Language of document : ECLI:EU:T:2005:430

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

29 ta' Novembru 2005

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordju – Suq tal-fosfat taż-żingu – Ammenda – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Gravità u tul ta' żmien tal-ksur – Prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T-62/02

Union Pigments AS, li qabel kienet Waardals AS, stabbilita f'Bergen (In-Norveġja), irrapreżentata minn J. Magne Langseth u T. Olavson Laake, avocats

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika l-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/437/KE, tal-11 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura implimentata taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim Ekonomiku Ewropew (Kawża COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p.1), jew, sussisdjarjament, talba għal tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1       Union Pigments AS (li qabel kienet Waardals AS, iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti" jew "Union Pigments"), kumpannija kkostitwita skond il-liġi Norveġiża, tipproduċi fosfat taż-żingu u kwalitajiet immodifikati tal-fosfat taż-żingu. Fis-sena 2000, il-fatturat dinji tal-kumpannija kien ta' 7.09 miljun EUR.

2       Minkejja li l-formuli kimiċi tagħhom jistgħu jvarjaw kemmxejn, l-ortofosfati taż-żingu jikkostitwixxu prodott kimiku omoġenju, magħruf taħt l-isem ġeneriku "fosfat taż-żingu". Il-fosfat taż-żingu, miksub mill-ossidju taż-żingu u mill-aċtu fosforiku, huwa spiss użat bħala pigment minerali kontra l-korrużjoni fl-industrija taż-żebgħa. Huwa kkummerċjalizzat fuq is-suq kemm bħala fosfat taż-żingu standard, u kif ukoll bħala fosfat taż-żingu mmodifikat jew "attivat".

3       Fl-2001, il-biċċa l-kbira tas-suq dinji tal-fosfat taż-żingu kienet f'idejn il-ħames prodotturi Ewropej li ġejjin: Dr. Hans Heubach GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Heubach"), James M. Brown Ltd (iktar 'il quddiem "James Brown"), Société nouvelle des couleurs zinciques SA (iktar 'il quddiem is-"SNCZ"), Trident Alloys Ltd (iktar 'il quddiem "Trident") (li qabel kienet Britannia Alloys & Chemicals Ltd, iktar 'il quddiem "Britannia") u Union Pigments. Bejn l-1994 u l-1998, il-valur tas-suq tal-fosfat taż-żingu standard tela' għal madwar 22 miljun EUR fis-sena fuq il-livell dinji u għal bejn 15 u 16-il miljun EUR fis-sena fuq il-livell taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fiż-ŻEE, Heubach, is-SNCZ, Trident (li qabel kienet Britannia) u Union Pigments kellhom f'idejhom ishma bejn wieħed u ieħor l-istess mis-suq tal-fosfat taż-żingu, li kienu jammontaw għal madwar 20 %. James Brown kellu f'idejh sehem mis-suq li kienet bil-wisq inqas. Ix-xerrejja tal-fosfat taż-żingu huma l-prodotturi l-kbar taż-żebgħa. Is-suq taż-żebgħa huwa ddominat minn xi gruppi multi-nazzjonali tal-kimika.

4       Bejn it-13 u l-14 ta' Marzu 1998, il-Kummissjoni għamlet, simultanjament u mingħajr preavviż, investigazzjonijiet fl-istabbilimenti ta' Heubach, tas-SNCZ u ta' Trident, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Mit-13 sal-15 ta' Mejju 1998, wara talba tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) għamlet, simultanjament u mingħajr preavviż, investigazzjonijiet fl-istabbilimenti ta' Union Pigments, skond l-Artikolu 14(2) tal-Kapitolu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja.

5       Waqt il-proċedura amministrattiva, Union Pigments u Trident infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jikkooperaw fis-sħiħ magħha, skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' ammendi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar l-akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni") u kull waħda minnhom għamlet dikjarazzjonijiet fuq l-akkordju (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni ta' Union Pigments" u d-"dikjarazzjoni ta' Trident").

6       Fit-2 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni ta' lmenti kontra l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors preżenti (ara punt 7 iktar 'il quddiem), li tinkludi r-rikorrenti.

7       Fil-11 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/437/KE dwar proċedura implimentata skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1). Id-deċiżjoni meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet tas-sentenza preżenti hija dik li ġiet innotifikata lill-impriżi kkonċernati u li hija annessa mar-rikors (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din id-deċiżjoni hija, taħt ċerti aspetti, differenti minn dik li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

8       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kien jezisti bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998 akkordju li kien jgħaqqad lil Britannia (Trident mill-15 ta' Marzu 1997), Heubach, James Brown, is-SNCZ u Union Pigments. L-akkordju kien ristrett għall-fosfat taż-żingu standard. L-ewwelnett, il-membri ta' l-akkordju poġġew fis-seħħ ftehim ta' tqassim tas-suq bi kwotas ta' bejgħ għall-prodotturi. It-tieni nett, huma ffissaw prezzijiet "minimi" jew "irrakkomandati" f'kull laqgħa u ġeneralment segwewhom. It-tielet nett, kien hemm, sa ċertu punt, tqassim tal-klijenti.

9       Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tinqara hekk:

"Artikolu 1

Britannia […], […] Hans Heubach […], James […] Brown […], [is-SNCZ], Trident […] u [Union Pigments] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fil-qasam tal-fosfat taż-żingu.

It-tul ta' żmien tal-ksur kien li ġej :

a) f'dak li jikkonċerna […] Heubach […], James […] Brown […], [is-SNCZ] u [Union Pigments] : mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998 ;

b) f'dak li jikkonċerna Britannia […] : mill-24 ta' Marzu 1994 sal-15 ta' Marzu 1997 ;

c) f'dak li jikkonċerna Trident […] : mill-15 ta' Marzu 1997 sat-13 ta' Mejju 1998.

[…]

Artikolu 3

L-ammendi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-ewwel Artikolu:

a) Britannia […] : 3.37 miljun EUR ;

b) […] Heubach […] : 3.78 miljun EUR

c) James […] Brown […] : 940 000 EUR ;

d) [SNCZ]: 1.53 miljun EUR ;

e) Trident […]: 1.98 miljun EUR ;

f) [Union Pigments] : 350 000 EUR.

[…] " [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi, il-Kummissjoni wżat il-metodoloġija mfissra fil-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida") u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

11     B'hekk, il-Kummissjoni bdiet billi ffissat l-"ammont bażi" u dan skond il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur (ara premessi 261 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

12     Dwar l-ewwel fattur, hija qieset li l-ksur kellu jkun deskritt bħala "serju ħafna", u dan wara li rat in-natura ta' l-imġieba in kwistjoni, l-effetti reali ta' din l-imġieba fuq is-suq tal-fosfat taż-żingu u l-fatt li l-imġieba kienet tkopri t-totalità tas-suq komuni u, wara t-twaqqif taż-ŻEE, it-totalità ta' din ta' l-aħħar (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata). Indipendentement min-natura serja ħafna tal-ksur, il-Kummissjoni fissret li hi se tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs ristrett tas-suq in kwistjoni (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

13     Il-Kummissjoni applikat "trattament differenzjali" għall-impriżi kkonċernati sabiex, min-naħa, tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetituri tagħhom u, min-naħa l-oħra, tiffissa l-ammenda fuq livell li jiggarantixxi effett li jiskoraġġixxi b'mod suffiċjenti (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dan il-għan, hi qassmet l-impriżi kkonċernati f'żewġ kategoriji, skond "il-preżenza relattiva fuq is-suq in kwistjoni" li huma kellhom. Hija bbażat ruħha fuq il-fatturat li intlaħaq fiż-ŻEE minn kull waħda minn dawn l-impriżi matul l-aħħar sena tal-ksur bil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat u qieset il-fatt li r-rikorrenti, Britannia (Trident mill-15 ta' Marzu 1997), Heubach u s-SNCZ kienu "il-prodotturi ewlenin ta' fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, b'partijiet mis-suq, bejn wieħed u ieħor l-istess, 'il fuq jew madwar l-20 %" (premessi 307 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, bħal Britannia, Heubach, is-SNCZ u Trident ("ammont ta' tluq" ta' 3 miljun EUR). James Brown, li kellu parti mis-suq " bil-wisq inqas ", ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija ("ammont ta' tluq" ta' 750 000 EUR) (premessi 308 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

14     Dwar il-fattur relattiv għat-tul ta' żmien, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur għal liema r-rikorrenti hi responsabbli kien ta' tul "medju", minħabba li kien mifrux bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998 (premessa 310 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, hi żiedet b'40 % l-ammont ta' tluq tar-rikorrenti, biex b'hekk waslet għal "ammont bażi" ta' 4.2 miljun EUR (premessi 310 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

15     Imbagħad, il-Kummissjoni qieset li fil-każ in kwistjoni ma kienx hemm lok li tikkunsidra li kein hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (premessi 314 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija rrifjutat l-argumenti bbażati fuq il- "kuntest ekonomiku ħażin" li fih kien seħħ l-akkordju u fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-impriżi kkonċernati (premessi 337 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għaldaqstant ffissat għal 4.2 miljun EUR l-ammont ta' l-ammenda "qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq [il-kooperazzjoni]" fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

16     Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret il-limitu li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammenda li tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tistax taqbeż. Għaldaqstant, l-ammont ta' l-ammenda qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti kien ġie mnaqqas għal 700 000 EUR u dak tas-SNCZ għal 1.7 miljun EUR. L-ammonti ta' l-ammenda qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta' l-impriżi l-oħra ma ġewx affettwati minn dan il-limitu (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

17     Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti tnaqqis ta' 50 % skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni wara li qieset il-fatt li hija kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b'tagħrif dettaljat dwar l-attivitajiet ta' l-akkordju (premessi 354 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont finali ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti huwa għaldaqstant 350 000 EUR (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Marzu 2002, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

19     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistu fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri proviżorji sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 3, sottoparagrafu (f), u ta' l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata safejn huma jimponu ammenda fuqu.

20     Ladarba l-partijiet qablu fuq is-soluzzjoni li għandha tingħata fil-kawża dwar miżuri proviżorji, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'digriet ta' l-1 ta' Lulju 2002, Waardals vs il-Kummissjoni (T-62/02 R, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), ordna t-tħassir tal-kawża mir-Reġistru u rriserva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

21     B'ittra tat-18 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li Union Pigments kienet fil-proċedura ta' stralċ mill-Qorti u li hi kienet taħseb li se tirrinunzja għar-rikors tagħha. Sabiex jirrispondi domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-istralċatarju ta' Union Pigments indika, b'ittra tat-12 ta' Diċembru 2003, li din ta' l-aħħar kienet fil-proċedura ta' stralċ mill-Qorti f'Ġunju 2003, imma li hu kien awtorizza l-avukati ta' Union Pigments ikomplu l-proċedura.

22     Fuq rapport ta l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċiediet li tiftaħ il-proċedra orali u, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-Kummissjoni tipprovdi ċerti dokumenti u twieġeb għal ċerti domandi bil-miktub. Il-Kummissjoni osservat dawn it-talbiet.

23     Instemgħu l-partijiet waqt it-trattazzjoni tagħhom kif ukoll ir-risposti tagħhom għal mistoqsijiet li ġew magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tat-2 ta' Lulju 2004.

24     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla jew tibdel l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata fejn jikkonċerna t-tul ta' żmien tal-ksur li ġie imputat lilha ;

–       tannulla l-Artikolu 3(f) tad-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqas l-ammont ta' l-ammenda ;

–       tilqa' t-talba tagħha għal miżuri ta' organizzazzjoni ta' proċedura u għal miżuri istruttorji, u, b'mod partikolari, għat-taħrik u s-smigħ tax-xhieda, u tagħtiha aċċess għar-rapport tas-seduta tas-17 ta' Jannar 2001 stabbilit mill-Kummissjoni ;

–       tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

25     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti ta' Prim'Istanza għandha :

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

26     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ argumenti biex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel wieħed hu bbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, t-tieni, fuq kalkolu żbaljat ta' l-ammont ta' l-ammenda kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ġenerali.

1.     1. Fuq l-ewwel motiv, bbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

27     Ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammenda magħmul mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova. Il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti dwar iċ-ċirkustanzi tal-kawża u dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Hija tikkritika lill-Kummissjoni billi llimitat il-kwistjoni kemm għal dak li jikkonċerna ż-żmien kif ukoll f'dak li jikkonċerna l-fatti. Dan il-metodu ma ppermettiex lill-Kummissjoni li tqis fatturi li jistgħu jiġġustifikaw, per eżempju, żieda fl-ammont ta' l-ammenda li għandha tiġi imposta fuq ċerti impriżi kkonċernati, minħabba l-gravità tal-ksur u ta' ċirkustanzi oħra, u huwa għaldaqstant żvantaġġ li tittratta bl-istess mod dawn l-impriżi kollha u li tnaqqas l-possibilitajiet tar-rikorrenti li tgawdi minn deċiżjoni aktar favorevoli.

28     Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet, f'liema r-rikorrenti ssostni li :

–       il-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni dwar it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u dwar l-irtirar tagħha mill-akkordju ;

–       il-Kummissjoni għamlet żbalji ta' evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova f'dak li jikkonċernaw ir-rikorrenti u r-rwol tagħha fl-akkordju.

 Fuq l-ewwel parti, dwar it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u l-irtirar tagħha mill-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

29     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni dwar it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur u dwar l-irtirar tagħha mill-akkordju. Skond ġurisprudenza kostanti, hija r-responsabbilità tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza ta' l-akkordju, iżda wkoll it-tul ta' żmien tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II -441, punt 79, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p. II-3859, punt 55). Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat li hi kienet ipparteċipat fil-ksur mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998, jiġifieri għal erba' snin u xahar [deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 1(a)]. Il-Kummissjoni, minkejja li kienet ikkonstatat li r-rikorrenti kienet irtirat momentanjament mill-akkordju (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata), ma tkunx qed tagħti impressjoni korretta ta' dan l-irtirar meta tpoġġi fid-dubju "li kien ġie fis-seħħ" (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

30     Ir-rikorrenti tfakkar li hi ħabbret uffiċċjalment l-irtirar tagħha mill-akkordju permezz ta' faks fl-24 ta' April 1995 b'risposta għal avviż mibgħut mill-Kunsill Ewropew tal-Federazzjonijiet ta' l-Industrija Kimika (iktar 'il quddiem is- "CEFIC"), dwar id-data ta' l-istatistika għax-xahar ta' Mejju u li dan l-irtirar dam sax-xahar ta' Awwissu 1995. Hija ssostni li l-imsemmi rtirar dam minn ħames sa sitt xhur, jiġifieri minn Marzu 1995, ix-xahar għal liema hija ma kkomunikat ebda ċifra dwar is-suq, sa nofs Awwissu ta' l-1995. Minbarra dan, hi ssostni li hi ħadet id-deċiżjoni li tirtira mill-akkordju "immedjatament wara l-laqgħa [tas-27 ta' Marzu 1995]", u dan skond il-konklużjonijiet tan-nota tat-30 ta' Marzu 1995.

31     Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni tagħmel ħażin li tikkunsidra li l-irtirar tagħha mill-akkordju kien att mingħajr effetti. Hija tippreċiża li, mingħajr id-data tagħha, l-istatistiċi mħejjija mis-CEFIC ma setgħux ikunu korretti u li kellhom għaldaqstant anqas valur għall-akkordju. Hija żżid li hija rċeviet ordni mingħand il-klijent Tekno Winter (iktar 'il quddiem "Teknos") lil liema hija għamlet kunsinna ta' kontejner, wara li kienet irtirat mill-klabb f'April ta' l-1995, u dan barra mill-ftehim ta' tqassim implimentat mill-membri l-oħra ta' l-akkordju. B'risposta għall-argument imressaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-imsemmi rtirar ma jurix imġieba kummerċjali kompletament awtonoma, għaliex il-fatt li wieħed jaf li l-akkordju kien għadu fis-seħħ kellu jkollu influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li ma kinitx għadha soġġetta għar-restrizzjonijiet imposti mill-kartell ħallieha taġixxi għad-dannu tal-kartell stess. Il-fatt li rċiviet ordni mingħand Teknos ma jistax jiġi meqjus ħlief bħala prova ta' "mġiba kummerċjali kompletament awtonoma". Rigward l-argument tal-Kummissjoni li hemm lok li jiġi preżunt, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja, li impriża li tibqa' attiva fuq is-suq iżżomm kont tat-tagħrif skambjat mal-kompetituri tagħha biex tiddetermina l-aġir tagħha fuq dan is-suq, ir-rikorrenti tirrispondi li ma jistax ikun li l-Kummissjoni riedet tgħid li kellha tirtira mis-suq. Wara kollox, ir-rikorrenti tgħid li ma kellu jkollha ebda raġuni li tafda t-tagħrif li rċiviet jew li taġixxi skond dan it-tagħrif, għaliex, min-naħa, l-prezzijiet irrakommandati ma kinux irrispettati fil-pajjiżi tan-nord u l-prezzijiet ipprattikati kienu inqas mill-ispejjeż "li ma kinux, wieħed jista' jassumi, wisq inqas minn dawk tar-rikorrenti", u min-naħa l-oħra, l-iskambji ta' tagħrif waqfu effettivament minn Marzu 1995.

32     Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, hi ma llimitatx ruħha li taġixxi bħal impriża li ssegwi politikà bejn wieħed u ieħor indipendenti fuq is-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 142). Fil-fatt, hi tgħid li fixklet direttament l-effetti kontra l-kompetizzjoni li ppruvaw jiksbu l-parteċipanti l-oħra (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 143). Il-prinċipju ta' ċertezza legali jimponi fuq il-Kummissjoni li tipprova li r-rikorrenti ħadet sehem fi prattiċi restrittivi fuq il-kompetizzjoni matul dan il-perijodu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II-1681, punt 62). Issa, il-Kummissjoni ma ġabitx tali prova fil-każ in kwistjoni. Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-akkordju matul dan il-perijodu. Dwar l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li n-natura kontinwa tal-ksur setgħet tkun nieqsa jekk l-irtirar kien ikollu bħala effett li jelimina kull użu li seta' jsir mit-tagħrif skambjat, ir-rikorrenti twieġeb li dan hu preċiżament il-każ in kwistjoni, għaliex it-tagħrif skambjat bejn il-parteċipanti l-oħra ma kien jippreżenta ebda użu fin-nuqqas ta' data numerika pprovvduta minnha.

33     Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni tagħti impressjoni inkorretta ta' dak li ġara meta tikkwalifika l-irtirar tagħha mill-akkordju bħala "temporanju". Ir-rikorrenti tgħid li, ladarba irtirat b'dan il-mod, hi ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel hekk għal perijodu qasir biss. Il-fatt li hi kienet irċiviet ordni mingħand Teknos jipprovdi b'mod partikolari l-prova ta' dan.

34     Ir-rikorrenti ssostni li jidher li d-deċiżjoni kkontestata tippresupponi li hija pparteċipat fil-laqgħa ta' l-akkordju li seħħet Londra, fit-12 ta' Ġunju 1995. Issa, ladarba l-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni li ssir taf jekk hi pparteċipatx jew le f'din il-laqgħa, mingħajr ma kkonkludiet fuq dan il-punt, hi tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evalwazzjoni inkorretta tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova. Ir-rikorrenti tfakkar li hija infurmat lill-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tagħha kif ukoll fit-tweġiba tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, b'laqgħa li hi kienet żammet ma' rappreżentant ta' Heubach f'Heathrow (Londra) fit-12 ta' Ġunju 1995. Madankollu, l-għan u l-aġenda ta' din il-laqgħa ma kellhomx x'jaqsmu ma' l-akkordju. Ir-rikorrenti tammetti li laqgħa tal-kartell setgħet seħħet f'Heathrow fl-istess jum, imma tisħaq fuq il-fatt li hi ma kinitx preżenti. Hi tikkunsidra li ma tistax issir spekulazzjoni fuq id-diversi raġunijiet li setgħu ġiegħlu lil Heubach tipproponi dan il-post u din id-data għal laqgħa. Hi tgħid li hi indikat fid-dikjarazzjoni tagħha li Heubach ħa vantaġġ minn din il-laqgħa biex jgħidilha li hi għanda terġa' tingħaqad mal-klabb, imma li hi rrifjutat l-istedina li tieħu sehem fil-laqgħa tagħha, fatt li ġiegħel lill-parteċipanti l-oħra jqisuha bħala "barranija".

35     Min-naħa tagħha, l-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti rtirat effettivament mill-akkordju u li, bi żball, hija ma ħaditx dan il-fatt in kunsiderazzjoni (premessi 230 sa 234 tad-deċiżjoni kkontestata). Hi ssostni, b'mod partikolari, li l-allegat irtirar ta' tliet xhur u sitt ijiem għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-fatt li l-ksur in kwistjoni kien jikkonsisti f'parteċipazzjoni fi ftehim u/jew prattika miftiehma (sentenza tal-Qorti tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 164 u 173).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

36     Mill-ġurisprudenza jirriżulta li hi r-responsabbilità tal-Kummissjoni li tipprova mhux biss l-eżistenza ta' l-akkordju, imma wkoll it-tul ta' żmien tiegħu (sentenzi Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punt 55, u Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punt 79). F'dan il-każ, huwa kostanti li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju mill-24 ta' Marzu 1994 sa Marzu jew April 1995, u mill-1 ta' Awwissu 1995 sat-13 ta' Mejju 1998. Ir-rikorrenti ssostni li hi rtirat mill-akkordju mix-xahar ta' Marzu 1995 sa l-1 ta' Awwissu 1995.

37     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li jeżistu effettivament indikazzjonijiet li donnhom juru li r-rikorrenti rtirat mill-akkordju matul ċertu perijodu. Fil-fatt, bi tweġiba għal talba ta' CEFIC biex tgħaddi l-istatistiċi tagħha għal Marzu 1995, ir-rikorrenti indikat, b'faks ta' l-24 ta' April 1995, li hi "irtirat mis-sub-grupp ta' l-assoċjazzjoni tal-produtturi ta' fosfat taż-żingu" u li, għal din ir-raġuni, hi ma kinitx se tibgħat aktar statistiċi. Din ir-risposta taqbel man-nota interna miktuba fit-30 ta' Marzu 1995 mid-direttur tal-bejgħ lill-membri l-oħra tad-direzzjoni tar-rikorrenti (iktar 'il quddiem in-"nota tat-30 ta' Marzu 1995") li fiha rakkomandazzjoni ta' rtirar mill-akkordju. Minbarra dan, huwa kostanti li r-rikorrenti ma għaddietx l-statistiċi tagħha lill-impriżi l-oħra kkonċernati bejn l-24 ta' April u l-1 ta' Awwissu 1995.

38     Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju, mingħajr interruzzjoni effettiva, bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998.

39     Skond il-ġurisprudenza, l-aġir tal-kompetitur leali hija kkaraterizzata mill-mod awtonomu li hi tiddetermina l-politikà li l-kompetitur leali biħsiebu jsegwi fuq is-suq komuni (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar 'il fuq, punt 173). Anke jekk jiġi ammess li r-rikorrenti naqset milli tipparteċipa fl-attivitajiet ta' l-akkordju mill-aħħar tax-xahar ta' Marzu 1995 sa l-ewwel ta' Awwissu 1995, għandu jiġi kkunsidrat li hi ma reġgħetx adottat politikà tassew awtonoma fuq is-suq matul dan il-perijodu qasir. Il-vantaġġ li hi kienet tieħu mill-aċċess għall-istatistiċi tal-membri l-oħra ma waqafx jeżisti fil-jum meta r-rikorrenti rtirat mill-akkordju. Jista' jiġi maħsub li hi ħadet in kunsiderazzjoni xi tagħrif li ġa kien skambjat mal-kompetituri tagħha, inkluż fosthom tagħrif skambjat waqt il-laqgħa tas-27 ta' Marzu 1995, biex tiddetermina l-aġir tagħha fuq is-suq waqt l-allegat irtirar tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 121, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 162). Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti tammetti li, f'Awwissu 1995, hi ngħaqdet mill-ġdid fl-akkordju, għax kellha bżonn urġenti ta' tagħrif dwar is-suq (punt 67 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments).

40     Minbarra dan, għandu jingħad li, meta r-rikorrenti ngħaqdet mill-ġdid fl-akkordju, hi pprovdiet lill-membri l-oħra bi statistiċi li kienu jkopru retroattivament il-perijodu kollu ta' l-allegat irtirar tagħha. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tieqaf tgħaddi statistiċi ma kellux ħlief effetti limitati. Hemm lok li jingħad ukoll li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-parti mis-suq li hi kellha f'idejha fl-1995 hija l-istess bħal dik li ġiet miftiehma waqt il-laqgħat ta' l-akkordju.

41     Ir-rikorrenti ssostni li hi għamlet kunsinna ta' kontejner lil Teknos wara li hi kienet irtirat mill-ftehim, u dan barra mill-ftehim fuq it-tqassim tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkonkludi li r-rikorrenti kienet kisbet din l-ordni minħabba li kienet aġixxiet fuq il-bażi ta' tagħrif miksub fil-kuntest ta' numru ta' ftehimiet ta' l-akkordju (ara, f'dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata f'punt 39 iktar 'il fuq). Skond l-akkordju ta' tqassim ta' Teknos, ebda produttur barra minn dak li "kien imissu" ma seta' jitlob prezz inqas minn dak iffissat għal Teknos. Huwa kostanti li r-rikorrenti għamlet il-kunsinna ta' l-ordni kkonċernata lil Teknos f'April 1995 (premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li din l-ordni ġiet miksuba mir-rikorrenti minħabba l-fatt li kienet taf il-prezz iffissat waqt il-laqgħa ta' qabel, jiġifieri dik tas-27 ta' Marzu 1995. L-aġir tar-rikorrenti f'dan ir-rigward jikkostitwixxi eżempju klassiku ta' parteċipant f'akkordju li jisfrutta dan l-akkordju għal vantaġġ tiegħu stess, ċirkustanza li ma tistax tiġi kkunsidrata biex tiġi attenwata r-responsabbilità ta' dan il-parteċipant (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 230).

42     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma rtiratx mill-akkordju biex tinforma lill-Kummissjoni bih jew biex terġa' tadotta aġir ta' kompetizzjoni leali u indipendenti fuq is-suq in kwistjoni. Mhux talli hekk, jirriżulta min-nota tat-30 ta' Marzu 1995 li r-rikorrenti ppruvat tuża l-allegat irtirar tagħha biex tisfrutta aħjar l-akkordju għal vantaġġ tagħha stess. Skond din in-nota, hi kienet ikkunsidrat li l-parteċipanti l-oħra kienu mexxew kooperazzjoni interna fi ħdan l-akkordju u li kienu qassmu xi klijenti u xi swieq bi ħsara għaliha. Minkejja li talba f'dan is-sens saret mir-rikorrenti waqt il-laqgħa ta' l-akkordju tas-27 ta' Marzu 1995, il-parteċipanti l-oħra ma kinux lesti jikkunsidraw tkabbir tal-parti tagħha tas-suq. Dan il-fatt hu msemmi f'din in-nota bħala raġuni għalfejn irtirat mill-akkordju. Din in-nota tistabbilixxi ukoll li r-rikorrenti kienet qed tikkunsidra espressa l-possibilità li tingħaqad mill-ġdid fl-akkordju fil-futur. Peress li r-rikorrenti kienet għadha ma rtiratx mill-akkordju b'mod deċiżiv u pparteċipat mill-ġdid fl-akkordju xi xhur biss wara l-allegat irtirar tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hi użat dan l-irtirar biex tipprova tikseb kundizzjonijiet aħjar fi ħdan l-akkordju, li jikkostitwixxi eżempju ieħor ta' parteċipant li jisfrutta l-akkordju għal vantaġġ tiegħu stess (ara, f'dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar 'il fuq).

43     Il-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx f'laqgħa waħda, dik tat-12 ta' Ġunju 1995 ma jistax ikollu bħala effett li jattenwa l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, akkordju li dam għal aktar minn erba' snin. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti kienet f'kuntatt ma' l-impriżi l-oħra kkonċernati matul il-perijodu in kwistjoni, kif jirriżulta mill-fatt li hi kellha laqgħa ma' Heubach fit-12 ta' Ġunju 1995 fl-ajruport ta' Heathrow, jiġifieri l-istess ġurnata u fl-istess post tal-laqgħa ta' l-akkordju.

44     Għaldaqstant l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, rigward l-iżbalji ta' evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova li jirrigwardaw ir-rikorrenti u r-rwol tagħha fl-akkordju

45     Din it-tieni parti ta' l-ewwel motiv tinkludi ħames ilmenti fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta' evalwazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' :

–       l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tagħha mill-bidu ta' l-investigazzjonijiet ;

–       l-influwenza tagħha fuq is-suq in kwistjoni ;

–       il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju qabel l-1994 u l-fatt li hi ma kinitx waħda minn dawk li taw bidu għall-ksur ;

–       il-fatt li hi ma kinitx membru sħiħ fl-akkordju ;

–       il-fatt li hi waqqfet immedjatament il-ksur.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti mill-bidu ta' l-investigazzjonijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

46     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod xieraq id-degradazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, meta fil-fatt hi kienet semmiet dan il-fatt fil-komunikazzjonijiet tagħha mal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Żviluppi aktar riċenti kellhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni.

47     L-ewwelnett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tagħmel żball meta tgħid, fid-deċiżjoni kkontestata, li hi "tħaddem attwalment madwar 30 impjegat" (premessa 30). Hi tallega li hi indikat lill-Kummissjoni li hi ma kellhiex ħlief 25 impjegat.

48     It-tieninett, ir-rikorrenti invokat is-sitwazzjoni finanzjarja kritika tagħha. Hi tallega li l-fatturat tagħha għadda minn 68.7 miljun Krone Norveġiż (NOK) fl-1997 għal 57.2 miljun NOK (jiġifieri madwar 6.92 miljun EUR) fl-2001. L-attivitajiet tagħha ftit kienu qed iħallu qligħ, bħalma juruh it-telf ta' 317 589 EUR u ta' 310 659 EUR li hi batiet fis-sena 2000 u fl-2001, rispettivament. Ir-rikorrenti żżid li, fl-1997, hi kienet turi riżultat nett qabel it-taxxa ta' 1 148 837 NOK, imma li, fis-sena 2000 u fl-2001, dan ir-riżultat kien juri telf, ta' 3 413 554 u ta' 3 496 000 NOK rispettivament. Barra minn hekk, hi tallega li l-fondi propji tagħha naqsu b'mod konsiderevoli prinċipalment minħabba t-telf sostanzjali rreġistrat fis-sena 2000 u fl-2001. Fl-2001, il-fondi propji tagħha telgħu biss għal 466 095 NOK (jiġifieri qrib it-58 300 EUR). Huma jirrapreżentaw 15 % ta' l-ammenda imposta mill-Kummissjoni.

49     Ir-rikorrenti tfakkar li ma kinitx kapaċi tikseb garanzija bankarja biex tiżgura l-ħlas ta' l-ammenda u li għalhekk, ressqet talba għal miżuri proviżorji quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmi ħlas. Hi żżid li, riċentement, ma setgħetx tonora d-djun kollha tagħha.

50     Il-Kummissjoni tqis li dan l-ewwel ilment mhuwiex rilevanti biex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

51     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan l-ilment mhuwiex fil-verità bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova. Ċertament il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti "[kienet] tħaddem [dak iż-żmien] madwar 30 impjegat" (premessa 28), meta fil-fatt din ta' l-aħħar kienet indikatlu li hi ma kellhiex ħlief 25. Madankollu, dan ma kellux jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li r-rikorrenti tinvoka fuq kollox sitwazzjoni finanzjarja kritika u li hi ma tippruvax turi żbalji ta' fatt f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, l-argumenti tagħha dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex rilevanti għal evalwazzjoni ta' l-allegati żbalji ta' fatt li jinsabu fid-deċiżjoni nfisha.

52     Fil-fatt, l-argumenti mqajma fil-kuntest ta' dan l-ewwel ilment fit-tieni parti tal-motiv mhumiex rilevanti ħlief fir-rigward tal-fatti li setgħu ġew ikkunsidrati rigward it-tieni parti tat-tieni motiv, bbażati fuq l-impossibilità ta' ħlas ta' l-ammenda (ara punti 172 sa 181 iktar 'il quddiem).

 Fuq it-tieni lment, dwar l-influwenza tar-rikorrenti fuq is-suq in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

53     Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod xieraq il-fatt li hi ma kellhiex ħlief ftit influwenza fuq is-suq u li l-marġni ta' manuvra tagħha kien limitat minħabba r-rabtiet tagħha mad-distributuri u mal-klijenti. L-ewwelnett, f'dak li jikkonċerna n-netwerk ta' distribuzzjoni, hi tgħid li, għal diversi snin, hi kienet tbigħ il-fosfat taż-żingu kollu li kienet tipproduċi ddestinat lejn l-Ewropa kontinentali lil BASF fil-kuntest ta' ftehim ta' ko-produzzjoni. Hija tippreċiża li hi kienet tipproduċi fosfat taż-żingu li hi kienet tippakkja fi xkejjer jew pakketti li kellhom it-trade mark BASF u li wara kien jiġi mibjugħ bħala prodott BASF. Wara li rat id-dipendenza tagħha fir-rigward ta' BASF u d-differenza kbira fid-daqs u fis-saħħa bejn din il-kumpannija u hi nfisha, ir-rikorrenti tallega li ma seta' kellha kważi ebda influwenza fuq il-prezz tal-kunsinni tagħha lil BASF. Minkejja li l-ftehim ma' BASF skada fl-1997, din ta' l-aħħar baqgħet klijent importanti tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li Wengain Ltd (iktar 'il quddiem "Wengain"), id-distributur esklussiv tagħha fuq is-suq tar-Renju Unit għal diversi prodotti, inkluż il-fosfat taż-żingu kien importa u kien biegħ prodotti oħra ġejjin minn diversi impriżi, b'tali mod li hi setgħet toffri varjetà sħiħa ta' prodotti lill-industrija taż-żebgħa. Wengain xtrat l-prodotti mingħand ir-rikorrenti bi prezz ibbażat fuq kunsinna b'xejn u biegħthom mill-ġdid fir-Renju Unit bi prezzijiet li kienet tiffissa hi stess. Dwar il-klijenti l-kbar u l-kunsinni ta' aktar minn għaxar tunnellati, ir-rikorrenti kellha d-dritt tipparteċipa fin-negozjati u tikkunsinna l-merkanzija direttament. Wara li jiġi kkunsidrat in-netwerk tagħha ta' distribuzzjoni, ir-rikorrenti ma kellhiex ħlief marġni limitat ta' manuvra f'dak li jikkonċerna l-kwantitajiet u ma kellhiex ħlief ftit possibilitajiet biex teżerċita influwenza fuq il-bejgħ u fuq il-prezzijiet. Is-sitwazzjoni ma setgħetx kienet mod ieħor ħlief vis-à-vis klijenti diretti tar-rikorrenti.

54     It-tieninett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li hi kienet f'sitwazzjoni ta' dipendenza meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, li kienu wkoll klijenti tagħha. Ir-rikorrenti tgħid li għamlet kunsinna ta' kromat taż-żingu lil Heubach u lis-SNCZ. Din ta' l-aħħar hi l-klijent l-aktar importanti għar-rikorrenti f'dak li jikkonċerna dan il-prodott. Uħud mill-klijenti u mill-kompetituri tar-rikorrenti riedu jiksbu prezzijiet aktar għoljin għall-fosfat taż-żingu sabiex irendu aktar kompettitiv il-prezz tal-fosfat taż-żingu mmodifikat. Peress li ma riditx tipperikola r-relazzjonijiet li hi kellha mal-kompetituri tagħha, li kienu wkoll klijenti tagħha, ir-rikorrenti tgħid li hi kienet soġġetta għal pressjoni qawwija min-naħa tagħhom sabiex tingħaqad fl-akkordju. Hi tfiehem li, bil-kontra ta' dak li tgħid il-Kummissjoni, hi mhix qed tallega li ġiet imġiegħla tipparteċipa fil-ksur, imma li soffriet pressjoni min-naħa tal-kompetituri tagħha u li ma setgħetx taħseb f'soluzzjoni oħra f'dak iż-żmien.

55     Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex ħlief possibilità limitata ħafna li tinfluwenza l-prezzijiet ipprattikati fir-rigward tal-klijenti u li ma ġiex kkunsidrat b'mod xieraq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li hi kienet tiddependi mill-kompetituri tagħha, li kienu wkoll klijenti tagħha.

56     B'risposta għall-affirmazzjoni tar-rikorrenti li hi ma kellha ebda influwenza, jew ftit, fuq il-kwantitajiet mibjugħin fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, il-Kummissjoni tindika li, anke jekk dan il-fatt kellu jkun minnu, ikun għal kollox irrilevanti, għaliex il-partijiet tas-suq kienu kkalkulati fuq il-livell taż-ŻEE.

57     Il-Kummissjoni tgħid ukoll li ċ-ċifri li jidhru fl-annessi 23 sa 25 tar-rikors, dwar il-bejgħ tal-fosfat, ma jaqblux eżattament ma' dawk li ġew ikkomunikati lilha b'ittra tas-17 ta' Marzu 1999. Hi tenfasizza li r-rikorrenti ma tispjegax dawn id-diverġenzi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

58     L-ewwelnett, dwar l-argument li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni rigward l-influwenza tar-rikorrenti fuq id-"distributuri" tagħha, hemm lok li jingħad li, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li l-Kummisjoni għamlet tali żball.

59     Fil-fatt, kuntrarjament għall-affirmazzjoni tagħha li hi kienet tbiegħ il-kwantitajiet kollha tagħha tal-fosfat taż-żingu ddestinati lejn l-Ewropa kontinentali fil-kuntest tal-ftehim ta' ko-produzjoni ma' BASF, jirriżulta mill-annessi tar-rikors li r-rikorrenti pprovdiet fosfat taż-żingu lil impriżi oħra fl-Ewropa kontinentali. Barra minn hekk, il-ftehim ta' ko-produzjoni bejn ir-rikorrenti u BASF ġie fi tmiemu f'April ta' l-1997. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti bdiet tibni relazzjonijiet ma' l-ex-klijenti ta' BASF (punt 77 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Anke jekk BASF kellha influwenza konsiderevoli fuq ir-rikorrenti qabel April ta' l-1997, din l-influwenza ma setgħetx tkun daqshekk kbira matul l-aħħar sena tal-ftehim.

60     Rigward Wengain, id-distributur tar-rikorrenti fir-Renju Unit, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju biex ittemm il-gwerra tal-prezzijiet li kienet konsiderevoli fir-Renju Unit. Hi stess ammettiet, min-naħa, li hi setgħet torganizza kontro-attakk fir-Renju Unit matul din il-gwerra tal-prezzijiet (punt 45 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments) u, min-naħa l-oħra, li wieħed mill-vantaġġi ta' l-akkordju kien it-tmiem tal-gwerra tal-prezzijiet fir-Renju Unit li fih hi kienet ipparteċipat (punt 49 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments u nota interna tat-30 ta' Marzu 1995). Dawn il-fatti juru li r-rikorrenti setgħet tinfluwenza l-aġir ta' Wengain fuq is-suq Brittaniku f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet.

61     F'kull ċirkustanza, huwa kostanti li l-parti tas-suq tar-rikorrenti kienet qrib ħafna ta' dik li ġiet assenjata lilha fil-kuntest ta' l-akkordju. Għaldaqstant hi kellha influwenza biżżejjed fuq id-distributuri tagħha biex tpoġġi fis-seħħ il-ftehim fuq il-kwotas. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettiet, fid-dikjarazzjoni tagħha, li, sena wara sena, il-ftehim kellu bħala riżultat "koerenza" aħjar f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet, ħlief fil-pajjiżi tan-nord (punt 73 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li r-rikorrenti kellha influwenza biżżejjed fuq id-distributuri tagħha sabiex tiżgura t-tpoġġija fis-seħħ tal-ftehim fuq il-prezzijiet.

62     Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-ewwel argument invokat biex isostni t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

63     It-tieni nett, dwar l-argument ibbażat fuq allegata dipendenza tar-rikorrenti fuq il-klijenti u l-kompetituri tagħha (ara punt 54 iktar 'il fuq), anki jekk jiġi aċċettat li r-rikorrenti soffriet pressjonijiet, hi ma tistax tuża din iċ-ċirkustanza, ladarba hi setgħet tirraporta l-imsemmija pressjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq quddiem il-Kummissjoni lment skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, minflok tipparteċipa fl-attivitajiet in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T-17/99, Ġabra p. II-1647, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, wara li allegatament irtirat mill-akkordju fl-1995, ir-rikorrenti reġgħet ingħaqdet fih, skond id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, sabiex tikseb tagħrif fuq is-suq (punt 67 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments ) u mhux minħabba pressjonijiet. Għandu jingħad ukoll li l-argument tar-rikorrenti li hi kienet imġiegħla tipparteċipa fil-ksur mhuwiex koerenti ma' l-allegat irtirar tagħha.

64     Minn dan kollu jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, dwar il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx waħda minn dawk li taw bidu għall-ksur-

–       L-argumenti tal-partijiet

65     Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta' fatt f'dak li jikkonċerna l-kuntatti tagħha mal-membri ta' l-akkordju qabel Marzu ta' l-1994. Hi tgħid li, skond il-Kummissjoni, l-akkordju fis-settur in kwistjoni kien inħoloq f'Marzu 1994 (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, l-akkordju allegatament beda qabel din id-data u qabel ma hi ġiet mistiedna tingħaqad fih. Ir-rikorrenti ssostni li l-"kompetituri l-oħra" kienu diġà ftiehmu fuq tip ta' tqassim tas-swieq u li t-tliet kompetituri ewlenin tagħha, is-SNCZ, Britannia u Heubach, kellhom f'idejhom, dak iż-żmien, l-istess parti tas-suq, jiġifieri 24%. Ir-rikorrenti tindika li hi ssuspettat l-eżistenza ta' "akkordju fi ħdan l-akkordju", "ċirku ristrett" li kien jaħdem qabel ma hi ġiet mistiedna għal-laqgħa ta' l-24 ta' Marzu 1994. L-eżistenza ta' tali "ċirku ristrett" hija kkorroborata mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni skond liema Trident iddikjarat li kien hemm kuntatti regolari bejn Pasminco Europe-ISC Alloys (il-predeċessur ta' Trident) u l-kompetituri tagħha mill-1989 sa l-1994 u persuna li kienet responsabbli għall-bejgħ kienet regolarment f'kuntatt ma' xi kompetituri, b'mod partikolari permezz ta' linja telefonika diretta (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond ir-rikorrenti, hi qatt ma kellha kuntatt mal-persuna responsabbli għall-bejgħ in kwistjoni dwar dak li għandu x'jaqsam ma' l-istat tas-suq u l-livell tal-prezzijiet. Il-fatt li l-impriżi l-oħra kkonċernati kienu ffurmaw l-akkordju qabel ma hi ġiet mistiedna tingħaqad magħhom jingħad li jispjega, ta' l-inqas in parti, li hi ma kinitx tagħmel parti miċ-ċirku ristrett iffurmat mill-membri fundaturi.

66     Ir-rikorrenti żżid li l-fatt li l-akkordju kien jeżisti qabel il-laqgħa ta' l-24 ta' Marzu 1994 huwa kkonfermat mill-osservazzjoni tal-Kummissjoni li laqgħa seħħet f'Ottubru ta' l-1993, laqgħa li l-għan tagħha "kien li ttemm il-gwerra tal-prezzijiet u li ġġib l-ordni fuq is-suq" (premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ssostni li hi ma pparteċipatx għal din il-laqgħa. Minkejja li spjegat, kemm fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti kemm verbalment, li hi ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq din il-kwistjoni u osservat biss, fid-deċiżjoni kkontestata, li hi kienet qed tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa in kwistjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li l-Kummissjoni milli jidher ma ppruvatx tivverifika l-fatti dwar din il-laqgħa ġie allegat li jagħmel dannu lir-rikorrenti. B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Settembru 1998, hi stess, kienet semmiet il-laqgħa ta' l-24 ta' Marzu 1994 bħala l- "ewwel laqgħa tal-klabb". ir-rikorrenti tgħid li hi kienet qed tirreferi b'mod manifest għal "l-ewwel laqgħa fejn [hi] kienet preżenti".

67     Imbagħad, ir-rikorrenti tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li hi ma setgħetx tidentifika kap partikolari u li l-akkordju jikkostitwixxi "inizzjattiva komuni tal-biċċa l-kbira tal-kompetituri tas-settur tal-fosfat taż-żingu" (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata). Hi tikkritika l-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu ħadu l-inizzjattiva sabiex jikkostitwixxu l-kartell u li kienu diġà għamlu l-ewwel laqgħa qabel ma hi ġiet mistiedna tingħaqad fil-kartell. Peress li hi ma kinitx ipparteċipat għal-laqgħa ta' l-1993, avveniment li kien fl-oriġini ta' l-akkordju, ma jkunx ġust li r-rikorrenti tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-parteċipanti l-oħra f'dak li jikkonċerna l-ħolqien ta' l-akkordju. Li kieku kellu jkun minnu li l-ewwel laqgħa bejn il-ħames produtturi seħħet mhux aktar tard mill-24 ta' Marzu 1994, il-Kummissjoni tkun għamlet ħsara lir-rikorrenti meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li laqgħat multilaterali bejn l-erba' produtturi l-oħra kienu seħħew qabel l-1994. Skond ir-rikorrenti, Heubach aġixxiet bħala l-kap tal-kartell de facto, ta' l-inqas fir-rapport tagħha magħha. Hi żżid li mhuwiex neċessarju li l-akkordju kien ġie impost minn wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju biex iwassal lill-Kummissjoni tindika kap.

68     Rigward ir-rifjut tal-Kummissjoni li tadotta trattament differenzjali minħabba l-fatt li l-parteċipanti l-oħra kienu ħolqu l-akkordju qabel ma hi ġiet mistiedna tipparteċipa fih, ir-rikorrenti ssostni li dak li seħħ qabel u wara l-perijodu in kwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala totalment mingħajr rilevanza. L-għażla magħmula mill-Kummissjoni li tieħu ċerti elementi in kunsiderazzjoni jista' jkun li influwenzat l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti bi ħsara għaliha. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha tillimita l-investigazzjonijiet tagħha u d-deċiżjoni kkontestata għal ċertu perijodu li kellu ftit effetti fuq l-ammont ta' l-ammenda għall-oħrajn, m'għandux ikun li r-rikorrenti tbati għal fatt li ma tgawdix minn trattament differenzjali li probbabilment kienet tgawdi, li kieku mhux għall-għażla tal-Kummissjoni.

69     Il-Kummissjoni tirrispondi li hi qatt ma qalet la li r-rikorrenti tat bidu għall-akkordju u lanqas li hi kienet ipparteċipat għal-laqgħa ta' Ottubru 1993. Hi tgħid li llimitat ruħha li tosserva l-eżistenza ta' ksur sa mill-1994. Minkejja li jista' jkun li akkordju kien jeżisti qabel din id-data, ikun ċar li tali akkordju ma jkunx kopert mid-deċiżjoni kkontestata u jkun għaldaqstant inutli li jitkompla d-dibattitu fuq dan il-punt. Il-Kummissjoni tgħid li, fid-dikjarazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Settembru 1998, ir-rikorrenti tagħmel riferenza għal-laqgħa ta' l-24 ta' Marzu 1994 bħala l-"ewwel laqgħa tal-'klabb'". Hi tirreferi għall-eżami ta' din il-kwistjoni fit-taqsima dwar ċirkustanzi attenwanti li jista' jkun hemm.

70     F'kull ċirkustanza, ir-rikorrenti ma għandhiex xi tgawdi minn konstatazzjoni li tgħid li d-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata kienu "kapijiet", jew li tgħid li huma kienu jiftiehmu wkoll fuq swieq oħra jew minn qabel.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

71     L-ewwelnett, minkejja li l-proċess fih ċerti indikazzjonijiet skond liema l-prodotturi tal-fosfat taż-żingu żammew kuntatti anti-kompettitivi qabel l-24 ta' Marzu 1994 (ara, per eżempju, premessi 76 sa 80, 82 sa 86 u 225 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkonkludi li l-ksur kien beda biss mal-laqgħa li saret f'din id-data. Għandu jingħad, f'dan ir-rigward, li r-rikorrenti kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa ta' Ottubru 1993 (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata), b'tali mod li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-ewwel laqgħa għal liema kienu preżenti l-impriżi kollha kkonċernati kienet dik ta' l-24 ta' Marzu 1994. Barra minn hekk, din il-laqgħa kienet l-ewwel waħda mill-laqgħat regolari ta' l-akkordju. Hemm lok li jingħad ukoll li l-ewwel laqgħat ta' l-akkordju ta' l-24 ta' Marzu u tat-3 ta' Mejju ta' l-1994 jikkoinċidu ma' l-ittra ta' CEFIC tas-26 ta' Mejju ta' l-1994 li tħabbar il-ħolqien ta' grupp ta' statistika fosfat taż-żingu (premessi 66, 109 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

72     F'kull ċirkustanza, anke jekk jiġi assunt li l-ksur kien beda aktar kmieni, dan ma jbiddel xejn għar-rikorrenti, peress li hi ma pparteċipatx fil-ksur ħlief mill-24 ta' Marzu ta' l-1994. L-argument tar-rikorrenti li l-akkordju beda f'Ottubru ta' l-1993 jitlef għaldaqstant kull rilevanza għall-finijiet tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

73     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-parteċipanti l-oħra, u b'mod partikolari Heubach, kienu ħadu l-inizzjattiva li jiffurmaw il-kartell u li l-Kummissjoni ma fehmietx tajjeb ir-rwol distint tar-rikorrenti. Jekk hu minnu li, skond il-linji gwida, ir-"rwol ta' kap jew ta' dak li ta bidu għall-ksur" jista' jkun ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika ż-żieda ta' l-ammont bażi (punt 2, it-tielet inċiż) (traduzzjoni mhux uffiċjali), fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li "l-akkordju kien jikkostitwixxi inizzjattiva komuni tal-biċċa l-kbira tal-kompetituri fis-settur tal-fosfat taż-żingu u li huwa għaldaqstant impossibli li jiġi indikat kap partikolari" (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, bil-kontra ta' dak li r-rikorrenti donnha trid turi, il-Kummissjoni ma żiditx l-ammendi fuq din il-bażi. Jirriżulta minn dan li r-rikorrenti ma ġietx ippreġudikata mill-konklużjoni ġa ċċitata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fatt li din il-konklużjoni hija fondata ma jistax jiġi ddubitat ladarba ma jirriżultax mill-proċess li impriża ħadet l-inizzjattiva li tifforma l-kartell (ara, per eżempju, premessi 314 sa 318 tad-deċiżjoni kkontestata).

74     Għaldaqstant dan it-tielet ilment mhuwiex fondat.

 – Fuq ir-raba' ilment, ibbażat fuq dak li r-rikorrenti ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju

–       - L-argumenti tal-partijiet

75     Ir-rikorrenti tallega li l-Kummisjoni għamlet żball meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni li hi ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju u li ma kinitx meqjusa bħala tali mill-membri l-oħra. Hi tinvoka diversi fatti f'dan ir-rigward. L-ewwelnett, hi ma pparteċipatx għall-ewwel laqgħa, li seħħet f' Ottubru ta' l-1993. It-tieninett, u b'mod ġenerali, hi ma kkooperatx ħlief b'ħafna riluttanza fl-akkordju. Hi tirreferi għall-fatt, rikonoxxut mill-Kummissjoni, li CEFIC kellha, fil-15 ta' Ġunju 1994, tindirizzalha nota ta' tfakkir sabiex hi tipprovdi xi tagħrif (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieletnett, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar noti fuq laqgħa tas-27 ta' Marzu 1995 f'Londra juru li r-rikorrenti ma bbenefikatx minn trattament ugwali bħala membru. Ir-rikorrenti tgħid li wieħed mill-impjegati tagħha niżżel fl-aġenda tiegħu, taħt id-data tas-27 ta' Marzu 1995, li kienet ippjanat li titlob f'din il-laqgħa li tiġi ttrattata bħala "membru sħiħ b'assenjazzjoni ta' klijenti" (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara din il-laqgħa, id-direttur tal-bejgħ tagħha semma, f'nota tat-30 ta' Marzu 1995, li l-parteċipanti l-oħra "ma kinux lesti jikkunsidraw tkabbir tal-parti [tagħha] tas-suq" (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qalet ukoll li r-rikorrenti kienet taħseb li "il-membri l-oħra ta' l-akkordju kienu qarrqu biha" (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata)

76     Ir-rabanett, ir-rikorrenti tgħid li hi ma pparteċipatx fil-ftehim ta' tqassim ta' Teknos. Hi ssostni li, kif tgħid il-Kummissjoni (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-raġuni għal liema, f'daqqa waħda, it-tliet impriżi l-oħra kienu ddeċidew unilateralament li hi kellha tagħmel kunsinna ta' kontejner lil Teknos, kienet sabiex jevitaw li din il-kumpannija tissuspetta l-eżistenza ta' ftehim. Madankollu, din l-ordni ġiet bi ħsara għal negozju ieħor fil-Finlandja. In-nota tat-30 ta' Marzu 1995 hi, skond ir-rikorrenti, il-prova li hi ma pparteċipatx fil-ftehim ta' tqassim ta' Teknos. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkonkludiet xejn mill-fatt li hi rċiviet ordni mingħand Teknos wara li hi kienet irtirat mill-klabb f'April ta' l-1995 (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, l-unika mod ġust kellu jkun li l-kwistjoni tiġi ttratata billi jiġi konkluż li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat f'dan il-ftehim, li hija prova oħra li hi ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju. Dwar l-affirmazzjoni tal-Kummissjoni li "hi stess tirrikonoxxi" li gawdiet mill-assenjazzjoni ta' Teknos għal tul ta' sitt xhur, ir-rikorrenti tirrepeti li dan il-klijent ma kienx ġie attribwit lilha ħlief darba u mhux għal tul ta' sitt xhur.

77     Ir-rikorrenti ma taċċettax l-affirmazzjoni tal-Kummissjoni li l-elementi ta' prova juru li hi ma kellhiex rwol passiv fl-akkordju. Hi tqis li dawn l-elementi ta' prova, jekk forsi juru attitudni kemmxejn inġenwa f'dak li jikkonċerna l-attivitajiet tal-klabb, ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li kien hemm rwol attiv jew passiv. Il-fatt ta' ġbir ta' dokumenti, bħal dawk miġbura mill-Kummissjoni fil-bini tar-rikorrenti, mhux inkompattibli ma' rwol passiv. Fil-fatt, ir-rwol tagħha kien ikun aktar attiv li kieku kienet warrbet jew qerdet tali dokumenti. Ir-rikorrenti żżid li l-fatt li hi kienet irriservat swali ta' laqgħat meta kien imissha minn żmien għal żmien ma jagħmilx ħlief jenfasizza n-natura passiva tal-parteċipazzjoni tagħha. Dwar it-tentattivi magħmula mill-Kummissjoni sabiex tagħti l-impressjoni li kienet naqset milli tikxef l-eżistenza ta' laqgħa fid-9 ta' Jannar 1995, ir-rikorrenti tallega li hi ma kinitx ikkunsidrat din il-laqgħa, li l-għan tagħha kien li tipprova ttejjeb ir-relazzjonijiet tagħha ma' waħda mill-kumpanniji l-oħra, bħal "laqgħa tal-klabb". Dan l-element ma għandux jidħol aktar fl-evalwazzjoni ta' l-aġir tagħha.

78     Id-deskrizzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tar-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-laqgħat ta' l-akkordju tkun qarrieqa u tkun qed tagħti l-impressjoni żbaljata li huma kienu fuq livell daqstant għoli daqs dawk ta' l-impriżi l-oħra kkonċernati. Il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi l-oħra kienu rrapreżentati minn membri tad-direzzjoni fuq il-livell l-aktar għoli, jiġifieri amministratturi b'delega, diretturi-ġenerali jew presidenti, u li r-rikorrenti kienet irrapreżentata minn "amministratur u d-direttur tal-bejgħ internazzjonali" (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Jekk M. R. kellu, fil-fatt, it-titolu ta' "amministratur" dan it-titolu ma jikkostitwix madankollu denominazzjoni ġuridika u ma juri xejn fuq il-pożizzjoni, is-setgħat jew ir-responsabbilitajiet ta' dak li jġorr isem tali, li pjuttost kienu jixbhu lil dawk ta' M. B., direttur tal-bejgħ. Bil-kontra, l-impriżi l-oħra kienu għażlu rappreżentanti fuq il-livell l-aktar għoli tad-direttorati rispettivi tagħhom. M. W. allegatament kien, fil-bidu tal-ksur, l-amministratur b'delega tar-rikorrenti.

79     Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Hi tenfasizza li din ta' l-aħħar ma kinitx imġiegħla tipparteċipa fl-akkordju u tgħid li jirriżulta mill-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata, sostnuti minn ħafna provi diretti miġbura mill-bini tar-rikorrenti, li r-rwol tagħha ma jistax jiġi deskritt bħala "passiv". Anzi, l-elementi ta' prova jistabbilixxu li kienet poġġiet fis-seħħ il-ftehim konkluż mill-akkordju.

80     Il-Kummissjoni tgħid li r-rikorrenti bbenefikat mill-assenjazzjoni ta' klijenti. Fir-risposta tagħha, hi tgħid li fl-1997 Teknos ġiet assenjata lir-rikorrenti għal tul ta' żmien ta' sitt xhur, fatt li din ta' l-aħħar ammettiet hi stess. Fil-kontro-replika tagħha, il-Kummissjoni tammetti li hi "għamlet riferenza bi żball għal assenjazzjoni oħra ta' klijent", iżda tfakkar li l-fatt li ġie konkluż fid-deċiżjoni kkontestata li Teknos ġie assenjat lir-rikorrenti mhuwiex ikkontestat minnha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

81     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat b'mod sħiħ fl-akkordju. Fil-fatt, kif se jiġi muri iktar 'il quddiem, ir-rikorrenti pparteċipat fl-aspetti kollha prinċipali tal-ksur.

82     L-ewwelnett, huwa kostanti li r-rikorrenti pparteċipat b'mod regolari fil-laqgħat ta' l-akkordju. Il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li hi kienet preżenti għal ħmistax mis-sittax-il laqgħa multilaterali identifikati matul iż-żmien ta' l-akkordju (premessi 102, 107, 112, 116, 120, 132, 133, 137, 151, 157, 168 u 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess kienet organizzat x'uħud minn dawn il-laqgħat (premessi 120, 136 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata). L-affirmazzjoni tagħha li hi ma kinitx ħadet sehem fil-laqgħa ta' Ottubru 1993 mhijiex rilevanti, għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet li l-akkordju ma kienx beda ħlief mill-24 ta' Marzu 1994.

83     L-argument tar-rikorrenti li hi ma kinitx irrapreżentata minn persuni ta' livell daqstant għoli daqs ir-rappreżentanti ta' l-impriżi l-oħra kkonċernati ma jurix li hi ma kinitx membru sħiħ fl-akkordju. Bil-kontra ta' dak li trid tagħti impressjoni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ddikjaratx li l-impriżi l-oħra kienu rrapreżentati minn membri tad-direzzjoni fuq il-livell l-aktar għoli. Hi sempliċement identifikat ir-rappreżentanti ta' l-impriżi li s-soltu jkun hemm waqt il-laqgħat ta' l-akkordju. Barra minn hekk, il-livell tar-rappreżentazzjoni tar-rikorrenti, anki jekk kien hemm biss id-direttur tal-bejgħ, kien importanti biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tar-rikorrenti f'dawn il-laqgħat.

84     It-tieninett, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hi pparteċipat b'mod sħiħ fil-ftehim dwar il-kwotas (punti 51 sa 53 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments ). Barra minn hekk, in-nota interna tat-30 ta' Marzu 1995 turi li hi talbet ukoll it-tkabbir tal-parti tagħha tas-suq (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif hu previst fil-ftehim, ir-rikorrenti bagħtet tagħrif dwar il-volum ta' bejgħ tagħha lil CEFIC u, imbagħad, lis-suċċessur tagħha, il-Verband des Mineralfarbenindustrie eV (punti 51 sa 53 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments; premessi 109, 110, 130, 134, 144, 153 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti rċiviet tagħrif fuq il-bejgħ magħmul mill-membri l-oħra tal-kartell, tagħrif li kien ta' natura li jinfluwenza l-aġir tagħha fi ħdan l-akkordju u fuq is-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 207). Il-fatt li CEFIC kellha tibgħat nota ta' tfakkir lir-rikorrenti biex tipprovdi tagħrif (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata) mhuwiex biżżejjed biex juri li r-rikorrenti ma kkooperatx ħlief b'ħafna riluttanza fl-akkordju.

85     It-tieletnett, ir-rikorrenti ma tikkontestax, fid-dikjarazzjoni tagħha, li hi pparteċipat fl-iffissar tal-prezzijiet indikattivi (ara punti 49, 60 u 73 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Sa anke ammettiet, fin-nota tagħha tat-30 ta' Marzu 1995, li hi kienet kisbet prezzijiet aktar għoljin permezz ta' l-akkordju (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll punti 49 u 73 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments).

86     Ir-rabanett, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-assenjazzjoni ta' klijenti. Din ta' l-aħħar tikkontesta biss il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ta' assenjazzjoni ta' Teknos u mhux il-parteċipazzjoni tagħha fl-assenjazzjonijiet l-oħra li tirreferi għalihom id-deċiżjoni kkontestata. Rigward Teknos, jista' jkun li kien hemm assenjazzjoni ta' dan il-klijent qabel Marzu ta' l-1995 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti (premessi 122 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, ir-rikorrenti ammettiet li kienet għamlet kunsinna ta' kontejner lil Teknos (punt 69 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). L-ispjegazzjoni tagħha li tgħid li din il-kunsinna kienet magħmula biss sabiex Teknos ma jiddubitax mill-eżistenza ta' ftehim ma tistax tiġi akkolta. Barra minn hekk, skond Trident, il-prezz li kellu jintalab minn Teknos kien is-suġġett ta' ftehim u kien ġie miftiehem li ebda produttur ħlief dak li "kien imissu" ma seta' jitlob prezz inqas minn dak miftiehem (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond nota tar-rikorrenti dwar il-laqgħa ta' l-4 ta' Frar 1997, din ta' l-aħħar milli jidher aċċettat li tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell ogħla minn dawk ta' SNCZ għaliex Teknos kienet ġiet assenjata lil din ta' l-aħħar għal sitt xhur (premessi 138 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-fatt juri wkoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim ta' assenjazzjoni ta' Teknos. Aktar minn hekk, Teknos kienet waħda mill-klijenti ewlenija tar-rikorrenti (premessi 97 u 270 tad-deċiżjoni kkontestata) u, skond Trident, ir-rikorrenti kienet lesta tieħu l-inizzjattiva ta' gwerra ta' prezzijiet sabiex iżommha (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis għaldaqstant li mhuwiex stabbilit li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-assenjazzjoni ta' dan il-klijent, ta' l-inqas wara li saret taf b'tali assenjazzjoni.

87     F'kull ċirkustanza, anki jekk ir-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat fil-ftehim ta' assenjazzjoni ta' Teknos, il-Kummissjoni kellha raġun tiddeċiedi li hi kienet responsabbli ta' l-assenjazzjoni ta' klijenti. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multi-formi tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta' aġir li jista' jiġi attribwit lilha, li huwa ta' natura ta' ftehim jew prattika miftiehma li l-għan tagħhom hu anti-kompettitiv fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE u li jippruvaw jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista' tiġi meqjusa responsabbli ukoll mill-aġir mwettaq minn impriżi oħra fil-kuntest ta' l-istess ksur għal perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni taf bl-aġir kontra l-liġi tal-parteċipanti l-oħra, jew li hi tista' raġonevolment tkun taf bihom u li hi lesta li taċċetta r-riskju tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 39 iktar 'il fuq, punt 203, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 158).

88     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni setgħet ma tasalx għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' l-"akkordju fi ħdan l-akkordju" invokat mir-rikorrenti (premessi 122 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata). Din ta' l-aħħar, fil-fatt, ma ġabitx prova suffiċjenti ta' l-eżistenza ta' tali ċirku ristrett. F'kull ċirkustanza, dan ma jistax jaffettwa l-fatt li r-rikorrenti pparteċipat b'mod sħiħ fil-ksur identifikat mid-deċiżjoni kkontestata.

89     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li dan ir-raba' lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti temmet immedjatament il-ksur

–       - L-argumenti tal-partijiet

90     Ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod xieraq il-fatt li, wara investigazzjonijiet li saru fl-impriżi, hi temmet immedjatament il-ksur. Hi ddeċidiet li tikkoopera b'mod sħiħ mal-Kummissjoni fil-kuntest ta' dawn l-investigazzjonijiet u li baqgħet iddeterminata li tagħmel dan. Wara l-imsemmija investigazzjonijiet, ir-rikorrenti annullat il-laqgħa li kellha ssir f'Amsterdam mingħajr ma tat raġuni għal dan u indikat biċ-ċar lil Heubach li hi ma kinitx se tikkomunika iżjed ebda data ta' statistika. Fil-15 ta' Lulju 1998, jingħad li r-rikorrenti bagħtet faks lill-parteċipanti ta' l-akkordju fejn informathom bl-irtirar tagħha mill-akkordju. Ir-rikorrenti ma aċċettatx l-istedina li tingħaqad ma' l-assoċjazzjoni l-ġdida, l-assoċjazzjoni European Manufacturers of Zinc Phosphates (iktar 'il quddiem l-"EMZP"), u li informat lill-Kummissjoni bil-ħolqien ta' din. Fil-fatt, l-imġieba tar-rikorrenti f'dak li jikkonċerna l-EMZP turi li hi immedjatament ħadet il-passi li l-Kummissjoni kellha timponielha iktar tard fil-kuntest tal-komunikazzjoni ta' lmenti. Dan l-aġir jiġġustifika l-fatt li r-rikorrenti kellha tgawdi minn trattament differenti. Madankollu jingħad li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod xieraq dawn iċ-ċirkustanzi. Ir-rikorrenti tikkritikaha, b'mod partikolari, minħabba li ma għamlitx distinzjoni ċara bejn ir-rikorrenti nfisha u l-impriżi l-oħra kkonċernati f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-EMZP. Il-Kummissjoni tagħti l-impressjoni mhux korretta ta' l-aġir tar-rikorrenti meta tgħid li tagħrif ġie pprovdut lil din l-assoċċjazzjoni mill-"membri ta' l-akkordju" (premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma tispeċifika b'mod ċar li r-rikorrenti ma kinitx ħadet sehem fiha.

91     Il-Kummissjoni tfakkar li hi mhijiex obbligata tnaqqas l-ammont ta' l-ammenda fuq l-argument li r-rikorrenti temmet il-ksur wara l-ewwel intervent tagħha (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar 'il fuq, punt 324) u li l-fatt li tiġi kkunsidrata ċirkustanza attenwanti fil-każ in kwistjoni ma kien ikollu ebda effett fuq l-ammont finali ta' l-ammenda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

92     Għandu jingħad li t-tielet inċiż tat-tielet punt tal-linji gwida jipprevedi tnaqqis ta' l-ammont bażi f'każ ta' "waqfien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni (jiġifieri investigazzjonijiet)" (traduzzjoni mhux uffiċjali). Il-Kummissjoni mhijiex madankollu obbligata li tikkunsidra, bħala regola ġenerali, il-waqfien ta' ksur bħala ċirkustanza attenwanti. Ir-reazzjoni ta' impriża għall-ftuħ ta' investigazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha ma tistax tiġi evalwata jekk ma jiġix ikkunsidrat il-kuntest partikulari tal-każ in kwistjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar 'il fuq, punt 324).

93     Fil-każ in kwistjoni, fit-13 u l-14 ta' Mejju 1998 il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet f'diversi impriżi, u l-awtorità tas-sorveljanza ta' l-EFTA għamlet investigazzjonijiet għand ir-rikorrenti mit-13 sal-15 ta' Mejju 1998. Fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-akkordju dam mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998. Jirriżulta minn dan li l-fatt li l-impriżi temmew il-ksur ma' l-ewwel interventi tal-Kummissjoni ġie meħud in kunsiderazzjoni.

94     F'kull ċirkustanza, ir-rikorrenti ma wrietx li waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju malli sar l-intervent tal-Kummissjoni. Fil-fatt, hi ma infurmatx lill-parteċipanti l-oħra bl-irtirar tagħha qabel il-15 ta' Lulju 1998 (ara punt 90 iktar 'il fuq).

95     Dwar l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hi kkooperat b'mod sħiħ mal-Kummissjoni wara l-investigazzjonijiet, hemm lok li jiġi osservat li hi ma kkuntatjatx lill-Kummissjoni ħlief fis-17 ta' Lulju 1998 (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hi gawdiet mit-tnaqqas massimu skond punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri 50%.

96     Dwar l-EMZP, biżżejjed jiġi ppreċiżat li din l-organizzazzjoni nħolqot fil-31 ta' Lulju 1998 u li għaldaqstant hi ma taqax taħt il-ksur in kwistjoni (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti ma tagħmilx parti minn din l-assoċjazzjoni m'għandux rilevanza fil-każ in kwistjoni.

97     Għaldaqstant il-ħames ilment u, konsegwentement, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kalkolu żbaljat ta' l-ammont ta' l-ammenda u fuq il-ksur ta' prinċipji ġenerali

98     Ir-rikorrenti ssostni li, ladarba l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq evalwazzjoni mhux korretta tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova, din id-deċiżjoni hija wkoll difettuża f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ammont bażi ta' l-ammenda u, tapplika b'mod żbaljat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-prinċipji magħrufin mill-prassi ta' deċiżjonijiet, il-linji gwida u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Dan il-motiv hu magħmul minn sitt partijiet, dwar l-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata li ġejjin :

–       il-gravità tal-ksur u t-trattament differenzjali ;

–       it-tul ta' żmien tal-ksur ;

–       l-applikazzjoni żbaljata ta' ċirkustanzi aggravanti u n-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi attenwanti ;

–       l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ;

–       il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità ;

–       l-inutilità li wieħed juri lilu nnifsu aktar dissważiv u l-impossibilità li titħallas l-ammenda.

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-gravità tal-ksur u t-trattament differenzjali

 L-argumenti tal-partijiet

99     Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkwalifika l-ksur li hi kkommettiet bħala "serju ħafna" (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata). Hi ssostni li dan il-ksur kellu jkun ikkunsidrat bħala "inqas serju" u li hi kien ħaqqha trattament differenzjali li kieku l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni b'mod xieraq iċ-ċirkustanzi tal-kawża, b'mod partikolari tal-fatt li hi ma kinitx waħda minn dawk li taw bidu għall-akkordju jew għaċ-ċirku ristrett, li hi ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju, li hi kienet irtirat għal perijodu ta' bejn ħames u sitt xhur, li l-irtirar tagħha kellu impatt negattiv fuq l-akkordju u li r-rwol tagħha ma kienx ħlief passiv, filwaqt li r-rwol ta' mutur ta' l-akkordju kien f'idejn parteċipanti oħra. Barra minn hekk, l-effett reali tal-ksur li hi akkużata bih kien insinifikanti, ladarba parti kbira mill-produzzjoni tagħha ġiet mixtrija minn BASF jew mibjugħa permezz ta' l-intervent tad-distributuri tagħha. Fil-fatt, il-prezzijiet li hija kienet titlob kienu jinsabu regolarment taħt il-"livell irrakkomandat".

100   Imbagħad ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-piż relattiv ta' l-impriżi kkonċernati fl-applikazzjoni tagħha ta' trattament differenzjali. Meta wieħed jikkunsidra d-daqs relattivament kbir ta' dawn l-impriżi, li jidher mill-fatturat u n-numru ta' impjegati tagħhom, u l-kapaċità effettiva tar-rikorrenti li tagħmel ħsara, l-ammont bażi ta' din ta' l-aħħar kellu jkun konsiderevolment inqas għoli minn dak ta' l-impriżi l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' kooperazzjoni bejn il-parteċipanti l-oħra, b'mod partikolari Heubach, is-SNCZ u Trident, meta mqabbla ma' impriża żgħira bħal dik tar-rikorrenti. Hi tenfasizza li l-influwenza tagħha kienet differenti minn dik li l-impriżi kkonċernati kienu jeżerċitaw u kienet konsiderevolment inqas mill-parti tas-suq li jservi ta' bażi għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammenda mill-Kummissjoni (ara, f'dan ir-rigward, punt 53 iktar 'il fuq).

101   Fid-dawl ta' dak li jippreċedi, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ffissat ammont bażi eċċessiv fir-rigward tagħha.

102   Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tfixkel il-kwistjoni tal-gravità tal-ksur ma' dik tal-parteċipazzjoni propja tagħha fil-ksur. F'dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet dwar it-trattament differenzjali, hi tfakkar li hi qassmet l-impriżi f'żewġ kategoriji, ir-rikorrenti fl-ewwel waħda flimkien ma' tlett impriżi oħra. Peress li l-parti tas-suq tar-rikorrenti, stimata minnha nfisha għal madwar 30%, hi bil-wisq l-aktar għolja, ma kien hemm, skond il-Kummissjoni, ebda raġuni li tingħatalha trattament partikolari. Fil-kontro-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti ma ġġib ebda element ta' prova rilevanti biex turi li hi ma kinitx fost il-produtturi ewlenija ta' fosfat taż-żingu taż-ŻEE u li kienet ġiet inġustament ikklassifikata fl-istess kategorija tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

103   B'mod konformi ma' punt 1 A tal-linji gwida, il-Kummissjoni rabtet lilha nfisha b'mod espliċitu li tieħu in kunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, minbarra n-natura propja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, l-impatt konkret fuq is-suq fejn jista' jitqies. Fil-każ preżenti, dawn il-kriterji kollha huma msemmija fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata.

104   Jirriżulta minn din id-deċiżjoni, kif ukoll mil-linji gwida li l-prinċipji tagħhom huma applikati fid-deċiżjoni, li, jekk il-gravità tal-ksur hi, fil-bidu, evalwata skond l-elementi propji tal-ksur stess bħan-natura tiegħu u l-impatt tiegħu fuq is-suq, hi tiġi sussegwentement adattata skond iċ-ċirkustanzi propji ta' impriża kkonċernata, li jwassal ukoll lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra d-daqs u l-kapaċitajiet ta' l-impriża, mhux biss iċ-ċirkustanzi aggravanti li jista' jkun hemm, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkustanzi attenwanti (ara sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214.98, Ġabra p. II-3275, punt 1530, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105   L-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta' din l-ewwel parti jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, minflok l-elementi propji ta' dan il-ksur. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-argumenti bbażati fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx waħda minn dawk li taw bidu għall-akkordju u lanqas għaċ-"ċirku ristrett", li hi ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju u li r-rwol tagħha ma kienx ħlief passiv għandhom jiġi evalwati fil-kuntest ta' l-eżami tal-kwistjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti (ara punti 118 sa 133 iktar 'il quddiem). Dwar l-irtirar tar-rikorrenti mill-akkordju, dan l-element jaqa' taħt il-kwistjoni tat-tul ta' żmien tal-ksur li se tiġi ttrattata f'punti 111 sa 114 iktar 'il quddiem.

106   Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-effett reali tal-ksur tagħha kien insinifikanti, biżżejjed jingħad li l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi ffissat il-livell ġenerali ta' l-ammendi mhumiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li impriża tallega li adottat, imma dawk li jirriżultaw mill-intier tal-ksur li hija pparteċipat fih (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 39 iktar 'il fuq, punt 152, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midlands Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 160).

107   Rigward l-ilment li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni la l-piż relattiv ta' l-impriżi kkonċernati fl-applikazzjoni tat-trattament differenzjali u lanqas il-kapaċità effettiva tar-rikorrenti li tagħmel ħsara, din għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta' l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità (ara punti 148 sa 165 iktar 'il quddiem).

108   Fl-aħħarnett, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà rrespinġiet l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti ta' l-ewwel motiv, jiġifieri l-fatt li kien hemm ċirku ristrett (ara punt 88 iktar 'il fuq) u li hi kellha biss ftit influwenza fuq is-suq (ara punti 58 sa 62 iktar 'il fuq).

 Fuq it-tieni parti, dwar it-tul ta' żmien tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

109   Ir-rikorrenti tgħid li b'mod żbaljat il-Kummissjoni, min-naħa, kkonkludiet li hi kienet ikkommettiet ksur ta' l-istess tul ta' żmien bħall-parteċipanti l-oħra, jiġifieri erba' snin u xahar, u, min-naħa l-oħra, minħabba f'hekk, żiedet b'40% l-ammont tat-tluq ta' l-ammenda minħabba l-gravità tal-ksur. Il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet irtirat mill-akkordju waqt il-perijodu ta' bejn ħames u sitt xhur. Konsegwentement, hi applikat b'mod żbaljat il-prinċipju ta' trattament ugwali kif ukoll il-prassi tad-deċiżjonijiet tagħha stess, u applikat b'mod żbaljat il-linji gwida. Skond ir-rikorrenti, iż-żieda ta' l-ammont ta' tluq sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien kellu jkun wisq inqas minn 40%.

110   Il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti li hi esponiet fir-risposta għall-ewwel parti ta' l-ewwel motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

111   Bħalma huwa indikat fil-punti 36 sa 44 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur mingħajr interruzzjoni bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv ma tistax tiġi akkolta.

112   F'kull każ, anke jekk l-argumenti tar-rikorrenti kellhom ikunu fondati, l-ammont finali ta' l-ammenda ma kienx jiġi mmodifikat. Il-Kummissjoni jkollha dejjem raġun li tikkonkludi li r-rikorrenti għamlet ksur ta' tul ta' żmien medju, jiġifieri mifrux bejn l-24 ta' Marzu 1994 u Marzu 1995, u imbagħad minn Awwissu 1995 sat-13 ta' Mejju 1998. Żieda għat-tul ta' żmien ta' 35% tkun xierqa. Madankollu, wara li jiġu kkunsidrati l-operazzjonijiet ta' kalkolu neċessarji li jsiru fuq il-bażi ta' l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kif ukoll il-limitu massimu ta' 10% tad-fatturat magħmul matul l-eżerċizzju soċjali preċedenti ta' l-impriża kkonċernata, żieda ta' madwar 35%, minflok 40%, ma tbiddilx l-ammont finali ta' l-ammenda tar-rikorrenti.

113   Fl-aħħarnett, dwar l-argument imressaq mir-rikorrenti waqt is-seduta li l-Kummissjoni ma kellhiex iżżid l-ammendi b'10% fis-sena, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan l-argument ma ġiex imqajjem fir-rikors u li jikkostitwixxi motiv ġdid, u inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

114   Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar l-applikazzjoni żbaljata ta' ċirkustanzi aggravanti u dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi attenwanti.

 L-argumenti tal-partijiet

115   L-ewwelnett, ir-rikorrenti tallega li mhuwiex ġustifikat li l-Kummissjoni tikkunsidra ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tagħha meta tinkludiha fost il-parteċipanti li kienu ħadu l-"inizzjattiva komuni" li joħolqu l-akkordju. Hi żżid li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi l-oħra kienu fil-bidu ta' l-akkordju u kienu ffurmaw "ċirku ristrett", filwaqt li hi ma kinitx ingħaqdet fl-akkordju ħlief aktar tard u li hi qatt ma kienet membru sħiħ fl-akkordju. Minħabba li ma adottatx trattament aktar favorevoli għar-rikorrenti għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-linji gwida.

116   It-tieninett, ir-rikorrenti ssostni li, meta kkunsidrat li ebda ċirkustanza attenwanti ma kellha tiġi kkunsidrata fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni għamlet żball u applikat b'mod żbaljat il-prassi tad-deċiżjonijiet tagħha, kif ukoll il-linji gwida. Hi tirreferi għall-argumenti esposti hawn fuq, u tgħid li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li hi kienet ġiet mistiedna tingħaqad f'akkordju tal-ftehim li kien jeżisti diġà, li hi qatt ma għamlet parti miċ-"ċirku ristrett" u li hi qatt ma ġiet assenjata klijent, ħlief f'każ wieħed, sabiex jiġu mħarsa l-membri l-oħra. Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet in kunsiderazzjoni li, fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx esegwiet il-ftehim in kwistjoni ħlief b'mod limitat ħafna, kif jidher mill-irtirar tagħha mill-akkordju, il-prezzijiet l-inqas għoljin li hi kienet titlob fuq is-suq tan-nord u l-fatt, osservat mill-Kummissjoni (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata), li hi kienet ta' spiss, waqt il-laqgħat, f'kunflitt mal-parteċipanti l-oħra, b'mod partikolari ma' Britannia f'dak li għandu x'jaqsam mal-bejgħ fir-Renju Unit u l-gwerra tal-prezzijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li hi kienet, f'ċertu sens, imġiegħla tingħaqad fl-akkordju għaliex, min-naħa, uħud mill-parteċipanti fil-ftehim kienu wkoll klijenti sinifikanti, u min-naħa l-oħra, hi kienet fil-proċess li titlef il-klijent u d-distributur l-aktar importanti tagħha fuq il-kontinent, jiġifieri BASF.

117   Il-Kummissjoni tqis, min-naħa, li biżżejjed tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hi tqis li l-argumenti ta' din ta' l-aħħar dwar l-allegati ċirkustanzi attenwanti għandhom jiġu respinti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

118   Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ladarba ksur huwa kommess minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta' kull waħda minnhom (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar 'il fuq, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 39 iktar 'il fuq, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistu, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

119   Din il-konklużjoni hi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju li l-pieni u s-sanzjonijiet għandhom ikunu skond ir-reat u għalhekk impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li hi tiġi akkużata bihom individwalment, prinċipju li hu applikabbli f'kull proċedura amministrattiva li tista' tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98, Ġabra p. II-3757, punt 63).

120   Il-punti 2 u 3 tal-linji gwida jipprevedu varjazzjoni ta' l-ammont bażi ta' l-ammenda fuq il-bażi ta' ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li jgħoddu għal kull impriża kkonċernata.

121   L-ewwelnett, dwar l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkunsidrat ċirkustanza aggravanti fir-rigward tagħha billi inkludietha fost il-parteċipanti li kienu ħadu l-inizzjattiva komuni li joħolqu l-akkordju, biżżejjed jiġi osservat li dan mhuwiex fondat fuq il-fatti. Il-Kummissjoni, fil-fatt, ma kkunsidrat ebda ċirkustanza aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti (premessi 314 sa 319 tad-deċiżjoni kkontestata). F'kull każ, li kieku l-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li kien hemm ċirkustanza aggravanti f'dak li jikkonċerna l-impriżi kkonċernati l-oħra, meta jiġi kkunsidrat li huma kienu l-kapijiet jew dawk li taw bidu għall-ksur, dan ma kienx ibiddel l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti.

122   Għall-istess raġunijiet, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tosserva l-eżistenza ta' ċirkustanza aggravanti minħabba li l-impriżi l-oħra kienu ffurmaw ċirku ristrett, ma jistax jiġi akkolt (ara, f'dan ir-rigward, punt 88 iktar 'il fuq).

123   Imbagħad, għandha tiġi miċħuda t-talba għal tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda minħabba ċirkustanzi attenwanti.

124   L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li hi kienet ġiet mistiedna tingħaqad f'akkordju li kien diġà jeżisti, li hi ma kinitx tagħmel parti miċ-ċirku ristrett u li qatt ma ġiet assenjata klijent. Kif indikat fil-punt 71 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kellha raġun li ma tikkonkludiex li l-akkordju kien jeżisti qabel l-24 ta' Marzu 1994. Barra minn hekk, ebda element mill-proċess ma juri l-eżistenza taċ-ċirku ristrett invokat mir-rikorrenti (ara, f'dan ir-rigward, punt 88 iktar 'il fuq). Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju ta' assenjazzjoni tal-klijenti, inkluża fosthom Teknos (ara punt 86 iktar 'il fuq).

125   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, bħala regola, il-parteċipant fi ksur ma jkunx jista' jinvoka ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-aġir tal-parteċipanti l-oħra f'dan il-ksur. Fil-każ in kwistjoni, il-fatt li l-membri l-oħra fl-akkordju kienu involuti aktar kmieni, jew b'mod aktar radikali, f'dan l-akkordju jista' jikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, ċirkustanza aggravanti li għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward tagħhom, imma mhux ċirkustanza attenwanti favur ir-rikorrenti.

126   Dwar l-argument tar-rikorrenti li r-rwol tagħha fl-akkordju ma kienx ħlief passiv, għandu jingħad li r-"rwol esklussivament passiv jew segwaċi" ta' impriża fit-twettiq tal-ksur jikkostitwixxi fil-fatt, jekk jiġi stabbilit, ċirkustanza attenwanti, skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.(traduzzjoni mhux uffiċjali) Dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta' "profil baxx", jiġifieri nuqqas ta' parteċipazzjoni attiva fl-iffurmar tal-ftehim jew tal-ftehimiet kontra l-kompetizzjoni. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fost l-elementi li għandhom tendenza juru r-rwol passiv ta' l-impriża fi ħdan akkordju, tista' tiġi kkunsidrata n-natura ħafna aktar sporadika tal-parteċipazzjonijiet tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali ta' l-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fuq is-suq li hu s-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tagħha f'dan l-akkordju, kif ukoll l-eżistenza ta' dikjarazzjonijiet espliċiti f'dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta' impriżi terzi li kienu pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar 'il fuq, punti 167 sa 168, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 331). Madankollu, kif ikkonstatat fil-punti 82 sa 87 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma stabbilietx l-eżistenza ta' tali "profil baxx" fil-każ in kwistjoni.

127   It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li hi kellha tgawdi minn tnaqqis fl-ammont ta' l-ammenda minħabba l-fatt li hi ma kinitx "esegwiet il-ftehim in kwistjoni ħlief b'mod ristrett ħafna". Hi donnha qiegħda b'xi mod takkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx ċirkustanza attenwanti bbażata fuq in-non-applikazzjoni effettiva tal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, skond it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.

128   Għaldaqstant, hu importanti li jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti huma tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih hi mxiet mal-ftehim li jikkostitwixxu ksur, hi kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar 'il fuq, punt 268, u l-ġurisprudenza ċċitata).

129   Peress li r-rikorrenti pparteċipat b'mod sħiħ fl-akkordju (ara punti 81 sa 87 hawn fuq), il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hi ma adottatx aġir kompetittiv fuq is-suq fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata f'punt 128 iktar 'il fuq. Għandu jiġi emfassizat, f'dan ir-rigward, li r-rikorrenti ammettiet li hi kienet temmet l-allegat irtirar tagħha f'Awwissu 1995 sabiex tgawdi mill-ksur (punt 67 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Fil-fatt, hi rrifjutat b'mod ċar l-possibilità li tadotta aġir kompettitiv fuq is-suq u ppreferiet tieħu vantaġġ mill-akkordju.

130   Dwar l-argument tar-rikorrenti li hi biegħet prodotti taħt il-prezz rakkomandat, għandu jiġi osservat li l-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim mal-kompetituri tagħha fil-qasam tal-prezzijiet hi stabbilita, ma ġabitx ruħha fuq is-suq b'mod konformi ma' l-imġieba miftiehma mal-kompetituri tagħha ma tikkostitwixxix bilfors element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politikà li hi differenti minn dik miftiehma tista' sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għal vantaġġ tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 230).

131   Rigward l-argument tar-rikorrenti li hi kienet f'kompetizzjoni ma' Britannia minkejja l-akkordju, għandu jingħad li huwa kostanti li dawn l-impriżi ppruvaw jiġbdu lejhom klijenti ta' impriżi oħra fl-1994 u li, fid-9 ta' Jannar 1995, James Brown organizza laqgħa ma' Britannia u r-rikorrenti biex jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata). Jidher li l-partijiet ma setgħux jaslu għal ftehim biex isolvu d-diffikultajiet tas-sitwazzjoni ta' dak iż-żmien. Ċertament, dan il-kunflitt juri ċertu livell ta' kompetizzjoni bejn l-impriżi in kwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma qalitx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju kien ta' impediment għal kull kompetizzjoni fuq is-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ġabitx element ta' prova li juri li l-kunflitt tagħha ma' Britannia kien kompla matul iż-żmien kollu tal-ksur.

132   F'kull każ, huwa ċar li r-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħa tad-9 ta' Jannar 1995, għax hi kienet tqis lilha nfisha bħala affettwata mill-kompetizzjoni u li kien bi ħsiebha għaldaqstant tikkonkludi ftehim ġdid.

133   It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li hi kienet ġiet imġiegħla tingħaqad fl-akkordju. Hekk kif il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat, dan l-argument għandu jiġi respint (ara punt 63 iktar 'il fuq).

134   Għaldaqstant it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba' parti, dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

135   Ir-rikorrenti tqis li t-tnaqqis ta' 50% li l-Kummissjoni ikkonċediet lilha skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni mhuwiex biżżejjed. Hi tgħid li l-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni fuq l-immunità ta' ammendi u t-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni il-ġdida") hi differenti mill-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni minħabba l-fatt li din ta' l-aħħar tirrikjedi li impriża ġġib elementi ta' prova "determinanti" u ma tipprovdix immunità kompleta għall-impriżi li kellhom rwol li ta bidu jew rwol determinanti fl-attività illeċita. Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tagħti l-impressjoni li l-akkordju kien ir-riżultat ta' inizzjattiva komuni, l-Kummissjoni issa tirrikonoxxi li qatt ma allegat li hi kienet tat bidu jew kellha rwol determinanti fl-akkordju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li bagħtet lill-Kummissjoni tagħrif li wassluha ssir taf li l-parteċipanti l-oħra kienu ddeċiedew, wara l-investigazzjonijiet, li joħolqu l-EMZP. Ir-rikorrenti tindika li, fid-deċiżjoni 1999/60/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ottubru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 – Pajpijiet diġà iżolati) (ĠU 1999, L 24, p. 1), Løgstør, waħda mill-impriżi li kienu gawdew minn tnaqqis, kienet informat minn qabel lill-Kummissjoni li l-membri tal-kartell kienu ddeċidew li jkomplu l-attivitajiet tal-kartell wara l-investigazzjonijiet. Ir-rikorrenti żżid li hi tat spjegazzjonijiet verbali u listi ta' laqgħat lill-Kummissjoni. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tikkontesta li hi indikat li l-investigazzjoni mmexxija fil-bini tal-partijiet fl-akkordju ma kinitx ipprovdiet raġunijiet biżżejjed biex tinbeda l-proċedura.

136   Il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjoni invokata mir-rikorrenti bejn il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni l-ġdida titlef ir-rilevanza kollha, għaliex hi qatt ma allegat li hi kienet tat bidu jew kellha rwol determinanti fl-akkordju. Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma applikatx b'mod korrett, fil-każ in kwistjoni, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, dan huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

137   B'mod preliminari, għandu jingħad li, hekk kif ġie kkonstatat fil-premessi 351 sa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, ebda waħda mill-impriżi kkonċernati ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-punt B jew tal-punt C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. L-aġir ta' dawn l-impriżi kellu għaldaqstant jiġi evalwat taħt punt D ta' l-imsemmija komunikazzjoni indicata bit-titlu "Tnaqqis sinifikatif ta' l-ammont ta' l-ammenda".

138   Skond l-ewwel paragrafu tal-punt D, "meta impriża tikkoopera mingħajr ma jkunu soddisfatti l-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C, hi tgawdi minn tnaqqis ta' bejn 10% u 50% ta' l-ammont ta' l-ammenda li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta' kooperazzjoni".

139   Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti tnaqqis ta' l-ammenda b'50%, jiġifieri t-tnaqqis massimu li l-Kummissjoni setgħet tikkonċedielha fuq il-bażi ta' l-ewwel paragrafu ta' punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (premessi 354 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonċedilha tnaqqis jerġa' akbar. Madankollu, hi ma tikkontestax l-applikazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' punt D fil-każ in kwistjoni. Barra minn hekk, hi ma tikkontestax li l-Kummissjoni ġabret provi deċiżivi u diretti tal-ksur waqt l-investigazzjonijiet magħmula fil-bini tagħha u li ma ssodisfatx għaldaqstant l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punti B u C. Peress li l-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti t-tnaqqis massimu ta' 50%, skond l-ewwel paragrafu ta' punt D, tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-argument tar-rikorrenti f'dan ir-rigward huwa kompletament infondat.

140   Rigward il-komunikazzjoni l-ġdida, hi ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali qabel id-19 ta' Frar 2002 u ma tissostitwixxix, skond punt 28 tagħha, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ħlief mill-14 ta' Frar 2002. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni l-ġdida mhijiex rilevanti fil-każ in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar 'il fuq, punt 273). Barra minn hekk, l-argument li r-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward (ara punt 135 iktar 'il fuq) jitlef ir-rilevanza fis-sens li l-Kummissjoni qatt ma allegat li hi kienet tat bidu jew kellha rwol determinanti fl-akkordju.

141   Jirriżulta minn dak li ntqal li r-raba' parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

142   Ir-rikorrenti tallega li hi ġiet issanzjonata b'mod relattivament aktar ħarex mill-"membri taċ-ċirku ristrett", li kellhom madankollu rwol aktar attiv fil-ħolqien u t-tmexxija ta' l-akkordju u li pparteċipaw f'dan l-akkordju mingħajr interruzzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proprozjonalità u fehmet ħażin il-linji gwida.

143   Ir-rikorrenti tfakkar li hi bbenefikat minn tnaqqis minħabba li l-ammenda kienet iktar mill-10% tal-fatturat globali tagħha. Issa, l-ammont bażi tar-rikorrenti (4.2 miljun EUR) hu iktar minn 60% tal-fatturat globali tagħha fl-2001. Min-naħa l-oħra, l-ammenda imposta fuq Brittania, fuq Heubach u fuq James Brown mhijiex iktar minn 10% tal-fatturat dinji rispettiv tagħhom. L-ammont finali ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti, wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hi iktar minn 5% ta' dan il-fatturat, ammenda ħarxa daqs dik li ġiet imposta fuq Heubach. Minkejja li, wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ir-rikorrenti bbenefikat minn tnaqqis ta' 50% u Heubach minn tnaqqis ta' 10%, li għandu jindika li din ta' l-aħħar ġiet issanzjonata b'mod aktar ħarex, fil-proporzjon ta' 80%, l-ammont finali ta' l-ammenda jindika li s-sanzjoni imposta fuq Heubach ma kinitx ħlief 8% aktar ħarxa minn dik tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità.

144   Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet bħala ammont ta' tluq għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammenda l-istess ammont ta' 3 miljun EUR għal kważi l-impriżi kollha, kien x'kien id-daqs tagħhom. Ir-rikorrenti tgħid li, minkejja li l-impriżi kkonċernati kellhom partijiet mis-suq bejn wieħed u ieħor l-istess, id-daqsijiet rispettivi tagħhom kienu, u għadhom, differenti b'mod sinifikanti, hekk kif juri l-fatturat tagħhom, li huwa fattur importanti biex tiġi ddeterminata l-influwenza "reali" tagħhom fuq is-suq. Billi għażlet l-istess ammont ta' tluq għall-parteċipanti kollha, il-Kummissjoni imponiet sanzjoni aktar ħarxa fuq l-impriżi li, bħar-rikorrenti, kellhom fatturat inqas għoli. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità ladarba l-ammendi mhumiex proporzjonati mas-setgħa ta' kull impriża, iddeterminata skond il-parti tagħha fis-suq, id-daqs tagħha u l-fatturat tagħha.

145   Ir-rikorrenti tfakkar li l-linji gwida jipprevedu l-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji u, għaldaqstant, li jiġi applikat trattatament differenzjali għall-impriżi kkonċernati skond in-natura tal-ksur li huma akkużati bih. Hekk kif indikat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq (punt 78), ikun, barra minn hekk, "neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta' dawk li kkommettew il-ksur li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-operaturi l-oħra, b'mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiddetermina l-ammont ta' l-ammenda fuq livell li jiżgura natura dissważiva biżżejjed [punt 1 A, ir-raba' paragrafu (tal-linji gwida)]". Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ukoll li, fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji msemmija hawn fuq, jkun aħjar li "jiġi mwieżen […] l-ammont iddeterminat, sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, ta' l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta' kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fejn hemm differenza konsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li kkommettew ksur ta' l-istess natura u li jiġi adattat konsegwentement l-ammont ta' tluq ġenerali skond il-karattru speċifiku ta' kull impriża approvata [punt 1 A, is-sitt paragrafu (tal-linji gwida)]". Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fl-istess kawża, li l-partijiet tas-suq miżmuma minn impriża huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza tagħha li setgħet teżerċita fuq is-suq, imma li ma jistgħux ikunu determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartieni għal entità ekonomika qawwija (sentenza Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punt 88 ; sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139). Ir-rikorrenti tgħid li, fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni li ssir taf jekk kienx hemm differenza konsiderevoli bejn l-impriżi li kienu pparteċipaw fil-ksur u naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni b'mod xieraq id-daqs u s-setgħa ekonomika ta' l-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, ta' l-influwenza tagħhom fuq is-suq. Il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-istess tip ta' ksur kellu jwassal lill-Kummissjoni biex timponi fuq l-impriżi kkonċernati ammendi ta' ammont differenti.

146   Ir-rikorrenti tqis li, kieku l-Kummissjoni kienet użat b'mod korrett il-"marġni ta' evalwazzjoni wiesgħa" tagħha, hi kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi li kienu jiġġustifikaw ammenda anqas għolja fir-rigward tagħha. Hi tindika li jirriżulta, per eżempju, mis-sentenza tal-Qorti tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825), għal liema tagħmel riferenza l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li din ta' l-aħħar għandha, sabiex tevalwa l-gravità ta' ksur, tieħu in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-volum u l-valur tal-merkanziji li huma s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-setgħa ekonomika ta' l-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li l-imsemmija impriża setgħet teżerċita fuq is-suq (punt 120). Ir-rikorrenti terġa' tgħid li hi ma kellhiex fil-fatt is-setgħa li timponi l-prezzijiet miftiehma fi ħdan l-akkordju. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet dgħajfa meta mqabbla ma' dik ta' l-impriżi l-oħra kkonċernati. Fil-fatt l-influwenza li hi setgħet teżerċita fuq is-suq kienet inqas mhux ħażin mill-parti tas-suq li tintuża bħala bażi għall-kalkolu ta' l-ammenda mill-Kummissjoni.

147   Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. B'mod partikolari hi tgħid li din ta' l-aħħar ma ssemmix il-fatt li l-ammenda li ġiet imposta fuqha hi, bil-wisq, l-anqas għolja. Din l-ammenda hi għaxar darbiet inqas minn dik imposta fuq Heubach, meta fil-fatt iż-żewġ impriżi kellhom partijiet simili fis-suq u teoretikament kellhom jieħdu l-istess vantaġġ mill-akkordju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

148   Ir-rikorrenti tgħid, fis-sustanza, li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni d-daqs tagħha u r-responsabbilità propja tagħha meta ffissat l-ammont ta' l-ammendi u li hi, għaldaqstant, kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità. Għandu wkoll jiġi eżaminat, f'dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-piż relattiv ta' l-impriżi fl-applikazzjoni tat-trattament differenzjali u lanqas tal-kapaċità effettiva tar-rikorrenti li tagħmel ħsara (ara punt 107 iktar 'il fuq).

149   L-ewwelnett, għandu jiġi mfakkar, min-naħa, li l-unika riferenza espliċita għal-fatturat li tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tirrigwarda l-limitu massimu li l-ammont ta' ammenda ma jistax jaqbeż u, min-naħa l-oħra, li dan il-limitu hu maħsub bħala relattiv għall-fatturat globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar 'il fuq, punt 119). Biex tosserva dan il-limitu, il-Kummissjoni tista', bħala regola, tiffissa l-ammenda billi tibda mill-fatturat li tagħżel hi, skond il-bażi ġeografika u l-prodotti kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 5023), mingħajr ma tkun obbligata li tadotta eżattament il-fatturat globali jew dak miksub fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni. Fl-aħħarnett, jekk il-linji gwida ma jipprevedux il-kalkolu ta' l-ammendi skond fatturat determinat, huma lanqas ma jimpedixxu li tali fatturat jittieħed in kunsiderazzjoni, sakemm l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ma tkunx difettuża minħabba żball ċar ta' evalwazzjoni (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar 'il fuq, punt 195).

150   Fil-każ in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jintuża trattament differenzjali għall-impriżi sabiex tiġi meħuda in kunsiderazzjoni l-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetizzjoni, kif ukoll sabiex tiffissa l-ammenda fuq livell li jassigura effett dissważiv biżżejjed" (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Hi żiedet li kien neċessarju li "jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż partikulari ta' kull impriża, u għalhekk ta' l-effett reali ta' l-aġir illeċitu tagħha fuq il-kompetizzjoni". Għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturat miksub mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu standard fiż-ŻEE matul l-aħħar sena tal-ksur. Hi osservat li r-rikorrenti kienet waħda mill-produtturi ewlenin tal-fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, minħabba li kellha f'idejha parti mis-suq ta' madwar 20%, u għalhekk ikklassifikata fl-ewwel kategorija (premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont ta' tluq ta' l-ammenda ġie ffissat, għall-impriżi kollha ta' l-ewwel kategorija, għal 3 miljun EUR. L-ammont ta' tluq ta' James Brown, li kellu parti mis-suq ta' madwar 5%, ġie ffissat għal 750 000 EUR.

151   Minkejja li l-Kummissjoni kienet qabblet l-importanza relattiva ta' l-impriżi kkonċernati fuq il-bażi tal-fatturat miksub mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, hi għamlet riferenza ukoll għall-partijiet tas-suq ta' l-impriżi fuq is-suq in kwistjoni sabiex tikklassifikahom f'żewġ kategoriji differenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ffissat il-partijiet tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati billi bbażat ruħha, min-naħa, fuq il-fatturat miksub fuq is-suq in kwistjoni indikati fil-lista li tidher fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fuq t-tagħrif li jinsab fil-proċess. Il-fatt jekk dan il-metodu huwiex fondat ma ġiet ikkontestat mir-rikorrenti.

152   Fl-eżami tal-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetizzjoni", li tinvolvi evalwazzjoni ta' l-importanza reali ta' dawn l-impriżi fuq is-suq ikkonċernat, jiġifieri l-influwenza tagħhom fuqu, il-fatturat globali ma jurix ħlief stampa inkompleta ta' l-affarijiet. Fil-fatt ma jistax jiġi eskluż li impriża qawwija li jkollha numru kbir ta' attivitajiet differenti ma tkunx preżenti ħlief inċidentalment fuq is-suq speċifiku tal-prodotti. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti fuq suq ġeografiku extra-Komunitarju ma jkollhiex ħlief pożizzjoni dgħajfa fuq is-suq Komunitarju jew taż-ŻEE. F'każijiet bħal dawn il-fatt waħdani li l-impriża kkonċernata tikseb fatturat globali konsiderevoli mhux bilfors ifisser li hi teżerċita influwenza determinanti fuq is-suq affettwat. Hu għalhekk li l-Qorti enfassizzat, fis-sentenza tagħha Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar 'il fuq (punt 139), li, jekk hu minnu li l-partijiet tas-suq miżmuma minn impriża mhumiex determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartieni għal entità ekonomika qawwija, huma min-naħa l-oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (ara sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar 'il fuq, punt 193). Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat kemm il-parti tas-suq kif ukoll il-fatturat ta' l-impriżi in kwistjoni fuq is-suq affettwat, li ppermettew li tiġi ddeterminata l-importanza relattiva ta' kull impriża fuq is-suq in kwistjoni.

153   Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni fl-eżami tagħha tal-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja", fis-sens tar-raba' paragrafu ta' punt 1 A tal-linji gwida.

154   Barra minn hekk, jirriżulta minn tqabbil tal-fatturat miksub fuq is-suq mill-impriżi li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija u indikat fil-lista li tidher fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa ġust li dawn l-impriżi ġew imqiegħda fi gruppi u li ġew imposti ammont ta' tluq speċifiku identiku. Fil-fatt, ir-rikorrenti kisbet, fl-1998, fatturat fuq is-suq ikkonċernat fiż-ŻEE ta' 3.2 miljun EUR. Heubach, Trident u s-SNCZ kienu kisbu fatturat ta' 3.7, ta' 3.69, u ta' 3.9 miljun EUR rispettivament. Britannia, li kienet waqfet teżerċita kull attività ekonomika fl-1998, kienet kisbet, fl-1996, fatturat fuq is-suq ikkonċernat fiż-ŻEE ta' 2.78 miljun EUR.

155   Madankollu xorta jibqa' l-fatt li t-tqassim skond kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju fit-trattament ugwali li jgħid li huwa pprojbit li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, iktar 'il quddiem is-"sentenza FETTCSA", punt 406). F'din l-istess perspettiva, il-linji gwida jipprovdu, fis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tagħhom li differenza "konsiderevoli" fid-daqs ta' l-impriżi li jikkommettu ksur ta' l-istess natura hi, b'mod partikolari, ta' natura li tiġġustifika li jsir differenzjar għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.(traduzzjoni mhux uffiċjali) Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, l-ammont ta' l-ammendi għandu, ta' l-inqas, jkun proporzjonat skond l-elementi li jittieħdu in kunsiderazzjoni biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 106).

156   Għaldaqstant, ladarba l-Kummissjoni qassmet l-impriżi kkonċernati f'kategoriji għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi, l-iffissar tal-limiti għal kull waħda mill-kategoriji hekk identifikati għandu jkun koerenti u oġġettivament ġustifikat (sentenzi FETTCSA, punt 416, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar 'il fuq, punt 298).

157   Ċertament, fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti, minkejja li ma kisbitx ħlief fatturat globali ta' 7 miljun EUR fis-sena 2000, ġiet ikklassifikata fl-istess grupp ta' Britannia, Heubach, Trident u s-SNCZ li kellhom rispettivament fatturat globali ta' 55.7, ta' 71, ta' 76 u ta' 17-il miljun EUR. Madankollu, ma jistax jiġi inferit ksur la tal-prinċipju ta' proporzjonalità u lanqas tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Kif imfisser fil-punti 150 u 151 iktar 'il fuq, dawn l-impriżi differenti ġew imqiegħda fi gruppi għax kellhom fatturat fuq is-suq ikkonċernat u partijiet tas-suq li kienu simili ħafna. Kien koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-impriżi jiġu mqiegħda fi gruppi fuq din il-bażi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li d-differenza fid-daqs tar-rikorrenti meta mqabbla ma' dawk ta' l-impriżi l-oħra in kwistjoni ma kinitx daqstant konsiderevoli li kellha tiġi kklassifikata fi grupp differenti (ara, f'dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, T-230/000, Ġabra p. II-2733, punti 69 sa 77).

158   Għandu jingħad, sussidjarjament, li, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, ġie kkunsidrat biżżejjed il-fatturat globali tar-rikorrenti fl-applikazzjoni tal-limitu ta' 10% previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hekk kif ġie indikat fil-punti 16 u 17 iktar 'il fuq, l-ammont ta' l-ammenda tar-rikorrenti ġie mnaqqas għal 700 000 EUR sabiex dan il-limitu jiġi rispettat, qabel ma reġa' ġie mnaqqas għal 350 000 EUR għal kooperazzjoni. Il-limitu ta' 10% hu intiż sabiex jiġi evitat li l-ammendi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-importanza ta' l-impriża (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar 'il fuq, punt 119). L-applikazzjoni ta' dan il-limitu massimu fil-każ in kwistjoni assigura li l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti tkun proporzjonata mad-daqs tagħha. Meta wieħed jikkunsidra l-karattru serju ħafna tal-ksur kif ukoll l-fatt li dan il-ksur dam għal aktar minn erba' snin, l-ammont ta' l-ammenda kellu jkun ħafna aktar għoli li kieku r-rikorrenti ma kinitx impriża żgħira u li kieku ma kinitx ibbenefikat mil-limitu ta' 10 %.

159   Ir-rikorrenti ssostni li, meta mqabbla ma' l-impriżi l-oħra kkonċernati, l-ammenda tagħha mhijiex proporzjonata mad-daqs tagħha. Issa, l-Kummissjoni mhijiex fl-obbligu li tikkalkula l-ammont ta' l-ammenda billi tibda minn ammonti bbażati fuq il-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, hi m'għandhiex l-obbligu li tassigura, meta l-ammendi huma imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali ta' l-ammendi li tkun waslet għalihom għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom rigward il-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat tagħhom fuq is-suq tal-prodott in kwistjoni (sentenza Dansk Røindustri vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, punt 202).

160   Rigward l-argument tar-rikorrenti li, wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hi bbenefikat minn tnaqqis ta' 50 % u Heubach minn tnaqqis ta' 10 %, li jindika li din ta' l-aħħar ġiet issanzjonata b'mod aktar ħarex, fil-proporzjon ta' 80 %, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni m'għandhiex l-obbligu li tiddetermina l-ammont ta' l-ammendi skond tnaqqis li hi kkonċediet fil-kuntest tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

161   L-argumentazzjoni tar-rikorrenti li l-ammont bażi huwa aktar minn 60 % tal-fatturat globali tagħha mhuwiex rilevanti. Il-limitu massimu impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, billi jimponi li l-ammenda li tiġi fl-aħħar imposta fuq impriża tkun imnaqqsa fil-każ li tkun aktar minn 10 % tal-fatturat tagħha, ikunu x'ikunu l-operazzjonijiet ta' kalkolu intermedjarji maħsubin biex jieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni li tirreferi, matul il-kalkolu tagħha, għal ammont intermedjarju li hu aktar minn 10 % tal-fatturat ta' l-impriża kkonċernata, sakemm l-ammenda li fl-aħħar tiġi imposta fuq din l-impriża ma taqbiżx dan il-limitu (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, punt 205).

162   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fit-trattament ugwali u ta' proporzjonalità u li ma kkunsidratx il-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi, fis-sens li r-rikorrenti ġiet issanzjonata b'mod aktar ħarex mill-"membri taċ-ċirku ristrett". Madankollu, bħalma huwa indikat f'punt 88 iktar 'il fuq, l-eżistenza ta' l-allegat "ċirku ristrett" mhijiex stabbilita.

163   Barra minn hekk, għandu jingħad li r-rikorrenti ma wrietx li l-aġir tagħha kien "inqas serju" minn dik ta' l-impriżi l-oħra kkonċernati.

164   Fl-aħħarnett, għandu jiġi nnutat, rigward il-prinċipju ta' trattament ugwali, fid-dawl ta' dak li ntqal, li l-applikazzjoni tal-linji gwida fil-każ in kwistjoni ppermettiet li jiġi assigurat li ż-żewġ partijiet tal-prinċipju jiġu rrispettati. Min-naħa, l-impriżi kollha kkonċernati kellhom responsabbilità komuni u simili fis-sens li huma kollha pparteċipaw fi ksur serju ħafna. Fil-fatt, fil-bidu din ir-responsabbilità kienet evalwata skond l-elementi tal-ksur innifsu bħalma huma n-natura tiegħu u l-impatt tiegħu fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, sussegwentement il-Kummissjoni adattat din l-evalwazzjoni skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull impriża kkonċernata, fosthom id-daqs u l-kapaċitajiet tagħha, it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tagħha u l-kooperazzjoni tagħha.

165   Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt parti, dwar l-inutilità li turi lilha nfisha aktar dissważiva u l-impossibilità li l-ammenda titħallas

 L-argumenti tal-partijiet

166   Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali kif ukoll tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali billi ma kkunsidratx il-fatt li ma kienx hemm raġuni għal liema kellha turi lilha nfisha aktar dissważiva u li hi ma kellhiex mezzi biex tħallas l-ammenda

167   L-ewwelnett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali peress illi ma eżaminatx l-opportunità ta' miżuri ta' dissważjoni anqas ħorox. Hekk kif għamlet f'kawżi oħra, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-parti tas-suq tar-rikorrenti, imma wkoll "id-daqs ġenerali tagħha, sabiex tiggarantixxi li s-sanzjoni tkun proporzjonata u dissważiva" [Deċiżjoni 2002/742/KE tal-Kummissjoni, tal-5 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/36.604 – Aċtu ċitriku) (ĠU L 239, p. 18)]. Ir-rikorrenti tfakkar li hi rtirat mill-akkordju fl-1995, li hi temmet immedjatament il-ksur malli l-Kummissjoni interveniet u li hi kienet l-ewwel waħda li kkooperat ma' din ta' l-aħħar waqt l-investigazzjonijiet. Wara din l-esperjenza li swietilha ħafna, ir-rikorrenti kellha intenzjoni serja li tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni u jkun għaldaqstant inutli li miżuri ta' dissważjoni ħorox jiġu meħuda. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni setgħet, f'dak li jikkonċernaha, bir-raġun tikkunsidra li ma timponilhiex ħlief ammenda simbolika. Hi ssostni li, konsegwentement, l-ammenda għandha tiġi mnaqqsa. Hi taħseb li batiet l-ispejjeż tar-rieda tal-Kummissjoni li xxerred il-messaġġ rifless mill-komunikat stampa tal-Kummissjoni (IP/01/1797), li l-impriżi żgħar u ta' daqs medju ma għandhomx ikollhom l-illużjoni li d-daqs tagħhom iħallihom jibbenefikaw minn trattament preferenzjali f'dak li jikkonċerna l-ammendi.

168   It-tieninett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta' kontribuzzjoni reali skond punt 5(b) tal-linji gwida u skond il-ġurisprudenza (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar 'il fuq, punt 308). Hi tallega li tinsab f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja ħafna. Li kieku kellha tħallas l-ammenda, il-possibilità li terġa' tistabbilixxi ruħha u li terġa' ssib pożizzjoni ta' kompetizzjoni fuq is-suq tkun fil-periklu.

169   Il-Kummissjoni ammettiet, fir-risposta tagħha, li, bi tweġiba għat-talbiet min-naħa tagħha, ir-rikorrenti "[kienet] bagħtitilha rapporti finanzjarji li juru sitwazzjoni finanzjarja ħażina". Madankollu, il-Kummissjoni, min-naħa, akkużat lir-rikorrenti li ma wrietx "tħassib fuq il-kapaċità tagħha li tħallas kwalunkwe ammenda" u, min-naħa l-oħra, qalet li hi ma setgħetx tevalwa l-kapaċità ta' ħlas reali tar-rikorrenti fin-nuqqas ta' kumment minn din ta' l-aħħar fuq dan. Ir-rikorrenti twieġeb li, meta l-Kummissjoni talbet tali dokumenti, hi ma talbithiex tagħtiha l-kummentarji tagħha fuq il-kapaċità tagħha li tħallas. Barra minn hekk, id-dgħjufija tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti u t-tentattivi tagħha li tnaqqas b'mod ġenerali l-ispejjeż minħabba din is-sitwazzjoni huma magħrufa sew mill-Kummissjoni. Per eżempju, fil-31 ta' Jannar 2001, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni t-traduzzjonijiet tal-kontijiet proviżorji għas-sena 2000, li kienu juru riżultat finali negattiv, qabel it-taxxa, ta' 417 100 EUR. B'ittra tal-31 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni tirringrazzja lir-rikorrenti tal-kontijiet annwali u assiguratha li "huma se jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni finali".

170   B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li tnaqqis ta' l-ammenda tar-rikorrenti ġġustifikat mill-fatt li hi tinsab f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli jwassal biex jagħtiha vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat, ir-rikorrenti ssostni li din l-ipoteżi ma tqumx fil-każ in kwistjoni. Fil-fatt, is-suq tbiddel. Barra minn hekk, hi tgħid li l-propretarji tagħha u t-taqsimiet ta' tmexxija tbiddlu u li l-propjetarji u d-diriġenti l-ġodda, li mhumiex aktar imxekkla minn irbit ta' familja, huma f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u r-ristrutturar ta' l-impriża li kienu jitqiesu bħala impossibli mill-propjetarji u d-diriġenti ta' qabel.

171   Il-Kummissjoni tikkontesta l-validità ta' l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Hi tgħid, f'dan ir-rigward, li din ta' l-aħħar ma tagħmel ebda riferenza għall-inkapaċità li tħallas f'"kuntest soċjali partikolari" fis-sens tal-linji gwida u li lanqas ipprovdiet tagħrif fuq il-grad ta' profitt ta' l-impriża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma wriet tħassib fuq il-kapaċità tagħha li tħallas kwalunkwe ammenda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

172   Dwar, l-ewwelnett, il-karattru dissważiv ta' l-ammenda, għandu jingħad li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu bħala għan li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi ammendi sabiex jippermettielha twettaq il-missjoni ta' sorveljanza li hu mogħti lilha mid-dritt Komunitarju (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 146 iktar 'il fuq, punt 105, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar 'il fuq, punt 105). Din il-missjoni tinkludi x-xogħol li twaqqaf il-ksur individwali u d-dmir li ssegwi politikà ġenerali li tipprova tapplika, fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-prinċipji ffissati mit-Trattat u torjenta f'dan is-sens l-aġir ta' l-impriżi. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tiżgura l-karattru dissważiv ta' l-ammendi (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 106 fuq, punti 105 u 106). Fil-fatt, il-karattru dissważiv ta' ammenda imposta minħabba ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-Komunità ma jistax jiġi ddeterminat jekk mhux skond is-sitwazzjoni partikolari ta' l-impriża kkundannata (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar 'il fuq, punt 110 ; ara, wkoll, sentenza tal-Qorti tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 170 sa 174).

173   Fil-każ in kwistjoni, l-ammenda ta' 350 000 EUR imposta fuq ir-rikorrenti tirrapreżenta biss 4.9 % tal-fatturat tagħha. Tali ammenda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproprorzjonata meta mqabbla mad-daqs tar-rikorrenti u lanqas meta mqabbla man-natura tal-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilietx kwalunkwe ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'dan ir-rigward (ara punti 149 sa 165 iktar 'il fuq).

174   Barra minn hekk, dwar l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni kellha timponielha ammenda "simbolika", hemm lok li jingħad li, skond punt 5(d), tal-linji gwida, il-Kummissjoni għandha "tirriserva bl-istess mod il-possibilità, f'ċerti każijiet, li timponi ammenda hekk imsejħa 'simbolika' ta' 1 000 [EUR], mingħajr ma tipproċedi għall-kalkolu li jinkiseb mit-tul ta' żmien, miċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti".(traduzzjoni mhux uffiċjali) Ir-rikorrenti ma wrietx kif ammenda simbolika kienet tkun iġġustifikata fil-każ in kwistjoni. Wara li jiġi kkunsidrat l-fatt li hi pparteċipat għal ksur serju ħafna għal aktar minn erba' snin, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li tali ġustifikazzjoni ma tistax tingħata ħlief diffiċilement. Il-kooperazzjoni tar-rikorrenti waqt il-proċedura ma tistax tiġġustifika tali ammenda. Bħalma huwa indikat f'punt 139 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti diġà bbenefikat mit-tnaqqis massimu ta' 50 % taħt paragrafu 1 ta' punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tkun konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix raġuni biżżejjed biex il-Kummissjoni tillimita ruħha li timponielha ammenda simbolika. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dissważjoni tat-terzi, u mhux biss ta' l-impriża kkonċernata, huwa għan importanti ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara l-ġurisprudenza ċċitata f'punt 172 iktar 'il fuq).

175   Rigward l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni mhijiex fl-obbligu, waqt id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, li żżomm kont tas-sitwazzjoni finanzjarja b'defiċit ta' impriża konċernata, minħabba li r-rikonoxximent ta' tali obbligu jwassal biex jiġi miksub vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar 'il fuq, punt 308 ; ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, u FETTCSA, punt 351, u l-ġurisprudenza ċċitata).

176   Din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi mqiegħda fid-dubju minn punt 5(b) tal-linji gwida, skond liema l-kapaċità kontributtiva reali ta' impriża għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, din il-kapaċità ma tidħolx ħlief fil-"kuntest soċjali partikolari" tagħha, ikkostitwita mill-konsegwenzi li l-ħlas ta' l-ammenda kellu, b'mod partikolari, fuq il-livell ta' żieda fil-qgħad jew ta' deterjorament tas-setturi ekonomiċi fil-linja 'l isfel u fil-linja 'l fuq ta' l-impriża kkonċernata (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 126 fuq, punt 371). Minkejja li r-rikorrenti kienet għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha waqt il-proċedura prekontenzjuża, hi ma kinitx invokat il-punt 5(b) tal-linji gwida u ma ġabet ebda element li jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-imsemmi "kuntest soċjali partikolari".

177   Barra minn hekk, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità Komunitarja ġġib il-falliment jew il-likwidazzjoni ta' impriża mhuwiex ipprojbit, bħala tali, mid-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-15 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14, u tat-2 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 38). Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta' impriża taħt is-sura ġuridika tagħha in kwistjoni, għalkemm tista' tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-propretarji, azzjonisti jew detenturi ta' ishma, ma tfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrapreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar 'il fuq, punt 372).

178   Sussidjarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilietx rabta ta' kawża u effett bejn, min-naħa, id-deċiżjoni kkontestata u l-impożizzjoni ta' l-ammenda u, min-naħa l-oħra, il-falliment tagħha. Jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kienet ġiet iddikjarata f'falliment fit-2 ta' Ġunju 2003, jiġifieri kważi 18-il xahar wara d-data tad-deċiżjoni kkontestata u sena wara l-ftehim li hi kienet għamlet mal-Kummissjoni skond liema hi kellha biss tħallas 50 000 EUR kull sitt xhur b'effett mill-1 ta' Lulju 2002 (ara digriet Waardals vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar 'il fuq). Minkejja d-domandi mressqa fuq dan is-suġġett mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma pprovdietx dettalji dwar in-natura tal-falliment tagħha, u lanqas dwar id-djun l-oħra tagħha li kellhom rwol f'dan il-falliment. Għaldaqstant mhuwiex stabbilit li l-ammenda imposta fil-każ in kwistjoni kellha bħala riżultat li twassal għall-falliment tar-rikorrenti.

179   Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-Kummissjoni kienet intrabtet li tnaqqas l-ammenda minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Il-Kummissjoni kkonstatat fl-ittra tagħha tal-31 ta' Jannar 2001 li hi kienet se tieħu in kunsiderazzjoni l-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena 2000 biex tiddetermina r-responsabbilità individwali tagħha. Dan ma kienx ifisser assolutament impenn fis-sens invokat mir-rikorrenti, imma aktar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-kontijiet annwali biex tiffissa l-limitu ta' 10 % previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

180   Fid-dawl ta' dak li ntqal, l-aħħar motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

181   Konsegwentement ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni ta' proċedura u miżuri istruttorji

182   Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex, taħt il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji, tħarrek u tisma' x-xhieda u tagħtiha aċċess għar-rapport tas-seduta ta-17 ta' Jannar 2001 stabbilit mill-Kummissjoni.

183   Il-Kummissjoni topponi din it-talba.

184   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li billi l-kawża ma fihiex punti ta' kontroversja dwar l-isvolġiment tal-fatti, m'hemmx lok li l-imsemmija talba tiġi milqugħha.

185   Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

186   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk jiġi dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati tħallas l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Novembru 2005

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       P. Lindh       

Werrej


Il-Fatti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

1.  1. Fuq l-ewwel motiv, bbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

Fuq l-ewwel parti, dwar it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u l-irtirar tagħha mill-akkordju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti, rigward l-iżbalji ta' evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova li jirrigwardaw ir-rikorrenti u r-rwol tagħha fl-akkordju

Fuq l-ewwel ilment, dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti mill-bidu ta' l-investigazzjonijiet

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni lment, dwar l-influwenza tar-rikorrenti fuq is-suq in kwistjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet ilment, dwar il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx waħda minn dawk li taw bidu għall-ksur-

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Fuq ir-raba' ilment, ibbażat fuq dak li r-rikorrenti ma kinitx membru sħiħ ta' l-akkordju

–  - L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti temmet immedjatament il-ksur

–  - L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kalkolu żbaljat ta' l-ammont ta' l-ammenda u fuq il-ksur ta' prinċipji ġenerali

Fuq l-ewwel parti, dwar il-gravità tal-ksur u t-trattament differenzjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti, dwar it-tul ta' żmien tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet parti, dwar l-applikazzjoni żbaljata ta' ċirkustanzi aggravanti u dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi attenwanti.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-raba' parti, dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ħames parti, bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq is-sitt parti, dwar l-inutilità li turi lilha nfisha aktar dissważiva u l-impossibilitŕ li l-ammenda titħallas

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talbiet għal miżuri ta' organizzazzjoni ta' proċedura u miżuri istruttorji

Fuq l-ispejjeż