Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal judiciaire de Paris (Franza) fil-5 ta’ Marzu 2024 – RB et, fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ Claude Chabrol, RZ et, fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ Paul Gégauff vs Brinter Company Ltd, Artedis SA, BS, MW, Société des Auteurs et Compositeurs Dramatiques (SACD), Société des auteurs compositeurs et éditeurs de musique (SACEM) et

(Kawża C-182/24, SACD et)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal judiciaire de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RB et, fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ Claude Chabrol, RZ et, fil-kapaċità tagħhom ta’ aventi kawża ta’ Paul Gégauff

Konvenuti: Brinter Company Ltd, Artedis SA, BS, MW, Société des Auteurs et Compositeurs Dramatiques (SACD), Société des auteurs compositeurs et éditeurs de musique (SACEM) et

Domandi preliminari

L-Artikoli 2, 3, 4 u 8 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 1 , l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 2 , kif ukoll l-Artikoli 1, 2 u 9 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati 3 , sa fejn dawn jiggarantixxu lill-awtur u lill-koawtur ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv, kemm id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom u l-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku kif ukoll tul ta’ protezzjoni li jintemm 70 sena wara l-mewt tal-aħħar superstitu, fost il-kollaboraturi tax-xogħol, fl-istess ħin li dawn jobbligaw lill-Istati Membri sabiex jipprevedu sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi u rimedji xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll miżuri, proċeduri u rimedji li ma jkunux kumplessi jew għoljin bla bżonn, u li lanqas ma jinvolvu dewmien mhux raġonevoli jew jikkawżaw dewmien mhux iġġustifikat, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-azzjoni għal kontrafazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol ta’ kollaborazzjoni, mill-proprjetarju tiegħu, teżiġi, sabiex tkun ammissibbli, li l-koawturi kollha jissejħu fil-kawża?

Id-dritt tal-proprjetarju ta’ drittijiet ta’ awtur għal azzjoni ġudizzjarja effettiva u għal aċċess għal qorti, komponent tad-dritt għal smigħ xieraq, kif iggarantit mill-Artikoli 2, 3, 4 u 8 tad-Direttiva 2001/29/KE, mill-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2004/48/KE, kif ukoll mill-Artikoli 1, 2 u 9 tad-Direttiva 2006/116/KE, id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali 1 u l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’daqqa, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, għandha jew ma għandhiex tkun suġġetta għal fatt li l-koawturi kollha tax-xogħol jissejħu fil-kawża?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.

1 ĠU 2006, L 372, p. 12.

1 ĠU 2006, L 376, p. 28.