għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva ma jgħid xejn f’dak li jikkonċerna t-tkeċċija ta’ refuġjat meta ma jkunx każ ta’ refoulement.

43      Fil-każ fejn is-sitwazzjoni ta’ refuġjat tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri, peress li għandhom setgħa diskrezzjonali li jissuġġettaw għal refoulement jew le refuġjat, għandhom tliet għażliet. L-ewwel nett, jistgħu jgħaddu għar-refoulement tar-refuġjat ikkonċernat. It-tieni nett, jistgħu jkeċċu r-refuġjat lejn Stat terz fejn ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat jew li jkun vittma ta’ perikolu gravi fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. It-tielet nett, jistgħu jawtorizzaw lir-refuġjat jibqa’ fuq it-territorju tagħhom.

44      Meta refoulement ikun possibbli skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà, skont l-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, li jirrevokaw permess ta’ residenza, li jtemmu dan il-permess jew li jirrifjutaw li jġedduh. Fil-fatt, ladarba refuġjat ikun ġie suġġett għal refoulement, ma hemm l-ebda bżonn għalih li jingħata, li jkompli jżomm, jew li jiġġeddidlu l-permess ta’ residenza. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, meta refuġjat ma jkunx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 21(3) ta’ din tal-aħħar ma jistax japplika. Għaldaqstant, fil-każ fejn Stat Membru jibda proċedura kontra refuġjat f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, iżda ma jkunx jista’ jissuġġettah għal refoulement għaliex il-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva ma jkunux issodisfatti, il-permess ta’ residenza ta’ dan ir-refuġjat jista’ jiġi rrevokat biss abbażi tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2004/83.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax, fi kwalunkwe każ, b’mod kompatibbli ma’ din id-direttiva, jirrevoka l-permess ta’ residenza ta’ refuġjat skont l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprovdi espliċitament biss il-possibbiltà li ma jingħatax dan il-permess ta’ residenza, mhux dik li jiġi rrevokat tali titolu jew li jintemm. B’mod partikolari, hija tobbliga lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjat, kemm jista’ jkun malajr, permess ta’ residenza validu matul perijodu tal-inqas ta’ tliet snin u li jista’ jiġġedded. Tista’ ssir deroga għal dan l-obbligu biss jekk raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku jkunu jipprekluduh.

47      Madankollu, minkejja l-assenza ta’ dispożizzjoni espressa li tawtorizza lill-Istati Membri, abbażi tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, jirrevokaw permess ta’ residenza preċedentement mogħti lil refuġjat, diversi argumenti madankollu jimmilitaw favur interpretazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jirrikorru għal tali miżura.

48      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva, ma teskludix espressament il-possibbiltà li jiġi rrevokat permess ta’ residenza.

49      Fit-tieni lok, ir-revoka ta’ permess ta’ residenza tidher konformi mal-finalità ta’ din id-dispożizzjoni. Għalkemm l-Istati Membri huma awtorizzati jirrifjutaw li jagħtu jew li jġeddu permess ta’ residenza, meta raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku jkunu jiġġustifikawh, iktar u iktar għandhom ikunu awtorizzati jirrevokaw tali permess ta’ residenza jew itemmuh meta jkun hemm raġunijiet ta’ din in-natura wara l-għoti tiegħu.

50      Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija wkoll koerenti mal-istruttura tad-Direttiva 2004/83. Kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 24(1) ta’ din l-istess direttiva jikkompleta l-Artikolu 21(3) tagħha, peress li jawtorizza impliċitament iżda neċessarjament lill-Istat Membru kkonċernat jirrevoka permess ta’ residenza, jew itemmu, anki fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva ma jkunux issodisfatti, meta raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ din l-istess direttiva jkunu jiġġustifikawh.

51      Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat, jew itemmu dan it-titolu, jew abbażi tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2004/83, bil-kundizzjoni li dan ir-refuġjat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, jew, meta dan ma jkunx il-każ, abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni li raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku jkunu jiġġustifikaw tali miżura.

52      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, tali interpretazzjoni hija kkorraborata mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/83, li jenfasizza li l-Artikolu 24(1) ta’ din iddaħħal, fuq proposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara l-attakki li laqtu lill-Istati Uniti tal-Amerika fil-11 ta’ Settembru 2001. Din id-dispożizzjoni b’hekk ġiet introdotta sabiex toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiġi limitat, f’ċertu kundizzjonijiet speċifiċi, il-moviment taċ-ċittadini tal-Istati terzi fi ħdan iż-żona Schengen, bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u b’hekk jiġi limitat it-theddid kontra s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku. B’hekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti impliċitament lill-Istati Membri, meta l-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi jkunu ssodisfatti, il-possibbiltà li jirrevokaw permess ta’ residenza mogħti.

53      Tali interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-obbligu stabbilit mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 għall-Istati Membri li jagħtu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza validu għal tal-inqas tliet snin, peress li dan l-obbligu għandu bħala konsegwenza neċessarja l-possibbiltà li jiġi rrevokat dan il-permess ta’ residenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, bħala eżempju, li l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi, espressament għat-telf tal-istatus ta’ resident għat-tul wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija.

54      Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, il-possibbiltà għal Stat Membru li jirrevoka l-permess ta’ residenza mogħti preċedentement lil refuġjat tirrispondi għal rekwiżiti loġistiċi evidenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, għal raġuni purament każwali, Stat Membru li jkun ta permess ta’ residenza lil refuġjat ikun sussegwentement informat bl-eżistenza ta’ fatti mwettqa minnu qabel l-għoti tal-permess ta’ residenza u li, kieku dan l-Istat Membru kien jaf b’dawn il-fatti fi żmien utli, kienu jostakolaw, għal raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku, l-għoti ta’ dan il-permess. Issa, huwa inkompatibbli mal-għan intiż mid-Direttiva 2004/83 li ma tkun teżisti, f’dan il-każ, l-ebda possibbiltà li jiġi rrevokat tali permess ta’ residenza diġà mogħti. Din il-konklużjoni jerġa’ hija iktar valida peress li l-atti kontra r-refuġjat ikkonċernat kienu twettqu wara l-għoti tat-titolu ta’ residenza inkwistjoni.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li permess ta’ residenza, ladarba mogħti lil refuġjat, jista’ jiġi rrevokat, jew skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, meta jkunu jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew skont l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata d-deroga għall-prinċipju ta’ non-refoulement prevista fl-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sostenn mogħti minn refuġjat għal assoċjazzjoni terrorista jistax jikkostitwixxi “raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, u dan anki meta dan ir-refuġjat ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva.

57      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-kunċett ta’ “bażi raġunevoli” li jinsab fl-Artikolu 21(2)(a) tad-Direttiva 2004/83 u dak ta’ “raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva ma huma ddefiniti la minn dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva.

58      F’dan il-kuntest, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dawn il-kunċetti għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita, b’kunsiderazzjoni kemm tat-termini tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati kif ukoll tal-kuntest tagħhom kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 19, u Bouman, C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 31) u, f’dan il-każ, tal-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135).

59      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikoli 21(1)(a) u 24(1) tad-Direttiva 2004/83, għandu jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li din id-direttiva hija kkaratterizzata minn differenzi fil-formulazzjoni bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — u għalhekk minn ċerta inkoerenza — f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom id-derogi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva juża termini differenti minn dawk li tuża l-verżjoni Ġermaniża fl-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (“stichhaltige Gründe” minflok “schwerwiegende Gründe”), filwaqt li l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva jużaw kull waħda t-terminu li jinsab fil-verżjoni Ingliża u dik Franċiża tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija konvenzjoni (“reasonable grounds” u “raisons sérieuses”).

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-verżjonijiet lingwistiċi ta’ test ikunu differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata u applikata b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea (sentenza M. et, C‑627/13 u C-2/14, EU:C:2015:59, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-formulazzjoni użata f’waħda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra. Tali approċċ fil-fatt huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M. et, C‑627/13 u C‑2/14, EU:C:2015:59, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza M. et, C‑627/13 u C‑2/14, EU:C:2015:59, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel xejn li l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lil persuna meta din tissodisfa r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva. Mill-premessa 14 tal-imsemmija direttiva, skont liema r-rikonoxximent tal-imsemmi status huwa att dikjaratorju, jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

64      Sussegwentement, mill-Artikolu 78(1) TFUE jirriżulta li l-politika komuni li l-Unjoni tiżviluppa fil-qasam ta’ ażil hija intiża sabiex toffri “status xieraq” lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li “jeħtieġ protezzjoni internazzjonali” u li jiġi żgurat “il-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement”.

65      Għandu jitfakkar ukoll li dan il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa ggarantit bħala dritt fundamentali mill-Artikoli 18 u 19(2) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

66      Il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83 tippreċiża f’dan ir-rigward li din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi tiggarantixxi, b’mod partikolari, ir-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għal ażil tal-applikanti għal ażil u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkompanjawhom.

67      Fil-fatt, il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/83 tistabbilixxi li l-għan ewlieni ta’ din huwa, minbarra li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li jiġi żgurat livell minimu ta’ benefiċċji għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

68      L-Artikoli 21(2) u 24(1) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxu f’dan ir-rigward l-implementazzjoni tad-dritt sostantiv ta’ drittijiet rikonoxxuti lil kwalunkwe persuna mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata protezzjoni dejjiema kontra l-persekuzzjoni. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, fil-fatt, jagħmlu parti mill-Kapitolu VII ta’ din l-istess direttiva, intitolata “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, li għandu l-għan li jiddefinixxi l-vantaġġi li l-kandidati għal status ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja, li l-applikazzjoni tagħhom tkun intlaqgħet, jistgħu jibbenefikaw minnhom.

69      Issa, minkejja li, kif ġie kkonstatat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, bejn l-Artikolu 21(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva mhux biss teżisti ċerta sovrappożizzjoni, peress li ż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jirrifjutaw li jagħtu permess ta’ residenza, li jirrevokawh, li jtemmuh jew li jġedduh, iżda wkoll teżisti komplementarità bejniethom, madankollu huwa paċifiku li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti u jaqgħu taħt qafas ġuridiku differenti.

70      L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/83 jistabbilixxi l-prinċipju li r-refuġjati huma normalment protetti kontra r-refoulement. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva jinkludi deroga għal dan il-prinċipju billi jippermetti r-refoulement ta’ refuġjat, kemm jekk dan ikun jew ma jkunx irrikonoxxut bħala tali, jew, skont l-Artikolu 21(2)(a) tal-imsemmija direttiva, meta jkun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies li huwa perikolu għas-sigurtà tal-Istat Membru fejn jinsab, jew, skont l-Artikolu 21(2)(b) ta’ din l-istess direttiva, meta, wara li jkun ġie kkundannat definittivament għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà ta’ dan l-Istati Membru.

71      Ir-refoulement ta’ refuġjat, għalkemm huwa fil-prinċipju awtorizzat mid-dispożizzjoni derogatorja tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, huwa madankollu l-ultima ratio li l-Istat Membru jista’ jirrikorri għaliha meta l-ebda miżura oħra ma tkun possibbli jew suffiċjenti sabiex taffronta l-perikolu li dan ir-refuġjat jippreżenta għas-sigurtà jew għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Fil-każ fejn Stat Membru, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva, jirrevoka, jtemm jew jirrifjuta li jġedded l-istatus ta’ refuġjat mogħti lil persuna, din il-persuna għandha d-dritt, skont l-Artikolu 14(6) tal-imsemmija direttiva, li tgawdi mid-drittijiet li huma elenkati b’mod partikolari fl-Artikoli 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

72      Il-konsegwenzi, għar-refuġjat ikkonċernat, tal-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83 jistgħu jkunu estremament drastiċi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li jkun jista’ jintbagħat lura lejn pajjiż fejn jista’ jgħaddi minn riskju ta’ persekuzzjoni. Din hija r-raġuni għalfejn din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-prattika tar-refoulement għal kundizzjonijiet rigorużi, peress li, b’mod partikolari, huwa biss refuġjat li ġie kkundannat definittivament għal “delitt partikolarment serju” li jista’ jitqies li jikkostitwixxi “periklu għas-sigurtà ta’ l-Istat Membru” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, anki meta dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, ir-refoulement tar-refuġjat ikkonċernat huwa sempliċi possibbiltà mħollija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, fejn dawn huma liberi li jagħmlu għażliet oħra inqas stretti.

73      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, li l-formulazzjoni tiegħu għandha karatteristika iktar astratta minn dik tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, jirrigwarda biss ir-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lil refuġjat u r-revoka ta’ dan il-permess ta’ residenza, u mhux ir-refoulement ta’ dan ir-refuġjat. Din id-dispożizzjoni għalhekk tirrigwarda biss il-każ fejn il-perikolu li jippreżenta l-imsemmi refuġjat għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat ma tkun tista’ tiġġustifika la t-telf tal-istatus ta’ refuġjat u lanqas, iktar u iktar, ir-refoulement ta’ dan l-istess refuġjat. Għal din ir-raġuni l-implementazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva ma tippreżupponix l-eżistenza ta’ reat partikolarment gravi.

74      Il-konsegwenzi, għar-refuġjat, tar-revoka tal-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 huma għalhekk inqas gravi, sa fejn din il-miżura ma tistax twassal għar-revoka tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat u inqas u inqas għar-refoulement tiegħu fis-sens tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva.

75      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “raġunijiet obbligatorji [imperattivi]” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 għandu portata iktar wiesa’ mill-kunċett ta’ “bażi raġunevoli” fis-sens tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u li ċerti ċirkustanzi li ma għandhomx il-grad ta’ gravità li jawtorizza Stat Membru jirrikorri għad-deroga prevista fl-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva u jieħu deċiżjoni ta’ refoulement, jistgħu madankollu jippermettu lil dan l-Istat Membru, abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din l-istess direttiva, jċaħħad lir-refuġjat ikkonċernat mill-permess ta’ residenza tiegħu.

76      Wara din il-preċiżazzjoni, fir-rigward tad-domanda speċifika magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar jekk is-sostenn lil assoċjazzjoni terrorista jistax jikkostitwixxi “raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, għandu jitfakkar li l-kunċetti ta’ “sigurtà nazzjonali” jew ta’ “ordni pubbliku”, ma humiex iddefiniti minn din id-dispożizzjoni.

77      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tinterpreta l-kunċetti ta’ “sigurtà pubblika” u ta’ “politika pubblika [ordni publiku]” stabbiliti fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38. Issa, anki jekk din id-direttiva għandha għanijiet differenti minn dawk intiżi mid-Direttiva 2004/83 u għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika (sentenza I., C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li l-portata tal-protezzjoni li soċjetà tkun trid toffri lill-interessi fundamentali tagħha ma tistax tvarja skont l-istatus legali tal-persuna li tattakka dawn l-interessi.

78      Għalhekk, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, l-ewwel nett għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li diġà ġie deċiż li l-kunċett “sigurtà pubblika” fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru kif ukoll is-sigurtà esterna (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, għaldaqstant, il-preġudizzju għall-funzjonament tal‑istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal‑popolazzjoni, l-istess bħar-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju tal‑interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (sentenza Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dan il-kuntest, li l-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” fis-sens tal-Artikolu 28(3) jippreżupponi mhux biss l-eżistenza ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, iżda, barra minn hekk, li tali preġudizzju għandu grad ta’ gravità partikolarment għoli, rifless fl-użu tal-espressjoni “raġunijiet imperattivi” (sentenza Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 41).

79      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “politika pubblika [ordni pubbliku]” li jinsab fid-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fl-Artikoli 27 u 28, ġie interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li r-rikors għal dan il-kunċett jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet għall-ordni soċjali li kull ksur tal-liġi jinvolvi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Byankov, C-249/11, EU:C:2012:608, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-kuntest, li jikkonċerna speċifikament id-Direttiva 2004/83, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 28, il-kunċetti ta’ “sigurtà nazzjonali” u ta’ “ordni pubbliku” jkopru wkoll il-każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jagħmel parti minn assoċjazzjoni li ssostni t-terroriżmu internazzjonali jew issostni tali assoċjazzjoni.

81      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Pożizzjoni Komuni 2001/931”), jiddefinixxi dak li għandu jinftiehem b’“att ta’ terroriżmu” u li l-PKK jinsab preċiżament fuq il-lista annessa ma’ din il-Pożizzjoni Komuni.

82      Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li s-sostenn mogħti minn refuġjat lil organizzazzjoni li twettaq atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jikkostitwixxi, fil-prinċipju, ċirkustanza li tista’ twassal sabiex il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 ikunu ssodisfatti.

83      L-inklużjoni ta’ organizzazzjoni fuq il-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għalhekk tikkostitwixxi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, indikazzjoni qawwija li din l-organizzazzjoni hija, jew hija ssuspettata li hija, organizzazzjoni terrorista. Din iċ-ċirkustanza għandha għalhekk neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti meta din tkun trid, l-ewwel nett, tivverifika jekk l-organizzazzjoni kkonċernata wettqitx atti ta’ terroriżmu.

84      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, każ b’każ, jekk l-atti tal-organizzazzjoni inkwistjoni jistgħux jheddu s-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva li l-atti ta’ natura terroristika, li huma kkaratterizzati mill-vjolenza tagħhom kontra l-popolazzjoni ċivili, anki jekk huma mwettqa b’għan allegatament politiku, għandhom jitqiesu li huma delitti serji politiċi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 81).

85      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma, b’mod ġenerali u indipendentement mill-parteċipazzjoni ta’ Stat, kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 83). Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ ġustament, fil-preżenza ta’ tali atti, jinvoka l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, sabiex japplika d-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni.

86      Ladarba ssir din il-verifika, l-awtorità kompetenti għandha, fit-tieni nett, tevalwa l-fatti preċiżi li hija tkun taf bihom sabiex tiddetermina jekk is-sostenn tal-organizzazzjoni kkonċernata taħt il-forma ta’ assistenza għall-ġbir ta’ fondi u ta’ parteċipazzjoni regolari għal avvenimenti organizzati minn din l-organizzazzjoni, li jidher li kien il-każ ta’ T. fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83.

87      Fil-fatt, anki jekk l-atti mwettqa minn organizzazzjoni inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu jistgħu jkunu relatati mal-kawża ta’ deroga prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, is-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata sostniet din l-organizzazzjoni ma jistax ikollu bħala konsegwenza r-revoka tal-permess ta’ residenza skont din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 88).

88      Ma hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u d-Direttiva 2004/83 fir-rigward tal-għanijiet rispettivi tagħhom, u ma jistax ikun iġġustifikat li l-awtorità kompetenti, meta hija jkollha l-intenzjoni li ċċaħħad refuġjat mill-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, tibbaża ruħha biss fuq is-sostenn tagħha f’organizzazzjoni li tinsab f’lista adottata barra mill-kuntest stabbilit mill-imsemmija direttiva b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 89).

89      Minn dan isegwi, f’dak li jikkonċerna l-każ fil-kawża prinċipali, li l-kundizzjonijiet li fihom l-organizzazzjoni sostnuta minn T. ġiet inkluża fil-lista fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jistgħux jiġu pparagunati mal-evalwazzjoni individwali ta’ fatti speċifiċi li għandha ssir qabel kull deċiżjoni li ċċaħħad refuġjat mill-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 (ara, b’analoġija, is-sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 91).

90      Għalhekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina r-rwol li T. kellu effettivament fil-kuntest tas-sostenn tiegħu lil din l-organizzazzjoni, billi tfittex b’mod partikolari jekk hu stess wettaqx atti ta’ terroriżmu, jekk u sa fejn kien involut fil-pjanifikazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjoni jew it-tmexxija ta’ persuni oħra sabiex jitwettqu atti ta’ din in-natura, u jekk u sa fejn iffinanzja tali atti jew ipprovda għal persuni oħra l-mezzi li jwettqu tali atti.

91      F’dan il-każ, fir-rigward tal-atti ta’ sostenn ta’ T. lil PKK, mill-proċess jirriżulta li l-persuna kkonċernata pparteċipat għal laqgħat legali u għal manifestazzjonijiet bħal dawk taċ-ċelebrazzjoni tas-sena l-ġdida Kurda, kif ukoll fil-ġbir ta’ donazzjonijiet għal din l-organizzazzjoni. Issa, l-eżistenza ta’ tali atti ma timplikax, neċessarjament, li l-awtur tagħha sostna l-leġittimità ta’ attivitajiet terroristiċi. Iktar u iktar, atti ta’ din in-natura ma jikkostitwixxux, minnhom infushom, atti ta’ terroriżmu.

92      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tevalwa l-grad ta’ gravità tal-perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku li tirriżulta mill-atti mwettqa minn T. B’mod partikolari, għandha tivverifika jekk dan jistax jinżamm responsabbli individwalment għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet tal-PKK. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kundanna kriminali definittiva li T. ingħata fit-3 ta’ Diċembru 2008, madankollu hija din il-qorti li għandha tfittex, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-miżura li għandha tittieħed għandha tosserva, jekk il-perikolu li, fil-każ, il-persuna kkonċernata setgħet fil-passat tikkostitwixxi għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għadux jeżisti fid-data meta d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tittieħed.

93      F’dan ir-rigward, hija l-imsemmija qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li T. ġie kkundannat għal multa u mhux għal piena ta’ ħabs u għandha tikkunsidra jekk, fid-dawl ta’ dan il-fatt u, skont il-każ, tan-natura tal-atti mwettqa mill-persuni kkonċernati, jeżistux “raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 li jiġġustifikaw li l-permess ta’ residenza ta’ T. jiġi rrevokat.

94      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jingħad ukoll li l-implementazzjoni minn Stat Membru tad-deroga prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 għandha bħala konsegwenza t-telf mir-refuġjat ikkonċernat tal-permess ta’ residenza tiegħu, anki jekk dan bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa awtorizzat, fuq bażi legali oħra, jibqa’ legalment fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

95      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li refuġjat li l-permess ta’ residenza tiegħu jiġi rrevokat skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83 jibqa’ jżomm l-istatus ta’ refuġjat tiegħu, sakemm jintemm dan l-istatus. Għalhekk, anki jekk tiġi mċaħħda minn dan il-permess ta’ residenza, il-persuna kkonċernata tibqa’ refuġjat u tibqa’ tgawdi minħabba f’hekk mid-dritt għall-vantaġġi li l-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva jiggarantixxi lir-refuġjati kollha, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni kontra r-refoulement, iż-żamma tal-għaqda tal-familja, l-għoti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, l-aċċess għal impjieg u għall-edukazzjoni, għas-sigurtà soċjali, għall-kura tas-saħħa u għal-akkomodazzjoni, għal-libertà ta’ moviment ġewwa l-Istat Membru u għall-aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni. Fi kliem ieħor, Stat Membru ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex ikompli jagħti lil dan ir-refuġjat jew jirrifjutalu l-vantaġġi sostanzjali ggarantiti mill-imsemmija direttiva.

96      Għalkemm huwa minnu li l-premessa 30 tad-Direttiva 2004/83 tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, fil-limiti stabbiliti mill-obbligi internazzjonali tagħhom, jipprovdu li “l-għoti ta’ benefiċċji rigward aċċess għal impjieg, solliev soqjali [servizzi soċjali], kura tas-saħħa u aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta’ permess ta’ residenza”, il-kundizzjoni imposta tirreferi għal proċeduri ta’ natura purament amministrattiva, peress li l-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva għandu l-għan li jiggarantixxi lir-refuġjati livell minimu ta’ vantaġġi fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, peress li din il-premessa ma hijiex riflessa fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, ma tistax tikkostitwixxi bażi legali li tippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu l-vantaġġi ggarantiti minn dan il-Kapitolu VII meta l-permess ta’ residenza ta’ refuġjat huwa rrevokat.

97      Peress li dawn id-drittijiet ikkonferiti lir-refuġjati huma l-konsegwenza tal-għoti ta’ status ta’ refuġjat u mhux tal-għoti ta’ permess ta’ residenza, ir-refuġjat, sakemm ikollu dan l-istatus, għandu jibbenefika mid-drittijiet li huma ggarantiti lilu mid-Direttiva 2004/83 u dawn jistgħu jiġu llimitati biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, peress li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jżidu restrizzjonijiet li ma jinsabux fiha.

98      Għaldaqstant, fir-rigward tal-każ fil-kawża prinċipali, il-fatt li, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-revoka tal-permess ta’ residenza ta’ T., li saret ipso iure wara d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, kellha effetti fuq l-aċċess ta’ dan għall-impjieg, għat-taħriġ professjonali u għal drittijiet soċjali oħra, peress li, fid-dritt Ġermaniż, it-tgawdija ta’ dawn id-drittijiet hija marbuta mal-pussess legali ta’ permess ta’ residenza, hija inkompatibbli mad-Direttiva 2004/83.

99      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li s-sostenn lil assoċjazzjoni terrorista inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jista’ jikkostitwixxi waħda mir-“raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tagħha ma jkunux issodisfatti. Sabiex permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat ikun jista’ jiġi rrevokat abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, minħabba li dan ir-refuġjat isostni tali assoċjazzjoni terrorista, l-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-elementi ta’ fatt speċifiċi relatati mal-azzjonijiet kemm tal-assoċjazzjoni kif ukoll tar-refuġjat ikkonċernati. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jneħħi refuġjat li l-permess ta’ residenza tiegħu jkun ġie rrevokat, iżda jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa inkompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-vantaġġi ggarantiti mill-Kapitolu VII tagħha, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni espressament prevista minn din l-istess direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li permess ta’ residenza, ladarba mogħti lil refuġjat, jista’ jiġi rrevokat, jew skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, meta jkunu jeżistu raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew skont l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex tiġi applikata d-deroga għall-prinċipju ta’ non-refoulement prevista fl-Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva.

2)      Is-sostenn lil assoċjazzjoni terrorista inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jista’ jikkostitwixxi waħda mir-“raġunijiet obbligatorji [imperattivi] ta’ sigurta nazzjonali jew ordni pubblika” fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tagħha ma jkunux issodisfatti. Sabiex permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat ikun jista’ jiġi rrevokat abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, minħabba li dan ir-refuġjat isostni tali assoċjazzjoni terrorista, l-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-elementi ta’ fatt speċifiċi relatati mal-azzjonijiet kemm tal-assoċjazzjoni kif ukoll tar-refuġjat ikkonċernati. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jneħħi refuġjat li l-permess ta’ residenza tiegħu jkun ġie rrevokat, iżda jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa inkompatibbli mal-imsemmija direttiva li jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-vantaġġi ggarantiti mill-Kapitolu VII tagħha, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni espressament prevista minn din l-istess direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.