Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2012 - Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill

(Kawża T-442/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (Changzhou, iċ-Ċina) (rappreżentanti: E. Vermulst u S. Van Cutsem, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012, tas-26 ta' Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 182, p. 1) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51) billi ċaħad it-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi ttrattata bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq abbażi ta' allegata distorzjoni tal-prezz tal-materja prima, il-benżen. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta' evalwazzjoni billi huma pparagunaw il-prezzijiet tal-benżen prodott mill-kokk mal-benżen prodott miż-żejt mhux raffinat, u bbażaw l-evalwazzjoni tagħhom fuq dazju fuq l-esportazzjoni fuq il-benżen, li huma ammettew ma kienx fis-seħħ. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kisru l-ewwel inċiż tal-Artikolu 27(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 billi qiesu li n-nuqqas ta' rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjonijiet tal-benżen kien jikkostitwixxi indħil importanti mill-Istat fid-deċiżjonijiet tan-negozju tar-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 peress li l-Kunsill kien imissu ttratta lir-rikorrenti bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq waqt l-eżami mill-ġdid intermedjarju u għaldaqstant ikkonkluda b'mod żbaljat li ċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping kienu tbiddlu b'mod sinjifikattiv u li dawn it-tibdiliet kienu ta' natura fit-tul.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser id-dmir li jagħti raġunijiet, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikoli 6(7), 11(3), 14(2) u 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni u jindika r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-kummenti u tal-provi prodotti mir-rikorrenti u billi naqas milli inekwivokabbilment jagħti r-raġunijiet tiegħu dwar l-allegata distorsjoni tal-prezz tal-materja prima, il-benżen.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 billi naqas milli jieħu deċiżjoni fuq it-trattament tar-rikorrenti bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u d-drittijiet tad-difiża billi rrifjuta li jiżvela d-dettalji li abbażi tagħhom kien ikkalkolat il-valur normali.

____________