Language of document : ECLI:EU:C:2016:880

Kawża C2/15

DHL Express (Austria) GmbH

vs

Post-Control-KommissionuBundesminister für Verkehr, Innovation und Technologie

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 9 – Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali – Portata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Novembru 2016

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi postali – Direttiva 97/67 – Kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi postali u l-aċċess għan-netwerk – Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali – Possibbiltà li l-għoti jkun suġġett għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri kollha tas-settur postali jikkontribwixxu għall-imsemmija spejjeż – Ammissibbiltà

(Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 9(2))

1.      Ara t-test tad-Deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri kollha tas-settur postali, inkluż fuq dawk li ma jipprovdux servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għal dan is-settur.

Fil-fatt, mill-analiżi tal-istruttura kollha tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li l-obbligi previsti f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu imposti, skont l-obbligu kkonċernat, kemm fuq il-fornituri li jipprovdu servizz universali jew servizz meqjus bħala tali biss, kif ukoll fuq il-fornituri kollha tas-servizzi postali.

Minn naħa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, jipprevedi espressament li l-obbligi u r-rekwiżiti li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri ta’ servizz universali indikati fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva.

Barra minn hekk, it-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva. Kif inhi fformulata, huwa ċar li din id-dispożizzjoni ma tkoprix espressament il-fornituri ta’ servizz universali. Madankollu, mill-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu tali fond hija marbuta mal-possibbiltà li għandhom li jintroduċu mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali peress li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu piż inġust fuq il-fornituri. Fuq kollox, jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6, dwar l-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi postali li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali fil-każ li fih huwa previst fond ta’ kumpens, li, sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jistgħu jintalbu jikkontribwixxu għal dan il-fond, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-servizzi li huma jipprovdu jistgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

Min-naħa l-oħra, it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza ta’ rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti. Mix-xogħol preparatorju dwar id-Direttiva 2008/6 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni mhux biss li jneħħi l-aħħar ostakoli għall-ftuħ sħiħ tas-suq għal ċerti fornituri ta’ servizzi postali, iżda wkoll l-ostakoli l-oħra kollha għall-provvista ta’ servizzi postali. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja u fid-dawl tan-natura tal-obbligu inkwistjoni, jidher għalhekk li l-fornituri kollha tas-servizzi postali jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu msemmi fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67.

Bl-istess mod, il-ħames inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol previsti fid-dritt nazzjonali. Madankollu, interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni – fis-sens li huma kkonċernati biss il-fornituri tas-servizz universali – ma tistax tiġi aċċettata peress li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-Direttiva jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali – li jirragwardaw servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizz universali – għall-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 2(19) tal-imsemmija direttiva, li jinkludu l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti fid-dritt nazzjonali.

Rigward l-obbligu speċifiku ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-awtorità regolatorja responsabbli għas-settur postali, imsemmi fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, l-attivitajiet li jaqgħu fuq l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jirrigwardaw is-settur postali kollu u mhux biss il-fornituri ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew iktar għas-settur postali. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi ċertament li dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom bħala kompitu li jiżguraw konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji sabiex jiżguraw il-provvista ta’ servizz universali. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-istess awtoritajiet jistgħu jkunu obbligati jiżguraw l-osservanza tal-liġi tal-kompetizzjoni għas-settur postali kollu.

Għalhekk, sa fejn ir-rwol u l-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kienu intiżi mill-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-operaturi kollha tas-settur postali, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornituri kollha tas-servizzi postali jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ dawn l-awtoritajiet.

(ara l-punti 23, 24-27, 29-32 u d-dispożittiv)