Language of document : ECLI:EU:C:2020:138

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Marzu 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interess varjabbli – Indiċi ta’ referenza bbażat fuq is-self ipotekarju tal-banek tat-tfaddil – Indiċi li jirriżulta minn regolament jew dispożizzjoni amministrattiva – Introduzzjoni unilaterali ta’ tali klawżola mill-professjonist – Stħarriġ tar-rekwiżit ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola”

Fil-Kawża C‑125/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia Nru° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Marc Gómez del Moral Guasch

vs

Bankia SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Safjan u S. Rodin (Relatur), Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Frar 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gómez del Moral Guasch, minn J. M. Erausquin Vázquez, A. Benavente Antolín, M. Ortiz Pérez u S. Moreno de Lamo, abogados,

–        għal Bankia SA, minn R. Fernández-Aceytuno Sáenz de Santamaría, F. Manzanedo González, M. Muñoz García-Liñán, V. Rodríguez de Vera Casado, L. Briones Bori u A. Fernández García, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn A. Howard, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, J. Baquero Cruz u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Marc Gómez del Moral Guasch u Bankia SA rigward il-klawżola dwar ir-rata ta’ interessi varjabbli u remuneratorja inkluża fil-kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji [mandatorji] statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6        Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

7        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8        Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

10      L-Anness għad-Direttiva 93/13, li jinkludi lista indikattiva ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[…]

(l)      jipprovdu biex il-prezz tal-merkanzija jiġi stabbilit fil-ħin tal-provvista jew jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz tagħhom mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur fiż-żewġ każi d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż

[…]

2.      L-ambitu tas-subparagrafi (g), (j) u (l)

[…]

(ċ)      Is-subparagrafi (g), (j) u (l) ma jgħoddux għal:

–        transazzjonijiet f’ishma trasferibbli, strumenti finanzjarji u prodotti jew servizzi oħra fejn il-prezz ikun abbinat ma’ tlugħ u nżul f’suq tal-kambju jew indiċi jew ma’ rata finanzjarja kummerċjali li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx jikkontrolla.

[…]

(d)      Is-subparagrafu (l) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu.”

 Id-dritt Spanjol

11      L-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jiddisponi:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-partijiet kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-affarijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-frott minn dawn l-affarijiet u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.”

12      It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Orden del Ministerio de la Presidencia, sobre transparencia de las condiciones financieras de los prestamos hipotecarios (id-Digriet tal-Ministeru għall-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju), tal‑5 ta’ Mejju 1994 (BOE Nru 112, tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 14444), kif emendat bid-Digriet Ministerjali tas‑27 ta’ Ottubru 1995 (BOE Nru 261, tal‑1 ta’ Novembru 1995, p. 31794) (iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994”), kienet tiddisponi:

“Il-Banco de España, fuq rapport tad-Dirección General del Tesoro y Política Financiera [id-Direttorat Ġenerali tat-Teżor u l-Politika Finanzjarja, Spanja] jiddefinixxi, permezz ta’ ċirkulari, ġabra ta’ indiċijiet jew ta’ rati ta’ referenza uffiċjali li jistgħu jiġu applikati mill-entitajiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 1.1 għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli, u jippubblika l-valur tagħhom b’mod regolari.”

13      Ir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li jadotta t-test ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u liġijiet oħra komplementari), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007”), jiddisponi, fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Drittijiet Fundamentali tal-Konsumaturi u tal-Utenti”:

“Id-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi u tal-utenti huma dawn li ġejjin:

[…]

(b)      Il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali leġittimi tagħhom, b’mod partikolari fil-konfront tal-prattiki kummerċjali żleali u l-inklużjoni ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti.

[…]”

14      L-Artikolu 60 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprevedi:

“1.      Qabel ma l-konsumatur jew l-utent jintrabat b’kuntratt jew offerta tal-istess tip, il-professjonist għandu jipprovdilu, b’mod ċar u li jinftiehem, l-informazzjoni rilevanti, korretta u suffiċjenti dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-kuntratt, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi tiegħu, sakemm dawn ma jirriżultawx b’mod ċar mill-kuntest.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 80 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Rekwiżiti fir-rigward tal-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali”:

“1.      Fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi u ma’ utenti li jinkludu klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, inklużi l-kuntratti konklużi mill-amministrazzjoni pubblika u mill-entitajiet u impriżi dipendenti fuqhom, dawn il-klawżoli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

c)      bona fide u bilanċ ġust bejn l-obbligi tal-partijiet, li jeskludi, fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ klawżoli inġusti.

[…]”

16      L-Artikolu 82 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Kunċett ta’ klawżoli inġusti”, jiddisponi:

“1.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

[…]”

17      L-Artikolu 27 tal-Orden EHA/2899/2011 de transparencia y protección del cliente de servicios bancarios (id-Digriet Ministerjali EHA/2899/2011 dwar it-Trasparenza u l-Protezzjoni tal-Utenti ta’ Servizzi Bankarji), tat‑28 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 261, tad‑29 ta’ Ottubru 2011, p. 113242), intitolat “Rati ta’ interess uffiċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“1.      Bil-għan li jiġu applikati mill-korpi ta’ kreditu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-digriet ministerjali, ir-rati ta’ interess uffiċjali li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati kull xahar:

a)      Rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-istabbilimenti ta’ kreditu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li tinbiegħ b’mod liberu.”

18      Il-Ley 14/2013 de apoyo a los emprendedores y su internacionalización (il‑Liġi 14/2013 ta’ Appoġġ għall-Imprendituri u l-Internazzjonalizzazzjoni tagħhom), tas‑27 ta’ Settembru 2013 (BOE Nru 233, tat‑28 ta’ Settembru 2013, p. 78787) tipprevedi, fil-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tagħha, li r-rati eliminati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, li l-indiċi tagħhom huwa bbażat fuq ir-rata medja tas-self ipotekarju tal-banek tat-tfaddil Spanjoli (iktar ’il quddiem l-“IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli”), jiġu ssostitwiti bir-rata jew l-indiċi ta’ sostituzzjoni ta’ referenza previst fil-kuntratt, u li, fin-nuqqas ta’ rata ta’ sostituzzjoni kuntrattwali, ir-rata ta’ sostituzzjoni tkun ir-“rata ta’ interess uffiċjali msejħa ‘rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-istabbilimenti ta’ kreditu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni fis-suq ħieles’, flimkien ma’ marġni ekwivalenti għall-medja aritmetika tad-differenzi bejn ir-rata eliminata u r-rata msemmija iktar ’il fuq, ikkalkolati fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bejn id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u dik li fiha tidħol fis-seħħ is-sostituzzjoni tar-rata”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fid‑19 ta’ Lulju 2001, M. Gómez del Moral Guasch ikkonkluda mal-predeċessur ta’ Bankia, stabbiliment bankarju, kuntratt ta’ self ipotekarju għall-ammont ta’ EUR 132 222.66, bil-għan li jiffinanzja l-akkwist ta’ akkomodazzjoni.

20      Il-punt 3a ta’ dan il-kuntratt, intitolat “Rata ta’ interess varjabbli”, jinkludi klawżola li permezz tagħha r-rata ta’ interess li għandha titħallas mill-konsumatur tvarja skont l-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża”). Din il-klawżola kontenzjuża hija fformulata kif ġej:

“Ir-rata ta’ interess kuntrattwali hija ddeterminata għal perijodi semestrali, ikkalkolati mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, fejn ir-rata tal-ewwel semestru hija dik imsemmija fit-tielet klawżola finanzjarja. Għas-semestri sussegwenti, ir-rata applikabbli hija r-rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-banek tat-tfaddil għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha jiġi ffissat b’mod liberu, fis-seħħ fil-mument tar-reviżjoni, li tiġi ppubblikata uffiċjalment mill-Banco de España, f’intervalli regolari, fil-Boletín Oficial del Estado għas-self ipotekarju b’rata varjabbli għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni, aġġustata għal kwart ta’ punt perċentwali iktar u miżjuda b’0.25 punt perċentwali.”

21      M. Gómez del Moral Guasch ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament ta’ din il-klawżola minħabba n-natura allegatament inġusta tagħha.

22      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li l-indiċjar tal-interessi varjabbli ta’ self ipotekarju kkalkolat abbażi tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli huwa inqas favorevoli minn dak ikkalkolat abbażi tar-rata medja tas-suq interbankarju Ewropew (iktar ’il quddiem l-“indiċi Euribor”), li jintuża f’90 % tas-self ipotekarju ssottoskritt fi Spanja. L-użu tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli jiġġenera spiża addizzjonali ta’ bejn EUR 18 000 u EUR 21 000 għal kull self.

23      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi sussegwentement jekk il-fatt li l-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli huwa indiċi rregolat għandux bħala konsegwenza li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tapplika, anki jekk l-issuġġettar tal-partijiet għall-kuntratt ta’ self għal dan l-indiċi jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt.

24      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konsumatur għandux jiġi informat bil-metodu ta’ kalkolu tal-indiċi ta’ referenza kif ukoll dwar l-iżvilupp storiku tiegħu sabiex ikun jista’ jevalwa l-ispiża finanzjarja tas-self ikkuntrattat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ogħla minn dak previst minn din id-direttiva, l-eċċezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-klawżola kontenzjuża mad-dritt tal-Unjoni, is-sostituzzjoni tal-indiċi Euribor għall-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli jew ir-rimbors tal-kapital misluf mingħajr ħlas tal-interessi humiex konformi mad-Direttiva 93/13.

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-[IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli], għandu jkun suġġett għal protezzjoni ġudizzjarja fis-sens li jiġi eżaminat jekk dan jinftiehemx mill-konsumatur mingħajr ma jkun prekluż li jiġi rregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi, inkwantu dan ma huwiex previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ġaladarba ma jirrigwardax dispożizzjoni obbligatorja iżda interess varjabbli u remuneratorju li jiġi inkluż b’mod fakultattiv mill-professjonist inkarigat mill-kuntratt?

2)      a)      Konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, mhux trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol], il-fatt li qorti Spanjola tinvoka u tapplika l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva meta din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol] fuq rieda tal-leġiżlatur, li kellu l-għan li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni sħiħa fir-rigward tal-klawżoli kollha li l-professjonist jista’ jinkludi f’kuntratt sottoskritt minn konsumaturi, inklużi dawk li jħallu effetti fuq l-għan prinċipali tal-kuntratt – anki jekk ikunu ġew redatti b’mod ċar u li jinftiehem, imur kontra d-Direttiva 93/13/KEE u l-Artikolu 8 tagħha?

2)      b)      Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li tiġi trażmessa informazzjoni jew reklamar dwar il-fatti jew data li ġejjin, jew uħud minnhom, sabiex tinftiehem il-klawżola essenzjali, b’mod speċifiku tal-IRPH [tal-banek tat-tfaddil Spanjoli]?

(i)      Spjegazzjoni ta’ kif tiġi kkonfigurata r-rata ta’ referenza, jiġifieri, informazzjoni dwar il-fatt li dan l-indiċi jinkludi l-kummissjonijiet u spejjeż oħra minbarra r-rata ta’ interess nominali, li tirrigwarda medja sempliċi mhux ipponderata li l-professjonist [għandu] jkun jaf filwaqt li [għandu] jikkomunika l-fatt li [għandu] japplika differenzjal negattiv u li d-data pprovduta ma hijiex pubblika, meta mqabbel mal-indiċi l-ieħor li jintuża abitwalment, [l-indiċi] Euribor?

(ii)      Spjegazzjoni ta’ kif dan l-indiċi evolva fil-passat u kif jista’ jevolvi fil-futur, billi tintuża l-grafika fl-informazzjoni u fir-reklamar li tkun tispjega b’mod ċar u li jinftiehem lill-konsumatur l-iżvilupp ta’ din ir-rata speċifika ta’ rata meta mqabbel [mal-indiċi] Euribor, rata abitwalment użata tas-self b’garanzija ipotekarja.

2)      c)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li għandha tislet il-konsegwenzi kollha konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, jeħtieġ li ssir id-domanda li ġejja: in-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha jagħti lok għal nuqqas ta’ fehim tal-klawżola inkwantu din ma tkunx ċara għall-konsumatur medju skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jew li l-ommissjoni ta’ din l-informazzjoni tkun ekwiparabbli għal trattament żleali min-naħa tal-professjonist [mal-konsumatur] u li, għaldaqstant, li kieku l-konsumatur kien informat korrettament huwa ma kienx jaċċetta r-rata ta’ referenza [ma kienx jaċċetta l-indiċjar] tal-IRPH [tal-banek tat-tfaddil Spanjoli] għas-self tiegħu?

3)      Fil-każ li tiġi ddikjarata n-nullità tal-IRPH [tal-banek tat-tfaddil Spanjoli], liema miż-żewġ konsegwenzi li ġejjin tkun konformi mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 fin-nuqqas ta’ ftehim jew jekk ftehim kien jirriżulta li huwa iktar dannuż għall-konsumatur?

i)      Emenda fil-kuntratt billi jiġi applikat l-indiċi ta’ sostituzzjoni abitwali, [l-indiċi Euribor], inkwantu dan ikun kuntratt essenzjalment ivvinkolat b’interess produttiv favur l-entità [ta’ kreditu] [li jkollha l-kwalità ta’] professjonist?

ii)      It-tneħħija tal-interessi, bis-sempliċi obbligu li jitħallas il-kapital misluf fit-termini stipulati min-naħa tal-persuna li tislef [li tissellef] jew mid-debitur.”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34).

28      F’dan ir-rigward, l-ewwel domanda tirrigwarda ċertament, bħala tali, l-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li din id-domanda tinftiehem fis-sens li, permezz tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, li tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self hija bbażata fuq wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju.

29      Skont din id-dispożizzjoni, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet jew regolamenti mandatorji ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

30      L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk esklużjoni ta’ dawn il-klawżoli mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li din l-esklużjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 27 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Din l-esklużjoni tippreżumi li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti liġi jew regolament u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 78, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 28).

32      Sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżola kuntrattwali kkonċernata tirriflettix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw b’mod mandatorju bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew mid-dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari u għaldaqstant applikabbli fil-kontumaċja, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 26; tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 79, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 29 u 30).

33      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni ma kinitx tinkludi obbligu li tiġi prevista, fil-klawżoli ta’ remunerazzjoni inklużi f’kuntratti ta’ self ipotekarju, l-applikazzjoni ta’ wieħed mis-sitt indiċijiet uffiċjali previsti miċ-circular 8/1990 del Banco de España, a entidades de crédito, sobre transparencia de las operaciones y protección de la clientela (iċ-Ċirkulari 8/1990 tal-Banco de España, għall-Istabbilimenti ta’ Kreditu, dwar it-Trasparenza tat-Tranżazzjonijiet u l-Protezzjoni tal-Klijenti), tas‑7 ta’ Settembru 1990 (BOE Nru 226, tal‑20 ta’ Settembru 1990, p. 27498), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il-quddiem iċ-“Ċirkulari 8/1990”).

34      F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li d-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 ma kienx jimponi, għas-self b’rata ta’ interess varjabbli, l-użu ta’ indiċi ta’ referenza uffiċjali, inkluż l-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli, iżda sempliċement jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-“indiċijiet jew rati ta’ referenza” sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-istabbilimenti ta’ kreditu.

35      Għaldaqstant, bla ħsara għal verifiki eventwali mill-qorti tar-rinviju, Bankia kellha, kif jirriżulta mill-punt 3a(1)(d) tal-Anness II tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994, il-possibbiltà li tiddefinixxi r-rata ta’ interess varjabbli “[b]i kwalunkwe mod ieħor, dment li jkun ċar, konkret u komprensibbli mill-persuna li tissellef u jkun konformi mad-dritt”.

36      Konsegwentement, ir-riferiment għall-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli fil-klawżola kontenzjuża, fid-dawl tal-kalkolu tal-interessi dovuti fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax minn liġi jew regolament mandatorju fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, din il-klawżola taqa’ għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

37      Minn dan isegwi li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, li tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self tkun ibbażata fuq wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju, meta din il-leġiżlazzjoni la tipprevedi l-applikazzjoni mandatorja ta’ dan l-indiċi indipendentement mill-għażla ta’ dawn il-partijiet, u lanqas l-applikazzjoni supplimentari tagħha fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn dawn l-istess partijiet.

 Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda

38      Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li qorti ta’ Stat Membru tapplika l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex ma tistħarriġx in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali mfassla b’mod ċar u li jinftiehem u li tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, meta din l-aħħar dispożizzjoni ma tkunx ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

39      Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tat-tieni domanda jirriżulta li, permezz tal-ewwel parti tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar il-possibbiltà għal qorti nazzjonali, anki fl-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt intern, li tistħarreġ jekk klawżola bħall-klawżola kontenzjuża tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit minn din id-direttiva.

40      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li fil-punt (a) tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fl-ordinament ġuridiku Spanjol hija nieqsa.

41      Min-naħa tagħhom, Bankia u l-Gvern Spanjol isostnu li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fis-sentenzi tagħha 406/2012 tat‑18 ta’ Ġunju 2012 (ES:TS:2012:5966) u 241/2013 tad‑9 ta’ Mejju 2013 (ES:TS:2013:1916), kienet irrilevat li l-leġiżlatur Spanjol kien ittraspona l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali permezz tal-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratti), tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal‑14 ta’ April 1998, p. 12304). Minn dawn is-sentenzi jirriżulta, l-ewwel nett, li l-espressjoni “bilanċ ġust tal-kontropartijiet”, li kienet tinsab fil-leġiżlazzjoni Spanjola qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 93/13, ġiet issostitwita bl-espressjoni “żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi”, sabiex tillimita l-istħarriġ dwar in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, it-tieni nett, li l-prezz u l-bilanċ tas-servizzi fil-veru sens tal-kelma ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ u, it-tielet nett, li l-elementi essenzjali tal-kuntratt, minkejja li jkunu esklużi minn stħarriġ fuq il-mertu, jistgħu mandankollu jkunu suġġetti għal stħarriġ fuq il-kriterji ta’ inklużjoni u ta’ trasparenza.

42      Madankollu, fid-dawl tal-preċiżazzjoni magħmula fil-punt 39 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-portata tal-punt (a) tat-tieni domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-traspożizzjoni effettiva tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

43      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni li daħlet fis-seħħ permezz tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-professjonist, f’dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjati kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-professjonist, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 49).

44      Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali tista’ tiġi mistħarrġa sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha. F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punti 42 sa 48; tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 40 u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 50).

45      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-direttiva, li l-“istima tan-natura inġusta” ma tirrigwardax il-klawżoli msemmija f’din id-dispożizzjoni, sakemm dawn il-klawżoli jkunu mfassla b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 32, u tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 41).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan l-istess rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li jipprevedi li l-klawżoli kuntrattwali għandhom “dejjem” jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 67 u 68, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 43). Minn dan isegwi li din tal-aħħar tapplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva u anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ittraspona din id-dispożizzjoni. Dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 71).

47      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha u l-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali li tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan indipendentement minn traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq il-punti (b) u (c) tat-tieni domanda

48      Permezz tal-punti (b) u (c) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli, li l-metodu ta’ kalkolu tagħha jitqies li jkun kumpless għal konsumatur medju, il-professjonist għandu jikkomunika lill-konsumatur informazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-indiċi li abbażi tiegħu l-imsemmija rata ta’ interessi tiġi kkalkolata kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ dan l-indiċi fl-imgħoddi u l-mod kif dan jista’ jevolvi fil-futur.

49      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 106 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ professjonist billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel minnu (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 44; tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 70; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 50, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48).

50      Minn dan isegwi li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom. Peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-professjonist fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ formulazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-istess direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 71 u 72, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44).

51      Fir-rigward ta’ klawżola li tipprevedi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, remunerazzjoni ta’ dan is-self permezz ta’ interessi kkalkolati fuq il-bażi ta’ rata varjabbli, dan ir-rekwiżit għandu għalhekk jinftiehem mhux biss fuq il-livell formali u grammatikali, iżda għandu jippermetti wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 75, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 51).

52      Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjati ta’ kuntratt ta’ self (sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 74; tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 75, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 46). B’mod iktar partikolari, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, li għandha tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli jkunux redatti b’mod ċar u li jinftiehmu b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, kif deskritt fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li jevalwa tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fir-rigward ta’ klawżola bħal dik imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li tinkludi riferiment għal rata varjabbli li l-valur eżatt tagħha ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat f’kuntratt ta’ kreditu għat-tul kollu ta’ dan il-kuntratt, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 122 u 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-eżami l-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli kienu faċilment aċċessibbli għal kull persuna li kellha l-intenzjoni li tagħmel kuntratt ta’ self ipotekarju, peress li dawn l-elementi huma inklużi fiċ-Ċirkulari 8/1990 ippubblikata fil-Boletín Oficial del Estado. Din iċ-ċirkustanza kienet fil-fatt ta’ natura li tippermetti lil konsumatur raġonevolment attent u avżat li jifhem li dan l-indiċi kien ġie kkalkolat abbażi ta’ medja tar-rati tas-self ipotekarju għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin intiż għax-xiri ta’ akkomodazzjoni, u b’hekk jinkludi l-medja tal-marġni u tal-ispejjeż ipprattikati minn dawn l-istabbilimenti, u li, fil-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat, l-imsemmi indiċi kien ġie aġġustat għal kwart ta’ punt perċentwali ogħla li miegħu kien jiżdied marġni ta’ 0.25 %.

54      Huwa rilevanti wkoll, sabiex tiġi evalwata n-natura trasparenti tal-klawżola kontenzjuża l-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istabbilimenti ta’ kreditu kienu taħt l-obbligu li jinformaw lill-konsumaturi bl-iżvilupp tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli matul is-sentejn kalendarji qabel il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self kif ukoll bl-aħħar valur disponibbli. Tali informazzjoni hija wkoll ta’ natura li toffri lill-konsumatur indikazzjoni oġġettiva fuq il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ tali indiċi u tikkostitwixxi punt ta’ paragun utli bejn il-kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli bbażata fuq l-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli u ta’ formoli oħra ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi.

55      Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tivverifika jekk, fil-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Bankia effettivament osservatx l-obbligi kollha ta’ informazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (b) u (c) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, din il-klawżola għandha mhux biss tkun tinftiehem fuq il-livelli formali u grammatikali, iżda għandha tippermetti wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Jikkostitwixxu elementi partikolarment rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha twettaq f’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu ta’ din ir-rata jkunu faċilment aċċessibbli għal kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tagħmel self ipotekarju, minħabba l-pubblikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija rata kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp storiku tal-indiċi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata din l-istess rata.

 Fuq it-tielet domanda

57      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, u fin-nuqqas ta’ ftehim kuntrarju bejn il-partijiet, li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi b’indiċi legali jew tobbliga lill-persuna li tissellef tirrimborsa l-kapital misluf fit-termini previsti fl-imsemmi kuntratt mingħajr ħlas tal-interessi.

58      F’dan il-kuntest, għandu qabel xejn jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma joġġezzjonax (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 35, u tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65, u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52).

59      Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, tikkompleta dan il-kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 73; tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 77, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 53).

60      Għalhekk, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbilta tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-possibbilta tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-professjonisti bil-pura u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali, b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija professjonisti (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 69; tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 79, u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 54).

61      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’sitwazzjoni fejn kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ applikabbli wara t-tħassir ta’ klawżola inġusta, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi qorti nazzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li jkollha natura supplimentari f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir tal-klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’mod li jiġi ppenalizzat dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 80 sa 84; tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punti 56 u 64, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 48).

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali sostituzzjoni tkun kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-iskop tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li din id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal-aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 81 u 82, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 57).

63      Li kieku, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ma kienx permess li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, u b’hekk il-qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self, bħala prinċipju tali annullament ikollu l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, ikollu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 83 u 84, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 58).

64      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn professjonist u konsumatur ma jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta li tirreferi għal indiċi legali għall-kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli applikabbli għas-self, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti nazzjonali, bil-għan li tevita n-nullità ta’ dan il-kuntratt, tissostitwixxi din il-klawżola b’indiċi previst b’mod supplimentari mid-dritt nazzjonali, sa fejn l-annullament tal-kuntratt jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 59).

65      F’dan il-każ, il-klawżola kontenzjuża tipprevedi li r-rata ta’ interess varjabbli tiġi kkalkolata abbażi tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli. Madankollu, mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-indiċi legali, previst fiċ-Ċirkulari 8/1990, ġie ssostitwit, skont il-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013 tas‑27 ta’ Settembru 2013, b’indiċi ta’ sostituzzjoni, li l-Gvern Spanjol jikklassifika bħala “supplimentari”. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni addizzjonali tipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan l-indiċi ta’ sostituzzjoni fin-nuqqas ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet fil-kuntratt.

66      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, fil-każ li tikkonstata, l-ewwel nett, in-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża, it-tieni nett, li l-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola u, it-tielet nett, li l-annullament ta’ dan il-kuntratt jesponi lir-rikorrent fil-kawża prinċipali għal konsegwenzi partikolarment dannużi, tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżola permezz tal-indiċi ta’ sostituzzjoni msemmi mil-Liġi 14/2013 tas‑27 ta’ Settembru 2013, sa fejn dan jista’ jitqies li jkollu natura supplimentari fir-rigward tad-dritt nazzjonali.

67      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi b’indiċi legali, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju tal-partijiet fil-kuntratt, sakemm il-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat ma jkunx jista’ jkompli jeżisti fil-każ tat-tneħħija tal-imsemmija klawżola inġusta, u sakemm l-annullament ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

 Fuq it-talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

68      Peress li t-tielet domanda preliminari ġiet ifformulata b’mod li tirrigwarda l-eventwalità tan-“nullità tal-IRPH tal-banek tat-tfaddil Spanjoli”, il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, talabha tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha ratione temporis. Għandu jiġi ppreċiżat li t-talba tal-Gvern Spanjol hija bbażata fuq l-ipoteżi fejn, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali bħall-klawżola kontenzjuża, il-kuntratt ta’ self jibqa’ jeżisti mingħajr ħlas ta’ interessi.

69      Kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva 93/13.

70      Issa, mir-risposta għat-tielet domanda preliminari jirriżulta li, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola bħall-klawżola kontenzjuża, il-qorti nazzjonali tista’, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, tissostitwixxi l-indiċi adottat fil-klawżola b’indiċi legali applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju mill-partijiet fil-kuntratt.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji ta’ nullità eventwali ta’ tali klawżola, għall-istabbilimenti bankarji meħuda individwalment u għas-sistema bankarja kollha kemm hija, ma jistgħux jiġu ddeterminati biss abbażi tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punti 60 u 61).

72      Minn dan jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, li tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self tkun ibbażata fuq wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju, meta din il-leġiżlazzjoni la tipprevedi l-applikazzjoni mandatorja ta’ dan l-indiċi indipendentement mill-għażla ta’ dawn il-partijiet, u lanqas l-applikazzjoni supplimentari tagħha fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn dawn l-istess partijiet.

2)      Id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha u l-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali li tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan indipendentement minn traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

3)      Id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, din il-klawżola għandha mhux biss tkun tinftiehem fuq il-livelli formali u grammatikali, iżda għandha tippermetti wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Jikkostitwixxu elementi partikolarment rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha twettaq f’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu ta’ din ir-rata jkunu faċilment aċċessibbli għal kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tagħmel self ipotekarju, minħabba l-pubblikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija rata kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp storiku tal-indiċi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata din l-istess rata.

4)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi b’indiċi legali, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju tal-partijiet fil-kuntratt, sakemm il-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat ma jkunx jista’ jkompli jeżisti fil-każ tat-tneħħija tal-imsemmija klawżola inġusta, u sakemm l-annullament ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.