Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Marzu 2023 – VI vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-147/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: VI (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla dawn id-deċiżjonijiet:

Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2022 li biha r-rikorrenti ġiet innotifikata li hija kienet kisbet 53 punt waqt l-evalwazzjoni permezz tat-Talent Screener fil-kompetizzjoni EPSO/AST/150/21 għat-tekniċi tal-laboratorju, fejn il-punteġġ minimu għall-ammissjoni għall-fażi suċċessiva kien 57 punt; u

Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Diċembru 2022, ARES (2022) s.9324205, li magħha r-rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2022 u rreġistrat b’referenza Nru R/30/22 skont l-Artikolu 90, II, tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni ġie miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki u t-tul tal-esperjenza professjonali tagħha, imnaqqas arbitrarjament mill-Bord tal-Għażla kif ukoll fuq ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni li ma awtorizzax allokazzjoni mill-ġdid tat-tul ta’ esperjenza professjonali fl-ambitu tal-kriterji varji tat-Talent Screener.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(1) tal-Anness III tar-Regolamenti, peress li l-Bord tal-Għażla ma kellux is-setgħa li jistabbilixxi l-fatturi ta’ ponderazzjoni.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti, peress li l-Bord tal-Għażla ma vverifikax il-veraċità tal-kwalifiki u tal-esperjenza professjonali ddikjarati mill-kandidati fit-Talent Screener, qabel ma fassal il-lista ta’ kandidati ammessi għall-fażi suċċessiva fl-Assessment Center.

____________