Language of document : ECLI:EU:C:2024:64

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑18 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C450/22

Caixabank, S.A., aventi kawża ta’ Bankia, S.A. u Banco Mare Nostrum, S.A.,

Caixa Ontinyent, S.A.,

Banco Santander, S.A., aventi kawża ta’ Banco Popular Español, S.A. u Banco Pastor, S.A.,

Targobank, S.A.,

Credifimo, S.A.U.,

Caja Rural de Teruel, S.C.C.,

Caja Rural de Navarra, S.C.C.,

Cajasiete Caja Rural, S.C.C.,

Caja Rural de Jaén, Barcelona u Madrid, S.C.C.,

Caja Laboral Popular, S.C.C. (Kutxa),

Caja Rural de Asturias, S.C.C.,

Arquia Bank S.A., li kien Caja de Arquitectos S.C.C.,

Nueva Caja Rural de Aragón, S.C.C.,

Caja Rural de Granada, S.C.C.,

Caja Rural del Sur, S.C.C.

Caja Rural de Albacete, Ciudad Real u Cuenca, S.C.C. (Globalcaja),

Caja Rural Central, S.C.C. et,

Unicaja Banco, S.Aa, aventi kawża ta’ Liberbank, S.A. u Banco Castilla la Mancha, S.A.,

Banco de Sabadell S.A.,

Banca March, S.A.,

Ibercaja Banco, S.A.,

Banca Pueyo S.A.

vs

ADICAE,

M.A.G.G.,

M.R.E.M.,

A.B.C.,

Óptica Claravisión SL,

A.T.M.,

F.A.C.,

A.P.O.,

P.S.C.,

J.V.M.B., aventi kawża ta’ C.M.R.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Proċeduri kollettivi — Azzjoni għal inġunzjoni u rimbors — Kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi ma’ numru sinjifikattiv ta’ banek u konsumaturi — Klawżola ‘ta’ rata minima’ li tillimita l-varjazzjoni fir-rata tal-interessi — Stħarriġ astratt ta’ trasparenza — Kunċett ta’ ‘konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat’”






 I. Introduzzjoni

1.        Ir-rekwiżit ta’ trasparenza fil-klawżoli kuntrattwali għandu rwol sinjifikattiv biex jiżgura l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur għall-iskopijiet tad-Direttiva 93/13/KEE (2). L-evalwazzjoni tat-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali tinvolvi mhux biss kriterji formali imma wkoll kriterji sostantivi. Il-konsumatur għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem kompletament il-klawżoli kuntrattwali u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħhom. L-adozzjoni ta’ approċċ sostantiv fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza ġiet deskritta fil-letteratura akkademika bħala “ċaqliq gradwali lejn [...] approċċ ta’ assistenza fil-kwistjoni tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti” (3).

2.        Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-istħarriġ ġudizzjarju tat-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali huwiex possibbli fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ rimedju kollettivi u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet u skont liema metodu għandu jsir dan. Il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha telabora wkoll fuq il-kunċett tal-“konsumatur medju” fil-kuntest tal-proċeduri kollettivi li jkollhom il-karatteristiċi ta’ kontenzjuż fuq skala kbira, li jinvolvu numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet u kuntratti.

 II. Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni Ewropea 

 IdDirettiva 93/13

3.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

4.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2)”.

5.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3. Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili”.

 Iddritt Spanjol

 IlLiġi 7/1998

6.        L-Artikolu 12 tal-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali Kuntrattwali) tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89 tal‑14 ta’ April 1998), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LKĠK”), jipprovdi:

“1. Huwa possibbli li jitressqu azzjonijiet għal inġunzjoni u rimedju kontra l-użu ta’, jew ir-rakkomandazzjoni għall-użu, ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni preżenti jew xi leġiżlazzjoni mandatorja jew projbittiva oħra.

2. L-azzjoni għal inġunzjoni hija intiża għall-ksib ta’ sentenza li tordna lill-konvenut ineħħi mill-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu kwalunkwe kundizzjonijiet li jiġu ddikjarati nulli u bla effett u biex jiddeżisti milli juża tali kundizzjonijiet fil-futur, biex jiġi ddeterminat u speċifikat, skont iċ-ċirkustanzi, il-kontenut tal-kuntratt li għandu jitqies validu u vinkolanti.

Azzjoni relatata mal-ikrupru ta’ kull ħlas li jkun sar taħt dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tista’ tingħaqad, bħala kwistjoni anċillari, ma’ azzjoni għal inġunzjoni, kif ukoll ma’ azzjoni għad-danni kkawżati bl-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet”.

7.        L-Artikolu 17 tal-LKĠK jipprovdi:

“1. Azzjoni għal inġunzjoni hija possibbli kontra bejjiegħ jew fornitur li juża kundizzjonijiet ġenerali li jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

[…]

4. L-azzjonijiet ipprovduti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jitressqu b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri li joperaw fl-istess settur ekonomiku jew kontra l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali identiċi li jiġu ddikjarati nulli u bla effett”.

 IdDigriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007

8.        Skont l-Artikolu 53 tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (it-Test Ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti u Liġijiet Supplimentari Oħra), approvat bir-Real Decreto Legislativo 1/2007 (Id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007) tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, l-azzjonijiet għal inġunzjoni huma intiżi li jiksbu sentenza li tordna lill-konvenut jieqaf minn ċertu aġir u jipprojbixxu li dan jerġa’ jseħħ fil-futur. Tista’ titressaq azzjoni wkoll biex tipprojbixxi aġir li jkun waqaf fiż-żmien tat-tressiq tal-azzjoni, jekk ikun hemm evidenza suffiċjenti li tindika li dan l-aġir ser jissokta fil-viċin. Jekk ikun ġie ppreżentat rikors għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għal annullament, ma’ azzjoni għal inġunzjoni tista’ tingħaqad azzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, azzjoni għat-terminazzjoni jew ix-xoljiment tal-kuntratt, jew azzjoni għall-irkupru tal-ħlasijiet li jkunu saru minħabba l-aġir, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet ġenerali li jkunu ġew iddikjarati inġusti jew mhux trasparenti.

 IlLiġi 1/2000

9.        L-Artikolu 72 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali jipprovdi li azzjonijiet imressqa minn parti waħda kontra numru ta’ partijiet jew minn numru ta’ partijiet kontra parti waħda jistgħu jingħaqdu u jitmexxew simultanjament, sakemm ikun hemm konnessjoni bejn tali azzjonijiet minħabba l-oriġini jew ir-raġuni tagħhom. L-oriġini jew ir-raġuni tal-azzjoni jitqiesu li huma identiċi jew konnessi meta l-azzjonijiet ikunu bbażati fuq l-istess fatti.

 III. Preżentazzjoni qasira talfatti u lproċeduri filkawża prinċipali

10.      L-Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Utenti tal-Banek, Banek ta’ Tfaddil u l-Assigurazzjoni, iktar ’il quddiem l-“ADICAE”) ressqet azzjoni kollettiva għal inġunzjoni kontra 44 istituzzjoni finanzjarja li joperaw fi Spanja. Fir-rikors tagħha, l-ADICAE talbet li tingħata ordni li teżiġi li dawn l-istituzzjonijiet jieqfu u jiddeżistu milli jużaw il-klawżola kuntrattwali ġenerali fil-ftehimiet ta’ self ipotekarju b’rata ta’ interessi varjabbli li tirrestrinġi r-rati ta’ interessi varjabbli milli jaqgħu taħt ċertu livell (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ rata minima”). Barra minn hekk, l-ADICAE żiedet mal-azzjoni għal inġunzjoni azzjoni għal rimedju intiża li tikseb ordni għar-rimbors ta’ ħlasijiet magħmula taħt din il-klawżola. L-ADICAE talbet li żżid iktar konvenuti għall-azzjoni tagħha f’żewġ okkażjonijiet, u b’hekk żiedet in-numru totali ta’ konvenuti għal 101.

11.      Il-qorti tal-ewwel istanza ppermettiet it-tkomplija tal-azzjoni. Wara sejħiet fil-midja nazzjonali, intervjenew 820 konsumatur insostenn tat-talbiet imressqa fl-azzjoni kollettiva.

12.      Is-sentenza tal-ewwel istanza laqgħet l-azzjoni parzjalment, ħlief għal dak li jirrigwarda tliet istituzzjonijiet finanzjarji, u ddeċidiet li l-“klawżoli ta’ rata minima” (“clausulas suelo”) li kienu jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ self ipotekarji kienu nulli u bla effett. Bis-saħħa ta’ din is-sentenza dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji ġew ordnati jneħħu l-klawżoli inkwistjoni mill-kuntratti u biex jieqfu u jiddeżistu milli jużawhom b’mod mhux trasparenti. Dawn ġew ordnati wkoll biex jirrimborsaw l-ammonti mħallsa żejda taħt dawn il-klawżoli, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tad‑9 ta’ Mejju 2013.

13.      Il-banek konvenuti appellaw mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja) li ċaħdet il-parti l-kbira tal-appelli. Fis-sentenza tagħha, din il-qorti stabbilixxiet il-metodu biex tiġi mistħarrġa t-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjonijiet kollettivi (stħarriġ astratt). B’mod iktar speċifiku, hija ddeċidiet li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-istabbiliment finanzjarju ħebiex jew tax rappreżentazzjoni ħażina tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-klawżola kkonċernata. Hija kkunsidrat li tali ħabi jew rappreżentazzjoni ħażina sseħħ meta l-bank ma jippreżentax il-“klawżola ta’ rata minima” bl-istess enfasi bħal klawżoli oħra li għalihom il-konsumatur medju joqgħod attent, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu l-prezz tal-kuntratt.

14.      L-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid) elenkat ċerti prattiki li jistgħu jikkostitwixxu evidenza tan-nuqqas ta’ trasparenza tal-klawżola ikkontestata. Dawn il-prattiki kienu, b’mod partikolari s-segwenti: l-ewwel, meta l-“klawżola ta’ rata minima” tiġi ppreżentata flimkien mal-informazzjoni li ma għandhiex x’taqsam mal-prezz tal-kuntratt, jew flimkien mal-informazzjoni sekondarja li għandha l-potenzjal li tnaqqas il-prezz, u għaldaqstant billi tinħoloq id-dehra li l-klawżola hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet jew kriterji li jrendu l-applikazzjoni tagħha fil-prattika diffiċli, it-tieni, billi l-klawżola titqiegħed fin-nofs jew fl-aħħar ta’ paragrafi twal li jibdew billi jittrattaw materji oħra, sabiex tiġi ddevjata l-attenzjoni tal-konsumatur medju, u t-tielet, billi l-“klawżola ta’ rata minima” tiġi ppreżentata flimkien mal-klawżola li tillimita l-aġġustament ’il fuq tar-rata ta’ interessi (il-“klawżola ta’ rata massima”), b’mod li l-attenzjoni tal-konsumatur tkun iffokata fuq is-sigurtà apparenti li jeżisti limitu fuq iż-żieda ipotetika tal-indiċi ta’ riferiment, u għaldaqstant tiddevja l-attenzjoni tal-konsumatur mill-importanza tar-rata minima.

15.      Il-banek appellaw quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) mis-sentenza tal-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid).

16.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ kwistjonijiet prinċipali. L-ewwel waħda tirrigwarda jekk l-azzjoni għal inġunzjoni kollettiva hijiex mekkaniżmu proċedurali xieraq biex jitwettaq l-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li azzjoni għal inġunzjoni teżiġi, mid-definizzjoni tagħha, l-istħarriġ astratt tal-klawżola kkonċernata, filwaqt li l-istħarriġ tat-trasparenza jeżiġi eżami konkret tar-relazzjoni kuntrattwali speċifika li minnha tagħmel parti l-klawżola inkwistjoni, b’attenzjoni partikolari fuq l-informazzjoni prekuntrattwali pprovduta lill-konsumaturi. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk azzjoni kollettiva hijiex xierqa biex tiġi mistħarrġa t-trasparenza tal-klawżola. Iktar minn hekk, hija għandha dubji dwar jekk l-azzjoni kollettiva għall-istħarriġ ta’ trasparenza tistax titressaq kontra l-istabbilimenti finanzjarji kollha li jifformaw is-sistema bankarja ta’ pajjiż sħiħ (iktar minn mija) fejn l-uniku denominatur komuni bejn dawn l-istituzzjonijiet huwa l-użu ta’ klawżola simili fil-kuntratti ta’ self ipotekarji.

17.      It-tieni kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda d-definizzjoni ta’ konsumatur medju f’ċirkustanzi fejn ikun hemm differenza fost l-istituzzjonijiet finanzjarji numerużi involuti fil-litigazzjoni, il-mudelli kuntrattwali li ntużaw, il-konsumaturi kkonċernati u li fihom il-klawżoli kkonċernati ilhom jintużaw għal perijodu twil ta’ żmien.

18.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-ġurisprudenza domestika turi d-diffikultajiet involuti fi stħarriġ astratt tat-trasparenza. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja). Din il-qorti ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-effetti tal-azzjoni kollettiva għal inġunzjoni, għal sensiela sħiħa ta’ kuntratti tista’ tikser il-libertà kuntrattwali ta’ konsumatur li ma jkunx jixtieq jikseb l-annullament tal-kuntratt. Iktar minn hekk, hija tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess. Fil-passat, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-istħarriġ astratt tal-“klawżoli ta’ rata minima” huwa possibbli, meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-konsumatur medju u l-karatteristiċi tal-kuntrattazzjoni standard. Madankollu, fil-każijiet rilevanti, l-azzjoni kollettiva tressqet kontra istituzzjoni finanzjarja waħda jew kontra numru żgħir ħafna ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, kien iktar faċli biex il-prattiki u l-klawżoli kkontestati jinġabru flimkien f’numru limitat ta’ sitwazzjonijiet standard u kien iktar prattiku li ssir evalwazzjoni mill-perspettiva tal-konsumatur medju.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, iqum element addizzjonali ta’ ċertu kumplessità biex jiġi konkluż stħarriġ astratt ta’ trasparenza meta azzjoni għal rimedju tingħaqad ma’ azzjoni għall-inġunzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-determinazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji konkreti li d-dikjarazzjoni ta’ nullità jista’ jkollha għal kull wieħed mill-konsumaturi kkonċernati hija iktar idonea f’azzjonijiet imressqa minn konsumaturi individwali.

20.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 93/13], fejn jagħmel riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, fejn jagħmel riferiment għal klawżoli simili, jippermettu l-evalwazzjoni ġudizzjarja astratta, għall-finijiet tal-istħarriġ tat-trasparenza fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, ta’ klawżoli użati minn iktar minn mitt stabbiliment finanzjarju f’miljuni ta’ kuntratti bankarji, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni la tal-livell ta’ informazzjoni prekuntrattwali pprovduta fir-rigward tal-piż ġuridiku u ekonomiku tal-klawżola u lanqas taċ-ċirkustanzi l-oħra eżistenti f’kull każ konkret fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

(2)      L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jippermettu li jitwettaq stħarriġ astratt tat-trasparenza mill-perspettiva tal-konsumatur medju meta diversi mill-offerti kuntrattwali huma indirizzati lil diversi gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi jew meta diversi stabbilimenti li joperaw f’oqsma ta’ attività li huma ekonomikament u ġeografikament differenti ħafna użaw klawżoli redatti minn qabel għal perijodu twil ħafna li matulu l-għarfien tal-pubbliku fir-rigward ta’ dawn il-klawżoli evolva?”

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati wkoll mill-istituzzjonijiet finanzjarji li ġejjin: Caixabank, S.A., Banco Santander, S.A., Targobank, S.A., Caja Rural de Teruel, S.C.C., Caja Rural de Navarra, S.C.C., Caja Rural de Jaén, Barcelona and Madrid, S.C.C., Caja Rural de Asturias, S.C.C., Arquia Bank, S.A., li kienet Caja de Arquitectos, S.C.C., Nueva Caja Rural de Aragón, S.C.C., Caja Rural de Granada, S.C.C., Caja Rural del Sur, S.C.C., Caja Rural de Albacete, Ciudad Real u Cuenca, S.C.C. (Globalcaja), Caja Rural Central, S.C.C. et, Unicaja Banco, S.A., Banco de Sabadell, S.A. u Ibercaja Banco S.A.. Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati wkoll mill-ADICAE, mill-Gvern Spanjol, Pollakk u Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet sabiex dawn iwieġbuhom waqt is-seduta orali. Minbarra l-Gvern Pollakk u l-Gvern Portugiż, dawn il-partijiet kienu wkoll rappreżentati waqt is-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023.

 IV. Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari dwar listħarriġ ġudizzjarju tal“klawżoli ta’ rata minima” (“clausulas suelo”) kontenzjużi

22.      Qabel neżamina d-domandi magħmula, huwa importanti li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ “klawżoli ta’ rata minima” fi Spanja u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Il-“klawżoli ta’ rata minima” kienu klawżoli standard li kienu jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ ftehimiet ta’ self ipotekarju b’rata ta’ interessi varjabbli konklużi ma’ konsumaturi minn numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fi Spanja. Huma kienu jistabbilixxu rata minima li r-rata ta’ interessi varjabbli ma setgħetx tkun inqas minnha, indipendentement minn jekk ir-rata ta’ riferiment tkunx inqas minn dak il-minimu. Normalment, ir-rata ta’ interessi minima stabbilita fil-ftehimiet ta’ self kienet tvarja bejn tnejn u ħamsa fil-mija (4). Meta r-rati ta’ riferiment użati fil-ftehimiet ta’ self ipotekarju (ġeneralment il-Euribor) niżlu iktar ’l isfel sew mil-limitu li kien ġie stabbilit mill-“klawżoli ta’ rata minima”, il-konsumaturi li kienu daħlu fi ftehimiet ta’ self li kien fihom tali klawżoli rrealizzaw li huma ma setgħux jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis u li huma kien ser ikollhom xorta waħda jħallsu r-rata ta’ interessi minima minkejja li kellhom self ipotekarju b’rata ta’ interessi varjabbli (5). Il-konsumaturi individwali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ppreżentaw diversi eluf ta’ kawżi fi Spanja fejn invokaw l-illegalità ta’ “klawżoli ta’ rata minima” u r-restituzzjoni tal-interessi mħallsa żejda.

24.      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), f’sentenza seminali tad‑9 ta’ Mejju 2013 (ikkonfermata b’deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2015), eżaminat il-legalità tal-“klawżoli ta’ rata minima” fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi kontra diversi istituzzjonijiet bankarji. Hija ddeċidiet li tali klawżoli, li kienu jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, kienu jinftiehmu mill-konsumaturi fuq il-livell grammatikali u kienu jissodisfaw, għaldaqstant, ir-rekwiżit skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 li jiġu fformulati f’“lingwaġġ sempliċi u ċar”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Għalkemm hija kkonstatat li l-“klawżoli ta’ rata minima” f’dan il-każ kienu, minnhom infushom, legali, din il-qorti kkunsidrat li dawn ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ trasparenza sostantiva (6). Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-konsumaturi ma kinux ipprovduti b’informazzjoni adegwata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-konsegwenzi legali u finanzjarji tal-klawżola inkwistjoni. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), wara li evalwat dawn il-klawżoli fid-dawl tal-kriterji ġenerali ta’ bona fide, bilanċ tad-drittijiet u obbligi kuntrattwali u trasparenza, stabbiliti fl-Artikolu 3(1), Artikolu 4(1) u Artikolu  5 tad-Direttiva 93/13, iddikjarathom bla effett.

25.      Fis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) illimitat l-effett restitutorju tal-konstatazzjoni ta’ nullità għal ħlasijiet żejda magħmula wara l-għoti tas-sentenza tagħha, fid-dawl tar-riperkussjonijiet ekonomiċi serji li l-effett restitutorju retroattiv kien ikollu fuq is-settur bankarju. Din il-limitazzjoni ratione temporis tal-effett restitutorju ġiet meqjusa inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Gutiérrez Naranjo et (7).

26.      Huwa f’dan l-isfond li ser neżamina ż-żewġ domandi preliminari magħmula.

 Lewwel domanda

27.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati bħala li jippermettu lill-qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni astratta tat-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi, f’ċirkustanzi fejn il-proċeduri rilevanti jitressqu kontra numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u jinvolvu numru kbir ta’ kuntratti.

28.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-idoneità ta’ azzjoni kollettiva għall-istħarriġ astratt ta’ klawżoli kuntrattwali joħorġu, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13. Skont din id-dispożizzjoni, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt. It-tieni, il-qorti tar-rinviju tinnota n-natura differenti ta’ proċeduri individwali u kollettivi: l-ewwel minnhom jinvolvu eżami konkret tar-relazzjoni kuntrattwali li minnha tkun tagħmel parti l-klawżola inkwistjoni, filwaqt li t-tieni proċeduri jinvolvu stħarriġ astratt tal-klawżola kkonċernata. It-tielet, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-kumplessità taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ konvenuti u kuntratti involuti u minħabba l-ħafna formulazzjonijiet differenti tal-“klawżola ta’ rata minima”.

29.      Sabiex jiġi ttrattat dan it-tħassib, huwa importanti li titfakkar, qabel kollox, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq in-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju fi proċeduri kollettivi u individwali, kif ukoll fuq l-eżami tar-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali. Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, ser neżamina jekk u taħt liema kundizzjonijiet huwa possibbli li jitwettaq stħarriġ tat-trasparenza fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva ta’ skala bħalma hija dik tal-kawża prinċipali.

 a) Innatura talistħarriġ ġudizzjarju fi proċeduri kollettivi u individwali

30.      Is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13 tistrieħ fuq żewġ tipi ta’ azzjoni: azzjonijiet individwali u azzjonijiet kollettivi. Dawn iż-żewġ tipi ta’ azzjonijiet huma komplementari għal xulxin (8). B’mod parallel mad-dritt suġġettiv ta’ konsumatur biex iressaq azzjoni quddiem qorti biex jiġi eżaminat jekk klawżola f’kuntratt li għalih huwa kontraent hijiex inġusta, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu mezz ta’ verifika dwar il-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratti standard permezz ta’ azzjonijiet għal inġunzjoni mressqa fl-interess pubbliku mill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi (9).

31.      L-għan li jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti huwa wkoll imfittex mid-Direttiva 2009/22/KE (10), li tikkompleta l-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita mid-Direttiva 93/13 bit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi proċedurali adegwati relattivi għall-azzjonijiet għal miżura ta’ inġunzjoni (11).

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjonijiet individwali u kollettivi għandhom, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, għanijiet u effetti legali differenti, u n-natura tagħhom hija differenti (12). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ azzjoni li tinvolvi lill-konsumatur individwali, il-qrati huma meħtieġa jagħmlu evalwazzjoni in concreto tan-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt li jkun diġà ġie konkluż. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni, iċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt. F’każ ta’ azzjoni għal inġunzjoni, xogħol il-qrati huwa li jevalwaw in abstracto n-natura inġusta ta’ klawżoli inklużi mill-bejjiegħa jew fornituri f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Barra minn hekk, in-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-azzjonijiet għal inġunzjoni, kif ukoll l-indipendenza tagħhom minn kull kunflitt individwali partikolari, jimplikaw li tali azzjonijiet jistgħu jitressqu minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (13).

33.      Għandu jiġi nnotat li l-verifika in abstracto ta’ klawżoli inġusti hija speċifika għall-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 (14). Il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-kuntratt hija xierqa biss fil-kuntest ta’ azzjoni individwali (15). Dan jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li jipprovdi li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt hija “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7”. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju fi proċeduri kollettivi huwa dejjem astratt indipendentement minn jekk il-klawżoli li jkunu qegħdin jiġu mistħarrġa jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi jew le.

34.      Għal dak li jirrigwarda l-effetti ta’ azzjonijiet individwali u kollettivi, il-konstatazzjoni f’azzjoni individwali tan-natura inġusta hija vinkolanti biss fuq il-konsumatur li huwa parti mill-proċeduri. F’azzjonijiet kollettivi, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tista’ tapplika b’mod iktar wiesgħa. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovdi għal effett ultra partes tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta f’azzjoni għal inġunzjoni kontra bejjiegħ jew fornitur (16).

35.      Il-mekkaniżmi għall-verifika in abstracto f’azzjoni kollettiva jissupplimentaw id-dritt suġġettiv tal-konsumatur biex iressaq azzjoni individwali u biex jittieħdulu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tiegħu. Peress li l-azzjonijiet kollettivi u individwali huma komplementari għal xulxin, il-possibbiltà li jintużaw iż-żewġ tipi ta’ azzjoni għandha tkun issalvagwardjata taħt is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti applikabbli f’azzjoni individwali, b’mod partikolari l-bżonn li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi individwali kollha tal-kuntratt, ma jipprekludux li titressaq azzjoni kollettiva li hija indipendenti minn kwalunkwe tilwima speċifika u miċ-ċirkustanzi individwali.

36.      L-azzjonijiet individwali u kollettivi huma komponenti tas-sistema komprensiva ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttiva 93/13.

 (b) Listħarriġ ta’ trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali

37.      Ir-rekwiżit ta’ trasparenza huwa espress bir-regola li l-klawżoli kuntrattwali għandhom jinkitbu b’lingwaġġ sempliċi u ċar (Artikolu 4(2) u Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13) (17). Barra minn hekk, mill-premessa għoxrin tad-Direttiva 93/13 u l-punt 1(i) tal-Anness tagħha jirriżulta li l-konsumatur għandu jsir jaf bil-klawżoli kollha qabel il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwa jixtieqx ikun marbut b’dawk il-klawżoli (18).

38.      B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” u lanqas mas-“suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-mekkaniżmu tal-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali meta mqabbla mal-klawżoli prinċipali (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni tal-klawżoli prinċipali”) hija suġġetta għat-trasparenza ta’ dawn il-klawżoli.

39.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi regola iktar ġenerali dwar it-trasparenza li jeżiġi li l-klawżoli kuntrattwali “għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar”. Din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li, kif issuġġerit fil-kitbiet akkademiċi, bħala “prinċipju ġenerali” ta’ trasparenza (19).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ trasparenza kif jidher fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu l-istess portata bħal dak li jissemma fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (20).

41.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jinftiehem f’sens wiesgħa (21) li jinvolvi kemm kriterji formali u kif ukoll sostantivi (22). Ġeneralment, it-trasparenza formali tirreferi għall-formulazzjoni u l-metodu tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti lill-konsumatur. Bħala eżempju, il-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Klawżoli Inġusti jelenka bħala fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni tat-trasparenza l-aspetti li ġejjin li jirrigwardaw il-preżentazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali: iċ-ċarezza tal-preżentazzjoni viżwali, il-fatt ta’ jekk kuntratt huwiex strutturat b’mod loġiku u jekk stipulazzjonijiet importanti jingħatawx il-prominenza li jistħoqqilhom u ma jinħbewx fost dispożizzjonijiet oħra, jew jekk il-klawżoli jinsabux f’kuntratt jew f’kuntest li fih jistgħu jkunu mistennija b’mod raġonevoli, inkluż b’rabta ma’ klawżoli kuntrattwali relatati oħra (23).

42.      L-evalwazzjoni tat-trasparenza sostantiva tal-klawżoli kuntrattwali (24) tmur lil hinn minn evalwazzjoni tan-natura sempliċi u ċara tal-formulazzjoni ta’ klawżola u testendi għal jekk klawżola tippermettix lill-konsumatur jifhem il-konsegwenzi reali tagħha.

43.      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaċċetta l-kundizzjonijiet imfassla minn qabel minn dan tal-aħħar (25). Konsegwentement, l-imsemmi rekwiżit għandu jinftiehem bħala li jeżiġi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq il-livell formali u grammatikali, iżda wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (26).

44.      Sal-lum, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri individwali, fid-dawl tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, u prinċipalment fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ self. F’tali kuntest, il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ trasparenza ġiex osservat għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti fil-kuntest tan-negozjar tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, mhux biss mill-persuna li sellfet stess, iżda wkoll minn kull persuna oħra li tkun ipparteċipat, f’isem dan il-professjonist, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self ikkonċernat (27). B’mod speċifiku, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self, li għandha tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, tkun ġiet ikkomunikata lill-konsumatur l-informazzjoni kollha li tista’ jkollha effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu (28). Il-fatturi rilevanti għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni jinkludu l-kliem użat mill-istituzzjoni finanzjarja fid-dokumenti prekuntrattwali u kuntrattwali (29).

45.      Isegwi li, fil-kuntest ta’ proċeduri individwali għall-istħarriġ tat-trasparenza, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self. Madankollu, għandu jiġi nnotat li ħafna mill-elementi li jikkostitwixxu l-istħarriġ ġudizzjarju tat-trasparenza huma bbażati fuq evalwazzjoni oġġettiva. Il-qorti nazzjonali tevalwa klawżola kuntrattwali standard fformulati minn qabel inklużi fid-dokumentazzjoni kuntrattwali u prekuntrattwali mfassla minn qabel mill-persuna li ssellef fir-rigward tas-self propost lil numru indefinit ta’ konsumaturi. Barra minn hekk, il-kriterju użat għall-istħarriġ ta’ trasparenza ma huwiex dak tal-konsumatur individwali speċifiku, iżda huwa dak ta’ konsumatur medju li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (30).

46.      Il-kunċett ta’ konsumatur medju huwa fictio juris li jtendi li jnaqqas għal denominatur komuni sitwazzjonijiet li huma varjati ħafna (31). Bħala tali, huwa kriterju oġġettiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza għandha tiġi vverifikata fir-rigward tal-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (32). Dan l-istandard ma jista jitqies li jikkorrispondi, inter alia, la għal konsumatur inqas avżat minn dan il-konsumatur medju, u lanqas għal konsumatur iktar avżat minn dan tal-aħħar (33).

47.      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-istħarriġ ta’ trasparenza li ġew żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġie osservat korrettament fil-letteratura akkademika li l-“ostaklu biex jiġi ssodisfatt it-test ta’ trasparenza” ġie mgħolli b’mod sinjifikattiv (34), b’tali mod li l-mudell tal-konsumatur medju ġie “aġġustat għar-realtajiet tal-aġir ta’ konsumatur f’kuntrattazzjoni standard” (35).

48.      Biex nagħti eżempju ieħor, f’kawża li tikkonċerna kuntratti ddenominati f’munita barranija, minkejja li l-konsumatur kien irċieva ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ trasparenza ma jistax ikun issodisfatt bis-sempliċi komunikazzjoni tal-informazzjoni – anki estensiva – lill-konsumatur. Il-konsumatur għandu jkun informat ukoll bil-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju u jingħata l-opportunità li jifhem konkretament il-konsegwenzi potenzjalment onerużi, li jistgħu jirriżultaw fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu (36).

49.      Iktar ma jkun għoli l-livell biex ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza, iktar ikunu baxxi l-aspettattivi li wieħed ikollu tal-konsumatur medju (37). Barra minn hekk, huwa l-obbligu tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li juri lill-qorti li l-obbligi prekuntrattwali u kuntrattwali tiegħu, li jirrigwardaw b’mod partikolari t-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, kienu ġew issodisfatti (38).

50.      Fl-isfond ta’ standard oġġettiv għall-mudell ta’ konsumatur medju u l-iffissar ta’ limitu għoli għar-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu jiġi ssodisfatt, l-istħarriġ ġudizzjarju tat-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali sar iktar oġġettiv u huwa bbażat fuq l-istandardizzazzjoni kuntrattwali.

51.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser neżamina issa jekk azzjoni kollettiva hijiex mekkaniżmu ġudizzjarju xieraq biex isir l-istħarriġ tat-trasparenza.

 (c) Ladegwatezza ta’ azzjoni kollettiva għallistħarriġ ta’ trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali

52.      Fis-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttiva 93/13, l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali u tat-trasparenza tagħhom ma tiddependix fuq it-tip ta’ azzjoni li tkun qiegħda tintuża, individwali jew kollettiva. Il-bidu nett tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi għal evalwazzjoni individwali tan-natura inġusta ta’ klawżola, jistipula li l-evalwazzjoni ssir “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7”. B’mod konformi mal-approċċ ta’ komplementarità msemmi qabel, l-evalwazzjoni individwali tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt speċifiku ma tipprekludix evalwazzjoni in abstracto ta’ din il-klawżola fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva.

53.      Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ trasparenza, ma hemm xejn fid-Direttiva 93/13 li jindika li fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva l-eżami tagħha huwa prekluż. L-ewwel, it-trasparenza hija prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-“eżenzjoni tal-klawżoli prinċipali” taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Kieku l-eżami tat-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali ma kienx possibbli fi proċeduri kollettivi, dan kien ikun ifisser li l-“klawżoli prinċipali” jkunu dejjem esklużi mill-istħarriġ f’tali proċeduri. Fil-fatt, ma kienx ikun hemm mod ieħor possibbli biex jiġi eżaminat jekk dawn il-klawżoli humiex ifformulati f’lingwaġġ sempliċi u ċar.

54.      It-tieni, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 (39) ma jiddistingwix bejn azzjonijiet individwali u kollettivi, bl-eċċezzjoni tar-regola ta’ interpretazzjoni applikabbli. Minn din id-dispożizzjoni jsegwi li l-prevalenza tar-regola ta’ interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-konsumatur ma tapplikax fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rimedju kollettiv ipprovduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(2) (40).

55.      L-eċċezzjoni stretta stabbilita fl-Artikolu 5 tindika li r-rekwiżit ta’ trasparenza jirrigwarda l-klawżola standard, u mhux it-tip ta’ azzjoni mressqa quddiem il-qrati biex tiġi mistħarrġa dik il-klawżola. Kif innotajt iktar ’il fuq (41), l-Artikolu 5 huwa dispożizzjoni ċentrali li tistabbilixxi “prinċipju ġenerali” li ma jistax ikun limitat għall-proċeduri individwali biss. Fid-dawl tal-importanza tiegħu fis-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttiva 93/13, ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu, għaldaqstant, japplika ugwalment għall-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 7(2) tagħha (42).

56.      Iktar milli jipprekludi l-eżami tat-trasparenza f’azzjoni kollettiva, l-istħarriġ ġudizzjarju jeħtieġ, minflok, li jkun aġġustat għall-iskop u l-effetti legali tal-azzjonijiet kollettivi.

57.      Jekk tingħata interpretazzjoni differenti, kif qalet essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din tkun ixxejjen l-iskop tal-azzjonijiet kollettivi billi jiġi eskluż ir-rekwiżit ta’ trasparenza mill-istħarriġ ġudizzjarju, minkejja li r-rimedju kollettiv huwa komponent essenzjali tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita fid-Direttiva 93/13.

58.      Barra minn hekk, tali esklużjoni tkun inkompatibbli mal-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija mid-Direttiva 2009/22, li kif ġie nnotat qabel, tissupplimenta l-protezzjoni tal-konsumatur stabbilita fid-Direttiva 93/13. Id-Direttiva 2009/22 tarmonizza l-azzjonijiet għal inġunzjoni intiżi li jipproteġu l-interessi kollettivi ta’ konsumaturi koperti mid-direttivi elenkati fl-Anness I tagħha, fosthom id-Direttiva 93/13. L-azzjonijiet għal inġunzjoni jistgħu jintużaw biex jikkontestaw ksur ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, inkluż dawk relatati mat-trasparenza.

59.      L-esklużjoni tal-eżami tat-trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi tkun inkonsistenti wkoll mal-iżviluppi leġiżlattivi reċenti rilevanti għat-tisħiħ ta’ mekkaniżmi proċedurali għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi ta’ konsumaturi, jiġifieri l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828 (43). Id-Direttiva 2020/1828 tapplika għal azzjonijiet rappreżentattivi (44) kontra ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmi fl-Anness I ta’ din id-direttiva, inkluż id-Direttiva 93/13 (45). Il-fatt li dawn l-iżviluppi jiġu skartati u d-Direttiva 93/13 tiġi interpretata bħala li tfisser li l-istħarriġ ta’ trasparenza ma jkunx xieraq fi proċeduri kollettivi jkun jikser u jippreġudika serjament l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur li llum hija ssupplimentata mid-Direttiva 2020/1828. Dan ikun ifisser daqqa serja lill-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

60.      Għal dak li jirrigwarda l-elementi tal-istħarriġ ġudizzjarju tar-rekwiżit ta’ trasparenza fi proċeduri kollettivi, huwa possibbli li tiġi trasposta l-ġurisprudenza ppreżentata fit-taqsima preċedenti bl-aġġustamenti neċessarji fid-dawl tal-mekkaniżmu proċedurali użat. L-elementi li huma speċifiċi għal azzjoni individwali, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni ta’ kull kuntratt, ma humiex applikabbli. Għall-kuntrarju, l-elementi oġġettivi tal-istħarriġ ta’ trasparenza huma applikabbli għall-eżami astratt tat-trasparenza. F’dan il-kuntest, kif poġġietha essenzjalment il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jkun possibbli li tiġi evalwata l-klawżola kuntrattwali indipendentement miċ-ċirkustanzi konkreti u individwali ta’ kull wieħed mill-kuntratti. Dan minħabba l-istandardizzazzjoni kuntrattwali li huwa rifless fl-interpretazzjoni oġġettiva tal-istandard tal-konsumatur medju, indipendentement mill-mekkaniżmu proċedurali użat għall-istħarriġ tat-trasparenza.

61.      B’mod iktar speċifiku, sabiex tiġi evalwata t-trasparenza formali u sostantiva ta’ klawżola f’kuntratti ta’ self, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jikkonċentra fuq id-dokumenti standard u l-prattiki standard kuntrattwali u prekuntrattwali adottati mill-professjonist ikkonċernat fil-konfront tal-konsumatur medju meta jirreklama u joffri l-kuntratt. L-istħarriġ ikopri l-prattiki kuntrattwali tal-professjonist ikkonċernat u anki l-prattiki prekuntrattwali tiegħu, jiġifieri l-materjal promozzjonali indirizzat lil kull konsumatur u l-informazzjoni jew linji gwida standard prekuntrattwali pprovduti minn kull persuna oħra li, f’isem il-professjonist, tipparteċipa fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self ikkonċernat. Dawn l-elementi kollha jifformaw dak li l-qorti tal-appell nazzjonali ddeskriviet, b’mod xieraq, bħala kuntrattazzjoni fil-“forma standard”(46). Skont it-tip ta’ klawżola kuntrattwali, il-qorti nazzjonali għandha tidentifika l-kriterji rilevanti biex ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza. Skont dawn il-kriterji, din il-qorti jkollha tivverifika jekk il-konsumatur medju huwiex f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament speċifiku ta’ dik il-klawżola u għaldaqstant, tevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u li jinftehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi potenzjalment sinjifikattivi ta’ tali klawżola għall-obbligu finanzjarji tiegħu.

62.      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-istħarriġ tal-“klawżoli ta’ rata minima” fil-kawża prinċipali, għandu jiġi aċċertat jekk l-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli kinitx tikkostitwixxi prattika ġenerali fid-dokumentazzjoni bankarja standard. L-istħarriġ ġudizzjarju jikkonċentra, imbagħad, fuq il-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standard tal-professjonisti kkonċernati biex jidentifika l-kriterji li jrendu l-klawżola speċifika trasparenti jew le.

63.      Kif qalet il-qorti tar-rinviju, il-qorti tal-appell nazzjonali identifikat ċerti prattiki li huma rilevanti għall-istħarriġ tat-trasparenza tal-“klawżoli ta’ rata minima”. Dawn il-prattiki jinkludu l-ħabi jew it-travestiment tal-effetti tal-klawżola, il-pożizzjoni tagħha fil-ftehim jew il-preżentazzjoni tagħha flimkien mal-klawżola li tillimita l-aġġustament ’il fuq (47). Fejn l-istħarriġ ġudizzjarju jinvolvi iktar minn konvenut wieħed, huwa importanti li għal kull bank jiġi identifikat jekk il-kriterji ta’ trasparenza kinux issodisfatti jew le fil-prattika kuntrattwali tiegħu (48).

64.      Barra minn hekk, kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tat-trasparenza ta’ “klawżola ta’ rata minima” f’kuntratti standard jista’ jinvolvi l-kwistjoni dwar jekk it-tul tal-kuntratt kienx rifless fl-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur. Il-kuntratt ta’ self ipotekarju huwa kuntratt fit-tul, jew saħansitra, kif issuġġerit fil-kitbiet akkademiċi, kuntratt “tul il-ħajja” kollha (49). Il-konsumatur għandu jkun jista’ jifhem ir-relazzjoni bejn il-klawżola rilevanti, l-iżviluppi futuri fl-ekonomija u l-konsegwenzi ekonomiċi fuq is-sitwazzjoni finanzjarji tiegħu permezz ta’ eżempji. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ma jistax ikun issodisfatt billi tiġi kkomunikata lill-konsumatur kwalunkwe tip ta’ informazzjoni dwar il-“klawżola ta’ rata minima” jekk dik l-informazzjoni tkun ibbażata fuq l-assunzjoni li l-kuntest ekonomiku ser jibqa’ l-istess matul iż-żmien tal-ftehim (50). Il-konsumatur għandu jiġi informat li l-bidla fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi tista’ jkollha konsegwenzi potenzjalment serji fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu minħabba li tiskatta l-“klawżola ta’ rata minima”.

65.      Fi ftit kliem, l-istħarriġ ġudizzjarju tat-trasparenza fil-proċeduri kollettivi huwa xieraq u possibbli. Il-metodu segwit mill-qorti tal-appell nazzjonali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, huwa eżempju konkret f’dan ir-rigward. L-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun addattat għal-livell ta’ astrazzjoni speċifika għall-azzjonijiet kollettivi u jikkonċentra fuq il-prattika kuntrattwali standard tal-fornitur fir-rigward tal-konsumatur medju li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

 (d) Listħarriġ tattrasparenza filkuntest ta’ azzjoni kollettiva kontra numru kbir ta’ fornituri

66.      Il-kwistjoni l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju hija l-punt dwar jekk il-partikolaritajiet “kwantitattivi” tal-każ fil-kawża prinċipali għandhomx iwasslu għall-konklużjoni li l-istħarriġ astratt ta’ trasparenza ma huwiex xieraq. Il-qorti tar-rinviju tispjega li għall-kuntrarju ta’ azzjoni kollettiva mressqa kontra istituzzjoni finanzjarja waħda jew numru żgħir ħafna ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, il-każ fil-kawża prinċipali jinvolvi numru kbir ta’ istituzzjonijiet finanzjarji konvenuti u numru kbir ta’ kuntratti b’formulazzjonijiet differenti multipli u formulazzjonijiet użati fuq perijodu twil ta’ żmien.

67.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, mill-ewwel, li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li, fid-dawl tal-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji (kollettivi) legali jistgħu jkunu diretti “b’mod separat jew b’mod konġunt” kontra “numru” ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku li jużaw l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli “simili”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju rilevanti fir-rigward tal-konvenuti f’azzjoni kollettiva ma huwiex l-ammont tagħhom imma li huma jkunu jappartjenu lill-istess settur ekonomiku. Għal dak li jirrigwarda s-suġġett tal-azzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju jkopri klawżoli simili.

68.      L-istituzzjonijiet finanzjarji konvenuti li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll il-Gvern Spanjol, qalu li l-“omoġeneità” taċ-ċirkustanzi hija rekwiżit neċessarju biex titressaq azzjoni kollettiva. Mis-sottomissjonijiet tagħhom isegwi, essenzjalment li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta sitwazzjonijiet individwali differenti jistgħu jiġu deċiżi kollettivament minħabba li jippreżentaw similaritajiet fattwali u legali tali li jippermettu evalwazzjoni komuni. Huma argumentaw li l-azzjoni kollettiva fil-kawża prinċipali ma kellhiex tkun ammessa minħabba li ma kienx issodisfatt ir-rekwiżit ta’ omoġeneità.

69.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li la d-Direttiva 93/13 u lanqas id-Direttiva 2009/22 ma jipprovdu għall-“omoġeneità” taċ-ċirkustanzi bħala rekwiżit biex wieħed jinvoka l-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jirreferi għar-rekwiżiti sostantivi tal-identiċità tas-settur ekonomiku u s-similarità tal-klawżoli kuntrattwali. Ma fihx rekwiżiti proċedurali dwar il-grad ta’ similarità rikjest fir-rigward tat-talbiet individwali biex tkun tista’ titressaq azzjoni kollettiva quddiem il-qrati, li hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt proċedurali nazzjonali. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, diġà ddefinixxiet il-mod li bih il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li d-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva jkunu protetti, jibqa’ l-fatt li, fil-prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (51).

70.      Għaldaqstant, id-dritt proċedurali nazzjonali jista’ jipprovdi li l-“omoġeneità” tal-azzjonijiet involuti hija rekwiżit neċessarju biex tkun ammessa azzjoni kollettiva għall-istħarriġ ta’ klawżoli inġusti. Madankollu, peress li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi għall-istħarriġ ġudizzjarju fi proċeduri kollettivi ta’ klawżoli simili, ir-rekwiżit ta’ omoġeneità ma jistax jiġi interpretat b’mod tali li jimponi li ċ-ċirkustanzi kollha fl-azzjoni rilevanti jridu jkunu identiċi. Fejn azzjoni kollettiva tinvolvi l-istess kategorija ta’ konvenuti, l-istess tip ta’ klawżola bl-istess effetti u l-istess tip ta’ relazzjonijiet legali, dawn l-elementi kollha jistgħu jkunu indikazzjoni qawwija li r-raġuni tal-azzjoni hija suffiċjentement simili għat-tkomplija tal-azzjoni kollettiva. Jekk huwa possibbli li ssir evalwazzjoni ġudizzjarja oġġettiva tal-klawżoli kuntrattwali standardizzati, ma għandux ikun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti fattwali u legali li huma partikolari għal kull wieħed mill-kuntratti u mill-konsumaturi affettwati b’dawk il-klawżoli.

71.      Fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk fil-kawża prinċipali hemmx grad suffiċjenti ta’ similarità li tippermetti lill-azzjoni kollettiva tipproċedi. F’dan ir-rigward, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konvenuti huma kollha istituzzjonijiet bankarji, il-klawżoli kontenzjużi huma kollha “klawżoli ta’ rata minima” standard, ir-relazzjonijiet legali li minnhom jifformaw parti l-“klawżoli ta’ rata minima” huma kuntratti ta’ self ipotekarju u l-effett ta’ dawn il-klawżoli huwa li jeskludu l-varjazzjoni fir-rata tal-interessi inqas minn ċertu livell.

72.      Għandu jiġi nnotat li anki d-Direttiva 2020/1828 – li hija l-iktar eżempju importanti ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tar-rimedji kollettivi – ma armonizzatx kull aspett tal-proċeduri rappreżentattivi li din tirregola. Skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, f’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, għandu jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-“livell meħtieġ ta’ similarità tal-pretensjonijiet individwali […] sabiex il-każ ikun ammess biex jinstema’ bħala azzjoni rappreżentattiva”. Madankollu, din il-premessa tfakkar il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività inkwanti “tali regoli nazzjonali ma jxekklux il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu proċedurali għall-azzjonijiet rappreżentattivi meħtieġa [mid-Direttiva 2020/1828]”.

73.      Anki jekk id-Direttiva 2020/1828 ma tapplikax għall-każ fil-kawża prinċipali, matul is-seduta, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji rreferew għal traspożizzjonijiet nazzjonali ta’ din id-direttiva u, b’mod iktar speċifiku, għad-dritt Ġermaniż u Taljan li t-tnejn jipprovdu għar-rekwiżit ta’ “omoġeneità” fil-kuntest tal-azzjonijiet rappreżentattivi.

74.      Madankollu, il-fatt li teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għar-rekwiżit ta’ “omoġeneità” ma jwassalx għall-konklużjoni li, minħabba dan ir-rekwiżit, ir-rimedju kollettiv ma huwiex xieraq f’każ fejn l-azzjoni kollettiva tkun diretta kontra ħafna istituzzjonijiet finanzjarji u tikkonċerna multitudni ta’ kuntratti. Il-kwistjoni rilevanti hija li jiġi eżaminat jekk l-implimentazzjoni tar-rekwiżit ta’ omoġeneità jilħaqx il-bilanċ ġust bejn is-similarità tas-sitwazzjonijiet koperti bl-azzjoni kollettiva, l-ekonomija proċedurali u l-effettività ta’ rimedju kollettiv (52).

75.      Fis-sottomissjonijiet tagħhom, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji sostnew fis-sottomissjonijiet bil-miktub li l-kontenzjuż ma kinitx tista’ tiġi mmaniġġjata. Madankollu, ma huwiex l-obbligu ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina aspetti empiriċi tal-kontenzjuż. Jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali kkonċernati jagħmlu possibbli l-evalwazzjoni standardizzata tal-klawżoli kuntrattwali kkonċernati, allura taqa’ fuq dik il-qorti li tieħu l-miżuri neċessarji ta’ mmaniġjar tal-qorti li tippermetti li l-azzjoni tipproċedi.

76.      B’dan premess, għandu jiġi nnotat li d-daqs tal-kontenzjuż ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ kull istituzzjoni finanzjarja għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni fid-Direttivi 93/13 u 2009/22 li tipprovdi espliċitament għal skema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-bejjiegħ jew il-fornitur, dawn id-direttivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (53). Kull istituzzjoni finanzjarja għandu jkollha l-possibbiltà li turi li l-prattika standardizzata tagħha tissodisfa l-kriterji ta’ trasparenza.

77.      Kwistjoni finali mqajma mill-qorti tar-rinviju hija l-kumplessità addizzjonali li tqum f’dan il-każ minħabba li mal-azzjoni għal inġunzjoni ġiet miżjuda azzjoni għar-restituzzjoni tal-ħlasijiet magħmula minħabba l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li huwa d-dritt proċedurali nazzjonali li għandu jiddetermina l-metodu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fi proċeduri kollettivi. Id-diffikultajiet possibbli fl-istadju ta’ eżekuzzjoni ma humiex kriterju legali biex jeskludu proċeduri ta’ rimedju kollettivi.

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, inkwantu jirreferi għat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, inkwantu jirreferi għal klawżoli kuntrattwali simili, għandhom jiġu interpretati bħala li jippermettu lill-qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni astratta tat-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi, f’ċirkustanzi fejn il-proċeduri rilevanti jitressqu kontra numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u jinvolvu numru kbir ta’ kuntratti. Biex twettaq din l-evalwazzjoni, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ il-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standard ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati fid-dawl tal-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

 Ittieni domanda

79.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-istħarriġ astratt tat-trasparenza mill-perspettiva tal-konsumatur medju huwiex kompatibbli mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13, f’każ ta’ azzjoni kollettiva li tinvolvi numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, numru kbir ta’ kuntratti u konsumaturi differenti u fejn il-klawżoli kkonċernati iddaħħlu fil-kuntratti fuq perijodu twil ta’ żmien.

80.      Mit-tieni domanda magħmula kif ukoll mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit il-kunċett ta’ konsumatur “medju” fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva li tippreżenta karatteristiċi “kwantitattivi” tal-każ fil-kawża prinċipali. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju qalet li l-azzjoni kollettiva tinvolvi: l-ewwel, in-numru kbir ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ta’ daqsijiet differenti u bi strutturi differenti, li joperaw f’żoni ġeografiċi differenti (minn banek ta’ tfaddil lokali żgħar sa ftit mill-banek kbar Ewropej li joperaw fuq livell multinazzjonali), it-tieni, il-mudelli kuntrattwali differenti użati minn kull istituzzjoni finanzjarja, it-tielet, il-perijodu twil ta’ żmien ta’ użu tal-klawżoli rilevanti, u ir-raba’, il-gruppi differenti ta’ konsumaturi li huma diffiċli li jiġu standardizzati, bħalma huma konsumaturi li d-drittijiet ipotekarji huma surrogati għal self meħud mill-iżviluppaturi, konsumaturi li jikkwalifikaw għal programmi ta’ akkomodazzjoni soċjali jew għal programmi ta’ aċċess għal akkomodazzjoni pubblika bbażati fuq meded speċifiċi ta’ età jew konsumaturi speċifiċi li jiksbu self fuq il-bażi tax-xogħol tagħhom (pereżempju uffiċjali jew impjegati ta’ ċerti kumpanniji).

81.      Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ konsumatur medju, diġà ġie nnotat, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda (54), li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jkun aċċertat fid-dawl tal-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (55). Dan l-istandard jistax jitqies li jikkorrispondi, inter alia, la għall-konsumatur inqas avżat minn dan il-konsumatur medju, u lanqas għall-konsumatur iktar avżat minn dan tal-aħħar (56).

82.      Il-premessa tal-kriterju oġġettiv tal-konsumatur medju fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “konsumatur” taħt l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. Minn dan il-kunċett jidher li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva tiddependi mill-għanijiet li għalihom persuna fiżika taġixxi, jiġifieri dawk li ma jaqgħux fil-kuntest tal-kummerċ, negozju jew professjoni tagħha, u mhux mill-għarfien speċjalizzat li din il-persuna għandha (57). Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt mal-bank hija impjegata ta’ dak il-bank ma jipprekludix, bħala tali, li din il-persuna tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 (58).

83.      Peress li l-għarfien speċifiku li konsumatur jista’ jitqies li għandu fil-kuntest ta’ proċeduri individwali ma jistax jiġġustifika devjazzjoni mill-istandard ta’ konsumatur medju, l-istess għandu japplika għall-karatteristiċi individwali ta’ konsumaturi differenti fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi. Il-kunċett oġġettiv ta’ konsumatur medju jikkorrispondi għall-kuntrattazzjoni standard, indipendentement mill-karatteristiċi jew in-numru ta’ konsumaturi involuti.

84.      Kif ġie osservat, essenzjalment, mill-ADICAE fis-sottomissjonijiet orali tagħha, id-differenzi fl-età tal-konsumaturi, il-livell ta’ edukazzjoni jew l-okkupazzjoni tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala kriterji deċiżivi biex issir differenza bejn dawn il-konsumaturi u biex jikkostitwixxu gruppi differenti ta’ konsumaturi. Din l-osservazzjoni hija korretta sakemm il-persuni fiżiċi kkonċernati jaġixxu barra mill-kuntest tal-kummerċ, negozju jew professjoni tagħhom (59).

85.      Għal dak li jirrigwarda d-differenzi bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati u l-mudelli kuntrattwali differenti użati minn dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji, ma nikkunsidrax li dawn id-differenzi huma kapaċi jaffettwaw il-kunċett tal-konsumatur medju. Kif ġie nnotat fl-analiżi tal-ewwel domanda iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami astratt tar-rekwiżit ta’ trasparenza, l-istħarriġ ġudizzjarju ma jikkonċentrax fuq kull kuntratt u fuq kull konsumatur. L-istħarriġ ġudizzjarju jikkonċentra fuq il-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standard li jsegwi kull bejjiegħ jew fornitur fil-konfront tal-konsumatur medju fil-promozzjoni jew meta joffri l-kuntratt (60). Imbagħad jispetta lil kull bejjiegħ jew fornitur (fil-każ tal-kawża prinċipali, kull istituzzjoni finanzjarja) li jipproduċi l-prova li l-prattiki tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza.

86.      Il-Gvern Pollakk issuġġerixxa fis-sottomissjonijiet tiegħu li huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq tipi differenti ta’ konsumatur medju sabiex jiġu evalwati gruppi differenti ta’ kuntratti. Dan il-gvern ippropona li meta kuntratt ta’ self jiġi konkluż skont mudell standard partikolari intiż għal grupp ta’ konsumaturi partikolari, il-kunċett ta’ konsumatur medju jikkorrispondi għall-membru medju tal-grupp li miegħu jkunu ġew konklużi l-kuntratti.

87.      Fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li torganizza l-kontenzjuż u tiddetermina f’kull każ l-għodda xierqa biex tagħmel dan. Jekk din il-qorti tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-azzjoni jirriflettu prattika standard u li l-kategorizzazzjoni ta’ konsumaturi fi gruppi differenti tikkontribwixxi għal din l-evalwazzjoni, hija għandha għaldaqstant tkun permessa tagħmel dan. Madankollu, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ konsumatur medju huwa separat mill-għarfien jew l-abbiltajiet ta’ kull konsumatur. Għaldaqstant, kwalunkwe kategorizzazzjoni tal-konsumaturi involuti fil-proċeduri kollettivi ma tistax titwettaq fuq il-bażi ta’ kriterji li jikkontradixxu l-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti gruppi iżgħar oħra fuq il-bażi ta’ livell differenti ta’ għarfien tal-konsumaturi jew l-età tagħhom jew il-professjoni tagħhom (sal-punt li huma jaġixxu għal skopijiet li jaqgħu barra min-negozju jew professjoni tagħhom). Barra minn hekk, il-mudelli kuntrattwali użati jistgħu jkunu element distintiv biss jekk dan l-element jkollu influwenza reali fuq il-kunċett ta’ konsumatur medju li jikkonkludi tip speċifiku ta’ kuntratt. Jekk l-abbiltà tal-konsumatur li jifhem il-konsegwenzi konkreti tal-użu tal-“klawżola ta’ rata minima” ma hijiex influwenzata mit-tip tal-kuntratt użat, allura t-tip ta’ kuntratt ma jistax ikun kriterju li jiddistingwi xi gruppi ta’ konsumaturi mill-gruppi l-oħra kollha.

88.      L-aħħar kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna r-rilevanza tad-dekorranza ta’ żmien biex jiġi applikat il-kunċett tal-konsumatur medju.

89.      Huwa minnu li l-perċezzjonijiet jevolvu tul iż-żmien. Matul is-seduta, ġejna mfakkra bid-dottrina Griega tal-bidla kontinwa ta’ Heraclitus li jgħid li “kollox jinbidel u xejn ma jibqa’ l-istess” (61).

90.      Minkejja din id-dottrina, il-kunċett ta’ konsumatur medju, kif innotat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jeżiġi xi ftit stabbiltà biex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali. L-evoluzzjoni ġenerali tal-perċezzjonijiet tul iż-żmien ma hijiex suffiċjenti minnha nfisha biex turi li l-għarfien tal-konsumatur medju dwar il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni nbidel. Jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ġrajja partikolari li bidlet b’mod sinjifikattiv il-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-“klawżoli ta’ rata minima”. F’dan ir-rigward, it-tibdil fil-qafas leġiżlattiv jew xi sentenza importanti li tikkonċerna l-klawżola inkwistjoni jistgħu jkunu partikolarment rilevanti.

91.      Fil-kawża prinċipali, id-dekorrenza ta’ żmien bejn il-mument li fih ġew konklużi l-kuntratti inkwistjoni u t-tnaqqis fir-rata ta’ interessi ma tidhirx li hija rilevanti jew suffiċjenti biex taffettwa l-kunċett tal-konsumatur medju. Kif poġġieha l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, fl‑2010 (qabel ma waqgħu r-rati tal-interessi), il-konsumatur medju ma kellux għarfien tal-“klawżoli ta’ rata minima” iktar mill-konsumatur medju fl‑2000. Fil-fatt, qabel ma skatta l-effett tal-“klawżoli ta’ rata minima” bit-tnaqqis kbir fir-rati tal-interessi, is-sempliċi eżistenza ta’ dawn il-klawżoli fil-kuntratti ma kellhom ebda effett fil-prattika.

92.      Għaldaqstant, jidhirli li l-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata ma hijiex daqstant dik tad-dekorrenza ta’ żmien, imma hija pjuttost il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur medju li ngħata self wara l‑2009 jew l‑2010 għandux jiġi ttrattat b’mod differenti mill-konsumatur medju li ngħata self qabel din id-data. ikunu esklużi mill-kunċett tal-konsumatur medju. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk it-tnaqqis wassalx għal żieda fl-għarfien tal-“klawżoli ta’ rata minima” u jekk l-istituzzjonijiet finanzjarji bidlu l-prattiki tagħhom u ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza. Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tikkunsidra wkoll jekk kienx hemm konfużjoni f’moħħ il-konsumaturi dwar il-legalità ta’ dawn il-klawżoli qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja fuqhom. Din il-qorti tista’ tikkunsidra wkoll jekk is-sentenza tagħha stess tad‑9 ta’ Mejju 2013, fejn hija ddeċidiet li l-“klawżoli ta’ rata minima” kienu legali fil-prinċipju, iżda li kienu neqsin mit-trasparenza u kienu inġusti, kinitx rilevanti għat-tibdil fil-perċezzjoni sa minn din id-data. Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel dawn il-konstatazzjonijiet.

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-istħarriġ astratt tat-trasparenza mill-perspettiva tal-konsumatur medju huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13. Il-konsumatur medju huwa standard oġġettiv fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, indipendentement mill-karatteristiċi jew in-numru ta’ konsumaturi involuti. Il-fatt li l-azzjoni kollettiva mressqa fil-kawża prinċipali tinvolvi numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, numru kbir ta’ kuntratti u konsumaturi differenti u li l-klawżoli inkwistjoni ddaħħlu fil-kuntratti fuq perijodu twil ta’ żmien ma jaffettwax, bħala tali, il-kunċett ta’ konsumatur medju.

 V. Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod kif ġej:

(1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, inkwantu jirreferi għat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, inkwantu jirreferi għal klawżoli kuntrattwali simili,

għandhom jiġu interpretati bħala li jippermettu lill-qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni astratta tat-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi, f’ċirkustanzi fejn il-proċeduri rilevanti jitressqu kontra numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u jinvolvu numru kbir ta’ kuntratti. Biex twettaq din l-evalwazzjoni, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ il-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standard ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati fid-dawl tal-istandard oġġettiv tal-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

(2)      L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati bħala li huma kompatibbli ma’ stħarriġ astratt tat-trasparenza mill-perspettiva tal-konsumatur medju. Il-konsumatur medju huwa standard oġġettiv fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, indipendentement mill-karatteristiċi jew in-numru ta’ konsumaturi involuti. Il-fatt li l-azzjoni kollettiva mressqa fil-kawża prinċipali tinvolvi numru sinjifikattiv ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, numru kbir ta’ kuntratti u konsumaturi differenti u li l-klawżoli inkwistjoni ddaħħlu ddaħħlu fil-kuntratti fuq perijodu twil ta’ żmien ma jaffettwax, bħala tali, il-kunċett ta’ konsumatur medju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).


3      Howells, G., Twigg-Flesner, C., u Wilhelmsson, T., Rethinking EU Consumer Law, Londra, Routledge, 2017, p. 153.


4      Ara de Elizalde, F., “The Rain does not Stay in the Plain – Or How the Spanish Supreme Court Ruling of 25 March 2015, on Minimum Interest Rate Clauses, affects European Consumers”, Journal of European Consumer and Market Law (EuCML), Vol. 4(5), 2015, p. 184.


5      Ara de Elizalde, F. u Leskinen, C., “The control of terms that define the essential obligations of the parties under the Unfair Contract Terms Directive: Gutiérrez Naranjo”, Common Market Law Review, Vol. 55(5), 2018, p. 1595 sa 1617.


6      Preżentazzjoni qasira tar-raġunament tad-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑9 ta’ Mejju 2013 tingħata fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 18).


7      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980).


8      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawżi magħquda Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:15, punti 53) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Invitel (C‑472/10, EU:C:2011:806, punt 37)


9      Sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 21).


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30).


11      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży ‘Partner’ (C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 31). Għandu jiġi nnotat li fiż-żmien rilevanti tal-kawża prinċipali ma kien jeżisti l-ebda strument legali tal-Unjoni dwar il-mezzi proċedurali biex jinkiseb rimedju. Id-dritt Spanjol ipprovda l-possibbiltà li ma’ azzjoni għal inġunzjoni tingħaqad azzjoni relatata għall-irkupru ta’ ħlasijiet magħmula taħt il-kundizzjonijiet ġenerali li jkun ġie deċiż li huma inġusti. Fil-kawża prinċipali, l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi rikorrenti għamlu użu minn din il-possibbiltà.


12      Sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 30).


13      Sentenzi tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 29), u tas‑26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 37).


14      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Invitel (C‑472/10, EU:C:2011:806, punt 37).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punti 37 u 40).


16      Sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta li tagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju (KĠN) tal-kuntratti ma’ konsumaturi fil-kuntest ta’ azzjoni għall-inġunzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, imressqa kontra bejjiegħ jew fornitur fl-interess pubbliku u f’isem il-konsumaturi minn organu nnominat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, effetti fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess KĠN, inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal inġunzjoni.


17      Ara t-Taqsima 3.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni - Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU 2019, C 323, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Klawżoli Inġusti”).


18      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Ocidental – Companhia Portuguesa de Seguros de Vida (C‑263/22, EU:C:2023:311, punt 31).


19      Grundmann, S. “A Modern Standard Contract Terms Law from Reasonable Assent to Enhanced Fairness Control”, European Review of Contract Law, Vol 15, (Nru 2), 2019, p. 148 sa 176, p. 157.


20      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Spejjeż għall-għoti tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212).


21      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 72).


22      Ara, b’mod ġenerali, Ebers, M., “Unfair Contract Terms Directive (93/13)” f’Schulte-Nölke, H., Twigg-Flesner, C. u Ebers, M., EC Consumer Law Compendium: the Consumer Acquis and Its Transposition in the Member States, Sellier European Law Publishers, München, 2008. Fil-kuntest tas-self lill-konsumaturi, ara Luzak J., u Junuzović, M. “Blurred Lines: Between Formal and Substantive Transparency in Consumer Credit Contracts”, EuCML, Vol 8(3), 2019, p. 97 sa 107.


23      Gwida tal-Kummissjoni dwar Klawżoli Inġusti, Taqsima 3.3.1., p. 25.


24      Dwar l-użu tat-terminu “trasparenza sostantiva” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 49).


25      Sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 43), u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 45) u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 66); u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Spejjeż għall-għoti tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 33).


28      Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 67).


29      Ibid, punt 75.


30      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11, punt 49).


32      Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-Klawżoli Inġusti) (C‑139/22, EU:C:2023:692, punti 61 u 66).


33      Ibid, punt 66.


34      Howells, G., Twigg-Flesner, C., and Wilhelmsson, T., op. cit. footnote 3, p. 152.


35      Gardiner, C., “Unfair Contract Terms in the Digital Age: The Challenge of Protecting European Consumers in the Online Marketplace”, Edward Elgar Publishing, 2022, p. 96.


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 53).


37      Ara, f’dan ir-rigward, Howells, G., Twigg-Flesner, C. u Wilhelmsson, T., op.cit. Nru 3, p. 151, li jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja “ma tidhirx li hija eżiġenti ħafna” meta pprovat tiddefinixxi dak li wieħed jista’ jistenna mill-konsumatur medju b’mod iktar preċiż.


38      Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 86).


39      Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ trasparenza kif jidher fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu l-istess portata bħal dak li jissemma fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


40      Fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2004, IlKummissjoni vs Spanja (C‑70/03, EU:C:2004:505, punt 16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni oġġettiva (fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva) tagħmilha possibbli li jkun ipprojbit b’mod iktar frekwenti l-użu ta’ klawżola li ma tinftihemx jew li hija ambigwa, li tirriżulta fi protezzjoni tal-konsumatur iktar estensiva.


41      Punt 39 ta’ dawn il-konklużonijiet.


42      Ara, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fi proċeduri kemm individwali kif ukoll kollettivi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Invitel (C‑472/10, EU:C:2011:806, punt 50).


43      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22 (ĠU 2020, L 409, p. 1).


44      Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2020/1828, “azzjoni rappreżentattiva” tfisser azzjoni għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi li titressaq minn entità kkwalifikata bħala rikorrenti f’isem konsumaturi biex tikseb inġunzjoni, miżura ta’ rimedju jew it-tnejn li huma.


45      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2020/1828.


46      Fil-punt 83 tas-sentenza tagħha Nru 603/2018 tat‑12 ta’ Novembru, li jifforma parti mill-proċess tal-kawża nazzjonali, l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid) tirreferi għall-evalwazzjoni tal-“kuntrattazzjoni fil-forma standard” “patrón estandar de contratacion” fir-rigward tal-konsumatur medju.


47      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Il-qorti tal-appell nazzjonali eżaminat l-“isforz fi grad differenti” magħmula minn kull bank konvenut biex jiżguraw trasparenza effettiva fl-inklużjoni tal-klawżola ta’ rata minima (sentenza tal-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid), punt 28).


49      Ara Nogler, L. u Reifner, U., “The Contractual Concept of Life-Time Contracts under Scrutiny” f’Ratti, L., Embedding the Principles of Life Time Contracts, Eleven International Publishing, The Hague, 2018, p. 3, li jinnotaw l-aspett “uman jew eżistenzjali” ta’ kuntratti għal żmien twil li jservu bżonnijiet bażiċi.


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑609/19, EU:C:2021:469, punt 53).


51      Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      B’mod iktar partikolari, għal dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-leġiżlatur Ġermaniż uża l-possibbiltà offruta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2020/1828 u pprovda għal kundizzjoni speċifika ta’ ammissibbiltà fir-rigward tas-similarità ta’ sitwazzjonijiet koperti minn azzjoni rappreżentattiva għal rimedju taħt il-punt 15 tal-Gesetz zur gebündelten Durchsetzung von Verbraucherrechten (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Konġunta ta’ Drittijiet tal-Konsumatur – VuDuG) tat‑8 ta’ Ottubru 2023 (BGB1.2023 I N 272). Din il-kundizzjoni teżiġi li d-drittijiet tal-konsumaturi koperti mill-azzjoni jkunu “essenzjalment omoġenei” (il-kliem eżatt bil-Ġermaniż huma “im Wesentlichen gleichartig”). Skont ix-xogħol preparatorju tal-VuDuG (Gesetzentwurf der Bundesregierung, BT – Drs. 20/6520, p. 77 u 78), it-talbiet tal-konsumatur ikkonċernati għandhom ikunu suffiċjentement simili fil-fatt u fid-dritt biex jippermettu lill-qorti adita biex tiddeċiedi fuq multitudni ta’ talbiet fl-istess proċeduri. Dan jippreżupponi li l-qorti ma għandhiex bżonn tagħmel konstatazzjonijiet fattwali estensivi f’każijiet fattwalment differenti jew tittratta diversi kwistjonijiet legali differenti li jqajmu sitwazzjonijiet individwali. Il-grad ta’ similarità bejn it-talbiet rilevanti jrid ikun tali li jippermetti lill-qrati jwettqu eżami skematiku tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tat-talba mill-aspett fattwali u legali mingħajr ma jkun meħtieġ eżami individwali każ b’każ. Skont dawn ix-xogħlijiet preparatorji, l-omoġeneità ma teżiġix li l-kuntratti kkonċernati jkunu identiċi jew konklużi matul l-istess perijodu. Jingħad li l-fatti huma simili, pereżempju, “meta diversi konsumaturi jikkonkludu kuntratti individwali ta’ tfaddil f’dati differenti, iżda li l-kuntratti jew tipi ta’ kuntratti differenti kollha fihom l-istess klawżola standard”. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa importanti li jiġi nnotat li l-leġiżlatur Ġermaniż “taffa” l-kundizzjoni ta’ “omoġeneità” matul il-proċedura leġiżlattiva billi żied il-kelma “essenzjalment”. Dan sar biex jiġu evitati oġġezzjonijiet possibbli li jitressqu minn professjonisti fir-rigward ta’ karatteristiċi individwali jew aġir individwali ta’ xi wħud mill-konsumaturi kkonċernati bil-għan li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ azzjoni rappreżentattiva għal rimedju (ara, ir-rakkomondazzjonijiet magħmula, matul il-proċedura leġiżlattiva, mill-Bundesrat (Il-Kunsill Federali, il-Ġermanja) BR-Drs. 145/1/23, p. 4 u 5). Għaldaqstant, il-leġiżlatur Ġermaniż ikkunsidra li t-terminu “essenzjalment omoġenea” huwa miftuħ b’mod suffiċjenti biex iwassal għal riżultati adegwati f’kull każ.


53      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży ‘Partner’ (C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 26).


54      Punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġsitru Pollakk tal-Klawżoli Inġusti) (C‑139/22, EU:C:2023:692, punti 61 u 66).


56      Ibid, punt 66.


57      Ibid, punt 67.


58      Ibid, punt 69.


59      Kieku dan ma kienx il-każ, il-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jaqgħu barra mill-portata protettiva tad-Direttiva 93/13 (ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


60      Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Fil-Grieg antik, “τα πάντα ῥεῖ, μηδέποτε κατά τ’αυτό μένειν” li t-tifsira letterali tagħhom hija “kollox jinbidel u xejn ma jibqa’ l-istess”.