KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil‑31 ta’ Mejju 2018 (1)
Kawża C‑105/17
Komisia za zashtita na potrebitelite
vs
Evelina Kamenova
fil-preżenza ta’
Okrazhna prokuratura – Varna
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur – Bejgħ online – Kunċett ta’ ‘kummerċjant’”
I. Introduzzjoni
1. It-tfittxija ta’ oġġetti u ta’ servizzi fuq l-internet hija parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u, minn issa ’l quddiem, bla dubju anki mill-kultura tagħna. In-numru ta’ pjattaformi tal-bejgħ online ma waqafx jiżdied u, fl‑2016, fl-Unjoni Ewropea, il-perċentwali ta’ ċittadini ta’ iktar minn 16‑il sena u inqas minn 74 sena li ordnaw oġġetti u servizzi mill-internet għall-użu personali tagħhom kien tela’ għal 55 % (2). Il-funzjoni ta’ dawn il-pjattaformi hija li jintużaw bħala intermedjarju jew bħala sensar online. Dawn għalhekk iqiegħdu f’kuntatt dirett jew kummerċjant u konsumatur, jew żewġ kummerċjanti, jew żewġ individwi, interessati fix-xiri ta’ prodotti ġodda jew użati għal finijiet privati (3).
2. Madankollu, f’diversi sitwazzjonijiet, l-avviżi ppubblikati fuq il-pjattaformi online ma jurux b’mod ċar jekk il-bejjiegħ huwiex kummerċjant jew individwu.
3. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li ġie indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 2005/29/KE (4).
4. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Evelina Kamenova u l-Komisia za zashtita na potrebitelite (il-Kummissjoni Bulgara għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“KPK”) dwar att adottat minn din tal-aħħar li jikkonstata ksur amministrattiv. Il-ksur imputat lil E. Kamenova jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza taż-Zakon za zashtita na potrebitelite ZZP (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem iz-“ZZP”) talli naqset milli tipprovdi tagħrif lill-konsumaturi mal-avviżi għall-bejgħ ta’ oġġetti ppubblikati fuq pjattaforma online.
5. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk persuna fiżika li ppubblikat simultanjament tmien avviżi għall-bejgħ ta’ diversi prodotti fuq pjattaforma tal-bejgħ online tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” u jekk l-attività tagħha tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.
6. Din il-kawża għalhekk tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kunċett ta’ “kummerċjant” fis-sens ta’ din id-direttiva kif ukoll il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali matul l-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest partikolari tal-bejgħ online.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali
7. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, moqri flimkien mal-premessi 14 u 15 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tipproċedi għal armonizzazzjoni kompleta u sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar prattiki kummerċjali żleali.
8. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
b) ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
[…]
d) ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;
[…]”
9. Konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, id-Direttiva “tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.
2. Id-Direttiva 2011/83/UE
10. Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83/UE (5), l-għan ta’ din id-direttiva huwa “li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti”.
11. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(2) ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;
[…]”.
12. Konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, din “tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur […]”.
B. Id-dritt Bulgaru
13. L-Artikolu 47 taz-ZZP, ippromulgat fid-DV Nru 99, tad‑9 ta’ Diċembru 2005, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-DV Nru 61 tal‑2014, fis-seħħ mill‑25 ta’ Lulju 2014, u l-Artikolu 50 taz-ZZP jittrasponu rispettivament l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li jirrigwardaw, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni relatati mal-kuntratti mill-bogħod u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ rtirar.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li M. K. K. (il-konsumatur f’din il-kawża) xtara, permezz ta’ kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod, arloġġ tal-id użat tad-ditta “Longines” mis-sit internet http://olx.bg.
15. Fl‑20 ta’ Ottubru 2014, l-arloġġ, imqiegħed għall-bejgħ minn utent taħt il-psewdonimu “eveto-ZZ” ġie kkunsinnat lill-konsumatur minn impriża tal-posta. Id-data relatata mal-kunsinnatur kienet tindika l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon ta’ dan tal-aħħar. Wara li kkonstata li l-arloġġ ma kienx jikkorrispondi għall-karatteristiċi indikati fl-avviż ippubblikat fuq il-pjattaforma tal-bejgħ online, il-konsumatur esprima lill-bejjiegħ, permezz tat-telefon, ir-rieda tiegħu li jxolji l-kuntratt. Dan tal-aħħar madankollu rrifjuta li jieħu l-oġġett lura inkambju ta’ rimbors.
16. Konsegwentement, il-konsumatur ressaq ilment quddiem il-KPK. Matul il-verifiki magħmula mill-KPK, irriżulta li l-kunsinnatur tal-arloġġ taħt il-psewdonimu “eveto-ZZ” kien E. Kamenova. Skont l-amministratur tas-sit, fl‑10 ta’ Diċembru 2014, l-utent “eveto-ZZ” kien ippubblika total ta’ tmien avviżi għal diversi prodotti bil-għan tal-bejgħ tagħhom (6).
17. Permezz ta’ att tas‑27 ta’ Frar 2015, il-KPK ikkonstatat ksur amministrattiv. Fis‑17 ta’ Marzu 2015, E. Kamenova kkontestat dan l-att minħabba li hija ma kellhiex il-kwalità ta’ kummerċjant u li d-dispożizzjonijiet taz-ZZP għaldaqstant ma kinux applikabbli għaliha. Il-KPK adottat deċiżjoni ta’ sanzjoni kontra E. Kamenova abbażi tal-Artikolu 207 taz-ZZP għall-ksur tal-Artikolu 47(1)(2), (3), (5), (7), (8) u (12), kif ukoll tal-Artikolu 50 taz-ZZP. Il-KPK ibbażat ruħha fuq il-fatt li E. Kamenova kienet naqset milli tindika f’kull wieħed mill-avviżi l-isem u l-indirizz tal-kummerċjant, kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu; il-prezz totali, id-dazji u t-taxxi kollha inklużi; il-kundizzjonijiet għall-ħlas, għall-kunsinna u għall-eżekuzzjoni; id-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod; il-kundizzjonijiet, it-termini u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt; kif ukoll it-tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali tal-konformità tal-prodotti fil-konfront tal-kuntratt tal-bejgħ.
18. E. Kamenova ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sanzjoni quddiem il-Varnenski rayonen ïonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna, il-Bulgarija). Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2016, din il-qorti annullat id-deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-KPK minħabba li E. Kamenova ma kellhiex il-kwalità ta’ “kummerċjant” fis-sens tal-paragrafu 13(2) tad-dispożizzjonijiet supplimentari taz-ZZP u rreferiet għad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, filwaqt li nnotat li l-kunċett ta’ “kummerċjant” intiż ma huwiex marbut ma’ att uniku u iżolat, iżda mal-eżistenza, f’kuntest kummerċjali, tan-negozju jew professjonali, ta’ attività ta’ natura sistematika.
19. Il-KPK ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
20. Filwaqt li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna), permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, li waslet lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2017, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:
“L-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva [2005/29], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ persuna fiżika, li hija rreġistrata fuq sit internet għall-bejgħ ta’ prodotti u li ppubblikat simultanjament total ta’ tmien avviżi għall-bejgħ ta’ prodotti diversi fuq dan is-sit, hija attività ta’ kummerċjant fis-sens tad-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 2(b) u tikkostitwixxi prattika kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(d), u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 3(1) tagħha?”
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq il-kontenut tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
22. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf, minn naħa, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika rreġistrata fuq sit internet għall-bejgħ ta’ prodotti tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” meta tippubblika fuq dan is-sit, simultanjament, tmien avviżi għall-bejgħ ta’ prodotti diversi u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività tagħha tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-punt (d) ta’ dan l-istess artikolu.
23. Il-kwistjoni għalhekk hija jekk, fil-kuntest tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, hemmx lok li tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” persuna fiżika, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, li ppubblikat tmien avviżi għall-bejgħ ta’ diversi prodotti fuq pjattaformi tal-bejgħ online, jew jekk tali persuna hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba li hija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kummerċjant” fid-dawl tan-natura limitata tal-attività tagħha.
24. Qabel ma tiġi eżaminata din id-domanda, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju titlob biss, fid-domanda preliminari tagħha, l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (7). Madankollu, id-deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju tidher li tindika ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ġiet issanzjonata għal ksur tal-Artikolu 47(1)(2), (3), (5), (7), (8) u (12), u tal-Artikolu 50 taz-ZZP. Madankollu, bħalma osservat il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jittrasponu rispettivament l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ informazzjoni relatati mal-kuntratti mill-bogħod, minn naħa, u l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva li jirrigwarda d-dritt ta’ rtirar, min-naħa l-oħra.
25. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-attività deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, persuna fiżika tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, jista’ jkollha interess għall-finijiet tal-proċedura fil-kawża prinċipali.
26. Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (8).
27. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex isir magħruf, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika rreġistrata fuq sit internet għall-bejgħ ta’ prodotti tista’ tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” meta tippubblika fuq dan is-sit, simultanjament, tmien avviżi għall-bejgħ ta’ prodotti diversi u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività ta’ din il-persuna tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.
28. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jidhirli meħtieġ li jiġi ddeterminat b’mod preliminari jekk, fil-każ ineżami, jidhirx utli li tiġi pproposta interpretazzjoni omoġenja tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant”, peress li, fil-kuntest tad-direttivi kkonċernati, dan il-kunċett huwa kważi identiku (9). L-utilità ta’ tali approċċ timplika, fil-fehma tiegħi, id-determinazzjoni minn qabel tal-grad ta’ armonizzazzjoni miġjub mill-imsemmija direttivi.
2. Fuq il-grad ta’ armonizzazzjoni miġjub mid-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur
29. Fl-ewwel lok, qabel ma tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-grad ta’ armonizzazzjoni miġjub mid-direttivi kkonċernati, għandu jiġi enfasizzat punt fundamentali: il-kunċett ta’ “kummerċjant” huwa ddefinit b’mod kważi identiku (10) fil-kuntest taż-żewġ direttivi u dawn iż-żewġ definizzjonijiet huma strettament marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.
30. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiżdied, fit-tieni lok, li sabiex tkun tista’ tiġi pproposta interpretazzjoni omoġenja tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fis-sens tad-direttivi kkonċernati, għandu jiġi vverifikat jekk il-grad ta’ armonizzazzjoni miġjub minn dawn iż-żewġ direttivi – u li jidħlu fih ir-regoli rispettivi tagħhom – huwiex analogu. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni tal-grad ta’ armonizzazzjoni stabbilit minn direttiva għandha tkun ibbażata fuq il-formulazzjoni kif ukoll fuq is-sens u l-għan tagħha (11).
31. Ninnota, qabel kollox, li d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tapplika, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott” (12), filwaqt li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur tapplika, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, “skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur”.
32. Għalhekk, minkejja d-differenza bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, dawn id-direttivi huma bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE (13) u, f’dan ir-rigward, isegwu l-istess għanijiet, jiġifieri jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest leġiżlattiv, regolatorju u amministrattiv li jkopru (14).
33. Nikkonstata, barra minn hekk, li sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni pproċeda għal armonizzazzjoni kompleta u sħiħa (15)tar-regoli koperti mid-direttivi kkonċernati (16).
34. Fir-rigward tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, mill-premessa 14 tagħha jirriżulta b’mod ċar li hija tipproċedi għal “armonizzazzjoni kompleta” (17). Din l-armonizzazzjoni hija intiża għar-regoli rigward il-prattiki kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali mill-kummerċjanti fil-konfront tal-konsumaturi, li, fil-livell tal-Unjoni, jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar (18). B’mod iktar preċiż, tali armonizzazzjoni kompleta jew eżawrjenti tkopri l-qasam kollu kopert minn din id-direttiva (19).
35. Barra minn hekk, mill-premessa 15 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jirriżulta li din id-direttiva ġġib “armonizzazzjoni sħiħa” tar-regoli tad-dritt nazzjonali, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet (20). Għaldaqstant, bħalma jipprevedi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suq intern”, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mid-Direttiva, anki sabiex jiżguraw grad ogħla ta’ protezzjoni lill-konsumaturi (21).
36. Fir-rigward tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, l-għan li din issegwi huwa armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali fis-suġġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (22). B’mod iktar preċiż, mill-qari kkombinat tal-premessi 4, 5 u 7 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa armonizzazzjoni “sħiħa” ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsum mill-bogħod u dawk konklużi lil hinn mill-post tan-negozju, jiġifieri l-informazzjoni tal-konsumaturi u d-dritt ta’ rtirar f’dawn it-tipi ta’ kuntratti (23).
37. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni”, “[l]-Istati Membri m’ għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor” (24). Din id-direttiva għalhekk iġġib armonizzazzjoni “sħiħa” jew massima.
38. Fl-aħħar nett, kollox jidher li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ġab l-istess grad ta’ armonizzazzjoni tar-regoli rispettivi taż-żewġ direttivi eżaminati. Fil-fatt, għall-ħtiġijiet ta’ din l-analiżi, tinteressani biss l-armonizzazzjoni sħiħa jew massima peress li assenza possibbli ta’ din it-tip ta’ armonizzazzjoni tad-direttivi kkonċernati tista’ tqajjem problemi fir-rigward tal-interpretazzjoni omoġenja tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant”.
39. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li interpretazzjoni omoġenja tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ direttivi hija utli fid-dawl tad-definizzjonijiet kważi identiċi tal-kunċett ta’ “kummerċjant” stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-fatt li dawn huma strettament marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u tal-grad ta’ armonizzazzjoni sħiħa intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-regoli nazzjonali koperti mid-direttivi eżaminati.
B. Fuq is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fil-kuntest tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur
40. Il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali bħala li jfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”. Il-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “kummerċjant” jinsabu għalhekk fil-qalba tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, b’tali mod li l-punt jekk sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jiddependi, b’mod determinanti, mill-interpretazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali fis-sens tal-imsemmija direttiva tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tikkonċerna kummerċjant, minn naħa, u konsumatur, min-naħa l-oħra.
41. L-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali hija fundamentali peress li huwa biss fl-ipoteżi fejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali jkollha l-kwalità ta’ “kummerċjant” li jkollha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-attività tagħha tistax tikkostitwixxi attività kummerċjali fis-sens tad-direttiva.
42. Il-kunċett ta’ “kummerċjant” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, bħala li jfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”.
43. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-kliem tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “l-leġiżlatur tal-Unjoni ta sens partikolarment wiesa’ lill-kunċett ta’ ‘kummerċjant’, li jirreferi għal ‘kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika’ ladarba teżerċita attività bi qligħ u ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu la l-entitajiet li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku” (25). Nippreċiża, f’dan ir-rigward, li tali persuna fiżika jew ġuridika taġixxi, fil-fehma tiegħi, għall-finijiet li jidħlu fil-kuntest ta’ att imwettaq fil-limiti tal-attività kummerċjali, industrijali, tas-sengħa jew tal-professjoni tagħha.
44. Fil-każ ineżami, il-kwalità ta’ persuna fiżika tal-konvenuta fil-kawża prinċipali ma teskludix il-klassifikazzjoni ta’ “kummerċjant”. Madankollu, sabiex jitqies li hija taqa’ taħt dan il-kunċett fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, għandu jiġi vverifikat għal darba oħra jekk din il-persuna taġixxix għal skopijiet marbuta ma’ tali kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni jew f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.
45. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tal-kliem innifsu tad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (b) ta’ din id-direttiva, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjant” kif tirreferi għalih din tal-aħħar għandhom jiġu stabbiliti b’rabta mal-kunċett, korrelattiv iżda inkompatibbli, ta’ “konsumatur”, li jindika l-individwi li ma humiex involuti f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali (26). Hija enfasizzat f’dan ir-rigward li l-għan segwit mid-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, li jikkkonsisti fil-protezzjoni sħiħa tal-konsumaturi kontra l-prattiki ta’ din in-natura, huwa bbażat fuq il-fatt li, fil-konfront ta’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, inkwantu għandu jitqies bħala ekonomikament iktar dgħajjef u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti tiegħu (27). Għalhekk, il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ta’ importanza primordjali u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma maħsuba essenzjalment fid-dawl tal-konsumatur inkwantu destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (28).
46. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 29 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet li skonthom, l-ewwel nett, id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur jiddefinixxu l-kunċett ta’ “kummerċjant” b’mod kważi identiku, it-tieni nett, dan il-kunċett huwa marbut strettament mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u, it-tielet nett, il-grad ta’ armonizzazzjoni miġjub minn dawn id-direttivi huwa analogu, inqis li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fil-kuntest tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tapplika wkoll għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fil-kuntest tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.
47. Bħalma jenfasizza l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs (29), tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” tikkorrispondi għal dik li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta fil-kuntest usa’ tad-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u b’mod partikolari tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 2(2), jiddefinixxi l-kummerċjant bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha”. Skont l-Avukat Ġenerali Bot, id-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom komuni bejniethom il-fatt li “l-kummerċjant jista’ jkun kemm persuna fiżika kif ukoll persuna ġuridika, irregolata mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat, li fir-relazzjoni li huwa stabbilixxa mal-konsumatur, jaġixxi fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew professjonali, li tippreżumi li huwa jaġixxi fil-kuntest ta’ attività regolari u lukrattiva”(30).
C. Fuq il-klassifikazzjoni li għandha tintuża fil-każ ineżami fir-rigward tal-kunċett ta’ “kummerċjant”
48. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, persuna fiżika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur?
49. Ma naħsibx. Il-pubblikazzjoni simultanja fuq pjattaforma online ta’ total ta’ tmien avviżi intiżi għall-bejgħ ta’ diversi prodotti ġodda u użati ma tidhirlix suffiċjenti sabiex tkun tista’ tintuża l-klassifikazzjoni ta’ “kummerċjant” fis-sens tal-imsemmija direttivi.
50. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-klassifikazzjoni ta’ “kummerċjant” teżiġi “[applikazzjoni] każ b’każ” (31). Għalhekk huwa xieraq, fil-każ ineżami, li l-qorti tar-rinviju twettaq analiżi in concreto abbażi tal-punti kollha ta’ fatt li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tivverifika jekk persuna, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kunċett ta’ “kummerċjant”.
51. Din l-analiżi tipprova, b’mod partikolari, bħalma enfasizzaw ġustament il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, tivverifika jekk il-bejgħ fuq il-pjattaforma online sarx b’mod organizzat u għal skopijiet lukrattivi (32); jekk dan il-bejgħ iseħħx fuq ċertu tul taż-żmien u frekwenza (33); jekk il-bejjiegħ għandux status ġuridiku li jippermettilu jwettaq atti ta’ kummerċ, u sa fejn il-bejgħ online huwa marbut mal-attività kummerċjali tal-bejjiegħ (34); jekk il-bejjiegħ huwiex suġġett għall-VAT (35); jekk il-bejjiegħ, li jaġixxi f’isem kummerċjant partikolari jew f’ismu jew permezz ta’ persuna oħra li taġixxi f’ismu u għall-interessi tiegħu, irċeviex remunerazzjoni jew kumpens (36); jekk il-bejjiegħ jixtrix oġġetti ġodda jew użati sabiex ibigħhom mill-ġdid, u b’hekk din l-attività ssir ta’ natura regolari, frekwenti u/jew simultanja fir-rigward tal-attività professjonali tiegħu (37); jekk l-ammont tal-profitt magħmul mill-bejgħ jikkonfermax li t-tranżazzjoni mwettqa taqa’ taħt attività kummerċjali (38), u/jew jekk il-prodotti għall-bejgħ humiex kollha tal-istess tip jew tal-istess valur, b’mod partikolari, jekk l-offerta hijiex ikkonċentrata fuq numru limitat ta’ prodotti (39).
52. Għandu jiġi nnotat li dawn il-kriterji la huma eżawrjenti u lanqas esklużivi, b’tali mod li, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ssodisfatt kriterju wieħed jew iktar ma jiddeterminax, waħdu, il-klassifikazzjoni li għandha ssir fil-konfront tal-bejjiegħ online fir-rigward tal-kunċett ta’ “kummerċjant”. Għalhekk għandha ssir evalwazzjoni ġenerali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji kollha rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni li għandha tintuża. Dawn il-kriterji għalhekk jippermettu lill-qrati nazzjonali jiddeterminaw jekk persuna, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, teżerċitax attività kummerċjali li tqegħedha, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ superjorità fir-rigward tal-konsumatur u, konsegwentement, jekk teżistix sitwazzjoni ta’ żbilanċ bejn il-kummerċjant u l-konsumatur.
53. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li għandha tevalwa, abbażi tal-punti ta’ fatt li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha u abbażi b’mod partikolari tal-kriterji elenkati fil-punti preċedenti, jekk din il-persuna tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” fis-sens tal-imsemmija direttivi.
54. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-persuna kkonċernata hija “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attività li hija teżerċita tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.
D. Fuq il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali
55. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-attività ta’ persuna fiżika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali tistax tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, infakkar qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva iddefinixxa, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” bħala li jfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (40).
56. Għalhekk, sabiex jitqies li l-attività inkwistjoni tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-imsemmi artikolu, għandu jiġi vverifikat li din l-attività, minn naħa, tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika “ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejj[a] minn kummerċjanti”, u, min-naħa l-oħra, hija azzjoni jew komunikazzjoni kummerċjali “f’rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti […] għall-konsumaturi” (41).
57. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-kriterju tal-attività kummerċjali li l-eżistenza tagħha għandha tiġi vverifikata jikkorrispondi għall-idea li hija bbażata fuqha s-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-kummerċjant f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni u li jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari, b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih (42).
58. Fid-dawl tal-analiżi spjegata fil-punti 40 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-pubblikazzjoni ta’ tmien avviżi simultanji għall-bejgħ ta’ diversi prodotti tista’ titqies bħala attività li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u, għaldaqstant, li tista’ teżisti pożizzjoni ta’ inferjorità minħabba tali attività, fil-każ ineżami, bejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali u x-xerrej.
59. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt matul l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalità ta’ “kummerċjant” ta’ persuna fiżika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji kollha spjegati fil-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
V. Konklużjonijiet
60. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) kif ġej:
L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, irreġistrata fuq pjattaforma online għall-bejgħ ta’ oġġetti ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” meta tippubblika fuq dan is-sit, simultanjament, tmien avviżi għall-bejgħ ta’ prodotti diversi.
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-oħrajn kollha tal-każ ineżami, din il-persuna tistax tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” fis-sens tal-imsemmija direttivi u, konsegwentement, jekk l-attività li hija teżerċita tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.