Language of document : ECLI:EU:T:2005:419

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

24 ta' Novembru 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Talba għal trade mark Komunitarja verbali Online Bus – Trade mark preċedenti figurattiv li għandha l-element verbali ‘BUS’ kif ukoll figura magħmula minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin – Użu ġenwin ta' trade mark preċedenti – Artikolu 15(2)(a) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) nru 40/94 – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru 40/94"

Fil-kawża T‑135/04

GfK AG, stabbilita f'Nuremberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Brückmann u R. Lange, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn T. Lorenzo Eichenberg, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

BUS – Betreuungs - und Unternehmensberatungs GmbH, stabbilita fi Munich (il-Ġermanja),

Li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Frar 2004 (kawża R 327/2003‑1), dwar l-oppożizzjoni mressqa minn proprjetarju ta' trade mark figurattiva Ġermaniża li għandha l-element verbali "BUS" kif ukoll tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Online Bus għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President ta' l-Awla, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat it-talba ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' April 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Settembru 2004,

wara s-seduta tat-8 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-15 ta' Novembru 1999, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), hekk kif emendat.

2       It-trade mark li tiegħu kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni kienet is-sinjal verbali Online Bus.

3       Ir-Reġistrazzjoni kienet ġiet mitluba għal servizzi li għandhom x'jaqsmu għall-klassi 35 skond l-arranġament ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi bil-għan ta' reġistrazzjoni ta' trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif riveduta u emendata, u li taqbel mad-deskrizzjoni li ġejja: "li tieħu l-istatistiċi fl-oqsma ta' l-ekonomija, il-marketing, riċerka tas-suq, pariri għat-tmexxija ta' intrapriża, kunsilli ta' organizzazzjoni, konsultazzjoni professjonali ta' negozji, ġbir u tqassim ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-ekonomija".

4       It-talba ġiet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires nru 57/2000, tas-17 ta' Lulju 2000.

5       Fis-6 ta' Ottubru 2000, is-soċjetà BUS – Betreuungs- und Unternehmensberatungs GmbH ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għas-servizzi kollha li hemm fit-talba. In sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, hija invokat il-probabbiltà ta' konfużjoni ma' trade mark Ġermaniża li tagħha kienet proprjetarja, irreġistrata fit-12 ta' Settembru 1988, b'mod partikolari, il-"pariri fit-tmexxija ta' intrapriża", imsemmija fil-klassi 35, u li tħares is-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found.

6       Peress li r-rikorrenti kienet talbet il-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, skond l-Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament nru 40/94, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI ressqet il-prova ta' l-użu tas-sinjal riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found.

7       B'deċiżjoni tal-25 ta' Frar 2003, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni.

8       Fit-13 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

9       B'deċiżjoni ta' l-4 ta' Frar 2004 (kawża R 327/2003‑1), innotifikata lir-rikorrenti fit-13 ta' Frar 2004 (il-quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Huwa kkunsidra, fl-ewwel lok, li l-element figurattiv magħmul minn trijangoli mdaħħlin ġo xulxin u l-element ta' kliem "bus" huma ż-żewġ elementi distintivi tat-trade mark preċedenti. L-użu tas-sinjal, fejn inġiebet il-prova, m'għamilx ħsara lill-element distintiv tat-trade mark irreġistrata. Wara, l-Bord ta' l-Appell ikkonstata li t-trade marks in kwistjoni juru ftit xebh fuq livell viżiv, iżda huma simili fuq pjan fonetiku, ħaġa li tiġġustifika, meta tittieħed in kunsiderazzjoni ta' xebh kbir fis-servizzi in kwistjoni, ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku Ġermaniż rilevanti.

 Talbiet tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti ta' Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tiċħad l-oppożizzjoni tal-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-UASI;

–       tikkundanna lill-UASI li jħallas l-ispejjeż.

11     L’UASI jitlob lill-Qorti ta'-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq il-portata tat-talbiet tar-rikorrenti

12     Rigward l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti naqset, matul is-seduta, fis-sens li qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata biss għal dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi ta' "riċerka tas-suq u analiżi tas-suq", indikati fit-talba tat-trade mark.

13     Din it-talba għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rikorrenti mhijiex titlob ħlief l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola onali), T‑194/01, Ġabra. p. II‑383, punt 14). Talba bħal din, mhijiex, bħala tali, kontra l-interdizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 135(4), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim'Istanza, kif emendata, quddiem il-Qorti ta' Prim'Istanza, is-suġġett tal-kawża li hija istitwiet quddiem il-Bord ta' l-Appell (ara f'dan is-sens, is-sentenza ta' Pillola onali, imsemmija fuq punt 15). B'hekk, ir-rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata li qed tirtira r-rikors tagħha sa fejn tkun talbet l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata għal servizzi oħra barra dawk ta' servizzi ta' "riċerka tas-suq u analiżi tas-suq".

 Fuq l-ammissibbiltà

14     Għat-tieni kap tiegħu tat-talbiet, ir-rikorrenti talbet, fis-sustanza, lill-Qorti biex titlob lill-UASI biex jiċħad l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha.

15     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, li skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament nru 40/904, il-UASI hija marbuta li tieħu l-miżuri li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' Imħallef Komunitarju. F'dan iż-żmien, il-Qorti m'għandhiex tindirizza intimazzjoni lill-UASI. Huwa dan ta' l-aħħar, fil-fatt, li għandu jiġbed il-konsegwenzi mid-dispożittiv u motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza [ara s-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u l-ġurisprudenza msemmija]. It-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa għalhekk inammissibbli.

 Fuq il-mertu

16     Biex issaħħaħ ir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ressqet żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija meħuda minn vjolazzjoni ta' l-Artikolu 15 (2) (a), u mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament. It-tieni waħda hija meħuda minn vjolazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess Regolament.

 Fuq l-ewwel raġuni, meħuda minn ksur ta' l-Artikolu 15(2)(a) u l-Artikolu 4(2), tar-Regolament nru 40/94

 Argumenti tal-partjiet

17     Ir-rikorrenti sostniet li t-trade mark preċedenti ma ġietx użata hekk kif kienet irreġistrata, u l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda a bażi ta' l-Artikolu 434(10) tar-Regolament Nru 40/94.

18     F'dan ir-rigward, id-dispożizzjoni pertinenti biex wieħed japprezza l-użu, taħt forma differenti minn dik reġistrata, ta' trade mark Ġermaniża invokata fil-każ preżenti huwa l-Artikolu 26(3), tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-liġi Ġermaniża tat-trade marks, BGBl. 1994 I, p. 3082 u BGBl. 1995 I, p. 156, aktar il-quddiem il-" Markengesetz"), li tittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 10(2), ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 1988, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-swieq (ĠU L 40.p.1). Ir-rikorrenti tinvoka wkoll sentenza tat-13 April 2000 tal- Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq tal-Markengesetz.

19     F'dan il-każ, l-elementi distintivi ta' sinjal użat huma differenti minn dawk tat-trade mark irreġistrata.

20     L-ewwel nett, is-sinjal użat ma jinkludix l-element verbali " Betreuungsverbund für Unternehmer und Selbständige e.V.". Fin-nuqqas ta' dan l-element, il-pubbliku ma jifhimx iżjed is-sens ta' l-element " bus", li jikkostitwixxi l-akronimu ta' min preċedentement kien il-proprjetarju tad-trade mark preċedenti.

21     Wara dan, fis-sinjal irreġistrat, l-element "bus" jinkiteb b'ittri suwed u jkun qiegħed taħt l-element figurattiv kompost minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin, filwaqt li, fis-sinjal użat, huwa kompost minn ittri bojod ta' daqsijiet differenti, miktuba f'rettangoli suwed, li qegħdin fix-xellug ta' l-imsemmi disinn. F'dan ir-rigward, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, la t-trade mark preċedenti hija figurattiva, il-preżentazzjoni tipografika ta' l-element "bus" hija hi stess protetta. Barra dan, il-proprjetarju, m'għandux tant marġni sabiex jużaha taħt forma differenti bħallikieku kienet, per eżempju, trade mark verbali.

22     Fl-aħħar nett, il-kulur ta' l-element figurattiv kompost minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin huwa differenti fis-sinjal użat u dak is-sinjal ikollu bl-istess mod element figurattiv supplementari, jiġifieri kwadru iswed.

23     Dawn id-differenzi kollha jbiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark invokata, b'mod li l-pubbliku ma jassimilax is-sinjal użat għal dik it-trade mark.

24     L-UASI ssostni li r-Regolament nru. 40/90 m'għandux dispożizzjoni espressa dwar l-użu, taħt forma differenti minn dik reġistrata, ta' trade mark nazzjonali invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni. Iżda, l-Artikolu 10(2)(a), tad-Direttiva 89/104 jinkludi dispożizzjoni armonizzata, simili għall-Artikolu 15(2)(a), tar-Regolament nru 40/94. B'hekk, għandha tapplika dik id-dispożizzjoni armonizzata, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2)(a), tar-Regolament nru 40/94 jew tad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 89/104. Ir-riferenza għal liġi nazzjonali għandha tkun eskluża, peress li s-sistema ta' trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma.

25     Il-karattru distintiv ta' trade mark preċedenti invokata f'dan il-każ ma jistax jinbidel b'ebda mod fil-forma użata. It-tneħħija ta' l-element " Betreuungsverbund für Unternehmer und Selbständige e.V." ikun żgħir ħafna, għaliex dak l-element mhux biss ikollu importanza sekondarja fuq il-livell viżiv iżda jikkostitwixxi wkoll riferenza deskrittiva. Ir-rappreżentazzjoni ta' l-element figurattiv kompost minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin b'forma ta' negattiva tista' tkun aċċettata bħala varjanti kurrenti tal-forma reġistrata, mingħajr ma jkun hemm ebda effett fuq il-karattru distintiv. Iż-żjieda ta' kwadru iswed mhijiex insinjifikanti, peress li huwa figura ġeometrika tal-qiegħ.

26     Fl-aħħar nett, ikkunsidrat l-għan ta' l-Artikolu 15(2)(a), tar-Regolament nru 40/94, min hu proprjetarju ta' trade mark irid ikollu spazju ta' manuvra fl-użu tiegħu, sabiex jadatta r-rappreżentazzjoni tas-sinjal protett skond ir-regoli tal-grafika tar-reklami jew għall-gosti taż-żmien.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

27     Skond it-termini ta' l-Artikolu 43 (2), tar-Regolament nru 40/94:

"Fuq talba ta' l-applikant, il-proprjetarju ta' trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu jġib provi li, waqt il-perjodu tal-ħames snin qabel id-data ta' pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità […] F'nuqqas ta' prova ta' din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda."

28     L-Artikolu 43(3), ta' l-istess Regolament jagħmel l-istess dispożizzjoni msemmija qabel applikabbli għal trade marks nazzjonali preċedent, huwa mifhum li l-użu fil-Komunità huwa meħud postu bl-użu fl-Istat Membru jew fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti huwa mħares.

29     Skond l-Artikolu 15(2)( a), tar-Regolament Nru 40/94 huwa kkunsidrast bħala użu tat-trade mark Komunitarja l-użu tiegħu "f'forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta' ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka tal-forma kif hija ġiet reġistrata".

30     F'dan il-każ, huwa ammess li t-trade mark invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni hija trade mark nazzjonali, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi ppreċiżat l-għan ta' l-ewwel raġuni, li fiha r-rikorrent jallega, fir-realtà, ksur mill-Bord ta' l-Appell tad-dispożizzjonijiet magħquda flimkien ta' l-Artikolu 4 (2 ( u (3) tar-Regolament nru 40/94.

31     Wara, għandu jiġi ppreċiżat, li skond l-applikazzjoni flimkien ta' l-Artikolu 15(2)(a), u ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament nru 40/94, il-prova ta' l-użu ġenwin ta' trade mark preċedenti, nazzjonali jew komunitarja, li hija l-bażi ta' oppożizzjoni għal talba ta' trade mark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova ta' l-użu ta' trade mark preċedenti bil-forma differenti għall-elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta' dik it-trade mark fil-forma li hija kienet irreġistrata [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T‑156/01, Ġabra. p. II‑2789, punt 44].

32     Għalhekk ir-riferenza magħmula mir-rikorrenti għal-liġi nazzjonali mhijiex rilevanti.

33     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk il-forma tat-trade mark preċedenti għandhiex il-karattru distintiv tagħha.

34     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li ż-żewġ forom tat-trade mark preċedenti, jiġifieri, dik reġistrata u dik użata, jinkludu l-element verbali "bus" u element figurattiv kompost minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin, li l-karattru distintiv tiegħu mhux ikkontestat mill-partijiet.

35     Dwar il-preżentazzjoni differenti ta' dawk l-elementi fil-forma użata, għandu jiġi osservat li la t-topografija ta' l-element "bus" u lanqas il-kuluri tat-trade mark preċedenti, abjad u iswed, mhuma partikolarment oriġinali jew inużwali fl-ebda miż-żewġ forom tat-trade mark użata. Il-varjazzjoni mhix għaldaqstant ta' tali natura li tolqot il-karattru distintiv ta' dik it-trade mark.

36     Wara, għal dak li jikkonċerna ċ-ċitazzjoni "Betreuungsverbund für Unternehmer und Selbständige e.V.", għandu jitfakkar illi l-apprezzament tal-karattru distintiv u dominanti, ta' waħda jew iktar mill-komponenti ta' trade mark kumplessa, trid tkun ibbażata fuq il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti, kif ukoll fuq il-pożizzjoni relattiva tad-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark. [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tat-23 Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra. p. II‑4335, punti 33 à 35].

37     Fil-każ in kwistjoni, iċ-ċitazzjoni msemmija fil-kawża hija element verbali twil, miktub b'ittri żgħar u li tieħu pożizzjoni sekondarja, fil-qiegħ tas-sinjal. It-tifsira tagħha (Għaqda għall-għajnuna tan-negozjanti u min jaħdem għal rasu, għaqda reġistrata) tirreferi għas-servizzi in kwistjoni. Ghalhekk, fir-rigward tal-kontenut deskrittiv ta' l-element in kwistjoni, kif ukoll il-pożizzjoni aċċessorja tagħha fil-preżentazzjoni tas-sinjal, hemm lok li wieħed jikkunsdira li mhuwiex distintiv.

38     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mibdula bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tneħħija ta' l-element in kwistjoni jenħħi s-sens ta' l-element "bus", li jikkostitwixxi l-akronimu tal-proprjetarju ta' qabel tat-trade mark preċedenti. Huwa paċifiku li l-element "bus" għandu karattru distintiv. Anki jekk wieħed jaħseb li l-pubbliku relattiv jipperċepixxi li jista' wkoll jikkostitwixxi akronimu, il-karattru distintiv tiegħu mhuwiex milqut mit-tneħħija ta' l-element esplikattiv.

39     Din il-konklużjoni lanqas mhija mxejna bl-argument, imressaq mir-rikorrenti fis-seduta, li skond hu l-frażi in kwistjoni turi l-proprjetarju preċedenti tas-sinjal u, għalhekk, tikkarratterizza t-trade mark preċedenti. Fil-fatt, anki jekk wieħed jammetti li l-element in kwistjoni jirreferi għall-isem tal-proprjetarju preċedenti tat-trade mark, dak il-fatt ma jkollux effett fuq l-apprezzament tal-kontenut deskrittiv ta' dak l-element u tal-post tiegħu fil-preżentazzjoni viżiva ta' dak l-element u tal-pożizzjoni tiegħu fil-preżentazzjoni viżiva tas-sinjal, li jippermetti, fil-każ in kwistjoni, li tikkonkludi li għandu nuqqas ta' karattru distintiv.

40     Dwar, fl-aħħar nett, il-kwadru iswed fil-forma użata, li huwa nieqes fil-forma rreġistrata, dan juri figuri ġeometriċi bil-qiegħ, u għal dik ir-raġuni huwa mneżża' minn karattru distintiv. Dik il-konklużjoni b'daqshekk mhijiex influwenzata mill-pożizzjoni tal-forma użata.

41     Minn dan kolli li ntqal qabel, jirriżulta li l-forma tat-trade mark preċedenti użata m'għandhiex xi differenzi li jistgħu jbiddlu l-karattru distintiv ta' dik it-trade mark, skond id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikolu 15(2)(a), u ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Dan huwa, kif ġustament, il-Bord ta' l-Appell qies li l-prova ta' l-użu tat-trade mark ta' min oppona tressqet.

42     Għalhekk, l-ewwel raġuni hija miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament nru 40/94.

 L-Argumenti tal-partijiet

43     Ir-rikorrenti sostniet li l-Bord ta' Appell qies, bi żball, li t-trade mark preċedenti kienet dominata mill-element verbali "bus", komuni għaż-żewġ sinjali, u li s-sinjali in kwistjoni kienu jixxiebhu.

44     Minn naħa, it-trade mark preċedenti kellha elementi oħra distintivi, li kkaratterizzaw l-impressjoni totali li ħolqot. Dwar, b'mod partikolari, l-element figurattiv tat-trade mark preċedenti, huwa jirrapreżenta forma grafika elaborata, b'karattru distintiv qawwi. F'xi każijiet biss, l-element figurattiv biss huwa użat mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI. Għalhekk għandha importanza almenu daqs l-element verbali "bus". Rigward l-element "Betreuungsverbund für Unternehmer und Selbständige e.V.", dan ikun importanti sa fejn jispjega s-sens tal-akronimu "bus".

45     Min-naħa l-oħra, il-kelma "bus" mhijiex kapaċi, waħedha, li tikkaratterizza t-trade mark preċedenti minħabba l-karattru distintiv dgħajjef fir-rigward tas-servizzi kkonċernati. Numru ta' trade marks li għandhom l'element verbali "bus" huma rreġistrati fil-klassi 35, u fuq l-Internet, it-terminu "bus" jintuża ta' spiss mal-kelma "marketing".

46     B'hekk, is-sinjali fil-kawża mhumiex simili. Fuq il-livell viżiv, it-trade mark preċedenti, hija kkaratterizzata mill-element figrattiv, nieqes mit-trade mark mitluba. Fuq il-livell fonetiku, it-trade mark mitluba Online Bus hija b'mod ċar itwal u għalhekk, differenti mill-kelma "bus", tat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk peress li l-element "online" qiegħed fil-bidu tas-sinjal verbali, għandu jingħata iktar importanza fuq livell tal-pronunzja. Fuq livell kunċettwali, l-element "bus" tat-trade mark preċedenti jissuġġerixxi mezz ta' trasport pubbliku, fil-waqt li s-sinjal Online Bus jagħmel riferenza għall-qasam informatiku. Il-kunċetti ta' sinjali fil-kawża huma wkoll differenti.

47     L-UASI tirrispondi, billi tinvoka s-sentenza MATRATZEN, iċċitata qabel (punti 33 u 34), li l-impressjoni fit-totalità mogħtija minn trade mark kumplessa tista' tkun iddominata minn element wieħed biss. Il-konkordanza ta' l-element dominanti jwassal għal xebh tas-sinjali fil-kawża.

48     Rigward ix-xebh fonetiku tas-sinjali in kawża, il-Bord ta' l-Appell kien irrikonoxxa, ġustament, li huma jixtiebhu ħafna, peress li l-element verbali "bus" kien dominanti fuq kull wieħed minnhom.

49     Dwar l-argument tar-rikorrenti li juri l-karattru distintiv dgħajjef ta' l-element "bus", dan li ġie mressaq għall-ewwel darba quddiem quddiem il-Bord ta' l-Appell, kien tardiv skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

50     Barra min hekk, mhuwiex msaħħah tajjeb fit-talba. F'dan ir-rigward, il-lista ta' trade marks irreġistrati li għandhom l-element "bus" ma jikkostitwixxux prova xierqa, għaliex id-djufija ta' karattru distintiv waħdu jista' jirriżulta biss minn trade mark użata. Riċerka fl-Internet dwar l-użu flimkien tat-termini "bus u "marketing" ma twassalx għal din il-prova, l-ewwel nett, għaliex is-servizzi in kwistjoni m'għandhomx x'jaqsmu mal-marketing ħlief għal parti żgħira. Sussegwentement, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat jekk l-element "bus" huwiex użat fuq l-Internet għal għanijiet distintivi li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi in kawża. Fl-aħħar nett ir-riċerka inkludiet is-settur tal-karozzi tal-linja, li m'għandux x'jaqsam ma dan il-każ, u ma kinitx limitata għall-Ġermanja, li hija t-territorju rilevanti.

51     Is-sinjali fil-kwistjoni wkoll jixxiebhu fuq il-livell viżiv u kunċettwali.

52     Dwar it-tqabbil viżiv, it-trade mark preċedenti mhijiex viżivament ikkaratterizzata mill-element figurattiv. Ġeneralment, il-pubbliku jirreferi għall-elementi verbali ta' trade marks komplessi. F'dan il-każ, jista' l-iktar jiġi attribwit lill-element figurattiv valur komparabbli fl-aħjar ipoteżi valur li jitqabbel ma dak ta' l-element verbali dominanti "bus".

53     Rigward it-tqabbil kunċettwali, it-terminu "bus" jikkostitwixxi, fiż-żewġ sinjali, taqsira użata fil-preżent fil-Ġermanja biex tiddeskrivi l-karozzi tal-linja jew omnibus. F'dan ir-rigward, b'analoġija mas-sentenzi tal-Qorti ta' Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, BMI Bertollo vs OHMI – Diesel (DIESELIT) (T‑186/02, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra punt 58), u tat-13 ta' Lulju 2004, Samar vs UASI – Grotto (GAS STATION) (T‑115/03, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 36), jeżisti xebh kunċettwali fis-sinjali in kwistjoni.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

54     Jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 li trade mark tiġi rifjutata għar-reġistrazzjoni, minħabba identiċità jew xebh bejn trade mark preċedenti jew identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi li t-trade mark preċedenti u t-trade mark mitluba jkopru, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

55     Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti in kwistjoni, u billi jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti fil-każ speċifiku, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodott jew servizzi indikati (ara s-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTBvs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra. p. II‑2821, punt 33, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

56     F'dan il-każ, il-partijiet la jikkontestaw id-definizzjoni ta' pubbliku rilevanti magħmula mill-Bord ta' l-Appell u lanqas il-konstatazzjoni ta' xebh qawwi bejn is-servizzi in kwistjoni (punti 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti titlob, min-naħa l-oħra, li t-trade marks in kwistjoni ma jixxibhux u li għalhekk ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom. L-eżami ta' dan l-argument għandu għaldaqstant ikun limitat għal dawn iż-żewġ aspetti.

57     Skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandu, f'każ li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku, jew kunċettwali tat-trade mark in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni fit-totalità mogħtija mis-sinjali konfliġġenti, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. (ara, b'analoġija, rigward l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/04, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra. p. I‑6191, punti 22 u 23, u tat- 22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25).

58     F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li wieħed mill-komponenti tas-sinjali konfliġġenti, jiġifieri l-element verbali "bus" huwa identiku.

59     Hemm lok li jiġi rilevat, f'dan ir-rigward, li l-identità ta' komponent tas-sinjali in kawża, jippermetti biss li wieħed jikkonkludi fuq ix-xebh jekk dawn jikkostitwixxu l-element dominanti fit-totalità ta' l-impressjoni mogħtija minn kull sinjal, b'tali mod li l-komponenti l-oħra jkunu bla rilevanza f'dan ir-rigward (sentenza, MATRATZEN, iċċitata qabel, punt 33).

60     Il-Bord ta' l-Appell qies (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-element "bus" jikkostitwixxi l-element dominanti fit-trade mark mitluba u wieħed mill-elementi tat-trade mark preċedenti.

61     Ir-rikorrenti ssostni li l-element verbali "bus" huwa distintiv b'mod dgħajjef meta mqabbel mas-servizzi in kwistjoni, u għalhekk, ma jistax waħdu, jikkaratterizza s-sinjali konfliġġenti.

62     Hija tistrieħ, in parti, fuq l-element ta' fatt invokat għall-ewwel darba fis-seduta, li skond hi t-terminu "bus" juri tip ta' stħarriġ użat meta jsir studju tas-suq.

63     Issa, dan il-fatt, li ma tressaqx quddiem wieħed mill-istanzi quddiem l-UASI, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 74(1), fl-aħħar, tar-Regolament nru 40/94, li jgħid li, fi proċedura dwar il-motivi relattivi għaċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-eżami tal-UASI għandu jkun limitat għar-raġunijiet imsemmija u għal talbiet preżentati mill-partijiet, li ma jistax jikkunsidra, ex officio, fatti li ma tressqux mill-partijiet [sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tal-15 ta' Frar 2005 Lidl Stiftung vs UASI REWE-Zentral (LINDENHOF), T‑296/02, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 31]. Isegwi minn dan li ebda illegalità ma tista' tiġi kkontestata lill-UASI minħabba l-elementi ta' fatt li ma ġewx imressqa quddiemu.

64     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti invokat ir-riżultati ta' riċerka li saret fl-Internet kif ukoll fuq il-bażi ta' informazzjoni tat-trade marks Cedelex. L-UASI rrispondiet li dawn il-provi, preżentati għall-ewwel darba fil-Bord ta' l-Appell, kienu saru tard.

65     F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Bordijiet ta' l-Appelli jistgħu, bla ħsara għall-Artikolu 74 (2) tar-Regolament nru 40/94, jagħtu dritt għal appell, fuq il-bażi ta' fatti ġodda invokati mill-parti li kienet għamlet ir-rikors jew ukoll fuq il-bażi ta' provi ġodda mressqa minnha stess. [sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra. p. II‑3253, punt 26]. Minn dan isegwi li l-provi in kwistjoni huma ammissibbli.

66     Iżda, ir-riċerki mressqa mir-rikorrenti mhumiex biżżejjed biex jistabbilixxu li l-karattru distintiv tat-terminu "bus" huwa dgħajjef fir-rigward tas-servizz ikkonċernati.

67     Dwar il-lista tar-riżultati miksuba mill-mutur ta' riċerka Google, li skond dan it-terminu "bus" jinstab spiss ħafna fuq l-Internet maġenb it-terminu "marketing", din it-tip ta' riċerka, definita minn kriterju ġeneriċi ħafna, mhijiex biżżejjed biex turi li għaqda ta' dawn iż-żewġ termini ssir f'moħħ il-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, mhemm ebda indikazzjoni dwar l-użu tat-terminu " bus" fit-territorju rilevanti sabiex wieħed jiddistingwi s-servizzi in kwistjoni.

68     Dwar ir-riċerka fuq bażi ta' informazzjoni Cedelex, il-fatt biss li ħafna trade marks li għandhom x'jaqsmu mal-klassi 35 għandhom l-element ''bus'' mhuwiex biżżejjed sabiex wieħed jistabbilixxi li dak l-element huwa distintiv minħabba l-użu tiegħu fil-qasam ikkonċernat. Minn naħa waħda, ir-riċerka ma tagħti ebda informazzjoni fuq it-trade marks effettivament użati li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi kkonċernati. Min-naħa l-oħra hija tinkludi ħafna trade marks li fihom il-kelma "bus" hija użata, b'mod deskrittiv, għal intrapriża ta' trasport pubbliku.

69     Barra minn hekk, dwar l-element verbali tat-trade mark preċedenti, "Betreuungsverbund für Unternehmer und Selbständige e.V.", dan m'għandux karattru distintiv, u, allura, huwa negliġibbli għall-impressjoni fit-totalità mogħtija minn din it-trade mark (ara punti 37 sa 39, aktar il-fuq ).

70     Dwar l-element verbali "online" tat-trade mark mitluba, dan m'għandux jiġi pperċepit bħala l-element distintiv. Jirrigwarda, fil-fatt, terminu magħruf sew, assoċjat mal-komunikazzjoni bl-Internet. Fil-miżura li din il-forma ta' komunikazzjoni tista' tiġi użata ghall-għoti ta' servizzi in kwistjoni, it-terminu in kwistjoni huwa deskrittiv. Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza kostanti li, in ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax bħala element deskrittiv u dominanti fit-totalità ta' l-impressjoni mogħtija minnu [ara s-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs UASI OHMI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 T‑171/03, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata].

71     Jirriżulta minn dan kollu li l-Bord ta' l-Appell seta' legalment jikkonstata li l-element "bus" jikkostitwixxi l-element verbali f'kull wieħed miż-żewġ sinjali konfliġġenti.

72     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, wieħed għandu jgħaddi għat-tqabbil tas-sinjali konfliġġenti.

73     Rigward it-tqabbil viżiv, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kienet ikkaratterizzata kemm mill-element verbali "bus" kif ukoll mill-element figurattiv kompost minn tliet trijangoli mdaħħlin ġo xulxin. Din il-kunsiderazzjoni mhijiex ikkontradetta mill-argument tar-rikorrent, li skond hu l-element figurattiv tat-trade mark preċedenti għandu karattru distintiv inqas għal dak ta' l-element "bus".

74     Issa, huwa veru li s-sinjali konfliġġenti jippreżentaw differenza viżiva li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, din id-differenza ma tpoġġix in kwistjoni l-eżistenza ta' xebh viżiv maħluqa bl-identità ta' l-element "bus" li jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark mitluba u, fuq pjan viżiv, wieħed mill-elementi dominanti tat-trade mark preċedenti.

75     Rigward it-tqabbil fonetiku, għandu jiġi konkluż, meta tiġi kkunsidrata l-identità ta' element verbali dominanti biss fis-sinjali konfliġġenti, "bus", li dan jippreżenta xebh fonetiku qawwi.

76     Rigward it-tqabbil kunċettwali, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta' l-Appell qies, ġustament, li t-tqabbil kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti ma jistax isir.

77     Jekk ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal Online Bus jagħmel riferiment għall-qasam ta' l-informatika, għandu jiġi osservat li dan ir-riferiment huwa marbut ma' l-element "online" tat-trade mark mitluba. Issa, la dan l-element m'għandux il-karattru distintiv fi ħdan it-trade mark mitluba, huwa ma jistax jiddetermina l-kunċett tiegħu.

78     Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-trade mark preċedenti tirreferi għall-kunċett ta' karozzi tal-linja, u mingħajr ma wieħed jiddeċiedi dwar l-argument tal-UASI, li jgħid li tali riferenza tikkaratterizza ż-żewġ sinjali konfliġġenti, dan m'għandux jiġi milqugħ. Huwa paċifiku li s-servizzi kkonċernati m'għandhom l-ebda rabta mat-trasport pubbliku. Anki jekk huwa veru li l-analiżi kunċettwali ta' sinjal mhijiex mxejna mill-fatt tat-tifsira ta' dak is-sinjali m'għandux x'jaqsam mas-servizzi kkonċernati, jibqa' l-fatt li din it-tifsira trid tibqa' tkun ċara, b'mod li l-pubbliku rilevanti jista' jifhimha mill-ewwel [ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra. p. II‑4335, punt 54]. Issa, f'dan il-każ, ikkunsidrat in-natura tas-servizzi in kwistjoni, il-pubbliku rilevanti ma jassoċjax spontanjament l-element "bus" ma' mezz ta' trasport pubbliku.

79     Fl-aħħar nett, rigward l-evalwazzjoni globali tas-sinjali konfliġġenti, huwa possibbli li xebh fonetiku waħdu jista' joħloq probabbiltà ta' konfużjoni [sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata qabel, punt 28, u sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T‑99/01, Ġabra. p. II‑43, punt 42].

80     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b'mod partikolari, tax-xebh kbir bejn is-servizzi in kwistjoni, u x-xebh fonetiku qawwi bejn it-trade marks konfliġġenti, id-differenza viżiva waħedha bejn dawn iż-żewġ trade marks, maħluqa mill-preżenza ta' l-element figurattiv fit-trade mark preċedenti, mhuwiex tant li jneħħi l-probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ. Fil-fatt, il-konsumatur ikkonċernat, meta jara t-trade marks in kwistjoni, jiftakar biss l-element "bus" li qiegħed fiż-żewġ trade marks u li jiddomina l-pronunzja tagħhom. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks konfliġġenti.

81     Għal dan kollu, it-tieni raġuni ma tistax tiġi milqugħa.

82     Għalhekk, ir-rikors irid jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

83     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regolament tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-rikorrenti tilfet, għandha tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Vadapalas


Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-24 ta' Novembru 2005.


E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.