Language of document : ECLI:EU:T:2015:477

Kawża T‑436/12

Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva Rock & Rock — Trade marks nazzjonali preċedenti MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK, COVERROCK u CEILROCK — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Lulju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark figurattiva Rock & Rock u trade marks verbali MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK, COVERROCK u CEILROCK

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(1)(b), u 53(1)(a))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 16)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 18)

3.      Ma teżistix, għall-pubbliku rilevanti, magħmul minn konsumaturi Ġermaniżi medji u minn professjonisti fis-settur tal-kostruzzjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja bejn is-sinjal figurattiv Rock & Rock, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal prodotti fil-klassijiet 2, 19 u 27 skont il-Ftehim ta’ Nizza, u t-trade marks verbali MASTERROCK, FIXROCK, FLEXIROCK, COVERROCK u CEILROCK, irreġistrati preċedentement fil-Ġermanja għal prodotti jew servizzi fil-klassijiet 6, 17, 19 jew 37.

Il-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni jixxiebhu parzjalment u, għall-bqija, huma ftit li xejn simili jew differenti. Barra minn hekk, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa partikolarment għoli u jeżisti biss grad dgħajjef ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni, li jirriżulta, l-iktar, minn element li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir għall-prodotti inkwistjoni u ta’ tifħir għas-servizzi koperti. Fl-aħħar nett, il-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti huwa dgħajjef, bl-eċċezzjoni tat-trade mark CEILROCK, li l-karattru distintiv tagħha huwa normali.

Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sinjali inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti hija partikolarment għolja meta jinxtraw il-prodotti koperti, id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali li jisseparaw is-sinjali inkwistjoni huma biżżejjed sabiex, minkejja x-xebh ta’ ċerti prodotti koperti, ix-xebh li jirriżulta mill-preżenza tal-element komuni “rock” ma jwassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur medju Ġermaniż u ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni.

Peress li l-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni ta’ familja ta’ trade marks. Ir-rikonoxximent tal-familja ta’ trade marks bl-element serjali “rock” iwassal preċiżament għall-monopolizzazzjoni tal-element “rock”, li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Il-protezzjoni amplifikata permezz tar-rikonoxximent tal-preżenza ta’ familja ta’ trade marks tfisser li, fil-prattika, l-ebda operatur ma jkun jista’ jirreġistra trade mark li tinkludi l-element “rock” u, skont il-każ, ikun jista’ jiġi rrifjutat l-użu ta’ dan l-element fis-slogans u fil-materjal pubbliċitarju tiegħu. Tali restrizzjoni tal-libertà ta’ kompetizzjoni, li tirriżulta mir-riżervazzjoni ta’ terminu bażiku tal-lingwa Ingliża għal operatur ekonomiku wieħed biss, ma tistax tkun iġġustifikata mill-interess li jiġi kkumpensat l-isforz ta’ kreazzjoni jew pubbliċitarju tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, meta ma jkunx il-każ ta’ karattru distintiv miksub bl-użu, il-valur kummerċjali li jikkostitwixxi l-imsemmija riżervazzjoni ma huwiex ir-riżultat ta’ tali sforz tal-proprjetarju, iżda unikament dak tas-sens tal-kelma, predeterminat mil-lingwa inkwistjoni, li jirreferi għall-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

(ara l-punti 19, 24, 81, 83, 86, 96, 97)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 27)

5.      Sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħrajn. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.

(ara l-punt 28)

6.      Il-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni hija każ speċifiku ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-trade marks inkwistjoni, għalkemm ma jistgħu jiġux konfużi direttament mill-pubbliku taħt mira, jistgħu jiġu pperċepiti bħala żewġ trade marks tal-istess proprjetarju. Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju, huwa neċessarju li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li jippermettu li jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-istess serje jew familja. Madankollu, l-fattur ta’ serje jew ta’ familja ta’ trade marks huwa rilevanti biss jekk l-element komuni jkun distintiv. Fil-fatt, jekk dan l-element ikun deskrittiv, ma jistax joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

Il-protezzjoni usa’ mogħtija lil familja ta’ trade marks tista’ utilment tiġi invokata biss meta l-element komuni tat-trade marks preċedenti huwa deskrittiv ħafna fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti. Fil-fatt, terminu li jirreferi għan-natura tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni distintiva ta’ familja ta’ trade marks.

Anki fi preżenza ta’ familja ta’ trade marks, il-protezzjoni wiesgħa intiża li tevita probabbiltà ta’ assoċjazzjoni tingħata biss fil-każ fejn it-trade mark l-iktar reċenti jkollha karatteristiċi li jistgħu jirreferu għas-serje. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-element komuni għat-trade marks serjali preċedenti jintuża fit-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni b’kontenut semantiku differenti.

(ara l-punti 79, 80, 87)