Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2009 - L-Olanda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-70/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Olanda (rappreżentanti: C. Wissels u M. Noort, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 8355 tal-11 ta' Diċembru 2008, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inizjalment mogħtija fil-kuntest tad-dokument ta' programmar individwali għall-għajnuniet strutturali Komunitarji fir-reġjun Groninge-Drenthe, li jaqgħu taħt l-Objettiv 2 fl-Olanda - Nru 97.07.13.003, b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (1997) 1362, tas-26 ta' Mejju 1997, safejn id-deċiżjoni tikkonċerna l-korrezzjoni b'rata fissa ta' 2%, ta' ammont ta' EUR 1 139 346.24, li ġiet applikata u l-ispejjeż għal ammont totali ta' NLG 1 160 456 li ma ġewx iddikjarati eliġibbli; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, l-Olanda l-ewwel nett tinvoka ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, inkwantu xi obbligi huma imposti fuq Stat Membru b'referenza għal ġurisprudenza sussegwenti għall-kreazzjoni ta' dawn l-obbligi u li, f'dak iż-żmien la kienet ċara, la preċiża, u lanqas prevedibbli.

Sussidjarjament, l-Olanda tinvoka ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma mmotivatx b'mod aktar dettaljat fejn kien l-interess transkonfinali tal-proġġett ikkonċernat li kien is-suġġett ta' kuntratt permezz ta' negozjati privati u li l-valur tiegħu kien taħt il-limiti imposti mid-direttivi fil-qasam tal-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

Fl-aħħar nett, l-Olanda tinvoka ksur tal-Artikolu 211 KE, inkwantu l-Kummissjoni applikat tnaqqis b'rata fissa ta' 2% minħabba l-allegata inosservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali tal-proġġett, meta l-Kummissjoni għandha kompetenza biss f'dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjonijiet Komunitarji.

____________