Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Frar 2011 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-76/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1004/2010, tat-8 ta' Novembru 2010, dwar it-tnaqqis ta' ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta' qabel (ĠU L 291, p. 31) u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi:

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta' bażi legali minħabba li l-bażi legali tal-att ikkontestat huwa l-Artikolu 105 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta' Novembru 2009 1, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, filwaqt li l-ksur li għalih japplikaw is-sanzjonijiet inkwistjoni kien twettaq matul l-2009.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' legalità u ta' ċertezza legali, peress li saret implementazzjoni ta' sistema ta' sanzjonijiet li ma kinitx fis-seħħ fiż-żmien meta twettaq il-ksur.

3.    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività tad-dispożizzjonijiet punittivi inqas favorevoli, sa fejn sistema inqas favorevoli hija applikata għal ksur imwettaq fl-2009.

4.    Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq l-impossibbiltà li l-Kummissjoni titħalla tiddetermina l-liġi applikabbli skont il-mument li hija tagħżel sabiex tibda teżamina aġir.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta' Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343. p.1)