Language of document : ECLI:EU:T:2011:269

Kawża T-68/10

Sphere Time

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta arloġġ imwaħħal ma’ ċinga — Disinn preċedenti — Żvelar tad-disinn preċedenti — Karattru individwali — Użu ħażin ta’ poter — Artikoli 4, 6, 7 u 61 sa 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002”

Sommarju tas-sentenza

1.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Nuqqas ta’ karattru individwali — Żvelar mid-disinjatur jew mill-aventi kawża tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 7(2))

2.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Nuqqas ta’ karattru individwali — Utent informat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1))

3.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Nuqqas ta’ karattru individwali — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1))

4.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet ta’ invalidità — Nuqqas ta’ karattru individwali — Disinn li ma jagħtix lill-utent informat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ppreżentati mid-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1))

1.      L-għan tal-Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji huwa li jipprovdi lid-disinjatur jew lill-aventi kawża tiegħu bl-opportunità biex jippreżenta disinn fis-suq, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, qabel ma jipproċedi bil‑formalitajiet tal‑preżentata.

Għalhekk, matul dan il-perijodu, id-disinjatur jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jiżgura s-suċċess kummerċjali tad-disinn ikkonċernat qabel jinkorri l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni, mingħajr biża li l-iżvelar li seħħ f’din l-okkażjoni jista’ jiġi invokat b’suċċess fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija wara r‑reġistrazzjoni eventwali tad‑disinn ikkonċernat.

Għalhekk, sabiex l-imsemmi artikolu jkun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il‑proprjetarju tad-disinn li huwa s-suġġett tal‑proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jistabbilixxi jew li huwa d-disinjatur tad-disinn invokat li fuqu hija bbażata l-imsemmija talba, jew l-aventi kawża tiegħu ta’ dan id‑disinjatur.

(ara l-punti 24-26)

2.      Il‑kwalità ta’ “utent”, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id‑disinji Komunitarji, timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn, b’konformità mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż. Id-definizzjoni “informat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil‑qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal‑elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom.

Fir-rigward ta’ oġġetti promozzjonali, il-kunċett ta’ utent informat jinkludi, minn naħa, il-professjonist li jakkwista dawn il-prodotti biex jiddistribwixxihom lill‑utenti finali u, min-naħa l-oħra, dawn l-utenti nfushom. Il-fatt li wieħed miż‑żewġ gruppi ta’ utenti informati jipperċepixxu d-disinni kkonċernati bħala li jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali huwa biżżejjed biex jipprova li d-disinn ikkontestat għandu nuqqas ta’ karattru individwali.

(ara l-punti 51, 53, 56)

3.      Id-disinn li jirrappreżenta ċinga li t-truf tagħha huma magħquda f’tarf wieħed, imbagħad jgħaddu waħda fuq l-oħra biex jiffurmaw għoqda fit-tarf l-ieħor, b’arloġġ tond imwaħħal maċ-ċinga fil-punt fejn iż-żewġ truf taċ-ċinga jitbegħdu minn xulxin u b’żewġ ċrieki konċentriċi madwar it-tarf tal-arloġġ, iċ-ċirku ta’ barra bi slot li tħares ’il fuq u li fiha jitqiegħed il‑buttun sabiex jiġi ssettjat il-ħin, huwa nieqes minn karattru individwali skont l-Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji.

L-imsemmi disinn u d-disinn SYMBICORT, li jirrappreżenta wkoll ċinga essenzjalment bl-istess proporzjonijiet, li magħha hemm imwaħħal, fl-istess post, arloġġ analogu tond, fejn ix-xifer huwa mdawwar minn żewġ ċrieki konċentriċi, biċ-ċirku ta’ barra interrott minn qasma orjentata lejn l-istess naħa, li fiha jitqiegħed il-buttun sabiex jiġi ssettjat il-ħin, jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali fuq l-utent informat.

Fil-fatt, l-ebda differenza sinjifikattiva ma ġiet osservata fir‑rigward tat-tul u tal‑wisa’ taċ-ċineg tad-disinni kkonċernati.

Sussegwentement, il-fatt li ċ-ċinga tad-disinn SYMBICORT hija murija bil‑lewn iswed ma huwiex sinjifikattiv, peress li l-ebda kulur ma ġie mitlub għad‑disinn ikkontestat. Bl-istess mod, sa fejn dan id-disinn tal-aħħar jirrappreżenta prodott promozzjonali, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li, matul l-użu tiegħu, ser jiġi kopert minn trade mark. Għalhekk, il-preżenza tat-trademark SYMBICORT fid-disinn SYMBICORT ma tikkostitwixxix differenza sinjifikattiva.

Finalment, il-dettalji tal-oqfsa tal-arloġġi taż-żewġ disinni jew tal-uċuh tagħhom ma humiex sinjifikattivi biżżejjed biex jinfluwenzaw l‑impressjoni ġenerali mogħtija mill-imsemmija disinni. Dan huwa speċjalment il-każ li l-minutieri tal‑arloġġ u l-element rettangolari mwaħħal mal-wiċċ tal-arloġġ ma humiex parti mill-elementi li huma protetti bid-disinn ikkontestat.

(ara l-punti 70, 79, 81-84)

4.      Fl-evalwazzjoni tad-disinni preċedenti, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma hemmx lok li jiġu eżaminati separatament u esklużivament ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tagħhom, iżda pjuttost evalwazzjoni komplessiva tal-provi kollha ppreżentati li jagħmluha possibbli li tiġi ddeterminata, b’mod suffiċjentement konkret u ċert, l-impressjoni ġenerali tad-disinn ikkonċernat. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, disinni li kienu użati fil‑kummerċ direttament, mingħajr ma kienu suġġetti għal reġistrazzjoni, jista’ jkun li ma jkunx hemm rappreżentazzjoni grafika li turi d‑dettalji kollha rilevanti tagħhom, komparabbli mar‑rappreżentazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ikun eċċessiv li l‑applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jintalab jipprovdi tali rappreżentazzjoni fil-każijiet kollha.

(ara l-punti 73, 74)