Language of document : ECLI:EU:C:2020:802

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 124(1)(k) – Estinzjoni tad-dejn doganali fil-każ ta’ nuqqas ta’ użu tal-merkanzija – Kunċett ta’ “merkanzija użata” – Skema tal-irfinar tad-dħul – Dejn doganali li seħħ minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli previsti fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul – Assenza tal-preżentazzjoni tal-polza tar-rilaxx fit-terminu previst”

Fil-Kawża C‑476/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammarrätten i Göteborg (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Göteborg, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Allmänna ombudet hos Tullverket

vs

Combinova AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Allmänna ombudet hos Tullverket, minn M. Jeppsson, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Allmänna ombudet hos Tullverket (ir-Rappreżentant Ġenerali tal-Amministrazzjoni Doganali, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Ġenerali”) u Combinova AB dwar dejn doganali li seħħ fil-kuntest tal-importazzjoni ta’ merkanzija taħt il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 38 tal-Kodiċi Doganali tipprevedi:

“Huwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur.”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-Kodiċi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

16)      “proċedura doganali” tfisser kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin, li taħtha tista’ titqiegħed il-merkanzija skont il-Kodiċi:

[…]

b)      proċeduri speċjali;

[…]

37)      “operazzjonijiet ta’ pproċessar” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)      xogħol fuq merkanzija, inkluż il-muntaġġ jew l-assemblaġġ tagħha jew it-twaħħil tagħha ma’ merkanzija oħra;

b)      l-ipproċessar ta’ merkanzija;

[…]

d)      it-tiswija tal-merkanzija, inklużi r-restawrar tagħha u tqegħid f’ordni tagħha;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 79(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi:

“1.      Għal merkanzija, soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;

b)      wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar l-użu aħħari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;

ċ)      kondizzjoni li tirregola t-tqegħid ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni taħt proċedura doganali jew l-għoti, permezz tal-użu aħħari tal-merkanzija, ta’ eżenzjoni mid-dazju jew rata mnaqqsa ta’ dazju fuq l-importazzjoni.

2.      Il-ħin meta jinħoloq id-dejn doganali għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      il-mument meta l-obbligu li n-nuqqas ta’ konformità miegħu jagħti lok għad-dejn doganali, ma jintlaħaqx jew ma jibqax jintlaħaq;

b)      il-mument meta tiġi aċċettata dikjarazzjoni doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali fejn ikun sussegwentement stabbilit li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanzija taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ eżenzjoni tad-dazju jew rata mnaqqsa ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa tal-użu aħħari tal-merkanzija fil-fatt ma tkunx ġiet sodisfatta.”

6        L-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:

“1.      Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin:

[…]

k)      fejn, soġġett għall-paragrafu 6, id-dejn doganali nħoloq skont l-Artikolu 79 u tingħata prova sodisfaċenti għall-awtoritajiet doganali li l-merkanzija ma ntużatx jew ma kienitx ikkunsmata u nħarġet ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

[…]

6.      Fil-każ imsemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1, id-dejn doganali m’għandux jiġi estint m’għandux jkun estint fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew persuni li għamlu attentant ta’ qerq.

[…]”

7        L-Artikolu 211(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:

a)      l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv [irfinar tad-dħul] jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;

[…]

Il-kondizzjonijiet li bihom titħalla tintuża proċedura waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jew l-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna għandhom ikunu stabbiliti fl-awtorizzazzjoni.”

8        L-Artikolu 256 tal-imsemmi kodiċi, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ pproċessar tad-dħul, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223, taħt il-proċedura ta’ pproċessar attiv merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tintuża fit-territorju doganali tal-Unjoni f’operazzjoni waħda jew aktar ta’ proċessar mingħajr ma merkanzija bħal din tkun soġġetta għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

a)      dazji ta’ l-importazzjoni;

b)      imposti oħrajn kif ipprovdut minn provvedimenti rilevanti oħra fis-seħħ;

c)      miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.”

9        L-Artikolu 257(1) tal-istess kodiċi jipprevedi li:

“1.      L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perijodu li fih il-proċedura ta’ pproċessar attiv għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 215.

Dak il-perijodu għandu jibda mid-data meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni titqiegħed taħt il-proċedura u għandu jikkunsidra ż-żmien meħtieġ biex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ proċessar u biex tingħalaq il-proċedura.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Fit‑23 ta’ Novembru 2017, Combinova importat, taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni tat-Tullverket (l-Amministrazzjoni Doganali, l-Isvezja), merkanzija taħt il-proċedura doganali tal-irfinar tad-dħul prevista fl-Artikolu 256 tal-Kodiċi Doganali. L-imsemmija merkanzija sussegwentement ġiet esportata mill-ġdid fil‑11 ta’ Diċembru 2017.

11      Filwaqt li l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija kellha tiġi ppreżentata minn Combinova lill-Amministrazzjoni Doganali mhux iktar tard mit‑22 ta’ Frar 2018, jiġifieri fi żmien 30 jum mill-iskadenza, fit‑23 ta’ Jannar 2018, tat-terminu għar-rilaxx tal-merkanzija taħt din is-sistema, din tal-aħħar irċeviet l-imsemmija polza biss fis‑6 ta’ Marzu 2018.

12      Peress li l-Amministrazzjoni Doganali qieset li l-iskadenza tat-terminu meħtieġ għas-sottomissjoni tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija kienet nisslet dejn doganali skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, hija ddeċidiet li tinkludi fil-kont ta’ Combinova dazji doganali fl-ammont ta’ 121 Krona Svediża (SEK) (madwar EUR 11.50) u t-taxxa fuq il-valur miżjud għal ammont ta’ SEK 2 790 (madwar EUR 265).

13      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Awwissu 2018, il-Förvaltningsrätten i Göteborg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Göteborg, l-Isvezja), adita minn Combinova b’rikors kontra din id-deċiżjoni, qieset li din tal-aħħar kienet fondata u li Combinova ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li d-dejn doganali kien ġie estint.

14      Ir-Rappreżentant Ġenerali appella minn din is-sentenza quddiem il-Kammarrätten i Göteborg (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Göteborg, l-Isvezja), fejn talab, favur Combinova, li d-dejn doganali ta’ din tal-aħħar jiġi ddikjarat estint.

15      Ir-Rappreżentant Ġenerali jsostni f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 79(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, dan id-dejn jinħoloq fil-mument meta l-polza għar-rilaxx tal-merkanzija kellha tiġi ppreżentata, jiġifieri fit‑22 ta’ Frar 2018. Madankollu, f’dik id-data, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet diġà ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni minħabba l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha fil‑11 ta’ Diċembru 2017. Għaldaqstant ma kienx hemm użu tal-merkanzija fil-mument tal-ħolqien tad-dejn doganali jew sussegwentement. L-użu tagħha qabel il-ħolqien tad-dejn doganali ma għandu ebda relazzjoni ma’ dan il-ħolqien u kien konformi mal-irfinar awtorizzat mill-Amministrazzjoni Doganali. Fl-aħħar nett, ma jeżisti ebda element li jindika li Combinova pprovat taġixxi b’mod frawdolenti.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-Rappreżentant Ġenerali, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużat b’mod li jostakola l-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali.

17      Min-naħa tagħha, l-Amministrazzjoni Doganali, li, għalkemm ma kinitx fl-oriġini tal-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-proċedura, ma sostnietx li l-merkanzija ġiet ikkunsmata. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk din ġietx “użata”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali. Issa, il-kunċett ta’ “merkanzija użata”, li ma huwiex iddefinit mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, jista’ jinftiehem b’żewġ modi, jiġifieri jew li l-merkanzija ntużat skont l-użu intiż tagħha jew inkella li ntużat b’mod jew ieħor, li jimplika li din ġiet ipproċessata. Il-proċedura tal-irfinar tad-dħul tippreżumi fundamentalment li l-merkanzija tiġi pproċessata b’mod jew ieħor. F’dan il-każ, Combinova kellha, skont l-awtorizzazzjoni tal-irfinar tad-dħul, issewwi u tikkalibra diversi strumenti, li jaqgħu taħt operazzjonijiet ta’ rfinar fis-sens tal-punt 37 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali.

18      L-Amministrazzjoni Doganali żżid li, kif jirriżulta mill-Artikolu 256(1) tal-imsemmi kodiċi, merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tintuża fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-kliem “tintuża” jfisser għaldaqstant li l-merkanzija għandha tiġi pproċessata b’mod jew ieħor.

19      Issa, f’dan il-każ, peress li ma ġiex argumentat li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx ġiet ipproċessata taħt is-sistema tal-irfinar tad-dħul, il-kundizzjonijiet tal-estinzjoni tad-dejn doganali previsti fl-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għaldaqstant ma humiex issodisfatti.

20      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “merkanzija użata” msemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni. Hija tirrileva li dan il-kunċett jidher diversi drabi fil-Kodiċi Doganali u li l-Artikolu 256 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li l-proċedura tal-irfinar tad-dħul tippermetti l-ipproċessar ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex tkun suġġetta għal operazzjoni waħda jew iktar ta’ pproċessar, u dan mingħajr ma din il-merkanzija tkun suġġetta, b’mod partikolari, għal dazji fuq l-importazzjoni.

21      B’hekk, minn naħa, għandu jiġi ddeterminat is-sinjifikat tal-kunċett ta’ “merkanzija użata”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, u, min-naħa l-oħra, fuq il-livell tal-prinċipji, għandu jiġi stabbilit il-mument meta din id-dispożizzjoni hija applikabbli.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammarrätten i Göteborg (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Göteborg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Dejn doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni magħmul taħt l-Artikolu 79 għandu jintemm skont l-Artikolu 124(1)(k) [ta’ dan il-kodiċi] jekk hemm biżżejjed provi għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li l-merkanzija ma ntużatx jew ma ġietx ikkonsmata u li nħarġet ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. It-terminu “użat” ifisser li l-merkanzija ġiet ipproċessata jew irraffinata għall-iskop li għalih ingħatat awtorizzazzjoni lil kumpannija għal din il-merkanzija, jew dan it-terminu jikkonċerna użu li jmur lil hinn minn dak l-ipproċessar jew irraffinar? Huwa rilevanti jekk l-użu sarx qabel jew wara li nħoloq id-dejn doganali?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-merkanzija li tirreferi għalih din id-dispożizzjoni jirrigwarda biss użu li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul prevista fl-Artikolu 256 ta’ dan il-kodiċi, jew jekk jinkludix ukoll użu konformi ma’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati.

24      Skont l-Artikolu 256 tal-Kodiċi Doganali, il-proċedura doganali tal-irfinar tad-dħul għandha tippermetti li “tintuża” fit-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex tiġi suġġetta għal operazzjoni waħda jew iktar ta’ pproċessar, merkanzija mhux tal-Unjoni, mingħajr ma din il-merkanzija tkun suġġetta, b’mod partikolari, għad-dazji fuq l-importazzjoni.

25      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Combinova importat, fit‑23 ta’ Novembru 2017, merkanzija taħt il-proċedura tal-irfinar tad-dħul, wara li ngħatat awtorizzazzjoni f’dan is-sens mill-Amministrazzjoni Doganali skont l-Artikolu 211 tal-Kodiċi Doganali, u li din il-merkanzija ġiet esportata mill-ġdid fil‑11 ta’ Diċembru 2017. Madankollu, peress li Combinova ma ppreżentatx il-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fi żmien 30 jum mill-iskadenza, fit‑23 ta’ Jannar 2018, tat-terminu għar-rilaxx tal-merkanzija taħt dik il-proċedura, stabbilit skont l-Artikolu 257 tal-imsemmi kodiċi, inħoloq dejn doganali skont l-Artikolu 79 tal-istess kodiċi.

26      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni, sa fejn il-merkanzija hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, wara n-nuqqas ta’ osservanza, b’mod partikolari, ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti għat-tqegħid ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni taħt proċedura doganali.

27      Issa, skont l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, id-dejn doganali li jinħoloq skont l-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi jiġi estint meta tiġi prodotta l-prova, minn naħa, li l-merkanzija ma ntużatx jew ġiet ikkunsmata u, min-naħa l-oħra, li tkun ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li madankollu jiġi ppreċiżat li, anki f’tali ipoteżi, kif jipprevedi l-Artikolu 124(6) tal-imsemmi kodiċi, “id-dejn doganali m’għandux jkun estint fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew persuni li għamlu attentant ta’ qerq.”

28      Għalkemm il-Gvern Estonjan u dak Ċek kif ukoll ir-Rappreżentant Ġenerali jsostnu, essenzjalment, li l-użu tal-merkanzija li jirreferi għalih l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali jirrigwarda biss l-użu b’mod li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul, il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, billi tibbaża ruħha fuq is-sens normali tal-kelma “tuża” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, li dan l-użu jinkludi wkoll l-ipproċessar tal-merkanzija f’konformità ma’ din l-awtorizzazzjoni.

29      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-Kodiċi Doganali ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija użata”, fis-sens ta’ dan il-kodiċi.

30      Barra minn hekk, analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Kodiċi Doganali tippermetti li jiġi rrilevat li f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, bħal dawk bil-lingwa Svediża, Ingliża, Finlandiża u Olandiża, l-istess kelma tintuża fl-Artikolu 256(1) u fl-Artikolu 124(1)(k), filwaqt li, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmi kodiċi, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża u Rumena, kelma differenti hija użata f’waħda u fl-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, l-Artikolu 124(1)(k) juża t-terminu “utilisées” u l-Artikolu 256(1) it-terminu “mettre en œuvre”. Bl-istess mod, fil-verżjoni Ġermaniża, jintużaw, rispettivament, il-kliem “verwendet” u “unterzogen werden”. Fir-rigward tal-verżjoni bil-lingwa Rumena, huma użati, rispettivament, il-kliem “utilizate” u “folosirea”.

31      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48; tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 42; kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit, C‑29/19, EU:C:2020:36, punt 48).

32      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-premessa 38 u flimkien mal-Artikolu 124(6) ta’ dak il-kodiċi, għandu l-għan, kif enfasizza l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jippermetti, fl-assenza ta’ attentat ta’ qerq, l-estinzjoni tad-dejn doganali li jinħoloq taħt l-Artikolu 79 tal-imsemmi kodiċi fil-każ li, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet jew obbligi li jirriżultaw minn dan l-istess kodiċi, tiġi prodotta l-prova li l-merkanzija ma ntużatx b’mod li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazji u li ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1983, Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta, 186/82 u 187/82, EU:C:1983:262, punt 14, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 29).

33      Il-kunċett ta’ “merkanzija użata”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, għandu għaldaqstant jinftiehem bħala li jkopri mhux kull użu iżda biss dak li jagħti lok, fih innifsu, għal dejn doganali.

34      Issa, fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul, merkanzija li hija biss is-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati u ta’ esportazzjoni mill-ġdid sussegwenti barra mit-territorju tal-Unjoni, u ma tqegħditx fis-suq jew sar użu paragunabbli ieħor minnha, ma hijiex suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni.

35      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-merkanzija mqiegħda taħt din il-proċedura, l-użu tal-merkanzija li jirreferi għalih l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandu neċessarjament jinftiehem bħala li jkopri biss l-użu li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-awtoritajiet doganali.

36      Jekk l-użu tal-merkanzija li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni kien jinkludi wkoll l-użu konformi ma’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, l-estinzjoni, skont l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali, tad-dejn doganali li jinħoloq skont l-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi tkun eskluża fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul, li jmur kontra l-għan tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

37      Issa, l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi, fid-dawl b’mod partikolari tar-riferiment li din id-dispożizzjoni tagħmel għall-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni applikabbli għall-proċeduri doganali kollha previsti mill-imsemmi kodiċi.

38      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), li ġie ssostitwit bil-Kodiċi Doganali, li, peress li din il-proċedura kienet tinvolvi riskju evidenti għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u l-ġbir tad-dazji marbuta magħha, il-benefiċjarji tagħha kienu marbuta bl-osservanza stretta tal-obbligi li jirriżultaw minnha, u li, bl-istess mod, kien hemm lok li jiġu interpretati b’mod strett l-obbligi li jirriżultaw minnha fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li l-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-polza ta’ rilaxx tal-merkanzija fit-terminu rikjest wassal għall-ħolqien ta’ dejn doganali li jkopri l-merkanzija kollha ta’ importazzjoni li għandha tiġi rrilaxxata, inkluż dik esportata mill-ġdid barra mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkircen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punti 41 u 48).

39      Madankollu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija mhux dwar il-kwistjoni tal-ħolqien jew le ta’ dejn doganali fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul, peress li l-fatt li tali dejn jinħoloq skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali huwa paċifiku f’dan il-każ, iżda dwar il-kwistjoni jekk dan id-dejn jistax jiġi estint skont l-Artikolu 124(1)(k) ta’ dan il-kodiċi.

40      Issa, mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 124(1)(k) jirriżulta li dejn doganali li jinħoloq skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi jiġi estint, ħlief fil-każ ta’ attentat ta’ qerq, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

41      F’dan il-każ, id-dejn doganali li nħoloq skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali minħabba l-preżentazzjoni tardiva minn Combinova tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija jista’ jiġi estint jekk jirriżulta, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx b’mod li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-Awtoritajiet Doganali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

42      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-użu tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ qabel jew wara l-ħolqien tad-dejn doganali għandux xi importanza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija użata”, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali.

43      F’dan ir-rigward, din l-aħħar dispożizzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni li l-mument li fih iseħħ l-użu tal-merkanzija msemmi minn din id-dispożizzjoni huwa ta’ kwalunkwe importanza sabiex jiġi ddeterminat jekk il-merkanzija kkonċernata ntużatx, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

44      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 79(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, meta d-dejn doganali jinħoloq minħabba l-preżentazzjoni tardiva tal-polza għar-rilaxx tal-merkanzija u sakemm il-merkanzija tkun diġà ġiet esportata mill-ġdid, din ma tistax titqies li ntużat, fis-sens tal-Artikolu 124(1)(k) tal-imsemmi kodiċi, fit-territorju doganali tal-Unjoni wara l-ħolqien tad-dejn doganali.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 124(1)(k) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-merkanzija li tirreferi għalih din id-dispożizzjoni jirrigwarda biss użu li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul prevista fl-Artikolu 256 ta’ dan il-kodiċi, u mhux użu konformi ma’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 124(1)(k) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-merkanzija li tirreferi għalih din id-dispożizzjoni jirrigwarda biss użu li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-proċedura tal-irfinar tad-dħul prevista fl-Artikolu 256 ta’ dan il-kodiċi, u mhux użu konformi ma’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar awtorizzati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.