Language of document : ECLI:EU:T:2005:412

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

23 ta' Novembru 2005(*)

"Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra – Proposta ta' emenda tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti – Rifjut tal-Kummissjoni – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T-178/05,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentat minn C. Jackson, bħala aġent, u M. Hoskins, barrister, u sussegwentement minn R. Caudwell, bħala aġent, u M. Hoskins,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn U. Wölker u X. Lewis, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 1081 finali, tat-12 ta' April 2005, dwar il-proposta ta' emenda tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra, nnotifikata mir-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32) jipprovdi li:

"Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità [...] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta' l-emissjoni tal-gassijiet serra b'manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika."

2        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li kull wieħed mill-Istati Membri għandu jfassal, għal kull perijodu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 11 ta' l-istess Direttiva, pjan nazzjonali li jippreċiża l-kwantità totali ta' kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perijodu ta' żmien u l-mod kif jipproponi li jallokahom. Rigward il-perijodu ta' tliet snin li jibda jiddekorri mill-1 ta' Jannar 2005, il-pjan nazzjonali kellu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2004.

3        L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jgħid dan li ġej:

"Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma' l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta' rifjut mill-Kummissjoni."

4        Skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 :

"Għall-per[i]jodu taż-żmien ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2005, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-per[i]jodu taż-żmien u l-allokazzjoni ta' dawn il-kwoti lill-operatur ta' kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas tl[i]et xhur qabel il-bidu tal-per[i]jodu taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku."

5        Il-kriterji li jinsabu fil-paragrafi 9 u 10 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jgħidu hekk:

"9. Il-pjan għandu jinkludi dispo[ż]izzjonijiet għall-kummenti li jridu jiġu espressi mill-pubbliku, u jkun fih tagħrif dwar l-arranġamenti li bihom jitqiesu dawn il-kummenti qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kwoti.

10. Il-pjan għandu jkun fih lista ta' l-istallazzjonijiet koperti b'din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċess[j]onijiet maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Wara konsultazzjoni pubblika u l-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra (aktar 'il quddiem il-"PNA"), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (aktar 'il quddiem ir-"Renju Unit") innotifika, fit-30 ta' April 2004, PNA lill-Kummissjoni, filwaqt li indika b'mod espliċitu li dan kien provviżorju. Skond il-punt 1.13 ta' dan il-pjan:

"Il-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati għall-istallazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema Komunitarja għall-perijodu mill-2005 sa l-2007 huwa ta' 736 [miljun tunnellata dijossidju tal-karbonju (CO2 )]. Din iċ-ċifra tista' tiġi riveduta fid-dawl tax-xogħol li għadu għaddej."

7        Fid-9 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Renju Unit ifformulata kif ġej:

"[…]

Wara eżami inizjali, il-Kummissjoni osservat li n-notifika kienet inkompluta, minħabba n-nuqqas ta' l-informazzjoni indikata fl-Anness [ta' l-ittra].

Din l-informazzjoni għandha tingħata sabiex tiffaċilita d-definizzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-pjan propost. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tiddefinixxi biss il-pożizzjoni tagħha meta tirċievi din l-informazzjoni addizzjonali u, f'kull każ, f'terminu massimu ta' tliet xhur li jibdew jiddekorru mill-irċevuta ta' din l-informazzjoni.

Din l-informazzjoni għandha tasal għand il-Kummissjoni f'terminu ta' għaxart ijiem mid-data ta' din l-ittra." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Anness I ta' l-ittra tad-9 ta' Ġunju 2004 jipprovdi l-informazzjoni nieqsa. L-ewwel paragrafu ta' dan l-Anness jgħid hekk:

"Il-Kummissjoni tosserva li x-xogħol li jikkonċerna l-istimi fil-qasam ta' l-enerġija u ta' l-emissjonijiet qed jitkompla u jista' jwassal għal reviżjoni ulterjurita' l-istimi li jikkonċernaw l-emissjonijiet fl-intier tagħhom kif ukoll tar-rwol tas-setturi u istallazzjonijiet koperti mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (punt 1.9 tal-pjan). L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma mistiedna jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-istimi hekk kif riveduti kif ukoll b'kull emenda li ssir b'konsegwenza ta' dan fil-pjan, inklużi dawk li jikkonċernaw il-problemi msemmija fil-punt 1.9 (a) sa (f), fil-punt 1.10 (stimi ta' emissjonijiet ta' gass li mhux CO2) u fil-punt 1.13 (kwantità totali tal-kwoti r-Renju Unit għandu l-intenzjoni li jalloka) tal-pjan." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        B'ittra ta' l-14 ta' Ġunju 2004, ir-Renju Unit wieġeb l-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2004. Ir-Renju Unit indika, fl-ewwel paragrafu tar-risposta tiegħu li:

"Rigward l-istimi li jikkonċernaw l-emissjonijiet tad-CO2, ir-Renju Unit ippubblika dokument ta' xogħol fl-aħħar tax-xahar ta' Mejju, f'liema dokument huwa espona l-istimi-bażi kif ukoll l-aħħar stimi fil-qasam ta' l-enerġija u ta' l-emissjonijiet (kopja annessa ma' dan id-dokument). Il-persuni kkonċernati se jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti fuq id-dokument ta' xogħol sas-17 ta' Ġunju 2004. Aħna se niffinalizzaw l-istimi wara li nieħdu in kunsiderazzjoni l-kummenti rilevanti kollha u wara li jiġu riżolti l-kwistjonijiet pendenti msemmija fil-punt 1.9(a) sa (f) tal-pjan. Aħna se ninnotifikaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli bl-istimi finalizzati kif ukoll b'kull emenda fil-pjan li ssir konsegwenza ta' dan." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fis-7 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2004) 2515/4 finali dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjoni ta' gassijiet serra, innotifikata mir-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87 (aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004"). Il-parti operattiva ta' din id-deċiżjoni, adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, tgħid dan li ġej:

"Artikolu 1

L-elementi tal-[PNA] tar-Renju Unit li ġejjin mhumiex kompatibbli mal-kriterji [li jinsabu fil-paragrafi] 6 u 10 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, jiġifieri:

a)      l-informazzjoni fuq il-mezzi li se jippermettu lil min jidħol ġdid jibda jipparteċipa fl-iskema Komunitarja;

b)      il-lista ta' l-istallazzjonijiet ma tindikax l-istallazzjonijiet li jinsabu fil-Ġibiltà u lanqas l-ammont ta' kwoti li hemm l-intenzjoni li jiġu allokati lilhom.

Artikolu 2

Ebda oġġezzjoni ma tista' titqajjem kontra l-[PNA] ladarba l-emendi segwenti jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru:

a)      tiġi mogħtija informazzjoni fuq il-mezzi li se jippermettu lil min jidħol ġdid jibda jipparteċipa fl-iskema Komunitarja b'mod kompatibbli mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE u ma' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija Direttiva;

b)      il-lista ta' l-istallazzjonijiet tiġi emendata sabiex jiġu inklużi l-istallazzjonijiet li jinsabu fil-Ġibiltà u sabiex jiġu indikati hemmhekk il-kwoti li hemm l-intenzjoni li jiġu allokati lilhom; dawn il-kwoti għandhom jiġu stabbiliti skond il-metodu definit fil-[PNA].

Artikolu 3

1. Il-kwantità totali tal-kwoti li se jiġu allokati mir-Renju Unit, skond il-[PNA] tiegħu, lill-istallazzjonijiet li jaqgħu taħt dan il-pjan u lil min jidħol ġdid , fid-dawl ta' l-emendi msemmija fl-Artikolu 2, ma tistax tinqabeż.

2. Il-[PNA] jista' jiġi emendat mingħajr il-ħtieġa ta' aċċettazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni jekk l-emenda tkun tikkonsisti f'bidliet magħmula fl-allokazzjoni ta' kwoti lill-istallazzjonijiet individwali fil-limitu tal-kwantità totali, li jirriżulta minn titjib fil-kwalità tad-data.

3. Kull emenda fil-[PNA] minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 2 għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u aċċettata skond l-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva 2003/87].

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Fit-30 ta' Settembru 2004, ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għalfejn huwa ma setax jirrispetta t-terminu ffissat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

12      Fl-10 ta' Novembru 2004, ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni li huwa xtaq jemenda l-PNA tiegħu sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultati tax-xogħlijiet imsemmija fih. Ir-Renju Unit ippropona, b'mod partikolari, żieda tal-kwantità totali ta' kwoti għal 756.1 miljun tunnellata ta' dijossidju tal-karbonju (aktar 'il quddiem "Mt CO2").

13      Waqt laqgħa msejħa fit-2 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tqis l-emendi proposti inammissibbli.

14      Fit-23 ta' Diċembru 2004, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 kif ukoll informazzjoni supplementari rigward l-emendi proposti fil-PNA.

15      B'ittra ta' l-istess jum, l-awtoritajiet tar-Renju Unit stiednu lill-Kummissjoni teżamina l-PNA hekk kif emendat.

16      B'ittra ta' l-1 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni qalet li fl-opinjoni tagħha t-talba tar-Renju Unit sabiex jitħalla jemenda l-PNA tiegħu kienet inammissibbli.

17      Fit-12 ta' April 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2005) 1081 finali dwar il-proposta ta' emenda tal-PNA, innotifikata mir-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, b'mod partikolari, qieset li r-Renju Unit ma setax jissottometti pjan provviżorju skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 (premessa 3). Barra minn hekk, hija affermat li, skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, ir-Renju Unit kellu biss id-dritt li jemenda l-PNA tiegħu sabiex jindirizza l-elementi inkompatibbli li ssemmew fid-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 u li l-Artikolu 3(1) ta' din l-aħħar deċiżjoni kien jipprojbixxi kull żieda fil-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati (premessi 4 sa 9). B'hekk, skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

"L-emenda tal-[PNA] li ġiet proposta, innotifikata mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2004 u aġġornata l-aħħar fit-18 ta' Frar 2005, li tinvolvi żieda ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjoni b'19.8 [miljun tunnellata ta' l-ekwivalenti tad-dijossidju tal-karbonju] hija inammissibbli." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Mejju 2005, ir-Renju Unit ressaq din il-kawża. B'att separat ippreżentat fl-istess jum, ir-Renju Unit talab li r-rikors jiġi deċiż skond proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76(a) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza . Fis-27 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba.

19      B'deċiżjoni ta' l-14 ta' Ġunju 2005, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-ewwel Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

20      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fit-18 ta' Ottubru 2005.

22      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Ir-Renju Unit jinvoka motiv waħdieni, ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 2003/87 u tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

 L-argumenti tal-partijiet

25      L-ewwel nett, ir-Renju Unit isostni li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li skondha l-PNA li huwa ssottometta fit-30 ta' April 2004 għandu jitqies bħala definittiv minħabba li mhuwiex permess li jiġi sottomess PNA provviżorju, hija legalment żbaljata.

26      Huwa jsostni li l-imsemmi PNA kien ġie espressament ippreżentat bħala provviżorju u dan il-fatt ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-9 ta' Ġunju 2004, li fiha hija semmiet il-possibiltà li jsiru emendi fil-kwantità totali ta' kwoti li r-Renju Unit kien beħsiebu jalloka. Minħabba li l-Kummissjoni kienet b'hekk aċċettat il-preżentazzjoni ta' pjan provviżorju mir-Renju Unit, hija ma setgħatx, fid-deċiżjoni kkontestata, tadotta pożizzjoni differenti.

27      Ir-Renju Unit jenfasizza li, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tippermettilha tiddeċiedi l-kwantità totali ta' kwoti li Stat Membru jista' jalloka u li hija ma tistax issostni li l-kwantità totali ta' kwoti hija stabbilita fuq il-bażi ta' l-ammont provviżorju propost mir-Renju Unit.

28      Barra minn hekk, skond ir-Renju Unit, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittratta il-PNA provviżorju bħala pjan definittiv twassal, f'dan il-każ, għal inkoerenza bejn il-kwantità totali ta' kwoti u l-metodu ta' allokazzjoni ta' dawn il-kwoti deskritt fil-pjan provviżorju, li huma żewġ elementi essenzjali ta' PNA (ara l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87). Il-PNA provviżorju ma jistax jitqies bħala definittiv u ma jistax jiġi trattat bħala tali.

29      It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex legalment korretta safejn hija tagħti x'tifhem li Stat Membru ma jistax jagħmel emendi li ma jkunux awtorizzati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 (ara l-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, il-pjan inizjali sottomess minn Stat Membru lill-Kummissjoni għandu jindika biss il-kwantità totali ta' kwoti li jkun "beħsiebu" jalloka. Hija din l-intenzjoni li l-Kummissjoni teżamina skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, huwa biss wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-konsultazzjoni pubblika (ara l-paragrafu 9 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87) li l-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar il-kwantità totali ta' kwoti li huwa "se jalloka". B'hekk, mid-Direttiva 2003/87 jirriżulta li PNA, inkluża l-kwantità totali ta' kwoti li huwa jipprevedi li għandhom jiġu allokati, jista' jiġi emendat wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

31      Ir-Renju Unit iżid, minn naħa, li l-pubbliku għandu jiġi kkonsultat rigward il-PNA sottomess lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 u, min-naħa l-oħra, li għandhom jitqiesu l-kummenti tal-pubbliku qabel ma tiġi adottata deċiżjoni rigward l-allokazzjoni ta' kwoti skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 (ara paragrafu 9 ta' l-Anness III ta' l-istess Direttiva). Il-portata u l-importanza tal-konsultazzjoni pubblika huma kkonfermati mis-sezzjoni 2.1.9 (punti 93 sa 96) tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2004 fuq il-linji gwida maħsuba sabiex jgħinu l-Istati Membri jimplementaw il-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u l-kundizzjonijiet li fihom ikun hemm forza maġġuri [COM (2003) 830 finali, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni tas-7 ta' Jannar 2004"].

32      Skond ir-Renju Unit, minn dak li ntqal jirriżulta li deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma tistax twaqqaf jew tillimita l-kunsiderazzjoni tal-kummenti tal-pubbliku mitluba mill-Artikolu 11(1) u (9) ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87.

33      Barra minn hekk, l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li, meta tkun ittieħdet deċiżjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri kkonċernati ma jistgħux jikkoreġu n-nuqqasijiet tal-PNA tagħhom, hija inkompatibbli mal-metodu adottat mill-Kummissjoni f'każijiet oħra (ara d-deċiżjonijiet tas-7 ta' Lulju 2004 li jikkonċernaw ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju ta' l-Iżvezja). Minkejja li l-Kummissjoni ma osservat ebda nuqqas fil-PNA sottomessi minn dawn l-Istati Membri, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kull wieħed minnhom jawtorizzawhom espressament li jinnotifikawha b'emendi ulterjuri. Issa, l-emendi kkunsidrati ma jistgħux jikkonċernaw biss in-nuqqasijiet osservati mill-Kummissjoni, għaliex ma kienx hemm nuqqasijiet bħal dawn.

34      It-tielet nett, ir-Renju Unit jallega li, kuntrarjament għall-impressjoni li tagħti d-deċiżjoni kkontestata (premessa 9), l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 jawtorizzah jinnotifika kull emenda lill-Kummissjoni, inklużi dawk li jinvolvu żieda fil-kwantità totali ta' kwoti allokati. Ir-Renju Unit jispjega li l-formulazzjoni ta' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 hija konformi ma' l-interpretazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmija deċiżjoni ma jipprojbixxix li ssir notifika ta' emenda li tista' żżid il-kwantità totali ta' kwoti. Huwa jindika biss li, fin-nuqqas ta' emenda bħal din, ir-Renju Unit ma jistax jaqbeż il-kwantità totali ta' kwoti imsemmija fil-PNA tiegħu. L-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 jindika, min-naħa tiegħu, li ċerti emendi magħmula fil-PNA, li ma jżidux il-kwantità totali ta' kwoti, jistgħu jsiru għal dan il-pjan mingħajr il-ħtieġa ta' awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmija deċiżjoni, ifformulat f'termini ġenerali, jipprovdi li kull emenda, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) ta' l-istess deċiżjoni, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u aċċettata skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Din il-formulazzjoni hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi emendi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-kwantità totali ta' kwoti li hemm għall-allokazzjoni.

35      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tammetti li r-Renju Unit kien indika li l-PNA li huwa kien ippreżenta inizjalment kien provviżorju. Hija tallega li, wara t-talba tagħha tad-9 ta' Ġunju 2004, ir-Renju Unit ipprovda, f'ittra li ġġib id-data ta' l-14 ta' Ġunju 2004, l-informazzjoni supplementari mitluba. Minn dan hija għaldaqstant ikkonkludiet li l-PNA, inklużi ċ-ċifri rigward il-kwantità totali ta' kwoti, kien komplet (ara l-premessa 1 tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004).

36      Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju Unit (ara l-punt 25 aktar 'il fuq), meta Stat Membru jippreżenta PNA li għalih hija titlob informazzjoni supplementari, dan il-pjan jitqies inkomplet sakemm din l-informazzjoni tasal. It-terminu ta' tliet xhur jibda jiddekorri biss meta l-Istat Membru jkun ipprovda l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa sabiex tkun tista' tqis il-pjan bħala komplet.

37      Skond il-Kummissjoni, ir-Renju Unit kien jaf li, wara l-ittra tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2004, hija kienet tqis il-PNA tiegħu bħala komplet u kienet se tieħu deċiżjoni definittiva fis-7 ta' Lulju 2004. Fil-fatt, ir-Renju Unit wera x-xewqa li jagħmel parti mill-ewwel sett ta' deċiżjonijiet rigward il-PNA sabiex juri l-impenn tiegħu favur l-iskambji ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass serra kif ukoll favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima b'mod ġenerali u sabiex ikun ta' eżempju lill-Istati Membri l-oħra (ara l-ittra ta' l-14 ta' Ġunju 2004 u ċerti siltiet meħuda mis-sit Internet tad-"Department for Environment, Food and Rural Affairs", aktar 'il quddiem id-"DEFRA"). Fid-dawl ta' din ix-xewqa, ir-Renju Unit ma setax leġittimament jistenna li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni oħra, din id-darba finali, fuq il-pjan tiegħu sabiex tieħu in kunsiderazzjoni eventwali informazzjoni ġdida pprovduta sussegwentement.

38      Il-Kummissjoni żżid li l-uniċi emendi aċċettabbli, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004, kienu dawk definiti fl-Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni. Kull emenda li twassal għall-qbiż tal-kwantità totali ta' kwoti hija espressament eskluża minħabba li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-PNA għandhom jiggarantixxu ċerta sigurtà, kemm għall-koerenza ta' l-iskema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonijiet b'mod ġenerali kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tas-suq tal-kwoti, safejn il-formazzjoni tal-prezzijiet fuq dan is-suq tiddependi b'mod qawwi fuq l-istabbiltà tal-kwantità totali ta' kwoti. Il-Kummissjoni tosserva li l-importanza ta' l-istabbiltà tal-kwantità totali ta' kwoti miksuba mir-Renju Unit għall-funzjonament tajjeb ta' l-iskema sħiħa tista' tiġi dedotta mill-importanza tal-kwantità attribwita lir-Renju Unit meta mqabbla ma' dik ta' l-Istati Membri l-oħra.

39      It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan tad-Direttiva 2003/87 huwa li tistabbilixxi skema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjoni li tista' tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 2005 (ara l-Artikolu 4, 9(1) u 11(1) tad-Direttiva). Hija tqis li huwa fid-dawl ta' dan il-għan li għandha tiġi interpretata l-kelma "emendi" li tinsab fl-Artikolu 9(3) ta' l-imsemmija Direttiva kif ukoll fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004. Skond il-Kummissjoni, l-Istati Membri ma jistgħux, ma' l-avviċinament ta' l-iskadenza ta' l-1 ta' Jannar 2005, jippreżentaw "emendi" li jinsabu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni li huma destinatarji tagħha, skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. L-"emendi" imsemmija minn din l-istess dispożizzjoni huma ristretti għal dawk maħsuba sabiex jikkoreġu l-elementi inkompatibbli kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni meħuda skond din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri, f'dan il-każ, id-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

40      Imbagħad, il-Kummissjoni tosserva li l-informazzjoni miksuba waqt il-konsultazzjoni pubblika qabel il-preżentazzjoni tal-PNA hija essenzjali sabiex tiġi determinata l-kwantità totali ta' kwoti kif ukoll l-elementi l-oħra tal-pjan li għandu jiġi sottomess lilha. Min-naħa l-oħra, ladarba d-deċiżjoni tittieħed mill-Kummissjoni, it-tieni konsultazzjoni tal-pubbliku tista' tintuża biss biex tbiddel xi data u, eventwalment, sabiex talloka mill-ġdid il-kwoti fil-limiti tal-kwantità totali, u mhux sabiex tkabbar l-ammont totali (ara paragrafu 9 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u l-komunikazzjoni tas-7 ta' Jannar 2004, punti 94 sa 96). Fil-fatt, din it-tieni konsultazzjoni tirrigwarda biss il-mod kif id-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-PNA għandha tiġi implementata fil-kuntest tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif ukoll l-aspetti li fuqhom l-Istat Membru jista' jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

41      Li kieku ma kienx hekk, iqum ir-riskju ta' serje ta' konsultazzjonijiet u ta' deċiżjonijiet ġodda tal-Kummissjoni. Minħabba li s-suq tal-kwoti jeħtieġ stabbiltà fil-kwantità totali ta' kwoti, b'tali livell ta' inċertezza, huwa jiddgħajjef u ma jkunx jista' jaħdem korretament.

42      Il-Kummissjoni tosserva li r-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li talab żieda fil-kwantità totali ta' kwoti b'riżultat tat-tieni konsultazzjoni. Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tar-Renju Unit f'dan il-każ mhijiex koerenti ma' l-affermazzjoni li tidher fuq is-sit Internet tad-DEFRA rigward il-preżentazzjoni tal-lista ta' l-istallazzjonijiet lill-Kummissjoni fl-14 ta' Ġunju 2004, li skondha ċ-ċifri in kwistjoni setgħu jkunu s-suġġett ta' reviżjoni teknika, jiġifieri ta' natura ristretta ħafna, b'riżultat tal-konsultazzjonijiet finali.

43      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Istat Membru ma jistax jitbiegħed mill-intenzjoni dikjarata tiegħu, anke wara li hija tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha, sempliċement minħabba li kienet biss "intenzjoni". Skond il-Kummissjoni, id-Direttiva 2003/87 tuża l-espressjoni "li jkun beħsiebu jalloka", għaliex huwa biss meta hija tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha li l-Istat Membru jkun f'pożizzjoni li jesprimi l-intenzjoni tiegħu f'deċiżjoni finali.

44      It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li interpretazzjoni stretta ta' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 hija neċessarja sabiex l-iskema Komunitarja ta' skambju ta' kwoti ta' emissjoni tkun tista' tgħin fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

45      L-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 jindika biċ-ċar li l-kwantità totali ta' kwoti allokata ma tistax tinqabeż, u l-Artikolu 3(3) tagħha ma jistax jintuża bħala bażi sabiex tiġi emendata din il-kwantità totali. Fuq il-livell ekonomiku, dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-istabbiltà tal-kwantità totali ta' kwoti għandha importanza kruċjali għall-funzjonament tajjeb ta' l-iskema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3) jagħti lir-Renju Unit ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jirrimedja l-elementi inkompatibbli kkonstatati, b'mezzi oħra għajr dawk diġà approvati kundizzjonalment mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 2, imma biss permezz ta' allokazzjonijiet mill-ġdid ta' kwoti li jkunu eventwalment meħtieġa.

46      Il-Kummissjoni tispjega li l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 għandu jinqara fil-kuntest taċ-ċifri globali stabbiliti taħt l-Artikolu 3(1) ta' l-istess deċiżjoni. Mill-Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni jirriżulta li r-Renju Unit kellu marġni ta' manuvra kjarament definita sabiex jalloka mill-ġdid il-kwoti tiegħu lil stallazzjonijiet elenkati fil-PNA u lil min jidħol ġdid. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, ir-Renju Unit ma kienx fl-obbligu li jitlob żieda fil-kwantità totali ta' kwoti. Fost l-Istati Membri destinatarji ta' deċiżjoni li tinkludi l-istess Artikolu 3(3), ir-Renju Unit kien l-uniku li kkonkluda li din id-dispożizzjoni setgħet tintuża sabiex titkabbar il-kwantità totali ta' kwoti.

47      Il-Kummissjoni żżid li, fil-każ tal-PNA li għalihom hija ma kkonstatat ebda inkompatibbiltà fid-deċiżjoni finali tagħha, l-Artikolu 3(3) (jew l-ekwivalenti tiegħu) għandu effettivament jitqies bħala superfluwu. Hija ssostni li jdin id-dispożizzjoni ma kinitx tneħħiet mit-test minħabba li nstabet biss soluzzjoni sabiex jitneħħew l-elementi inkompatibbli kollha fi stadju li kien tard ħafna tal-proċedura deċiżjonali. Hija żżid li, ladarba din in-natura superfluwa ġiet rikonoxxuta, id-dispożizzjoni ġiet sistematikament imneħħija mid-deċiżjonijiet adottati sa mix-xahar ta' Diċembru 2004.

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li hija ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra l-ħolqien, fil-PNA sottomess mir-Renju Unit, ta' riżerva għal min jidħol ġdid li hija bil-wisq ikbar minn dik ta' l-Istati Membri l-oħra. Il-kwantità totali ta' kwoti approvata, li kienet tinkludi l-allokazzjonijiet maħsuba kemm għall-istallazzjonijiet eżistenti kif ukoll għal min jidħol ġdid, kienet tagħti lir-Renju Unit flessibbiltà konsiderevoli sabiex talloka kwoti lill-istallazzjonijiet eżistenti billi tieħu mir-riżerva maħsuba għal min jidħol ġdid, jekk dan kien jirriżulta neċessarju minħabba titjib fil-kwalità tad-data fil-kuntest ta' l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

49      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-ittra tad-9 ta' Ġunju 2004 ma tistax tiġġustifika t-tkabbir tal-kwantità totali ta' kwoti. Din l-ittra kienet tippreċedi d-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 u, għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni ta' l-emendi li saru wara din l-aħħar deċiżjoni. Għaldaqstant ir-Renju Unit ma jistax isostni xi aspettativa leġittima rigward interpretazzjoni differenti tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet bħala inammissibbli l-emendi tal-PNA proposti mir-Renju Unit fl-10 ta' Novembru 2004 minħabba li dawn kienu jwasslu għal qbiż tal-kwantità totali ta' kwoti awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Lulju 2004. Għaldaqstant, u hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, il-Kummissjoni kienet tqis li hija ma kinitx fl-obbligu li teżamina l-fondatezza ta' l-emendi proposti mir-Renju Unit u, b'mod partikolari, l-kompatibbiltà tagħhom mal-kriterji msemmija fl-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87.

51      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tirrifjuta l-emendi bħala inammissibbli, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, ir-rwoli u s-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri fil-kuntest ta' l-iskema stabbilita mid-Direttiva 2003/87 u, b'mod partikolari, mill-Artikoli 9 sa 11 tagħha.

52      Id-Direttiva 2003/87 għandha l-għan essenzjali li tistabbilixxi, mill-1 ta' Jannar 2005, skema Komunitarja ta' skambju ta' kwoti ta' emissjoni ta' gas serra. Din l-iskema hija bbażata fuq il-PNA mfassla mill-Istati Membri skond kriterji previsti mill-imsemmija Direttiva. B'hekk, kull Stat Membru kien mistieden ifassal PNA inizjali għall-perijodu ta' tliet snin li jibda jiddekorri mill-1 ta' Jannar 2005. Dan il-PNA kellu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2004, skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87. Il-PNA kellu jindika l-kwantità totali ta' kwoti li l-Istat Membru "jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perijodu ta' żmien u kif jipproponi li jallokahom" (ara l-punt 2 aktar 'il fuq).

53      Id-deċiżjoni definittiva dwar il-kwantità totali ta' kwoti li se jiġu allokati u l-allokazzjoni ta' dawn il-kwoti lill-istallazzjonijiet in kwistjoni kellha tittieħed minn kull Stat Membru skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 tliet xhur qabel il-bidu tal-perijodu, jiġifieri qabel l-1 ta' Ottubru 2004. Skond din l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet definittivi tagħhom f'dan ir-rigward fuq il-bażi tal-PNA stabbiliti skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punt 4 aktar 'il fuq).

54      Mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-Kummissjoni tista', fit-tliet xhur ta' wara n-notifikazzjoni ta' PNA, tirrifjuta dan il-PNA jew xi aspett tiegħu (ara l-punt 3 aktar 'il fuq). Din id-dispożizzjoni tippreċiża li kull rifjut għandu jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji msemmija fl-Anness III jew ma' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Għandu jingħad li l-imsemmija direttiva ma tipprevedix raġunijiet oħra għal rifjut ta' PNA.

55      Barra minn hekk, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma jobbligax espressament lill-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni pożittiva ta' approvazzjoni tal-PNA fil-każ li ma jkollhiex raġuni li tirrifjuta l-PNA jew xi aspett tiegħu. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni rigward il-PNA fil-perijodu ta' tliet xhur min-notifikazzjoni tiegħu, dan għandu jitqies bħala approvat mill-Kummissjoni u ma jistax jiġi emendat mingħajr l-approvazzjoni tagħha minn qabel skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

56      Bl-istess mod, l-adozzjoni mill-Istat Membru tad-deċiżjoni definittiva tiegħu dwar il-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati u l-allokazzjoni ta' dawn il-kwoti għall-istallazzjonijiet in kwistjoni, skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, hija soġġetta għall-kundizzjoni, prevista mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li kull emenda tal-PNA propost tkun ġiet aċċettata mill-Kummissjoni. Issa, għandu jiġi enfassizat li t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma timponi l-ebda limitu rigward l-emendi li jistgħu jsiru (ara l-punt 3 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, kull emenda, kemm jekk tkun proposta mill-Istat Membru fuq l-inizjattiva tiegħu stess u kemm jekk din issir neċessarja sabiex jiġu korretti l-elementi inkompatibbli tal-PNA kkonstatati mill-Kummissjoni, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha qabel ma l-PNA, hekk kif emendat, ikun jista' jservi ta' bażi ta' deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.

57      Il-fatt li l-emendi tal-PNA mhumiex ristretti għal dawk li huma maħsuba sabiex jiġu korretti l-elementi inkompatibbli kkonstatati mill-Kummissjoni huwa kkorroborat mill-fatt li l-Istat Membru huwa fl-obbligu, skond it-termini ta' l-Artikolu 11(1), u l-paragrafu 9 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jqis l-kummenti tal-pubbliku wara n-notifikazzjoni inizjali tal-PNA u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva skond l-Artikolu 11(1) ta' l-istess direttiva. Din il-konsultazzjoni pubblika tkun superfluwa, u l-kummenti tal-pubbliku jkunu sempliċement teoretiċi, kieku l-emendi tal-PNA li jistgħu jiġu proposti wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet xhur previst mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jew wara deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond din l-istess dispożizzjoni, kienu ristretti għal dawk indikati mill-Kummissjoni.

58      Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li, kummenti tal-pubbliku bħal dawn, li ngħataw wara tieni konsultazzjoni, għandhom jintużaw biss sabiex jemendaw id-data u eventwalment sabiex jiġu allokati mill-ġdid il-kwoti fil-limiti tal-kwantità totali u mhux biex iżidu l-ammont totali (ara l-punt 40 aktar 'il fuq). Dan l-argument la huwa sostnut mit-termini ta' l-Artikolu 11(1) u lanqas mill-paragrafu 9 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni ma tipprevedi ebda limitazzjoni ta' l-għan tat-tieni konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt, mill-punt 95, kif ukoll mill-punt 96, jirriżulta li l-imsemmija komunikazzjoni li "Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b'kull emenda li huwa previst li tiddaħħal wara l-parteċipazzjoni tal-pubbliku sussegwenti għall-pubblikazzjoni u n-notifika tal-[PNA] u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha skond l-Artikolu 11". Huwa għaldaqstant possibbli li l-konsultazzjoni tal-pubbliku tikxef l-eżistenza ta' żbalji ta' kalkolu jew tgħin sabiex tinkiseb informazzjoni ġdida u li, minħabba dan, il-kwantità totali għall-allokazzjoni jkollha tiżdied. Xejn fit-termini tad-Direttiva 2003/87 jew fin-natura jew l-għanijiet ta' l-iskema li hija tistabbilixxi ma jeskludi l-possibiltà ta' żieda bħal din.

59      Anke li kieku kellu jiġi kkunsidrat li t-tieni konsultazzjoni pubblika setgħet tirrigwarda biss il-kwistjoni ta' l-allokazzjonijiet individwali, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ma stabbilixxietx għalfejn l-emendi magħmula fl-allokazzjonijiet individwali li jistgħu jsegwu din il-konsultazzjoni ma jistgħux huma nfushom iwasslu għal emendi fil-kwantità totali ta' allokazzjonijiet li għandhom jiġu allokati. Jekk, per eżempju, kien hemm stima nieqsa tal-kwoti allokati lil stallazzjoni individwali, filwaqt li stallazzjoni ekwivalenti u kompetitriċi rċeviet il-kwantità korretta ta' kwoti, ma jistax jiġi eskluż li l-kwoti allokati lill-ewwel stallazzjoni u, għaldaqstant, il-kwantità totali ta' kwoti allokati, jkollhom jiġu emendati.

60      Għandu jingħad ukoll li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi suq Ewropew effiċjenti ta' kwoti ta' emissjoni ta' gas serra, filwaqt li ssir l-anqas ħsara possibbli lill-iżvilupp ekonomiku u lix-xogħol (Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87). B'hekk, minkejja li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tnaqqas l-emissjoni tal-gassijiet serra skond l-impenji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fil-kuntest tal-Protokoll ta' Kyoto, dan l-għan għandu jitwettaq, safejn possibbli, billi jiġu rispettati l-bżonnijiet ta' l-ekonomija Ewropea. Għaldaqstant il-PNA mfassla fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87 għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni d-data u l-informazzjoni eżatti rigward l-emissjonijiet previsti għall-istallazzjonijiet u s-setturi kkonċernati mid-Direttiva 2003/87. Jekk PNA jkun ibbażat parzjalment fuq informazzjoni jew evalwazzjonijiet żbaljati rigward il-livell ta' emissjonijiet ta' ċerti setturi jew ta' ċerti stallazzjonijiet, għandu jkun possibbli, għall-Istat Membru in kwistjoni, li jipproponi emendi tal-PNA, inklużi fosthom żidiet fil-kwantitajiet totali ta' kwoti għall-allokazzjoni, sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi qabel ma dawn jkollhom riperkussjonijiet fuq is-suq. Madankollu jibqa' l-fatt li, sabiex jiġi assigurat ir-rispett ta' l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk l-emendi proposti mill-Istat Membru humiex kompatibbli mal-kriterji msemmija fl-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 ta' l-istess direttiva.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi meqjus li, mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2003/87, kif ukoll mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet ta' l-iskema li stabbilixxiet, jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita d-dritt ta' Stat Membru li jipproponi emendi jew anki xi kategoriji ta' emendi. Din il-kwistjoni hija differenti minn dik dwar jekk l-emendi in kwistjoni kinux kompatibbli mal-kriterji previsti mill-Anness III u mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87.

62      Il-Kummissjoni tinvoka d-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Lulju 2004 sabiex issostni li l-portata ta' l-emendi ammissibbli kienet limitata u, b'mod partikolari, sabiex tipprovdi bażi għall-projbizzjoni ta' l-emenda tal-kwantità totali ta' kwoti li l-Istat Membru jiddeċiedi li jalloka. Hija tispjega li l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004, jindika biċ-ċar li l-kwantità totali allokata ma tistax tinqabeż.

63      Dan l-argument ma jistax jintlaqa'. Mt-termini espressi tad-Direttiva 2003/87, kif ukoll mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet ta' l-iskema li hija stabbilixxiet, jirriżulta li r-Renju Unit kellu d-dritt jipproponi emendi għall-PNA tiegħu wara n-notifika ta' dan lill-Kummissjoni, u dan sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha skond l-Artikolu 11(1), u li l-Kummissjoni ma tistax, meta tadotta deċiżjoni ta' rifjut fuq il-bażi ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, twaqqaf lill-Istat Membru milli jeżerċita dan id-dritt (ara l-punti 54 sa 61 aktar 'il fuq).

64      Barra minn hekk, dan l-argument tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-formulazzjoni tad-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Lulju 2004. L-ewwel nett, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta, mill-Artikolu 2(b) ta' din id-deċiżjoni jirriżulta li l-emendi tal-PNA, li saru neċessarji sabiex tiġi koperta s-sitwazzjoni ta' l-istallazzjonijiet li jinsabu fil-Ġibiltà, jistgħu jwasslu għal żieda fil-kwantità totali tal-kwoti allokati. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) ta' din id-deċiżjoni ppreveda espressament l-possibbiltà li l-imsemmija kwantità totali tiġi miżjuda wara l-emendi msemmija fl-Artikolu 2, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni (ara l-punt 10 aktar 'il fuq). Din ta' l-aħħar għaldaqstant għarfet, ta' l-anqas b'mod impliċitu, li emenda bħal din setgħet issir mingħajr ma jinkisru l-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Minn dan jirriżulta li hemm nuqqas ta' koerenza fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni safejn, minn naħa, hija tippermetti żidiet fil-kwantità totali tal-kwoti għall-allokazzjoni sabiex tpatti għal nuqqasijiet li hija osservat fil-PNA filwaqt li, min-naħa l-oħra, tirrifjuta li tieħu in kunsiderazzjoni emendi bħal dawn meta dawn ikunu proposti mill-Istat Membru in kwistjoni.

65      It-tieni nett, l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004, li hija applikazzjoni diretta ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, ma jillimitax it-tipi ta' emendi ammissibbli qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni definittiva skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, minħabba li l-emendi ammissibbli mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni huma previsti mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(2) ta' l-imsemmija deċiżjoni, l-Artikolu 3(3) ta' din l-istess deċiżjoni jirreferi għall-emendi l-oħra "kollha", inklużi potenzjalment fosthom l-emendi tal-kwantità totali tal-kwoti għall-allokazzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 jindika biss li, fin-nuqqas ta' emenda bħal din, ir-Renju Unit ma jistax jaqbeż il-kwantità totali tal-kwoti li tidher fil-PNA tiegħu.

66      Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004 jagħti lir-Renju Unit il-possibbiltà li jneħħi l-elementi inkompatibbli li jinsabu fil-PNA tiegħu permezz ta' mezzi oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, bħalma josserva r-Renju Unit, il-Kummissjoni approvat PNA sottomessi minn Stati Membri oħra, mingħajr ma identifikat nuqqasijiet, f'deċiżjonijiet li jinkludu dispożizzjoni analoga għal dik ta' l-Artikolu 3(3). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, kien possibbli, b'applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, li jiġu proposti emendi oħra minbarra dawk li jikkonċernaw nuqqasijiet kkonstatati mill-Kummissjoni.

67      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li kull emenda li twassal għal qbiż tal-kwantità totali ta' kwoti għandha tiġi eskluża minħabba li jista' jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà tas-suq (ara l-punti 38 u 45 aktar 'il fuq). Għandu jingħad li l-fondatezza ta' dan l-argument ma ġietx ippruvata suffiċjentement skond il-liġi mill-Kummissjoni.

68      Fil-fatt, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-emendi proposti għandhom konsegwenzi serji fuq l-iskarsezza ta' kwoti u impatt konsiderevoli fuq il-prezz tas-suq hija, minn ta' l-anqas, eżagerata. Huwa stabbilit li r-Renju Unit innotifika l-PNA tiegħu fit-30 ta' April 2004 filwaqt li indika espressament li huwa kellu provviżjorjament l-intenzjoni li jalloka kwantità totali ta' kwoti ta' 736 Mt CO2 għall-perijodu bejn l-2005 u l-2007 (ara l-punt 6 aktar 'il fuq). Imbagħad, fl-10 ta' Novembru 2004, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni l-proposta tiegħu li tiżdied il-kwantità totali ta' kwoti minn 736 għal 756 1 Mt CO2 (ara l-punt 12 aktar 'il fuq), jiġifieri żieda ta' 2.7%. Minħabba li din l-emenda ġiet ippubblikata simultanjament mir-Renju Unit sabiex jinġabru l-kummenti tal-pubbliku, għandu jiġi konkluż li l-operaturi kkonċernati ġew mgħarrfa b'din iż-żieda seba' ġimgħat qabel il-ftuħ tas-suq.

69      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li emendi fil-kwantitajiet totali ta' kwoti għall-allokazzjoni jistgħu jirriżultaw neċessarji anke wara l-ftuħ tas-suq, indipendentament mill-possibiltà prevista mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/87 li jiġi emendat il-PNA f'każ ta' forza maġġuri. B'mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 8 ta' l-imsemmija deċiżjoni, il-possibiltà li tiġi emendata l-kwantità totali ta' kwoti allokati f'dak li jirrigwarda l-istallazzjonijiet esklużi mill-iskema Komunitarja sal-31 ta' Diċembru 2006 skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq l-idea li l-istabbiltà tas-suq hija regola imperattiva, huwa eżaġerat, fuq kollox f'dak li jikkonċerna emendi proposti qabel il-ftuħ tas-suq, u, għaldaqstant, ma jistax jintlaqa'.

70      F'kull każ, fil-kuntest ta' suq fejn l-Istati Membri kienu allokaw, skond komunikat stampa tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Ġunju 2005, kwantità totali ta' kwoti ta' 6 572 Mt CO2, il-Kummissjoni ma spjegatx kif żieda ta' 20 1 Mt CO2, imħabbra seba' ġimgħat qabel il-ftuħ tas-suq, setgħet tiddestabbilizza lill-istess suq. Barra minn hekk, għandu jingħad li fl-10 ta' Novembru 2004, id-data li fiha r-Renju Unit ippropona l-emendi in kwistjoni, il-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 rigward il-PNA ta' disa' Stati Membri.

71      Il-Kummissjoni invokat b'mod impliċitu l-fatt li r-Renju Unit kellu jieħu d-deċiżjoni tiegħu skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 qabel it-30 ta' Settembru 2004 u li ma kienx għad għandu d-dritt jipproponi emendi fil-PNA wara din id-data. Għandu jingħad, f'dan ir-rigward, li, minkejja li din il-kunsiderazzjoni hija msemmija fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, hija mhijiex ir-raġuni tar-rifjut. L-emendi ġew irrifjutati bħala inammissibbli minħabba li kienu jaqbżu l-kwantitajiet totali stabbiliti mid-deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2004.

72      Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li r-Renju Unit aġixxa in bona fides billi kompla jaħdem fuq il-PNA tiegħu wara li kien innotifikah u billi kompla jfittex li jikseb informazzjoni aktar preċiża fuq previżjonijiet ta' emissjonijiet mis-setturi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87. Fl-ittra li hija indirizzat lir-rappreżentant permanenti tar-Renju Unit fil-11 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni, wara li osservat li r-Renju Unit ma kienx irrispetta t-terminu tat-30 ta' Settembru 2004, irrikonoxxiet il-"progress li l-awtoritajiet [tiegħu] kienu qegħdin iwettqu sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-deċiżjoni" u stiednitu jinnotifikaha mill-aktar fis possibbli bl-informazzjoni meħtieġa. Fid-dawl ta' l-attitudni hekk adottata mill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ma tistax tafferma li d-data tat-30 ta' Settembru 2004 kienet perentorja f'dak li jikkonċerna l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipproponu emendi għall-PNA skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

73      Rigward l-argument tar-Renju Unit li l-PNA, hekk kif kien inizjalment innotifikat lill-Kummissjoni, kien provviżorju, biżżejjed jingħad li, ladarba huwa stabbilit li l-Istat Membru in kwistjoni kellu d-dritt jipproponi emendi lill-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet xhur previst mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jew wara deċiżjoni meħuda skond dan l-Artikolu, mhuwiex rilevanti li l-PNA kien indikat bħala "provviżorju" fin-notifikazzjoni inizjali tiegħu. Bħalma osservat il-Kummissjoni, Stat Membru ma jistax, meta jinnotifika PNA li mhuwiex komplet, jipposponi b'mod indefinit it-teħid ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, jekk il-PNA mhuwiex komplet jew huwa "provviżorju", il-Kummissjoni għandha d-dritt tirrifjutah, jew minħabba li mhuwiex konformi mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2003/87, inkella minħabba li ma jippermettix li ssir evalwazzjoni tal-konformità tiegħu ma' l-imsemmija kriterji. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni għandha d-dritt, meta tirrifjuta l-PNA, li tobbliga l-Istat Membru jinnotifika PNA ġdid li huwa komplet, qabel ma jkun jista' jieħu d-deċiżjoni tiegħu skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, m'hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jaħseb li, meta jkun ġie nnotifikat PNA li mhuwiex komplet, it-terminu ta' tliet xhur, imsemmi fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li hija għandha sabiex tirrifjuta l-pjan, ma jistax jibda jiddekorri.

74      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta rrifjutat l-emendi proposti mir-Renju Unit bħala inammissibbli. Għaldaqstant, għandu jintlaqa' l-motiv waħdieni mqajjem mir-Renju Unit u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-Renju Unit, kif mitlub minn dan ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 1081 finali, tat-12 ta' April 2005, rigward il-proposta ta' emenda tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjoni ta' gass serra nnotifikata mir-Renju Unit, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Renju Unit.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta' Novembru 2005


E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.