Language of document : ECLI:EU:C:2017:946

Kawża C-189/16

Boguslawa Zaniewicz-Dybeck

vs

Pensionsmyndigheten

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46(2) – Artikolu 47(1)(d) – Artikolu 50 – Pensjoni ggarantita – Benefiċċju minimu – Kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2017

1.        Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt –Kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar – Benefiċċju minimu – Kalkolu konformi mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma jiġu applikati dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kalkolu prorata – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 46(2) u 47(1)(d) tal-imsemmi regolament

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 46(2), 47(1)(d) u 50)

2.        Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt –Suppliment ta’ pensjoni – Garanzija ta’ dħul minimu –Benefiċċju minimu – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni , fil-kalkolu tal-imsemmi benefiċċju, il-pensjonijiet tal-irtirar kollha rċevuti mill-persuna kkonċernata minn Stat Membru jew minn numru ta’ Stat Membri oħra – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 50)

1.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/1998 tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kalkolu mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ta’ benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 46(2), jew l-Artikolu 47(1)(d) tal-imsemmi regolament. Tali benefiċċju għandu jiġi kkalkolat konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 50 tal-istess regolament Nru 1408/71 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr madankollu ma jiġu applikati dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatati mal-kalkolu pro rata.

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn ir-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedix li l-Istati Membru jipprevedu benefiċċji minimi u li kull leġiżlazzjoni nazzjonali għaldaqstant ma tinkludix neċessarjament dan it-tip ta’ benefiċċju, l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament ma jistax jimponi regoli speċifiċi u ddettaljati għall-kalkolu ta’ tali benefiċċju.

Konsegwentement, id-dritt li persuna tirċievi benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi evalwat, mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 46(2) jew tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda konformement mar-regoli speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

(ara l-punti 47, 48, 52, dispożittiv 1)

2.      Ir-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1606/98, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jipprevedi li, fil-kalkolu ta’ benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi tal-irtirar kollha li l-persuna kkonċernata tirċievi effettivament minn Stat Membru jew minn numru ta’ Stati Membri oħra.

Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda l-każijiet fejn il-karrieri tal-ħaddiem skont il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati li għalihom huwa kien suġġett kienu relattivament qosra, b’tali mod li l-ammont totali tal-benefiċċji dovuti minn dawn l-Istati ma jlaħħqux ma’ livell raġonevoli ta’ għixien (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri, 64/77, EU:C:1977:197, punt 5, u tas-17 ta’ Diċembru 1981, Browning, 22/81, EU:C:1981:316, punt 12).

Sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, dan l-Artikolu 50 jipprovdi li, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza jipprevedi benefiċċju minimu, il-benefiċċju dovut minn dan l-Istat jiġi miżjud b’suppliment ugwali għad-differenza bejn is-somma tal-benefiċċji dovuti mill-Istati differenti, li għal-leġiżlazzjonijiet tagħhom il-ħaddiem kien suġġett, u dan il-benefiċċju minimu (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri, 64/77, EU:C:1977:197, punt 6).

Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kalkolu tad-drittijiet għal benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont effettiv tal-pensjonijiet tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tirċievi minn Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 57-60, dispożittiv 2)