Language of document : ECLI:EU:C:2017:329

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawża C189/16

Boguslawa Zaniewicz-Dybeck

vs

Pensionsmyndigheten

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva, l-Isvezja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati migranti u tal-familja tagħhom – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46(2) – Artikolu 47(1)(d) – Artikolu 50 – Pensjoni ggarantita – Kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni – Bażi ta’ kalkolu – Kalkolu prorata– Ammont teoretiku”






I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tat-23 ta’ Marzu 2016 tal-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva, l-Isvezja), li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2016, jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(2) u tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) (4).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Zaniewicz-Dybeck u l-Uffiċċju tal-pensjonijiet dwar il-kalkolu ta’ pensjoni tal-irtirar fil-forma ta’ pensjoni ggarantita.

3.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar jekk l-Artikolu 46(2) kif ukoll l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 jimplikawx li jkun possibbli, meta tiġi kkalkolata l-pensjoni ggarantita Svediża, li għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jingħata valur li jikkorrispondi għall-valur medju tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”, jipprevedi dan li ġej:

“[…]

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]

[…]”

5.        Taħt it-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali li għandhom x’jaqsmu mal-kategoriji differenti tal-benefiċċji”, il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Xjuħija u mwiet (pensjonijiet)”, jiġbor flimkien l-Artikoli 44 sa 51a.

6.        L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-benefiċċji meta persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jew tas-superstiti tagħha, tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

[…]”

7.        L-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”, jipprevedi:

“[…]

2.      Fejn l-kondizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)      l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it-talba basta l-perjodi kollha ta’ l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġislazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f’dan il-paragrafu;

(b)      l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul taż-żmien tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta’ assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha kkonċernati.

[…]”

8.        L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tal-benefiċċji”, jiddikjara:

“1.      Għall-kalkolu tal-ammonti teoretiċi u pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

[…]

(d)      fejn, taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-benefiċċji huma kkalkulati abażi ta’ l-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat tiddetermina l-qligħ, il-kontribuzzjonijiet u ż-żidiet li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fejn jidħlu l-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra abażi tal-qligħ medju, il-kontribuzzjonijiet u ż-żidiet fejn jidħlu l-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra;

[…]”

9.        L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “L-għoti ta’ suppliment fejn it-total tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri ma jammontax għall-minimu stipulat bil-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu jabitaw ir-reċipjenti [benefiċjarji]”, jippreskrivi dan li ġej:

“Reċipjent tal-benefiċċji [benefiċjarju] li għalih japplika dan il-Kapitolu ma jistax jingħata, fl-Istat li fit-territorju tiegħu jabita u li taħt il-leġislazzjoni tiegħu huwa pagabbli lilu benefiċċju, benefiċċju li huwa inqas mill-benefiċċju minimu ffissat mil-leġislazzjoni għall-perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza […] ugwali għall-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni meħuda inkonsiderazzjoni għall-pagament skond l-Artikoli preċedenti. L-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat, jekk ikun hemm bżonn, tħallsu matul il-perjodu tar-residenza tiegħu fit-territorju tagħha suppliment ugwali għad-differenza bejn it-total tal-benefiċċji pagabbli taħt dan il-Kapitolu u l-ammont tal-benefiċċju minimu.”

B.      Id-dritt Svediż

10.      L-iskema Svediża tal-pensjonijiet hija magħmula minn diversi partijiet. Din il-kawża tirrigwarda l-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali fil-forma tal-pensjoni proporzjonali, tal-pensjoni komplementari u tal-pensjoni ggarantita.

11.      Il-pensjoni proporzjonali u l-pensjoni komplementari huma pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul. Dawn huma benefiċċji ta’ natura essenzjalment kontributorja bbażati fuq ix-xogħol.

12.      Il-pensjoni ggarantita hija benefiċċju bbażat fuq ir-residenza u hija ffinanzjata permezz tat-taxxa. Din għandha l-għan li twassal għal protezzjoni bażika ġdida maħsuba għall-persuni li jirċievu dħul baxx jew saħansitra ma jirċievu l-ebda dħul. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-pensjoni, li hija stabbilita skont dħul ieħor tal-pensjoni, għandha n-natura ta’ benefiċċju soċjali. Konsegwentement, din titnaqqas gradwalment skont il-pensjoni proporzjonali, il-pensjoni komplementari u l-ġbir ta’ ċerti benefiċċji oħra. Persuna li d-dħul tagħha fir-rigward tal-pensjonijiet u l-benefiċċji msemmija iktar ’il fuq jaqbeż ċertu ammont ma tirċievi l-ebda pensjoni ggarantita.

13.      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-pensjoni ggarantita rilevanti għal din il-kawża huma dawk tal-lagen (1998:702) om garantipension [Liġi (1998:702) dwar il-pensjoni ggarantita], li ġiet issostitwita mis-socialförsakringsbalken [Liġi (2010:110) dwar il-kodiċi tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem is-“SFB”].

14.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 15 tal-Kapitolu 67 tas-SFB “jipprevedi li l-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni ggarantita […] għandha tkun ikkostitwita mill-pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul li l-assigurat għandu dritt għaliha għall-istess snin bil-modifiki u ż-żidiet indikati f’ċerti paragrafi [mill-Artikoli 16 sa 20 tal-Kapitolu 67 tas-SFB] (bażi ta’ kalkolu)” (5).

15.      L-ammont bażiku tal-pensjoni ggarantita huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tas-SFB. Dan l-ammont huwa indiċjat fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet. Matul is-sena rilevanti f’din il-kawża, dan kien tela’ għal SEK 39 400.

16.      Biex jiġi stabbilit l-ammont finali tal-pensjoni ggarantita, l-ammont bażiku jiġi ssuġġettat għal żidiet u tnaqqis previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-Kapitolu 67 tas-SFB.

17.      Il-pensjoni ggarantita titħallas lil persuna li tkun għalqet 65 sena u tkun wettqet perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas tliet snin. Il-perijodu ta’ assigurazzjoni barra minn hekk huwa ddeterminat billi jitqies it-tul ta’ residenza fl-Isvezja. L-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB jindika li, għall-persuni li ma jistgħux jiġġustifikaw perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 40 sena għall-pensjoni ggarantita, l-ammonti kollha marbuta mal-ammont bażiku indikati fl-Artikoli 21 sa 24 għandhom jitnaqqsu fi proporzjon li jikkorrispondi għall-kwozjent tal-perijodu ta’ assigurazzjoni diviż bin-numru 40 (kalkolu prorata).

18.      Il-Försäkringskassan (Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, l-Isvezja), li qabel kien jittratta ċerti kwistjonijiet relatati mal-pensjoni tal-irtirar, fl-istruzzjonijiet interni tiegħu (struzzjonijiet Nru 2 tal-2007, iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet”) indika li “[f]il-mument tal-kalkolu prorata, b’mod partikolari tal-pensjoni ggarantita fil-forma ta’ pensjoni tal-irtirar imħallsa lil persuna li twieldet fl-1938 jew wara, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni għandu, fil-mument tal-kalkolu tal-ammont teoretiku, jagħti għal kull perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stati Membri oħra kkonċernati valur ta’ pensjoni li jikkorrispondi għall-valur medju f’termini ta’ pensjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja. Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-kwistjonijiet kollha relatati mal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà [tal-Uffiċċju tal-pensjonijiet]. L-istruzzjonijiet […] imsemmija iktar ’il fuq jibqgħu jiggwidaw lil dan l-uffiċċju fid-deċiżjonijiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (6).

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, wara l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni kkalkola l-pensjoni ggarantita billi għal kull perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor ta valur ta’ pensjoni li jikkorrispondi għall-valur medju tal-pensjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.      B. Zaniewicz-Dybeck, ta’ nazzjonalità Pollakka, twieldet fl-1940 u telqet mill-Polonja sabiex tgħix l-Isvezja fl-1980. Hija ħadmet fil-Polonja għal 19‑il sena, għexet fl-Isvezja għal 24 sena u ħadmet hemmhekk għal 23 sena.

21.      Fil-5 ta’ Awwissu 2008, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni ddeċieda dwar it-talba għal pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali mressqa minn B. Zaniewicz-Dybeck u f’dan il-każ, stabbilixxa l-ammont tal-pensjoni ggarantita għal SEK 0.

22.      F’deċiżjoni mogħtija fuq l-ilment fl-1 ta’ Settembru 2008, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni kkonferma l-ewwel deċiżjoni tiegħu u ġġustifikaha bil-fatt li B. Zaniewicz-Dybeck kienet wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni kemm fl-Isvezja kif ukoll fil-Polonja. Konsegwentement, il-pensjoni ggarantita kienet ġiet ikkalkolata, parzjalment, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali Svediżi u, parzjalment, skont il-prinċipju tal-prorata previst fl-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

23.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fuq il-bażi tad-dħul ta’ B. Zaniewicz-Dybeck li kien jammonta għal SEK 75 216, qabel kollox, għall-pensjoni Svediża, kien ingħata valur annwali ta’ SEK 3 134 (SEK 75 216/24) għal 24 sena ta’ assigurazzjoni fl-Isvezja. Dan l-ammont sussegwentement kien ġie mmoltiplikat bit-tul massimu ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni ggarantita, jiġifieri 40 sena (SEK 3 134 x 40 = SEK 125 360). L-awtoritajiet Svediżi għalhekk kienu qiesu li l-allowance ta’ B. Zaniewicz-Dybeck kienet tilħaq ammont għoli wisq sabiex hija titħallas pensjoni ggarantita.

24.      B. Zaniewicz-Dybeck ikkontestat id-deċiżjoni tal-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm (qorti amministrattiva b’sede fi Stokkolma, l-Isvezja) li qieset li l-kalkolu mwettaq mill-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni kien konformi mar-Regolament Nru 1408/71 u ċaħdet ir-rikors. B. Zaniewicz-Dybeck appellat is-sentenza tal-Förvaltningsrätten i Stockholm (qorti amministrattiva b’sede fi Stokkolma) quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma, l-Isvezja), li ċaħdet l-appell.

25.      B. Zaniewicz-Dybeck għalhekk ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija sostniet li l-ammont teoretiku tal-pensjoni ggarantita kellu jiġi kkalkolat konformement mar-Regolament Nru 1408/71 mingħajr ma jiġu applikati l-istruzzjonijiet adottati mill-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni. Skont B. Zaniewicz-Dybeck, peress li l-pensjoni ggarantita Svediża hija bbażata biss fuq it-tul kollu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, wara li jkun sar it-tnaqqis tal-pensjoni Svediża stabbilita u marbuta mad-dħul, l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex applikabbli għall-kalkolu tal-pensjoni ggarantita. B. Zaniewicz-Dybeck osservat li l-metodu ta’ kalkolu previst mill-istruzzjonijiet kien ta’ żvantaġġ għal grupp sinjifikattiv ta’ persuni immigranti minn Stati oħra tal-Unjoni li kienu jirċievu pensjoni marbuta ma’ dħul ta’ ammont baxx.

26.      Skont l-Uffiċċju tal-pensjonijiet, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor jagħtu dritt għal pensjoni minn dan l-Istat Membru u, peress li l-pensjoni ggarantita għandha natura komplementari, kalkolu tal-pensjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 ikollu bħala effett li l-persuna intitolata għal pensjoni li tkun wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru ieħor, tirċievi kumpens żejjed, sa fejn il-pensjoni ggarantita tkun ogħla minn dik li tirċievi l-persuna li ma twettaqx tali perijodi.

27.      Barra minn hekk, skont dan l-uffiċċju, il-fatt li ma jiġix assenjat valur ta’ pensjoni għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa barra mill-pajjiż ikollu bħala effett li jagħti lill-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa barra mill-pajjiż valur iktar baxx minn dak tal-perijodi korrispondenti mwettqa fl-Isvezja (de facto l-ebda valur). Dan qies li ma kienx raġonevoli li l-pensjoni ggarantita, li hija protezzjoni bażika marbuta mad-dħul, tkun tista’ titħallas mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni la l-valur ta’ pensjoni tas-snin ta’ assigurazzjoni mwettqa barra mill-pajjiż u lanqas tal-pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul li jitħallsu minn Stat ieħor tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-pensjonijiet osserva li, kieku wieħed kellu jipproċedi b’dan il-mod, il-benefiċjarju ta’ pensjoni bbażata fuq id-dħul, li titħallas lilu minn Stat ieħor tal-Unjoni, ikun jirċievi għalhekk pensjoni ggarantita Svediża ogħla minn dik imħallsa lil benefiċjarju tal-pensjoni li ma kienx ikun assigurat u li jkun kiseb drittijiet biss skont il-pensjoni bbażata fuq id-dħul fl-Isvezja.

28.      Sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li “[fis]-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Conti (C-143/97, EU:C:1998:501), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li wieħed ma jistax ineħħi l-kawżoli ta’ tnaqqis nazzjonali mill-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ applikazzjoni imposti mir-Regolament Nru 1408/71 billi jikklassifikahom bħala klawżoli ta’ kalkolu. Regola nazzjonali għandha tiġi kklassifikata bħala klawżola ta’ tnaqqis jekk il-kalkolu li din timponi jkollu l-effett li jnaqqas l-ammont tal-pensjoni li l-parti kkonċernata tista’ titlob minħabba li hija tibbenefika minn benefiċċju fi Stat Membru ieħor (punti 24 u 25)” (7) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-qorti tar-rinviju żiedet tgħid li “l-Isvezja minn din is-sentenza kkonkludiet li t-tnaqqis mill-pensjoni […] iggarantita b’kunsiderazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul ma [kellhiex] titqies bħala regola ta’ kalkolu iżda bħala regola tat-tnaqqis fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 […]. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Svediżi bdew japplikaw ir-regoli b’mod li l-pensjoni ggarantita ma titnaqqasx mill-ammont tal-pensjoni mħallas minn [Stat] ieħor [tal-Unjoni]. Wieħed minflok jipproċedi għal kalkolu prorata tad-drittijiet għal pensjoni ggarantita għall-persuni li ħadmu kemm fl-Isvezja kif ukoll [fi Stati] oħra [tal-Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (8).

29.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li wara l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet (9), il-pensjoni ggarantita ġiet ikkalkolata billi, għal kull perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor, ingħata valur ta’ pensjoni li jikkorrispondi għall-valur medju ta’ pensjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja.

30.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża hija dik dwar jekk hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 għall-każ inkwistjoni u, jekk ikun meħtieġ, jekk huwiex possibbli li jingħata għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat ieħor tal-Unjoni valur ta’ pensjoni fittizju li jikkorrispondi għall-valur medju tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja fil-mument tal-kalkolu prorata li għandu jitwettaq konformement mal-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 jimplikaw li huwa possibbli li, fil-mument tal-kalkolu tal-pensjoni ggarantita Svediża, jingħata għall-perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba [imwettqa] fi Stat Membru ieħor tal-UE valur ta’ pensjoni li jikkorrispondi għall-valur medju tal-perijodi miksuba fl-Iżvezja meta l-istituzzjoni kompetenti twettaq kalkolu prorata skont l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-istituzzjoni kompetenti tista’, fil-kalkolu tagħha tad-drittijiet għall-pensjoni ggarantita, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ pensjoni li l-assigurat jirċievi minn Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr ma dan il-fatt jidħol f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      L-Uffiċċju tal-pensjonijiet, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta li nżammet fid-9 ta’ Marzu 2017.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

33.      Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ggarantita Svediza u l-applikazzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71.

34.      Sabiex jingħataw risposti għal dawn id-domandi, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jippermetti l-eżistenza ta’ skemi nazzjonali separati u għandu l-għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejniethom. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Għalhekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea (10).

35.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1408/71 ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu benefiċċju minimu tax-xjuħija bħalma hija l-pensjoni ggarantita Svediża. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm ir-Regolament Nru 1408/71 jassumi li “mhux kull leġiżlazzjoni tinkludi neċessarjament benefiċċji minimi tat-tip intiż [mil-leġiżlazzjoni Svediża]” (11), dan l-istess regolament japplika għal tali benefiċċji (12) meta dawn ikunu previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

36.      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-pensjoni ggarantita hija kkalkolata bl-applikazzjoni fl-ammont bażiku previst fl-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tas-SFB taż-żidiet u t-tnaqqis previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-Kapitolu 67 tas-SFB. Mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn iż-żidiet u t-tnaqqis huma intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali (13) u d-dħul l-ieħor tal-pensjoni tal-parti kkonċernata. Minn dan jirriżulta li l-pensjoni ggarantita ma hijiex ammont stabbilit u li l-kalkolu tagħha jvarja skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-parti kkonċernata. Minkejja l-ammont varjabbli tagħha, li jista’ jammonta għal SEK 0 jekk id-dħul tal-parti kkonċernata jkun għoli wisq, l-għan (14) tal-pensjoni ggarantita huwa li jiġi żgurat dħul bażiku għall-persuni li jirċievu pensjonijiet professjonali u komplementari mhux daqstant għoljin (15). Peress li huwa neċessarju li jiġi kkaratterizzat il-benefiċċju minimu inkwistjoni, inqis li dan jikkostitwixxi benefiċċju tax-xjuħija mhux kontributorju previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u li d-drittijiet tal-benefiċjarju għandhom, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, jiġu stabbiliti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3, taħt it-Titolu III tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 46 u 51a tiegħu (16).

37.      Ninnota li waqt is-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017, ir-Renju tal-Isvezja enfasizza l-fatt li l-pensjoni ggarantita kienet tagħmel parti mill-iskema ġenerali tal-pensjoni. Fil-fehma tiegħi, madankollu, u għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jsostni r-Renju tal-Isvezja, il-pensjoni ggarantita ma tikkostitwixxix benefiċċji tax-xjuħija fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71. Peress li l-pensjoni ggarantita hija ffinanzjata permezz tat-taxxa (17), din ma hijiex ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet proprji tal-benefiċjarji u tat-tul tas-sħubija tagħhom mal-iskema ta’ assigurazzjoni (18). Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għoti tal-pensjoni ggarantita jirriżulta li din ma titħallasx lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali u/jew komplementari biss (19). Fil-fatt, il-pensjoni ggarantita titħallas lil persuna li tkun għalqet il-65 sena u li tkun wettqet perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas tliet snin, u hija ddeterminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza fl-Isvezja u ta’ dħul ta’ pensjoni ieħor possibbli tal-parti kkonċernata.

38.      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja fakkar l-eżistenza ta’ benefiċċju ieħor tax-xjuħija biex jiggarantixxi dħul minimu ta’ għajxien. Jidhirli, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li dan il-benefiċċju tal-aħħar ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, dan huwa previst fl-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jirrigwarda l-“benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li […] għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali […] u kemm ta’ assistenza soċjali” u li huma elenkati fl-Anness II tiegħu, jiġifieri l-“[g]ħajnuna finanzjarja għall-persuni anzjani” (liġi 2001: 853) (20).

39.      Fi kwalunkwe każ, mis-sentenzi tat-22 ta’ April 1993, Levatino (C‑65/92, EU:C:1993:149, punt 21) u tal-24 ta’ Settembru 1998, Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1998:427, punti 19 sa 21), jirriżulta li l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 japplikaw għall-benefiċċji previsti fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(2a) ta’ dan ir-regolament.

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

40.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar jekk, meta l-istituzzjoni kompetenti twettaq kalkolu prorata tal-pensjoni ggarantita Svediża b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71, huwiex possibbli li jingħata għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fil-Polonja, valur ta’ pensjoni li jikkorrispondi għall-valur medju tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja konformement mal-Artikolu 47(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

41.      Peress li l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 jikkostitwixxi regola komplementari għall-kalkolu tal-ammont teoretiku u tal-prorata previst fl-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament u għalhekk għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (21), qabel kollox huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplikax għall-kalkolu tal-pensjoni ggarantita Svediża, u jekk ikun il-każ, kif japplika (22).

42.      Meta d-dritt għal benefiċċju, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ikun suġġett għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 jeżiġi li l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tissuġġetta l-akkwist, iż-żamma u l-irkuprar tad-dritt għall-benefiċċji għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, tqis il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħallikieku twettqu taħt il-leġiżlazzjoni li hija tapplika. Fi kliem ieħor, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’diversi Stati Membri għandhom jingħaddu flimkien (23).

43.      F’każ bħal dan, għandu japplika l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Dan jipprevedi li l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkola l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għandha dritt għalih il-parti kkonċernata bħallikieku l-perijodi kollha ta’ xogħol li hija kienet wettqet fi Stati Membri differenti kienu seħħew fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti.

44.      Sussegwentement, b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi l-ammont effettiv tal-benefiċċju abbażi tal-ammont teoretiku prorata tat-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti, meta mqabbel mat-tul totali tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa fl-Istati Membri differenti (24).

45.      Mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk B. Zaniewicz-Dybeck, li kienet wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza fil-Polonja u fl-Isvezja, kellhiex dritt għall-pensjoni ggarantita Svediża, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni applika metodoloġija ta’ kalkolu prorata (25) għall-ammont tal-pensjonijiet Svediżi bbażati fuq id-dħul (26) (proporzjonali u komplementari) (jiġifieri ammont ta’ SEK 75 216) (27), u dan konformement mal-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u mal-istruzzjonijiet. Dan il-kalkolu ta riżultat ferm ogħla minn dan l-ammont (jiġifieri ammont ta’ SEK 125 360) (28), li huwa wkoll ammont għoli wisq biex jagħti dritt għal pensjoni ggarantita.

46.      Din il-metodoloġija (29) ma hijiex korretta minħabba li, fil-fehma tiegħi, id-dritt li wieħed jirċievi pensjoni ggarantita Svediża għandu jiġi evalwat konformement mal-leġiżlazzjoni Svediża, kif ukoll mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 (30), mingħajr l-applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu prorata prevista fl-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u fl-istruzzjonijiet.

47.      Peress li r-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedix li l-Istati Membri għandhom jipprevedu benefiċċji minimi tax-xjuħija bħall-pensjoni ggarantita Svediża, mhux kull leġiżlazzjoni bilfors tinkludi dawn il-benefiċċji minimi. Għalhekk ftit li xejn jagħmel sens li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jimponi regoli speċifiċi u ddettaljati għall-kalkolu ta’ dan il-benefiċċju minimu (31).

48.      Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-pensjoni ggarantita Svediża, ikkalkolat b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (32), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni konformement mal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (33) sabiex tiġi kkalkolata l-pensjoni Svediża bbażata fuq id-dħul, mingħajr l-applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu prorata prevista fl-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u l-istruzzjonijiet.

49.      Għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 21 tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1998:427) (34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li benefiċċju minimu ggarantit mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru [kellu] jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont teoretiku previst mill-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71” (35).

50.      Fil-fatt, mis-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 1998, Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1998:427, punt 22) kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (C‑30/04, EU:C:2005:492, punt 23) jirriżulta biċ-ċar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni suppliment intiż sabiex tintlaħaq il-pensjoni ggarantita jew minima prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex tiddetermina l-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni prorata.

51.      Il-kalkolu li għandu jsir skont l-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 “għandu bħala għan li jassigura lil ħaddiem l-ammont teoretiku massimu li huwa jista’ jitlob jekk il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tiegħu kienu mwettqa fl-Istat in kwistjoni” (36).

52.      Konsegwentement, jekk l-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni prorata li kien ikollha dritt għaliha B. Zaniewicz-Dybeck li kieku ħadmet fl-Isvezja tul il-ħajja professjonali kollha tagħha jkun iktar baxx mill-ammont tal-pensjoni ggarantita kkalkolata konformement mal-leġiżlazzjoni Svediża, għandu jiżdied suppliment jew benefiċċju addizzjonali mal-ammont teoretiku sabiex jintlaħaq l-ammont tal-pensjoni ggarantita.

53.      Peress li l-pensjoni Svediża bbażata fuq id-dħul hija bbażata fuq “l-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet”, inqis li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta b’mod ċar li huwa obbligatorju, li, fil-mument tal-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti (37) għandha tiddetermina l-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra (38), abbażi tal-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li tapplika din l-istituzzjoni (39). Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 tiżgura li l-bażi tal-kalkolu inkwistjoni tkun l-istess għall-ħaddiem migrant bħallikieku dan ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, liema ċirkustanza l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija konformi mal-għan stabbilit mill-Artikolu 48 TFUE (40).

54.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, wara l-applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu prorata prevista mill-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, il-vantaġġ tal-inklużjoni possibbli ta’ suppliment jew benefiċċju addizzjonali għall-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata sabiex jintlaħaq l-ammont tal-pensjoni ggarantita Svediża huwa strettament limitat għall-perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ B. Zaniewicz-Dybeck fl-Isvezja, u dan jevita kwalunkwe kumpens żejjed allegat (41).

55.      Bħala konklużjoni, jien tal-fehma li d-dritt li wieħed jirċievi benefiċċju minimu tax-xjuħija bħall-pensjoni ggarantita Svediża għandu jiġi evalwat konformement mal-leġiżlazzjoni Svediża, mingħajr ma tiġi applikata l-metodoloġija ta’ kalkolu prorata prevista fl-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u fl-istruzzjonijiet, kif ukoll fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-mument tal-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti għandha tqis benefiċċju minimu tax-xjuħija ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħha sabiex jiġi żgurat lill-ħaddiem l-ammont teoretiku massimu tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata li huwa jista’ jitlob jekk il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tiegħu jkunu twettqu fl-Istat inkwistjoni. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-mument tal-kalkolu ta’ dan l-ammont teoretiku, l-istituzzjoni kompetenti għandha tiddetermina l-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, abbażi tal-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li tapplika din l-istituzzjoni.

2.      Fuq it-tieni domanda

56.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-Regolament Nru 1408/71 jipprevedix li l-istituzzjoni kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul minn pensjoni li l-assigurat jirċievi minn Stat Membru ieħor fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ggarantita.

57.      Bl-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, inqis li hemm lok li jitfakkru t-titolu u t-termini tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 li huma riprodotti fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet (42).

58.      Fil-punti 5 u 6 tas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri (64/77, EU:C:1977:197), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 “[kien] intiż għall-każijiet fejn il-karrieri tal-ħaddiem fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati li huwa kien suġġett għalihom, kienu relattivament qosra, b’tali mod li l-ammont totali tal-benefiċċji dovuti minn dawn l-Istati ma jilħaqx livell ta’ ħajja raġonevoli”. Bl-“għan li tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni dan l-artikolu jippreskrivi li, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tipprevedi benefiċċju minimu, il-benefiċċju dovut minn dan l-Istat se jiżdied b’suppliment ugwali għad-differenza bejn it-total tal-benefiċċji dovuti mill-Istati differenti, li l-ħaddiem kien suġġett għal-leġiżlazzjoni tagħhom, u dan il-benefiċċju minimu” (43).

59.      Minn dan jirriżulta li, fil-mument tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ggarantita Svediża, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, minbarra li għandu jħallas ammont ogħla (44), jista’ jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-pensjoni li B. Zaniewicz-Dybeck tirċievi minn Stat Membru ieħor konformement mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 (45). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni għandu jqis il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza ta’ B. Zaniewicz-Dybeck meħuda inkunsiderazzjoni għall-għoti, b’mod partikolari, tal-benefiċċji tax-xjuħija. Minn dan jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza ta’ B. Zaniewicz-Dybeck fil-Polonja u fl-Isvezja (46).

60.      Il-possibbiltà għall-istituzzjoni kompetenti li tqis benefiċċji tax-xjuħija rċevuti fi Stat Membru ieħor kif ukoll perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza tevita kwalunkwe kumpens żejjed allegat (47).

61.      Finalment, jien tal-fehma li l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-mument tal-kalkolu tad-drittijiet għal benefiċċju minimu tax-xjuħija, l-istituzzjoni kompetenti tista’ tqis id-dħul mill-pensjoni li l-assigurat jirċievi minn Stat Membru ieħor.

VI.    Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva, l-Isvezja), bil-mod li ġej:

1)      Id-dritt li persuna tirċievi benefiċċju minimu tax-xjuħija għandu jiġi evalwat konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, kif ukoll mal-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, mingħajr l-applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu prorata prevista mill-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tal-lagen (1998:702) om garantipension [Liġi (1998:702) dwar il-pensjoni ggarantita], li ġiet issostitwita bis-socialförsakringsbalken [Liġi (2010:110) dwar il-kodiċi tas-sigurtà soċjali] u fl-istruzzjonijiet Nru 2 tal-2007 tal-Försäkringskassan (Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, l-Isvezja).

Meta jiġi kkalkolat l-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni benefiċċju minimu tax-xjuħija ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħha sabiex jiġi żgurat lill-ħaddiem l-ammont teoretiku massimu tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata li huwa seta’ jitlob li kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tiegħu kellhom jiġu mwettqa fl-Istat ikkonċernat.

L-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jiġi kkalkolat dan l-ammont teoretiku l-istituzzjoni kompetenti għandha tiddetermina l-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, abbażi tal-ammont ta’ qligħ, kontribuzzjonijiet jew żidiet fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika.

2)      L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jiġu kkalkolati d-drittijiet għal benefiċċju minimu tax-xjuħija, l-istituzzjoni kompetenti tista’ tqis id-dħul mill-pensjoni li l-assigurat jirċievi minn Stat Membru ieħor.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż


2      Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.


3      ĠU 2006, L 392, p. 1.


4      Ir-Regolament Nru 1408/71 kien ġie ssostitwit mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, u r-rettifika ĠU 2004, L 200, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”). Dan ir-regolament tal-aħħar huwa applikabbli, konformement mal-Artikolu 91 tiegħu, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010. Peress li t-talba għall-irtirar tal-iskema ġenerali mressqa minn Boguslawa Zaniewicz-Dybeck fil-5 ta’ Awwissu 2008 kienet ittrattata mill-Pensionsmyndigheten (uffiċċju tal-pensjonijiet, l-Isvezja) u l-pensjoni ggarantita tagħha kkalkolata għal SEK 0 f’dan il-każ, inqis li r-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 46(2), l-Artikolu 47(1)(d) u l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jikkorrispondu fil-biċċa l-kbira għall-Artikolu 52(1), għall-Artikolu 56(1)(c), u għall-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004.


5      Ara l-punt 18 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


6      Ara l-punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


7      Ara l-punt 29 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


8      Ara l-punt 30 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


9      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González (C‑282/11, EU:C:2013:86, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri (64/77, EU:C:1977:197, punt 7).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Browning (22/81, EU:C:1981:316, punt 10).


13      Pereżempju, l-istatus ċivili tal-persuna.


14      Skont il-qorti tar-rinviju “[l]-għan [tal-pensjoni ggarantita huwa] li twassal għal protezzjoni bażika ġdida maħsuba għall-persuni li jirċievu dħul baxx jew saħansitra ma jirċievu l-ebda dħul […]. Din il-pensjoni għalhekk għandha n-natura ta’ benefiċċju soċjali. Il-pensjoni ggarantita hija stabbilita skont dħul ieħor tal-pensjoni. Din għalhekk titnaqqas gradwalment b’kunsiderazzjoni tal-pensjoni proporzjonali, il-pensjoni komplementari u ċerti benefiċċji oħra. Persuna li d-dħul tagħha fir-rigward tal-pensjonijiet u l-benefiċċji msemmija iktar ’il fuq jaqbeż ċertu ammont ma tirċievi l-ebda pensjoni ggarantita”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Ara l-punt 3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


15      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja sostna li “[l]-bażi tal-pensjoni Svediża tal-iskema ġenerali hija li wieħed jikseb id-dritt għall-pensjoni tiegħu permezz tax-xogħol u tal-kontribuzzjonijiet. Għal diversi raġunijiet, mhux kulħadd għandu din il-possibbiltà u huwa għalhekk li teżisti pensjoni ggarantita addizzjonali, iddefinita bħala li hija parti mill-pensjoni tal-iskema ġenerali, għal dawk li kisbu d-dritt għall-pensjoni Svediża bbażata fuq id-dħul ta’ ammont baxx jew li lanqas biss kisbu dan id-dritt. Din il-pensjoni ggarantita addizzjonali hija ġustament ammont iggarantit li jitħallas biss lill-persuna li ma setgħetx tikseb id-dritt għall-pensjoni Svediża tagħha. Konsegwentement, il-benefiċċju jiddependi mid-dħul tal-persuna fis-sens li dan jitnaqqas mill-ammont tal-pensjoni proprja miksuba. […] Jekk persuna jkollha diġà biżżejjed dħul mill-pensjoni, ma titħallas l-ebda pensjoni ggarantita”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Ara l-punt 7 tal-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Isvezja.


16      Ara s-sentenza tat-22 ta’ April 1993, Levatino (C‑65/92, EU:C:1993:149, punt 21).


17      Minn dan jirriżulta li din ma għandhiex l-istess sorsi ta’ finanzjament bħal dawk tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar professjonali u komplementari. Ara, a contrario, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27).


18      Fil-punt 14 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini (171/82, EU:C:1983:189), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[l]-benefiċċji tax-xjuħija msemmija fl-Artikoli 4(1)(c) u 46 tar-Regolament Nru 1408/71 huma kkaratterizzati essenzjalment mill-fatt li huma intiżi li jiżguraw il-mezzi ta’ għajxien ta’ persuni li jieqfu, meta jilħqu ċerta età, mill-impjieg tagħhom u ma jibqgħux obbligati jippreżentaw ruħhom quddiem l-awtorità tal-impjieg. Barra minn hekk, is-sistema ta’ aggregazzjoni u ta’ kalkolu prorata tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 46 hija bbażata fuq il-fatt li dawn il-benefiċċji huma normalment iffinanzjati u miksuba abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji u kkalkolati skont it-tul taż-żmien tas-sħubija tagħhom f’din l-iskema ta’ assigurazzjoni”. Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Habelt et (C‑396/05, EU:C:2007:810, punti 66 sa 69) dwar il-perijodi ta’ kontribuzzjoni.


19      Minn dan jirriżulta li l-pensjoni ggarantita ma għandhiex neċessarjament l-istess benefiċjarji bħall-pensjonijiet tal-irtirar professjonali u komplementari. Ara, a contrario, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27). Fil-fatt, il-pensjoni ggarantita tista’ titħallas lil persuni li ma jirċievu l-ebda dħul, b’mod partikolari l-ebda pensjoni tal-irtirar. Ara, f’dan is-sens, il-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Skalka (C‑160/02, EU:C:2004:269, punti 25 u 26). Konformement mal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament jingħataw il-benefiċċji fi flus mhux kontributorji speċjali li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 4(2a) esklużivament fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedu. Minn dan jirriżulta li dawn il-benefiċċji ma humiex “esportabbli”.


21      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (C‑31/96 sa C‑33/96, EU:C:1997:475, punt 20) kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González (C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 42).


22      Fil-punt 43 tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González (C‑282/11, EU:C:2013:86) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikoli 46(2) u 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan stabbilit bl-Artikolu 48 TFUE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti ma għandhomx isofru tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala konsegwenza talli jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu”. Enfasi miżjuda minni.


23      Minn dan jirriżulta li, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, B. Zaniewicz-Dybeck tista’ titlob li jingħaddu flimkien il-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha mwettqa fil-Polonja u fl-Isvezja, b’mod partikolari, sabiex tikseb id-dritt għal pensjoni proporzjonali u għal pensjoni komplementari.


24      Eżempju speċifiku ta’ din il-metodoloġija kien ingħata fil-punt 5 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1997:436) li jipprevedi: “Għalhekk, fil-każ li persuna tkun ħadmet għal 10 snin fi Stat Membru A, u għal 20 sena fi Stat Membru B, minn dan jirriżulta li, minkejja li din il-persuna ma għandhiex dritt għal pensjoni tax-xjuħija għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 10 snin fl-Istat Membru A (pereżempju, minħabba l-fatt li dan l-Istat jeżiġi li l-partijiet ikkonċernati jkunu ħadmu għal 15‑il sena fit-territorju tiegħu, din għandha dritt fl-imsemmi Stat Membru A, skont l-Artikolu 46(2), għal terz tal-benefiċċju li setgħet titlob kieku kienet ħadmet għal 30 sena. L-ewwel stadju tal-proċedura li se jiġi deskritt [jiġifieri, il-kalkolu tal-ammont teoretiku previst fl-Artikolu 46(2)(a)] huwa msejjaħ aggregazzjoni, u t-tieni wieħed [jiġifieri, il-kalkolu tal-benefiċċju prorata konformement mal-Artikolu 46(2)(b)], huwa msejjaħ kalkolu prorata”.


25      Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, fil-mument tal-kalkolu tad-dritt ta’ B. Zaniewicz-Dybeck għall-pensjoni ggarantita, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni ma qiesx l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li kien ingħata lilha għall-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha mwettqa fil-Polonja.


27      Ara l-punti 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, il-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jidhirli li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, bl-użu ta’ din il-metodoloġija, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni b’xi mod wettaq is-simulazzjoni ta’ ammont teoretiku għall-pensjoni ggarantita ta’ B. Zaniewicz-Dybeck. Dan ifakkar fil-metodoloġija tal-aggregazzjoni u tal-kalkolu prorata prevista fl-Artikolu 46(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71.


29      Jekk jitqies li l-pensjoni ggarantita tkun ta’ EUR 100 għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 40 sena fl-Istat Membru A u li X kellu pensjoni tax-xjuħija ta’ EUR 70 fl-Istat Membru A (għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 20 sena) u ta’ EUR 10 fl-Istat Membru B (għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 20 sena), konformement mal-metodoloġija prevista fl-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u fl-istruzzjonijiet, X, għall-40 sena tiegħu ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni fl-Istati Membri A u B, ma jkollu l-ebda dritt għal suppliment biex jilħaq l-ammont tal-pensjoni ggarantita. Fil-fatt, konformement ma’ din il-metodoloġija, il-valur annwali tal-pensjoni tiegħu fl-Istat Membru A jkun ta’ EUR 3.5 (70/20). Meta dan l-ammont jiġi mmoltiplikat bit-tul massimu ta’ 40 sena għall-pensjoni ggarantita, l-ammont li jirriżulta minnu huwa ogħla mill-pensjoni ggarantita (jiġifieri, 3.5 × 40 = EUR 140). Għall-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija fil-kawża prinċipali, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara l-punti 56 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 50 jipprevedi regoli speċifiċi għall-evalwazzjoni tad-dritt għall-pensjoni u, jekk ikun il-każ, il-kalkolu ta’ suppliment sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarji ta’ benefiċċji, b’mod partikolari tax-xjuħija, jirċievu ammont ugwali għall-ammont ta’ benefiċċju minimu stabbilit mill-Istat ta’ residenza, bħall-pensjoni ggarantita Svediża. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji dovuti minn Stati Membri oħra kif ukoll it-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju f’dawn l-Istati Membri l-oħra. Ara, a contrario, l-osservazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-pensjonijiet fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet fejn huwa allegat riskju ta’ kumpens żejjed marbut man-nuqqas ta’ possibbiltà fil-mument tal-kalkolu tal-pensjoni ggarantita Svediża li jitqies il-valur ta’ pensjoni tas-snin ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor minn naħa u, l-pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul imħallsa minn Stat Membru ieħor min-naħa l-oħra.


31      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (C‑30/04, EU:C:2005:492, punti 31 u 32.


32      Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ara l-punt 31 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (C‑30/04, EU:C:2005:492), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-obbligu li jittieħed in konsiderazzjoni dan is-suppliment ma [kienx] jimplika[] l-obbligu li jingħata tifsira differenti minn dak li huwa għandu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali”.


34      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 23 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (C‑30/04, EU:C:2005:492). Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġusizzja ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza tat-22 ta’ April 1993, Levatino (C‑65/92, EU:C:1993:149), li meta Stat Membru jipprevedi benefiċċji bħal pensjoni ggarantita jew pensjoni minima, l-Artikolu 46 japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 “jaqgħu taħt l-intenzjoni tal-leġiżlatur [tal-Unjoni] li jinkludi l-benefiċċji tax-xjuħija ta’ natura mhux kontributorja, bħad-dħul iggarantit, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46”. “Minn naħa, l-Artikolu 4(2) tar-regolament jipprevedi b’mod ċar li dan japplika għall-iskemi kontributorji u mhux kontributorji li jikkonċernaw il-benefiċċji tax-xjuħija”. “Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 46 tar-regolament jinkludi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi ddeterminat l-ammont imsejjaħ ‘teoretiku’ tal-benefiċċji ta’ natura mhux kontributorja”. Ara s-sentenza tat-22 ta’ April 1993, Levatino (C‑65/92, EU:C:1993:149, punti 24 sa 26).


35      Il-benefiċċju inkwistjoni f’din il-kawża kien previst mill-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71.


36      Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki (C‑30/04, EU:C:2005:492, punt 28).


37      Jiġifieri f’dan il-każ, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni.


38      Jiġifieri f’dan il-każ, fil-Polonja.


39      Jiġifieri f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Svediża applikata mill-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni.


40      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (C‑31/96 sa C‑33/96, EU:C:1997:475, punti 20 u 21).


41      Ara l-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ninnota li, fil-punt 20 tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1998:427), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[t]-tħaddim previst fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont teoretiku ta’ pensjoni, huwa distint mill-problema prevista fl-Artikolu 50, li tikkonċerna l-għoti ta’ benefiċċju supplimentari li jaqbeż il-minimu dovut skont l-applikazzjoni tar-regoli ordinarji ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari”. Ara wkoll, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Browning (22/81, EU:C:1981:316, punti 13 u 14). Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni possibbli ta’ benefiċċju addizzjonali jew suppliment tal-ammont teoretiku tal-pensjoni li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni proratizzata sabiex jintlaħaq l-ammont ta’ benefiċċju minimu konformement mal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa indipendenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-ammont ta’ benefiċċju minimu, bħall-pensjoni ggarantita Svediża, huwa rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 46(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament.


43      Enfasi miżjuda minni.


44      Jekk jitqies li l-pensjoni ggarantita tkun ta’ EUR 100 għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 40 sena fl-Istat Membru A u li X kellu pensjoni tax-xjuħija ta’ EUR 70 fl-Istat Membru A (għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 20 sena) u ta’ EUR 10 fl-Istat B (għal perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 20 sena), X għandu dritt għal suppliment ta’ EUR 20 fl-Istat Membru A [jiġifieri, EUR 100 – (EUR 70 + 10)] konformement mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71. Li kieku l-perijodi ta’ assigurazzjoni tal-Istat Membru B ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, is-suppliment ikun ta’ 30.


45      Peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul huwa speċifikament previst mill-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71, din ma tikkostitwixxix klawżola ta’ tnaqqis prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Conti (C‑143/97, EU:C:1998:501). Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Nosserva li B. Zaniewicz-Dybeck għandha perijodi ta’ assigurazzjoni ta’ 19‑il sena fil-Polonja u ta’ 24 sena fl-Isvezja. Minn dan jirriżulta li t-total tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha fiż-żewġ Stati Membri inkwistjoni huwa ogħla mill-40 sena previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni dwar il-pensjoni ggarantita. Għandu jiġi nnotat li s-suppliment previst mill-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jitħallas mill-Istat Membru inkwistjoni mat-tul kollu ta’ residenza tal-parti kkonċernata fit-territorju ta’ dan l-Istat. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedix li suppliment possibbli mħallas b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkun esportabbli. Waqt is-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017, ir-Renju tal-Isvezja indika li l-pensjoni ggarantita Svediża kienet esportabbli b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Svediża. Fil-fehma tiegħi, l-“esportabbiltà” tal-pensjoni ggarantita b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-ħlas, jekk ikun il-każ, ta’ suppliment fit-territorju ta’ dan l-Istat.


47      Ara l-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.