Language of document : ECLI:EU:C:2019:152

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C100/18

Línea Directa Aseguradora, S.A.

vs

Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” – Dannu materjali kkawżat lil proprjetà immobbli minn ħruq ta’ vettura pparkjata fil-parkeġġ privat ta’ din il-proprjetà – Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (2).

2.        Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ kumpanniji ta’ assigurazzjoni, jiġifieri Línea Directa Aseguradora, SA (iktar ’il quddiem “Línea Directa”) u Segurcaixa, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros, dwar il-kopertura mill-assigurazzjoni għall-vetturi għad-danni kkawżati lil dar mill-ħruq ta’ vettura pparkjata fil-garaxx tagħha.

3.        Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jiġi interpretat jekk il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, li jidher fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, jistax jiġi interpretat bħala applikabbli f’sitwazzjoni li fiha vettura ħadet in-nar waqt li kienet ipparkjata għal iktar minn 24 siegħa f’post ta’ parkeġġ privat, u fejn, skont din il-qorti, in-nar oriġina mill-mekkaniżmi neċessarji sabiex jassiguraw il-funzjoni tagħha ta’ trasport.

4.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser insostni li dan il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” għandu jiġi interpretat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-involviment ta’ vettura, użata konformement mal-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport, f’inċident li jseħħ f’lok ta’ parkeġġ intiż għal dan l-għan.

5.        Fil-fatt, ser nipproponi li jitqies li ċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali ma jiġġustifikawx li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett billi jiġi stabbilit limitu spazjali li jikkonsisti fl-esklużjoni tal-parkeġġ f’garaxx privat jew limitu ratione temporis bejn il-materjalizzazzjoni tar-riskju u l-ispostament preċedenti tal-vettura pparkjata, jew ukoll limitu kawżali skont l-oriġini mekkanika tal-inċident.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      “vettura” tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le.”

7.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

[…]

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1)(c) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

[…]

c)      persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.”

9.        L-Artikolu 29 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“Id-Direttivi 72/166/KEE[(3)], 84/5/KEE[(4)], 90/232/KEE[(5)], 2000/26/KE[(6) u 2005/14/KE[(7)] […] huma mħassrin […].

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

B.      Id-dritt Spanjol

10.      Il-ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni fil-qasam tal-Użu tal-Vetturi bil-Mutur), ikkodifikata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2004 (Digriet-Liġi Rjali Nru 8/2004) tad-29 ta’ Ottubru 2004 (8), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tagħha:

“Is-sewwieq ta’ vetturi bil-mutur huwa responsabbli, minħabba r-riskju involut fis-sewqan ta’ tali vetturi, għad-dannu kkawżat lil persuni jew lil beni mill-użu tagħhom.

F’każ ta’ danni kkawżati lil persuni, is-sewwieq huwa eżentat minn din ir-responsabbiltà biss jekk huwa juri li dawn id-danni huma t-tort tal-vittma esklużivament jew minħabba forza maġġuri esterna għas-sewqan jew għall-funzjonament tal-vettura; ma humiex ikkunsidrati bħala forza maġġuri jew difetti tal-vettura la l-ksur u lanqas il-falliment ta’ xi wieħed mill-mekkaniżmi jew partijiet tal-imsemmija vettura.

Fil-każ ta’ ħsara lil beni, is-sewwieq għandu jkun responsabbli fil-konfront ta’ terzi meta huwa jkun ċivilment responsabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1902 et seq. tal-Código Civil [il-Kodiċi Ċivili], tal-Artikoli 109 et seq. tal-Código Penal [il-Kodiċi Kriminali], u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

Jekk is-sewwieq u l-vittma t-tnejn kienu negliġenti, ir-responsabbiltà għandha tinqasam b’mod ekwu u l-ammont ta’ kumpens għandu jinqasam skont ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed.

Il-proprjetarju mhux sewwieq huwa responsabbli għad-danni fiżiċi u materjali kkawżati mis-sewwieq meta jkun marbut ma’ dan tal-aħħar permezz ta’ waħda mir-rabtiet imsemmija fl-Artikolu 1903 tal-Kodiċi Ċivili u fl-Artikolu 120(5) tal-Kodiċi Kriminali. Din ir-responsabbiltà tintemm meta l-proprjetarju msemmi jipprova li uża d-diliġenza kollha ta’ missier tajjeb tal-familja sabiex jipprevjeni d-dannu.

Il-proprjetarju mhux sewwieq ta’ vettura li ma huwiex kopert minn assigurazzjoni obbligatorja huwa responsabbli ċivilment, b’mod konġunt mas-sewwieq, għad-danni fiżiċi u materjali kkawżati mill-vettura msemmija, ħlief jekk jipprova li l-vettura nsterqet.”

11.      L-Artikolu 2(1) tar-Reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos de motor (ir-Regolament dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur), ikkodifikat permezz tar-Real Decreto 1507/2008 (id-Digriet Irjali Nru 1507/2008) tat-12 ta’ Settembru 2008 (9) jipprovdi:

“Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur u tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja rregolata minn dan ir-regolament, jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mir-riskju involut fis-sewqan tal-vetturi bil-mutur imsemmija fl-artikolu preċedenti, kemm fil-garaxxijiet u fil-parkeġġi kif ukoll f’toroq u fuq terreni pubbliċi u privati adattati għat-traffiku, urbani u interurbani, kif ukoll f’toroq u fuq terreni li, mingħajr ma ġew adattati għal dan il-għan, jintużaw ta’ spiss.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      Fid-19 ta’ Awwissu 2013, waranofsinhar, Luis Salazar Rodes ipparkja l-vettura tiegħu, li kien xtara għaxart’ijiem qabel, fil-garaxx ta’ dar privata, proprjetà ta’ Industrial Software Indusoft.

13.      Fl-20 ta’ Awwissu 2013, waranofsinhar, L. Salazar Rodes qabbad il-magna tal-vettura tiegħu iżda ma rnexxilux iċaqlaqha.

14.      Xi sigħat iktar tard, lejn it-3 ta’ filgħodu, il-vettura ta’ L. Salazar Rodes, li ma kinitx instaqet għal iktar minn 24 siegħa, ħadet in-nar u kkawżat danni lid-dar li tmiss mal-garaxx. L-oriġini tan-nar kienet iċ-ċirkwit elettriku tal-vettura.

15.      Ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vettura ta’ L. Salazar Rodes kienet koperta mill-assigurazzjoni ma’ Línea Directa.

16.      Industrial Software Indusoft, li d-dar privata tagħha kienet assigurata ma’ Segurcaixa, kienet ikkumpensata f’ammont ta’ EUR 44 704.34 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat lil din il-proprjetà immobbli mill-ħruq tal-vettura inkwistjoni.

17.      Fil-5 ta’ Marzu 2014, Segurcaixa ħarrket lil Línea Directa quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria-Gazteiz (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria-Gazteiz, Spanja) sabiex din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 44 704.34, flimkien mal-interessi legali, minħabba l-fatt li l-oriġini tal-inċident kienet fatt ta’ użu kopert mill-assigurazzjoni għall-vetturi tal-vettura ta’ L. Salazar Rodes. Din il-qorti qieset li n-nar ma setax jitqies bħala “fatt ta’ użu” kopert mill-assigurazzjoni għall-vetturi u ċaħdet it-talba ta’ Segurcaixa.

18.      Adita b’rikors ippreżentat minn Segurcaixa kontra din id-deċiżjoni, l-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Alava, Spanja) annullat din id-deċiżjoni, u laqgħet it-talba ta’ Segurcaixa billi adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “fatt ta’ użu” (10), li tipprovdi li jikkostitwixxi tali fatt “il-ħruq ta’ vettura pparkjata b’mod mhux permanenti mill-proprjetarju tal-imsemmija vettura f’post ta’ garaxx, meta dan kien dovut għal kawżi intrinsiċi mingħajr interferenza minn parti terza”.

19.      Línea Directa ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

20.      Din il-qorti tesponi li d-dritt Spanjol li jittrasponi d-Direttiva 2009/103 jiddefinixxi l-kamp oġġettiv tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-vetturi previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva u tqis bħala “fatti ta’ użu” il-“fatti li jirriżultaw mir-riskju involut fis-sewqan tal-vetturi bil-mutur […], kemm fil-garaxxijiet u fil-parkeġġi kif ukoll f’toroq u fuq terreni pubbliċi u privati adattati għat-traffiku, urbani u interurbani, kif ukoll f’toroq u fuq terreni li, mingħajr ma ġew adattati għal dan il-għan, jintużaw ta’ spiss”.

21.      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iżżid li, skont l-interpretazzjoni wiesgħa tagħha tar-riskju li jirriżulta mill-użu, hija kkunsidrat li huwa kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja l-każ ta’ vettura wieqfa jew li l-magna tagħha tkun mitfija, peress li l-inċident għandu rabta mal-funzjoni tat-trasport tal-vettura, kif ukoll il-każ ta’ vettura li ħadet in-nar matul vjaġġ.

22.      Hija madankollu eskludiet il-każ ta’ ħruq ta’ vettura pparkjata u protetta mis-silġ permezz ta’ kopertura li tgħatti l-vettura.

23.      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tippreċiża li, skont id-dritt Spanjol, is-sewwieq ta’ vettura ma għandux ikun responsabbli għad-danni li jirriżultaw minn forza maġġuri, iżda li d-difetti tal-vettura jew il-falliment ta’ wieħed mill-mekkaniżmi tagħha ma għandhomx jitqiesu bħala avvenimenti li jikkostitwixxu forza maġġuri. Barra minn hekk, il-fatt li l-inċident ikun dovut għal difett tal-vettura ma jeskludix il-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja, u sussegwentement il-preżentata ta’ rikors kontra l-manifattur, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet.

24.      Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2009/103 li jiġi ddikjarat li l-assigurazzjoni għall-vetturi tkopri inċident li fih kienet involuta vettura bil-magna mitfija u li kienet ipparkjata f’garaxx ta’ dar privata mingħajr konnessjoni mal-użu u mingħajr ma din il-vettura tippreżenta riskju għall-utenti tat-toroq. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni tista’ taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ xi ħaġa potenzjalment perikoluża.

25.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi, imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jista’ jiġġustifika l-garanzija tal-konsegwenzi tal-ħruq ta’ vettura wieqfa, jekk l-oriġini tiegħu tirriżulta minn funzjoni neċessarja jew utli sabiex din il-vettura tiċċaqlaq, peress li din is-sitwazzjoni tista’ għaldaqstant tkun marbuta mal-funzjoni ta’ trasport normali tal-vettura.

26.      Madankollu, fin-nuqqas ta’ prossimità ratione temporis bejn l-użu preċedenti ta’ din il-vettura u l-inċident jew minħabba l-mod kif dan seħħ, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ rabta diretta bejn ir-riskju u l-użu tal-vettura, ikun hemm sitwazzjoni li fiha l-vettura pparkjata ma taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”.

27.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li interpretazzjoni li tinjora r-rabta ratione temporis bejn l-użu preċedenti tal-vettura u l-mument li fih iseħħ l-inċident tista’ twassal biex l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur tiġi assimilata mill-assigurazzjoni ta’ proprjetarju ta’ dar li tkopri r-responsabbiltà tas-sid li tirriżulta mis-sempliċi żamma jew pussess ta’ vettura.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE […], jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura wieqfa meta dan in-nar joriġina mill-mekkaniżmi neċessarji sabiex il-vettura taqdi l-funzjoni tagħha ta’ trasport?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel d-domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE […], jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura meta ma tkunx tista’ tiġi stabbilita relazzjoni bejn dan in-nar u moviment preċedenti, b’tali mod li ma tkun tista’ tiġi stabbilita ebda konnessjoni ma’ vjaġġ?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE […] jipprekludi interpretazzjoni li tinkludi fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, id-danni kkawżati minn nar f’vettura meta din tkun ipparkjata f’garaxx privat magħluq?”

IV.    L-analiżi tiegħi

A.      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari

29.      Línea Directa ssostni li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li hija ipotetika. Din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li n-nar kellu l-oriġini tiegħu fil-mekkaniżmi neċessarji għall-funzjoni ta’ trasport tal-vettura, filwaqt li dan ma kienx ġie stabbilit mill-provi fil-kawża prinċipali. Skont Línea Directa, kien ġie stabbilit biss li n-nar kellu l-oriġini tiegħu fiċ-ċirkwit elettriku ta’ din il-vettura.

30.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni […] Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha […]” (11).

31.      F’din il-kawża, dan ma huwiex il-każ. Iċ-ċirkustanzi ta’ fatt tat-tilwima deskritti mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li jġegħluha tiddubita l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura, ma humiex limitati għall-oriġini tal-ħruq tal-vettura inkwistjoni. L-interpretazzjoni mitluba tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Ir-rilevanza tagħha, fir-rigward tas-sentenzi diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata.

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

33.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” sitwazzjoni li fiha l-ħruq ta’ vettura li oriġina miċ-ċirkwit elettriku tagħha, li ilha pparkjata f’garaxx privat għal iktar minn 24 siegħa, ikkawża danni lil dar li hija konnessa ma’ dan il-garaxx.

34.      Il-qorti tar-rinviju enfasizzat, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karatteristika unika ta’ tilwima li tirriżulta mill-involviment f’inċident, li seħħ f’post ta’ parkeġġ privat, ta’ vettura li ma kinitx għadha kif instaqet.

35.      Fil-fatt, għalkemm ċerti elementi ta’ risposta jistgħu jittieħdu mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati mill-ġdid sabiex jiġi ddeterminat jekk jaqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” nar li seħħ b’mod spontanju li jinvolvi vettura mitfija li ma nstaqitx immedjatament qabel.

36.      B’hekk, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu ma tistax titħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru u li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi (12).

37.      It-tieni nett, jista’ jiġi osservat li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett evolviet skont is-sitwazzjonijiet differenti li tressqu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi ” kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-użu normali ta’ din tal-aħħar, jiġifieri għall-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport (13).

39.      Din l-interpretazzjoni ppermettiet li jitqies li huma koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja s-sitwazzjonijiet li fihom vettura tkun mitfija u f’parkeġġ (14), u ftit jimporta jekk il-magna kinitx mixgħula jew le fil-mument li fih seħħ l-inċident (15).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-użu ta’ vettura konformi mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport ma huwiex limitat għas-sewqan tal-vetturi, iżda jinkludi wkoll l-azzjonijiet marbuta miegħu, bħall-użu tal-bibien mill-passiġġieri li jinżlu minn vettura wieqfa (16).

41.      Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ikopri kull sitwazzjoni li fiha vettura tintuża mhux biss f’toroq pubbliċi, iżda wkoll fuq art pubblika jew privata (17), peress li l-portata ta’ dan il-kunċett ma tiddependix fuq il-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża l-vettura (18).

42.      B’hekk, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm l-ebda dubju li dan il-kunċett jinkludi s-sitwazzjonijiet fejn seħħet ħsara waqt li l-vettura kienet ipparkjata f’post privat intiż għal dan il-għan.

43.      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li diversi kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bihom għandhom bħala punt komuni l-involviment ta’ vettura li kienet qiegħda tintuża jew li kienet ser tintuża.

44.      Għaldaqstant, l-unika kwistjoni delikata li għandha tiġi deċiża hija dik dwar jekk in-nuqqas tal-użu tal-vettura f’mument suffiċjentement viċin għall-mument li fih seħħ l-inċident jistax jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni mill-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi u, sussidjarjament, jekk le, jekk għandhiex tkun meħtieġa rabta kawżali ta’ natura teknika.

45.      Tliet raġunijiet jidhruli li jiġġustifikaw risposta negattiva għal din il-mistoqsija prinċipali. L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex limiti ratione temporis għal meta jseħħ l-inċident, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi.

46.      It-tieni nett, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li hija tfittex li tittraduċi dan l-għan ta’ protezzjoni mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (19), peress li vettura, li d-definizzjoni tagħha tfakkret reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (20), tintuża, jew hija intiża sabiex tintuża, konformement mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport.

47.      It-tielet nett, analiżi każ b’każ tat-tul ta’ żmien tal-użu preċedenti tal-vettura jidhirli li tkun sors ta’ inċertezza legali li tmur kontra l-għan imfakkar preċedentement.

48.      Minn dan niddeduċi li huma biss sitwazzjonijiet fejn l-inċident iseħħ waqt li l-vettura sservi jew serviet għal skopijiet oħra mhux għat-trasport, bħal pereżempju bħala magna tax-xogħol (21) jew bħala arma jew ukoll bħala residenza, li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”.

49.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-ġurisprudenza tagħha u ssostni li l-fatt li l-inċident ma jkunx seħħ eżattament wara l-użu tagħha bħala mezz ta’ trasport huwa irrilevanti, peress li l-parkeġġ fih innifsu jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, għad irid jiġi ddeterminat, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jekk għandhomx jiġu stabbiliti limiti dwar l-oriġini tad-dannu, jiġifieri l-mekkaniżmi tal-vettura neċessarji għall-funzjoni tat-trasport.

50.      Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex tali kundizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt partikolari għall-kawża prinċipali, jiġifieri nar ikkawżat minn vettura b’mod spontanju, ikun suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, li jitqies l-involviment tal-vettura, bħalma kien ikun il-każ ta’ splużjoni aċċidentali jew kieku d-dannu kien ġie kkawżat minn prodott jew fluwidu provenjenti minn tnixxija minn vettura (22).

51.      Peress li dan it-tip ta’ riskju huwa inerenti għall-funzjoni ta’ trasport tal-vettura, ma hemmx lok li wieħed ifittex xi azzjoni jew oriġini preċiża tad-dannu skont mekkaniżmu jew element tal-vettura li hu utli għall-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport.

52.      Tali interpretazzjoni (23) hija konformi mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni intiż sabiex jiżgura li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun xi jkun it-territorju tal-Unjoni li fih seħħ l-inċidenti (24), li wassal, barra minn hekk, sabiex ma jiġix iffissat limitu ta’ kopertura tar-riskji mill-assigurazzjoni tal-vetturi, partikolarment, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-vettura mal-obbligi legali ta’ natura teknika li jikkonċernaw l-istat u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, hekk kif jirriżulta mill-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103.

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-involviment ta’ vettura, użata konformement mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, jidhirli li jista’ jirriżulta mill-konstatazzjoni unika tal-kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar, fuq kwalunkwe bażi, għat-twettiq tal-inċident.

54.      Konsegwentement, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jidhirli li jista’ jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” sitwazzjoni li fiha, vettura, li tintuża konformement mal-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport, hija involuta f’inċident li seħħ f’post intiż għall-parkeġġ, u ftit jimporta jekk dan seħħx f’garaxx individwali privat jew wara nuqqas ta’ użu għal żmien twil.

V.      Konklużjoni

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod li ġej:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, previst f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha, vettura, li tintuża konformement mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, hija involuta f’inċident li seħħ f’post intiż għall-parkeġġ, u ftit jimporta jekk dan seħħx f’garaxx individwali privat jew wara nuqqas ta’ użu għal żmien twil.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      (ĠU 2009, L 263, p. 11).


3      Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10).


4      It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3).


5      It-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249).


6      Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331).


7      Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU 2005, L 149, p. 14).


8      BOE Nru 267, tal-5 ta’ Novembru 2004, p. 36662.


9      BOE Nru 222, tat-13 ta’ Settembru 2008, p. 37487.


10      Ara, fir-rigward ta’ dan il-kunċett previst mid-dritt Spanjol, il-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C-648/17, EU:C:2018:917, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 44). L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, previst f’dan il-punt, jikkorrispondi, skont it-tabella ta’ korrispondenza li tidher fl-Anness II tad-Direttiva 2009/103, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha, li huwa applikabbli fil-kawża preżenti (ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda lid-Direttiva 2009/103 (COM(2018) 336 finali), b’mod partikolari l-Artikolu 1, intiża sabiex tinkudi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 punt 1a li fih definizzjoni ta’ “użu ta’ vettura” sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali.


14      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punti 37, 38 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punti 36 u 45).


17      Ara ċ-ċirkustanzi ta’ fatt fis-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 19 u 59. Dawn jirrigwardaw manuvra fil-bitħa ta’ razzett), u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punti 7 u 9. L-inċident seħħ f’qasam tad-dwieli ta’ bdiewa).


18      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661, punti 39 u 42).


21      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punti 40 u 42).


22      Ara, bħala eżempju, il-kawża pendenti Bueno Ruiz (C‑431/18), dwar id-dannu kkawżat lil sewwieqa minħabba t-tnixxija ta’ żejt li kien ġej minn karrozza pparkjata ħdejn tagħha, li ġegħelha tiżloq.


23      Għar-rikonċiljazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea u tal-leġiżlazzjoni Spanjola (ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


24      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessa 20 tad-Direttiva 2009/103 kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, intiżi wkoll sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tas-sewqan fil-każ tal-insolvenza tal-assiguratur u li jtejbu r-rikonoxximent tad-dikjarazzjonijiet tal-inċidenti, b’mod partikolari f’kuntest transkonfinali. Barra minn hekk, din il-proposta tittratta l-verifiki ta’ assigurazzjoni sabiex tissaħħah il-ġlieda kontra s-sewqan mhux assigurat, u tal-armonizzazzjoni tal-ammonti minimi ta’ kopertura (p. 2).