Language of document : ECLI:EU:T:2005:432

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

30 ta' Novembru 2005(*)

"Trattat KEEA – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Fawrien ta' fossa ta' l-ilma mormi"

Fil-kawża T-250/02,

Autosalone Ispra Snc, stabbilita f'Ispra (l-Italja), irrappreżentata minn B. Casu, Avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, din ta' l-aħħar irrappreżentata minn E. de March, bħala aġent, assistit minn A. Dal Ferro, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għanda bħala suġġett talba magħmula sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 EA, għad-danni subiti minħabba l-fawrien ta' fossa ta' l-ilma mormi u, konsegwentement, sabiex din il-Komunità tiġi ordnata tagħmel tajjeb għall-imsemmija danni.

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 151 EA jipprovdi:

""Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni kif previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 [, EA]"

2       It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 EA jipprovdi:

"F'dak li għand[u] x'[j]aqsam [mar-]responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Komunità għandha, bi qbil mal-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, tħallas kumpens għal […] ħsara kkawżata mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom."

3       L-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-Enerġija Atomika għat-twaqqif ta' Ċentru Konġunt ta' Riċerka Nukleari b'kompetenza ġenerali (iktar 'il quddiem "iċ-Ċentru"), iffirmat f'Ruma fit-22 ta' Lulju 1959 (iktar 'il quddiem "il-Ftehim JRC"), implimentat fl-Italja permezz tal-Liġi Nru 906 ta' l-1 ta' Awissu 1960 (GURI Nru 212, tal-31 ta' Awissu 1960, p. 3330), jipprovdi :

"Il-Gvern Taljan għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika ċ-Ċentru ta' Studji Nukleari ta' Ispra, kif ukoll l-art ta' madwar 160 ettaru li fuqha huwa mibni, għall-perijodu ta' disa' u disgħin sena li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim, b'kera annwali simbolika ta' unità ta' kont 1 (waħda) tal-Ftehim Monetarju Ewropew (FME)"

4       L-Artikolu 1 ta' l-anness F tal-ftehim JRC jipprovdi:

"1. L-invjolabbiltà, l-eżenzjoni minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni, kif ukoll l-immunità minn kull miżura restrittiva, kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom japplikaw għaċ-Ċentru [...]"

5       L-Artikolu 3 ta' l-Anness F tal-ftehim JRC jipprovdi:

" 1.      L-awtoritajiet Taljani kompetenti għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jużaw il-poteri rispettivi tagħhom sabiex jassiguraw liċ-Ċentru l-fornitura tas-servizzi pubbliċi kollha meħtieġa. F'każ ta' interruzzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-imsemmija servizzi, l-awtoritajiet Taljani għandhom jagħmlu kulma jistgħu sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet taċ-Ċentru, b'tali mod li l-funzjonament tiegħu ma jiġix danneġġat.

2.      Meta s-servizzi jkunu pprovduti mill-awtoritajiet Taljani jew minn entitajiet ikkontrollati minn dawn ta' l-aħħar, iċ-Ċentru għandu jibbenefika minn rati speċjali [...] F'każ li l-imsemmija servizzi jkunu mogħtija minn kumpanniji jew organizazzjonijiet privati, l-awtoritajiet Taljani għandhom joffru l-għajnuna tagħhom sabiex il-kundizzjonijiet li fihom jiġu offruti dawn is-servizzi jkunu l-iktar favorevoli possibbli.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-rappreżentanti kwalifikati, debitament rikonoxxuti minnha, tad-dipartimenti responsabbli għas-servizzi pubbliċi kkonċernati jkunu jistgħu jispezzjonaw, isewwu u jagħmlu manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet korrispondenti ġewwa ċ-Ċentru."

6       L-Artikolu 16(1) ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC jipprovdi b'mod partikolari :

"Il-Gvern jista' jitlob [...] li jiġi infurmat bil-miżuri u bid-dispożizzjonijiet meħuda fiċ-Ċentru kwantu għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tan-nirien u l-periklu li jirriżulta mir-radjazzjonijiet jonizzanti."

7       L-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom ta' l-10 ta' April 1996, dwar l-organizazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt (ĠU L 107, p. 12), jipprovdi:

"Id-Direttur Ġenerali [taċ-Ċentru] għandu, f-isem il-Kummissjoni, jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tkun assigurata s-sigurta ta' persuni u installazzjonijiet li għalihom huwa jkun responsabbli".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8       Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-proprjetà tar-rikorrenti tinsab fit-territorju tal-Komun ta' Ispra u li din il-proprjetà tikkonfina ma' fossa ta' l-ilma mormi li, f'dak il-post, hija magħmula minn żewġ katusi b'dijametru ta' 80 ċm mirdumin fl-art ta' taħt it-triq pubblika (ikter 'il quddiem "l-ewwel parti tal-fossa".)

9       Wara li tgħaddi maġemb il-proprjetà tar-rikorrenti, il-fossa tkompli fuq biċċa art li tappartieni lill-Ferrovie dello Stata (il-ferroviji ta' l-Istat Taljan). Din il-parti tal-fossa (iktar 'il quddiem "it-tieni parti tal-fossa") hija magħmula minn passaġġ taħt l-art bil-ħnejjiet li fiħ jaqa' l-ilma ta' l-ewwel parti, hekk kif jirriżulta mill-pjanta tal-parti l-wieqfa tal-fossa (iktar 'il quddiem "il-pjanta"), li ġiet annessa mir-rikorrenti mar-rikors u li l-Kummissjoni ma kkontestatx li din tirriproduċi, b'mod skematiku, ir-realtà. Mill-pjanta jirriżulta wkoll li din it-tieni parti hija separata mit-triq pubblika, li taħtha tinsab l-ewwel parti, biss minn sprall.

10     Mill-pjanta jirriżulta wkoll li, wara t-tieni parti, il-fossa tkompli fuq l-art imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Komunità skond l-Artikolu 1 tal-Ftehim JRC (iktar 'il quddiem "it-tielet parti tal-fossa") u li hija magħmula, fuq din il-biċċa art, minn katusi b'dijametru ta' 100 ċm.

11     Il-pjanta turi wkoll li l-art imqiegħda għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru taqleb kemmxejn fuq il-biċċa art li tappartieni lill-Ferrovie dello Stato li fiha tinsab it-tieni parti tal-fossa. Dan jirriżulta wkoll mis-sinjali fuq il-mappa taż-żona, li jindikaw l-altitudni, annessa kemm mill-Kummissjoni, kif ukoll mir-rikorrenti ma' l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

12     Madankollu, matul is-seduta, il-perit tal-Kummissjoni indika, essenzjalment, li l-qlib ta' l-art ma kienx jaffettwa l-qlib ġenerali tal-fossa peress li din kienet mirduma taħt l-art. Huwa indika wkoll li l-ilma tal-fossa kien joħroġ mill-ewwel parti, jgħaddi għat-tieni parti u wara għat-tielet parti. Ir-rikorrenti nfisha kkonfermat din l-affermazzjoni meta sostniet espressament, matul is-seduta, li skond hi, it-tielet parti tal-fossa ma kellhiex il-kapaċità biżżejjed sabiex tassorbi l-ilmijiet kollha tat-tieni parti tal-fossa. Għalhekk mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-ewwel parti kienet fuq ir-riħ tat-tieni parti u li din min-naħa tagħha kienet fuq ir-riħ tat-tielet parti.

13     Il-partijiet jaqblu wkoll li, sa' l-1990, sena li fiha d-dipartimenti tekniċi taċ-Ċentru wettqu xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa, din il-parti kienet tikkonsisti, fil-biċċa ta' fuq, minn katusi miftuħa (iktar 'il quddiem "l-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa") u, fil-biċċa ta' isfel, f'katusi magħluqa b'dijametru ta' 100 ċm (iktar 'il quddiem "it-tieni biċċa tat-tielet parti tal-fossa"). Matul ix-xogħol li twettaq fl-1990, il-katusi miftuħa ta' l-ewwel biċċa tat-tielet parti ġew sostitwiti b'katusi magħluqa b'dijametru ta' 100 ċm. Konsegwentement, wara dawn ix-xogħlijiet, it-tielet parti tal-fossa kienet tikkonsisti, għal tulha kollu, minn katusi magħluqa b'dijametru ta' 100 cm.

14     Il-fossa in kwistjoni tilqa' fiha l-ilma ta' l-art li fuqha jinsab iċ-Ċentru u parti mill-ilma mormi li jkun ġej mid-dranaġġ tal-belt ta' Ispra.

15     F'Ġunju ta' l-1992, il-belt ta' Ispra għaddiet minn maltempata qawwija li kkawżat għargħar f'diversi postijiet, fosthom, b'mod partikolari, fil-proprjetà tar-rikorenti.

16     Fl-1992, il-Komun ta' Ispra bidel is-sistema tad-dranaġġ fuq it-territorju tiegħu. Għalhekk, minn ittra tas-7 ta' Ottubru 1992 mibgħuta mis-sindku ta' Ispra lid-dipartiment ta' l-infrastruttura taċ-Ċentru, jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra kienet iddeċidiet li ddawwar parti mill-ilma mormi li jkun ġej mit-territorju tal-Komun għal ġewwa l-fossa in kwistjoni. Sabiex iwettaq ix-xogħlijiet fuq l-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru, il-Komun ta' Ispra talab lill-imsemmi dipartiment iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komun gaffa u operatur għaliha. Fl-istess ittra, is-sindku ta' Ispra kien ippreċiża li tali intervent kien inizjattiva indipendenti ta' l-amministrazzjoni Komunali, li kienet qiegħda tieħu r-responsabbiltà kollha.

17     Fit-3 ta' Mejju 2002, il-Belt ta' Ispra ntlaqtet minn maltempata vjolenti b'xita torrenzjali u l-istabbiliment tar-rikorrenti ġie mgħargħar wara li faret il-fossa. Fl-istess jum, il-pulizija ta' l-għassa ta' Angera, diversi funzjonarji tad-dipartimenti tekniċi tal-Komun ta' Ispra u funzjonarji taċ-Ċentru, fosthom id-direttur, marru fuq il-post u kkonstataw id-daqs u l-firxa ta' l-għargħar kif ukoll il-ħsara viżibbli kkawżata minnu.

18     B'ittra tad-19 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti stiednet lill-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra, lill-Ferrovie dello Stato u lill-Kummissjoni sabiex issir inkjesta fuq il-post u/jew perizja sabiex jiġu stabbiliti, bonarjament, il-kawżi ta' l-għargħar tat-3 ta' Mejju 2002 u r-relativi responsabbiltajiet. B'risposta għal din l-ittra, l-avukat tal-Kummissjoni, b'ittra tas-17 ta' Ġunju 2002, għarraf lill-avukat tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet qiegħda tikkontesta r-responsabbiltà tal-Komunità u li kienet qiegħda tirrifjuta li ssir kwalunkwe inkjesta fuq il-biċċa art taċ-Ċentru.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

19     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Awissu 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

20     Wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fl-ambitu tal-miżuri ta' organiżazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u stednithom jirrisponduhom qabel is-seduta. Il-partijiet irrispondew dawn il-mistoqsijiet fit-termini preskritti.

21     Matul s-seduta tas-26 ta' Ottubru 2004 il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom u rrispondew il-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim'Istanza.

22     Waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni tressaq kull dokument li seta' jistabbilixxi l-identità ta' l-entita li fuq talba tagħha d-dipartimenti tekniċi taċ-Ċentru għamlu x-xogħlijiet fuq l-ewwel biċċa tat-tielet parti fl-1990. Il-Kummissjoni ressqet ċerti dokumenti fit-termini preskritti. Fuq l-istedina tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tippreżenta l-eventwali osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti mressqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-termini preskritti.

23     Il-proċedura orali ngħalqet fid-19 ta' April 2005.

24     Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali esklużiva u/jew konġunta u/jew in solidum tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika;

–       tordna lil din il-Komunità tagħmel tajjeb għad-danni subiti jew li għad iridu jseħħu għal ammont li jiġi stabbilit matul il-kawża u li f'kull każ ikun raġonevoli;

–       tordna l-miżuri istruttorji li ġejjin:

–       il-ġbir ta' informazzjoni mingħand id-direttur u l-aġenti taċ-Ċentru u, eventwalment, mingħand l-awtoritajiet Taljani li intervjenew fuq il-post;

–       il-provi permezz tax-xhieda, bir-riserva espressa tad-dritt li l-ismijiet tax-xhieda jkunu indikati iktar 'il quddiem;

–       aċċess u/jew perizja kif ukoll kull miżura istruttorja oħra li tiġi meqjusa xierqa sabiex tkun stabbilita l-verità ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fosthom id-danni kollha, pekunjarji jew le, subiti jew li għad iridu jseħħu wara l-fatti in kwistjoni;

–       tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

25     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad it-talbiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-miżuri istruttorji;

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew mhux fondat;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

26     B'risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti indikat, matul is-seduta, li, permezz ta' l-ewwel talba tagħha hija riedet fil-verità titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità biss.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

27     Mingħajr ma tqajjem l-eċċezzjoni ta' l-inammissibbiltà b'att separat, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors għar-raġuni li dan ta' l-aħħar ma jissodisfax il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 44(1), tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li rikors għandu b'mod partikolari jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa.

28     Skond il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-indikazzjonijiet li jinsabu f'rikors għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn, mingħajr is-sostenn ta' informazzjoni oħra. Il-ġurisprudenza tistabbilixxi ukoll li l-ammissibbiltà ta' rikors tiddependi fuq il-kundizzjoni li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom dan huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas sommarjament, iżda b'mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Novembru 1996, Syndicat des producteurs de viande bovine et vs il-Kummissjoni, T-53/96, Ġabra p. II-1579, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jissodisfa dawn il-ħtiġiet, rikors intiż għall-kumpens tad-danni allegatament kawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir ta' l-istituzzjoni li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li jeżisti ness ta' kawżalità bejn l-aġir u d-danni allegatament subiti, kif ukoll ix-xorta u l-firxa ta' dan id-dannu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ġunju 2000, Camar u Tico vs il-Kummissjoni u l-Kunsill, T-79/96, T-260/97 u T-117/98, Ġabra p. II-2193, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata.

29     Fil-każ in eżami, l-atti tar-rikorrenti huma totalment neqsin mill-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li ma kienx possibbli għaliha li tifhem, mill-atti tar-rikorrenti, x'kien l-aġir taċ-Ċentru li kien qed jiġi kkontestat. Dan in-nuqqas ta' preċiżjoni u dawn il-lakuni ma jippermettux lill-Kummissjoni li, b'mod xieraq, tipprepara d-difiża tagħha u lanqas ma jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq il-fatti tal-kawża.

30     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-atti tar-rikorrenti ma fihom ebda prova li d-danni allegati kienu effettivament subiti, u lanqas ma fihom stima provviżorja ta' dawn id-danni.

31     Fl-aħħarnett, kulma tagħmel ir-rikorrenti hu li tikkollega b'mod ġenerali l-għargħar ta' l-istabbiliment tagħha u l-fawrien tal-fossa kkonċernata mingħajr ma tagħti l-inqas spjegazzjoni ta' kif seħħ dan l-avveniment u mingħajr ma tagħti informazzjoni fuq ir-raġunijiet li wassluha sabiex tillokalizza l-oriġni tal-fawrien eżattament fit-tielet parti tal-fossa.

32     Il-Kummissjoni żżid li l-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti ma jistgħux itaffu n-nuqqas ta' preċiżjoni ta' l-atti ta' din ta' l-aħħar.

33     Ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, li s-suġġett tal-kawża u s-sunt tar-raġunijiet kienu debitament indikati fl-atti tagħha u li, għaldaqstant, ir-rikors kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija żżid li hija ma kinitx fl-obbligu li tagħti spjegazzjonijiet tekniċi dwar l-avveniment li tiegħu kienet vittma. Min-naħa l-oħra, hija tosserva, essenzjalment, li l-miżuri istruttorji li ntalbu lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-verità ta' l-allegazzjonijiet tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

34     Skond l-Artikolu 44 (1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa.

35     Din il-ħtieġa kienet indikata b'mod ċar mill-ġurisprudenża msemmija mill-Kummissjoni fil-punt 28 iktar 'il fuq.

36     Fil-każ in eżami, mir-rikors jirriżulta b'mod ċar biżżejjed li, essenzjalment, l-aġir tal-Kummissjoni li r-rikorrenti qed tikkontesta jikkonsisti, minn naħa waħda, milli ċaħditilha l-aċċess għat-tielet parti tal-fossa sabiex b'hekk tiddetermina l-istat tagħha u tistabbilixxi l-kawża tal-fawrien tal-fossa u, min-naħa l-oħra, milli naqset milli tagħmel il-manutenzjoni u x-xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa sabiex tilqa' għal jew tevita l-fawrien.

37     Madankollu, f'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, iċ-ċaħda ta' aċċess għat-tielet parti tal-fossa, fin-nuqqas ta' kull allegazzjoni ta' dannu u ta' kull talba għall-kumpens marbutin ma' din iċ-ċaħda, l-ilment ibbażat fuq din iċ-ċaħda għandu jiġi assimilat mat-talba għal miżuri istruttorji li tirrigwarda t-twettiq ta' aċċess. Għalhekk, din l-allegazzjoni għanda tiġi eżaminata fil-kuntest ta' l-eżami tal-miżuri istruttorji mitluba (ara l-punti 99 u 100 iktar 'il quddiem).

38     F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegat nuqqas ta' manutenzjoni u xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa, ir-rikorrenti fir-rikors tagħha tosserva li din l-ommissjoni hija l-kawża ta' l-għargħar tal-proprjetà tagħha u hija titlob kumpens għad-danni kkawżati f'diversi partijiet ta' l-istabbiliment tagħha u tal-beni li hija sommarjament tidentifika fir-rikors. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f'dak li jirrigwarda dawn l-elementi ta' dannu allegatament kawżati min-nuqqas ta' manutenzjoni u xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa, ir-rikors jissodisfa l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 44(1)(c), tar-Regoli tal-Proċedura.

39     Għandu wkoll jiġi osservat li r-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-danni pekunjarji li għad iseħħu kif ukoll għad-danni mhux pekunjarji li ġew subiti jew li għad iridu jseħħu, mingħajr ma tagħti l-inqas element li jippermetti li tiġi evalwata x-xorta u l-firxa tagħhom. Dawn l-elementi ta' dannu għalhekk ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, hekk kif speċifikat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 iktar 'il fuq.

40     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi meqjus ammissibbli safejn jitlob kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat lid-diversi beni sommarjament identifikati fir-rikors mill-allegat nuqqs ta' manutenzjoni u ta' xogħlijet fuq it-tielet parti tal-fossa.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

41     Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188, EA u l-implimentazzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu subit jiddependu mill-fatt li jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet f'dak li jirrigwarda l-illegalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji kkontestat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' ness ta' kawżalità bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Marzu 1990, Grifoni vs KEEA, C-308/87, Ġabra p. I-1203, punt 6, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42     F'dan ir-rigward, huma biss l-atti jew l-aġir attribwibbli lil istituzzjoni jew korp Komunitarju li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1985, CMC et vs il-Kummissjoni, 118/83, Ġabra p. 2325, punt 31, u tat-23 ta' Marzu 2004, Ombudsman Ewropew vs Lamberts, C-234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 59).

43     Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar l-obbligu ta' responsabbiltà tal-Komunità.

 L-argumenti tal-partijiet

45     Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni u/jew iċ-Ċentru naqsu milli jwettqu l-manutenzjoni u/jew ix-xogħlijiet meħtieġa fuq it-tielet parti tal-fossa sabiex jilqgħu għal jew jevitaw il-fawrien mill-ġdid tal-fossa kkonċernata, minkejja n-natura evidentement perikoluża tagħha marbuta man-nuqqas tal-kapaċità idrawlika tagħha, li kienet magħrufa mill-Kummissjoni sa mill-fawrien tal-fossa fl-1992. Fil-fatt, id-dannu li sofriet ir-rikorrenti kien ikkawżat mill-fatt li t-tielet parti tal-fossa ma kelliex biżżejjed kapaċità biex tassorbi l-ilma kollu tat-tieni parti (ara punt 12 iktar 'il fuq).

46     L-imputabbiltà ta' dan l-aġir lill-Kummissjoni u/jew liċ-Ċentru tirriżulta minn diversi fatturi.

47     Qabel kollox, it-tielet parti tal-fossa li tinsab fuq l-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru hija għad-dispożizzjoni biss ta' dan ta' l-aħħar u mhijiex aċċessibbli għal terzi persuni minħabba li, skond l-Artikolu 1 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC, l-imsemmija art hija invjolabbli, eżenti minn tfittxija, minn rekwiżizzjoni u ħielsa minn kull miżura restrittiva, kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja.

48     Barra minn hekk, huwa fatt magħruf li l-manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet ta' distribuzzjoni u t-tiswija tal-ħsarat fuq il-parti tal-fossa li tinsab fuq il-biċċa art taċ-Ċentru kienu dejjem taħt ir-responsabbiltà taċ-Ċentru permezz tal-funzjonarji u t-tekniċi tiegħu u hija l-Kummissjoni li għanda tistabbilixxi l-kuntrarju.

49     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ssemmi dikjarazzjoni tal-kap ta' l-Ufficio tecnico comunale (dipartiment tekniku Komunali, iktar 'il quddiem "l-UTC ta' Ispra"), li ġġib d-data tas-16 ta' Marzu 1999, li tgħid li l-amministrazzjoni Komunali mhijiex responsabbli għall-manutenzjoni u l-ġestjoni tat-tielet parti tal-fossa minħabba li din tinsab fuq il-proprjetà taċ-Ċentru.

50     L-ewwelnett, l-illegalità ta' l-aġir ikkontestat tistrieħ fuq il-fatt li dan jikkostitwixxi ksur ta' l-obbligu previst fl-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 96/282 li jgħid li d-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru għandu, f'isem il-Kummissjoni, jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tkun assigurata s-sigurtà tal-persuni u installazzjonijiet li għalihom huwa jkun responsabbli. Minkejja dak li ssostni l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tapplika għal dan il-każ, għaliex l-installazzjonijiet għat-tbattil ta' l-ilma mormi taċ-Ċentru huma konnessi ma' l-istrutturi mqiegħda taħt il-ħarsien esklużiv tiegħu u, għaldaqstant, mat-twettieq tar-rwol istituzzjonali tiegħu kif ukoll ma' l-attivitajiet tiegħu. Barra minn dan, il-Komunità kienet diġà responsabbli minħabba l-ksur ta' l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 1971, fuq ir-riorganizazzjoni taċ-Ċentru (71/57/Euratom) (ĠU L 16, p.14), li l-kontenut tiegħu huwa analogu għal dak ta' l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 96/282 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Frar 1994, Grifoni vs KEEA, C-308/87, Ġabra p. I-341).

51     It-tieninett, l-illegalità ta' l-aġir in kwistjoni tirriżulta mill-fatt li dan imur kontra l-Ftehim JRC intiż, b'mod partikolari, sabiex iżomm u jħares is-sigurtà pubblika tal-persuni li jgħixu qrib l-installazzjonijiet taċ-Ċentru.

52     It-tieletnett, l-illegalità ta' l-aġir ikkontestat tirriżulta mill-Artikoli 2043 u 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan li japplikaw għal dan il-każ minħabba li t-tieni paragrafu ta' l-Artikoli 118 EA, minkejja r-referenza għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, ma jeskludix il-possibbiltà li jiġi invokat il-ksur ta' regoli speċifiċi tad-dritt Taljan (ara, f'dan is-sens, il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Grifoni vs KEEA, punt 41 iktar 'il fuq, Ġabra p. I-1212, punt 17).

53     Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jistabbilixxi l-prinċipju neminem laedere li huwa komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri u f'dan il-każ japplika minħabba l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta' prudenza u ta' diliġenza mill-Kummissjoni u/jew miċ-Ċentru.

54     Min-naħa l-oħra, l-aġir ikkontestat jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità bis-saħħa ta' l-Artikolu 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan li jistabbilixxi preżunzjoni juris tantum ta' ħtija tal-persuna li għandha l-ħarsien ta' xi ħaġa. Issa, fil-każ in eżami, iċ-Ċentru għandu l-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa minħabba li din hija biss għad-dispożizzjoni tiegħu peress li hija aċċessorju ta' biċċa art li tagħha huwa proprjetarju u li tgawdi minn immunità.

55     Ir-rikorrenti żżid li l-ġurisprudenza tal-Corte Suprema di Cassazione (Qorti ta' Kassazzjoni Taljana) tindika li l-Artikolu 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan japplika fir-rigward ta' l-amministrazzjoni pubblika ta' proprjetà jew beni ta' l-Istat li ma jintużawx b'mod ġenerali u dirett mill-kollettività – bħal mhuwa l-każ tal-fossa ta' l-ilma mormi fil-każ in eżami – li jippermettu, minħabba l-firxa territorjali limitata tagħhom, ħarsien u kontroll xieraq mill-entità magħżula għal dan il-għan.

56     Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwelnett, li ċ-Ċentru m'għandu ebda responsabbiltà fuq it-tielet parti tal-fossa u li, konsegwentement, in-nuqqas ta' manutenzjoni jew ta' xogħlijiet fuq din it-tielet parti ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Kummissjoni jew liċ-Ċentru.

57     F'dan ir-rigward hija tosserva li l-Artikolu 3 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC jipprovdi li l-awtoritajiet Taljani għandhom jużaw, fuq talba tal-Kummissjoni, il-poteri rispettivi tagħhom sabiex jassiguraw liċ-Ċentru l-fornitura tas-servizzi pubbliċi kollha meħtieġa. Dan l-Artikolu jipprovdi ukoll li l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-rappreżentanti kwalifikati, debitament rikonoxxuti minnha, tad-dipartimenti responsabbli għas-servizzi pubbliċi kkonċernati jkunu jistgħu jispezzjonaw, isewwu u jagħmlu manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet korrispondenti ġewwa ċ-Ċentru. Minn dan l-Artikolu għandu jiġi dedott li "l-extra-territorjalità ta' l-art [li fuqha huwa mibni] ċ-Ċentru titwarrab" sabiex it-tekniċi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni u t-tiswijiet ta' l-installazzjonijiet li jipprovdu s-servizzi pubbliċi.

58     Skond il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim JRC la jiġu "superati" u lanqas annullati jew emendati mill-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-kap ta' l-UTC ta' Ispra li tasserixxi li l-amministrazzjoni Komunali la hija responsabbli għall-manutenzjoni u lanqas għall-ġestjoni tal-fossa li tinsab fuq l-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru. Qabel kollox, din id-dikjarazzjoni taqbeż il-limiti tal-poteri tal-kap ta' l-UTC ta' Ispra li mhuwiex leġittimament awtorizzat jiddetermina r-responsabbiltà ċivili ta' l-amministrazzjoni Komunali li jagħmel parti minnha. Barra minn dan, din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi sfaċċatament il-kontenut ta' l-ittra tas-7 ta' Ottubru 1992 imsemmija fil-punt 16 iktar il-fuq, li tippreċiża li l-intervent tal-Komun kien inizjattiva indipendenti ta' l-amministrazzjoni Komunali, li kienet qiegħda tieħu r-responsabbiltà kollha. Fl-aħħarnett, id-dikjarazzjoni tal-kap ta' l-UTC ta' Ispra mhijiex tali li tpoġġi r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tal-fossa fuq iċ-Ċentru.

59     Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim JRC lanqas ma jistgħu jiġu kkontestati minħabba l-fatt li ċ-Ċentru xi drabi qies xieraq li jagħmel ċerti xogħlijiet fuq l-installazzjonijiet huwa stess, għaliex dawn l-interventi dejjem twettqu fuq talba ta' l-amministrazzjoni lokali. F'dak li jirrigwarda b'mod partikolari x-xogħlijiet imwettqa fuq il-parti tal-fossa li tinsab fuq il-biċċa art taċ-Ċentru fl-1990, dawn seħħew wara talba tal-Ferrovie dello Stato u ta' l-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra.

60     F'dak li jirrigwarda, it-tieninett, l-allegata illegalità tan-nuqqas ta' manutenzjoni jew xogħlijiet fuq it-tielet parti, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors sempliċement jikkontesta din l-ommissjoni mingħajr ma jispeċifika, la liema għandhom ikunu dawn ix-xogħlijiet jew manutenzjoni li tagħhom ir-rikorrenti tilmenta n-nuqqas, u lanqas, f'xiex tikkonsisti n-natura ta' l-aġir illegali tal-Komunità.

61     Il-Kummissjoni żżid li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti ma nkisret.

62     Qabel kollox, hija ssostni li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 96/282 li r-rikorrenti ssuġeriet, l-obbligu tad-direttur taċ-Ċentru li jadotta l-miżuri kollha neċessarji biex tkun assigurata s-sigurtà tal-persuni u installazzjonijiet li għalihom huwa jkun responsabbli previst minn dan l-Artikolu għandu jkun limitat għall-attivitajiet speċifiċi taċ-Ċentru li permezz tagħhom il-Komunità tikkontribwixxi għat-twettiq tal-programmi Komunitarji ta' riċerka. Il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-fosos ta' ilma mormi li jinsabu fuq il-biċċa art taċ-Ċentru ma jagħmlux parti minn dawn l-attivitajiet speċifiċi. Il-Kummissjoni tikkontesta li mis-sentenza Grifoni vs KEEA, punti 41 u 50 iktar 'il fuq, jirriżulta li l-KEEA ġiet miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 71/57, li huwa identiku għall-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 96/282.

63     Wara dan il-Kummissjoni tosserva li, anke jekk l-Artikolu 16 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC jimponi fuqu l-obbligu li jadotta miżuri speċifiċi kwantu għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din id-dispożizzjoni moqrija fid-dawl tal-preambolu u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim JRC tirrigwarda speċifikatament ir-riskji ta' nirien u l-perikli ta' radjazzjonijiet jonizzanti li mhuwiex il-każ fil każ in eżami.

64     Barra minn dan, hija ssostni li, peress li ebda istituzzjoni u ebda korp Komunitarju mhuwa obbligat jishar fuq il-fossos ta' ilma mormi, il-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli minħabba li l-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha marru kontra l-aktar regoli elementari tal-prudenza ordinarja. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet diġà ddeċidiet li ma jistax ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' istituzzjoni jekk ma jkunx hemm aġir illegali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 2000, Eurocoton et vs il-Kunsill, T-213/97, Ġabra p. II-3727).

65     Skond il-Kummissjoni, ir-referenza li r-rikorrenti tagħmel għad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili Taljan mhijiex pertinenti. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 EA jirreferi biss għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri u mhux għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-diversi sistemi legali nazzjonali (sentenza tat-3 ta' Frar 1994, Grifoni vs KEEA, punt 50 iktar 'il fuq, punt 8). L-argumenti miġjuba mir-rikorrenti sabiex issostni l-kuntrarju ma jsibu ebda appoġġ fil-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Tesauro fuq is-sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Grifoni vs KEEA, punt 52 iktar 'il fuq. F'kull każ, kemm is-sentenza tat-3 ta' Frar 1994, Grifoni vs KEEA, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Tesauro fuq din is-sentenza (Ġabra p. I-343), jeskludu espressament il-possibbiltà li d-dannu subit jista' jiġi stabbilit u kkumpensat skond il-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali biss.

66     Hija tikkontesta li r-regola prevista fl-Artikolu 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li tgħid li "kull persuna hija responsabbli għad-danni kkawżati minn ħaġa li tkun fil-pussess tagħha, minbarra jekk tipprova li kien każ aċċidentali", ġiet aċċettata fil-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali Komunitarju. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni, li tippermetti li persuna li ma tkunx il-kawża diretta tad-dannu tinżamm responsabbli għalih, mhijiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet attwalment meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex istituzzjoni tinżamm mhux kuntrattwalment responsabbli.

67     F'kull każ, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma jikkonkorrux fil-każ in eżami. Minn naħa, ebda istituzzjoni Komunitarja ma hija responsabbli għall-ħarsien tal-fossa u, għaldaqstant, il-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli għal danni eventwali kkawżati mill-fossa. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma stabbiliet ebda ness ta' kawżalità bejn il-ħaġa allegatament imħarsa u d-dannu. Fil-fatt, ma ġiex ippruvat li l-għargħar ta' l-istabbiliment tar-rikorrenti kien effettivament ikkawżat mill-fawrien tal-parti partikolari tal-fossa li tinsab fuq il-biċċa art taċ-Ċentru.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

68     Għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 iktar 'il fuq, l-aġir ikkontestat, jiġifieri l-ommissjoni ta' xogħlijiet u/jew ta' manutenzjoni fuq it-tielet parti tal-fossa, tistax tiġi imputata lil istituzzjoni jew korp Komunitarju.

69     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwelnett, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti (ara punt 47 iktar 'il fuq), imkien fil-Ftehim JRC ma jirriżulta li t-tielet parti tal-fossa taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Komunità.

70     Qabel kollox, l-argument li jgħid li t-tielet parti tal-fossa taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba l-fatt li mill-Ftehim JRC jirriżulta li ebda terza persuna ma tista' taċċedi għaliha mhuwiex fondat.

71     Kif tindika r-rikorrenti, huwa minnu li skond l-Artikolu 1 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC, iċ-Ċentru u l-art li fuqha huwa mibni huma invjolabbli, eżenti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni u jgawdu minn immunità minn kull miżura restrittiva, kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja. Madankollu, mill-Artikolu 3 ta' l-istess Anness F jirriżulta li minkejja din l-immunita, il-Kummissjoni għandha tippermetti li r-rappreżentanti kwalifikati, debitament rikonoxxuti minnha, tad-dipartimenti responsabbli għas-servizzi pubbliċi kkonċernati jkunu jistgħu jispezzjonaw, isewwu u jagħmlu manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet korrispondenti ġewwa ċ-Ċentru.

72     Issa, mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li s-servizz ta' ġbir ta' ilma mormi mogħti liċ-Ċentru permezz tal-fossa in kwistjoni huwa servizz pubbliku skond l-Artikolu 3 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat bil-miktub, mingħajr ma kienet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-Komun ta' Ispra kien l-entità li kellha tipprovdi liċ-Ċentru s-servizz pubbliku ta' ġbir ta' ilma mormi. Għaldaqstant, għall-finijiet ta' din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li x-xogħlijiet ta' spezzjoni, ta' tiswija u ta' manutenzjoni tat-tielet parti tal-fossa huma responsabbilità ta' l-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra li r-rappreżentanti kwalifikati tagħha, rikonoxxuti mill-Kummissjoni, jistgħu jaċċedu għat-tielet parti tal-fossa.

73     Wara dan, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni oħra tal-Ftehim JRC ma tista' tintuża bħala bażi sabiex l-aġir ikkontestat jiġi imputat lill-Komunità. Huwa minnu li l-Artikolu 1 tal-Ftehim JRC, li lanqas biss jissemma' mir-rikorrenti, jipprovdi, essenzjalment, li l-Gvern Taljan iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunità ċ-Ċentru u l-art li fuqha huwa mibni kontra ħlas ta' kera annwali. Madankollu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni previst minn dan l-Artikolu ma jinkludix it-trasferiment lill-Komunità tar-responsabbiltà tat-tielet parti tal-fossa. Fil-fatt, dan l-Artikolu għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim JRC u, b'mod partikolari, ma' l-Artikolu 3 ta' l-Anness F ta' dan il-Ftehim fejn jirriżulta, kif ġie osservat fil-punt 72 iktar 'il fuq, li x-xogħlijiet ta' spezzjoni, tiswija u manutenzjoni fuq it-tielet parti tal-fossa jaqgħu taħt ir-resposabbiltà ta' l-awtorità inkarigata li tipprovdi s-servizz ta' ġbir ta' ilma mormi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 1 tal-Ftehim JRC ma jistax jiġi interpretat bħala li jittrasferixxi lill-Komunità r-responsabbiltà tat-tielet parti tal-fossa.

74     Il-Ftehim JRC għalhekk ma jippermettix li jiġi użat bħala bażi sabiex l-aġir ikkontestat ikun imputat liċ-Ċentru jew lil xi istituzzjoni jew korp ieħor Komunitarju.

75     Għandu jiġi osservat, it-tieninett, li, kuntrarjament għal dak li ssostni sommarjament ir-rikorrenti (ara l-punt 47 iktar 'il fuq), l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat ma jistax jirriżulta mill-fatt li t-tielet parti tal-fossa hija għad-dispożizzjoni esklużiva taċ-Ċentru. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie osservat fil-punti 12 u 14 iktar 'il fuq, il-fossa kollha kemm hi, inkluża t-tielet parti, tiġbor kemm l-ilma mormi li jiġi mit-territorju tal-Komun ta' Ispra kif ukoll dak li jiġi mill-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 72 iktar 'il fuq jirriżulta li l-interventi fuq it-tielet parti tal-fossa jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra. Peress illi t-tielet parti tal-fossa mhijiex għad-dispożizzjoni esklużiva taċ-Ċentru, l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lill-Komunità ma tistax tkun ibbażata fuq l-allegata esklużività.

76     It-tieletnett, għandu jiġi eżaminat jekk, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, l-allegat nuqqas ta' manutenzjoni u/jew ta' xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa huwiex imputabbli lill-Komunità minħabba l-magħruf aġir tal-funzjonarji u tat-tekniċi taċ-Ċentru.

77     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa fatt aċċetat li ċ-Ċentru, fl-1990, bidel katusa miftuħa b'katusa magħluqa b'dijametru ta' 100 ċm fl-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa.

78     Huwwa minnu li l-Kummissjoni ssostni li ċ-Ċentru għamel dawn ix-xogħlijiet fuq talba tal-Ferrovie dello Stato jew ta' l-amministrazzjoni Komunali ta' Ispra. Madankollu, fuq stedina tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tressaq kull dokument li jista' jistabbilixxi l-eżistenza ta' l-allegata talba, il-Kummissjoni baqgħet ma ġabitx il-prova ta' l-eżistenza ta' din it-talba. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet ta' din il-kawża, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ċ-Ċentru għamel dawn ix-xogħlijiet fuq l-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa min jeddu.

79     Min-naħa l-oħra, matul is-seduta, il-perit tal-Kummissjoni indika li d-dipartimenti taċ-Ċentru kienu b'ċerta regolarità jagħmlu spezzjonijiet u manutenzjoni tat-tielet parti tal-fossa.

80     Dawn l-interventi tad-dipartimenti tekniċi taċ-Ċentru jsiru fuq inizjattiva spontanja u mhux sabiex jitwettaq xi obbligu ta' l-istituzzjonijiet jew korpi Komunitarji skond il-Ftehim JRC. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 72 iktar 'il fuq, id-dmirijiet ta' spezzjoni, ta' tiswija u ta' manutenzjoni tat-tielet parti tal-fossa jaqgħu taħt ir-responsabbiltà, skond il-Ftehim JRC, ta' l-entità inkarigata li tipprovdi liċ-Ċentru bis-servizz ta' ġbir ta' ilma mormi. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi għamel dawn l-interventi, iċ-Ċentru ħa f-idejh il-ġestjoni ta' affarijiet ta' ħaddieħor.

81     Madankollu, il-fatt li d-dipartimenti tekniċi taċ-Ċentru amministraw il-ħaġa ta' ħaddieħor billi intervjenew b'mod spontanju, f'ċerti okkażjonijiet, fuq it-tielet parti tal-fossa bl-ebda mod ma jimplika li kull ommissjoni ta' xogħlijiet jew ta' manutenzjoni fuq din il-parti tal-fossa għandha issa tkun imputata liċ-Ċentru u, għaldaqstant, lill-Komunità.

82     Tali intervent għandu biss bħala effett li jimponi fuq iċ-Ċentru l-obbligu li jwettaq sewwa l-atti ta' ġestjoni li huwa ħa f'idejh. B'dan il-mod il-ġestjoni li ċ-Ċentru ħa f'idejh bit-twaħħil ta' katusa magħluqa fl-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa fl-1990 ma testendix għat-twettiq tax-xogħlijiet meħtieġa sabiex jiġi ggarantit, fl-2002, li t-tielet parti tal-fossa jkollha biżżejjed kapaċità, u dan iktar u iktar meta, kif il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta mingħajr ma kienet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, il-Komunità m'għandha ebda kontroll fuq il-kwantità ta' ilma mormi li jaqa' f'din it-tielet parti.

83     Minbarra dan, il-ġestjoni li ħa f'idejh iċ-Ċentru billi spontanjament u regolarment jagħmel spezzjonijiet u manutenzjoni tat-tielet parti tal-fossa tkopri biss ix-xogħlijiet effettivament magħmula minnu u ma testendix għall-allegat nuqqas ta' spezzjoni u manutenzjoni, li jibqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-entità inkarigata li tipprovdi liċ-Ċentru bis-servizz ta' ġbir ta' ilma mormi.

84     Barra minn dan, fil-każ in eżami, mhuwiex stabbilit u lanqas allegat li l-aġir ikkontestat, jiġifieri n-nuqqas ta' xogħlijiet u/jew ta' manutenzjoni fuq it-tielet parti tal-fossa, jikkostitwixxi eżekuzzjoni ħażina ta' l-atti ta' ġestjoni li ċ-Ċentru ħa f'idejh.

85     Anke jekk jiġi ammess li, billi allegat in-nuqqas ta' kapaċità idrawlika tat-tielet parti tal-fossa, ir-rikorrenti impliċitament issostni li x-xogħlijiet imwettqa miċ-Ċentru fl-1990 kienu jikkostitwixxu ġestjoni ħażina miċ-Ċentru ta' ħaġa ta' ħaddieħor, hemm madankollu lok li jiġi kkunsidrat li l-installazzjoni ta' katusa magħluqa b'dijametru ta' 100 ċm fuq l-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi eżekuzzjoni ħażina tal-ġestjoni li ċ-Ċentru ħa f'idejh.

86     Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-dijametru tal-katusa li ċ-Ċentru poġġa fl-ewwel biċċa tat-tielet parti tal-fossa huwa identiku għad-dijametru tal-katusa magħluqa li diġà kien hemm fit-tieni biċċa tat-tielet parti tal-fossa. Ix-xogħlijiet li ċ-Ċentru għamel fl-1990 għalhekk ma effettwawx il-kapaċità idrawlika tat-tielet parti tal-fossa. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegata insuffiċjenza tal-kapaċità idrawlika tat-tielet parti tal-fossa ma tistax, f'kull każ, tiġi imputata liċ-Ċentru.

87     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lill-Komunità ma tistax tirriżulta mill-interventi spontanji tad-dipartimenti tekniċi taċ-Ċentru.

88     Ir-rabanett, għandu jiġi eżaminat jekk l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lill-Komunità jirriżultax mid-dikjarazzjoni tal-kap ta' l-UTC ta' Ispra li permezz tagħha dan jafferma li l-amministrazzjoni Komunali li huwa jagħmel parti minnha mhijiex responsabbli għat-tielet parti tal-fossa.

89     F'dan ir-rigward, indipendentement mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kap ta' dan id-dipartiment Komunali huwiex kompetenti li jiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta' responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni li jagħmel parti minnha, hemm lok li jiġi osservat li d-dikjarazzjoni tiegħu teskludi r-responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni Komunali fuq it-tielet parti tal-fossa biss minħabba li din il-parti tinsab fuq artijiet li jappartienu għall-Komunità. Issa, mill-Artikolu 1 tal-Ftehim JRC jirriżulta li l-Komunità mhijiex il-proprjetarja ta' l-artijiet in kwistjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi b'mod partikolari li l-Gvern Taljan iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunità ċ-Ċentru u l-art li fuqha huwa mibni kontra ħlas ta' kera annwali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la tistabbilixxi u lanqas tallega li d-dikjarazzjoni tal-kap ta' l-UTC ta' Ispra emendat il-Ftehim JRC. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dikjarazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-aġir ikkontestat huwa imputabbli lil xi istituzzjoni jew xi korp Komunitarju.

90     Il-ħamesnett, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk l-aġir ikkontestat huwiex imputabbli lill-Komunità minħabba d-dispożizzjonijiet li tagħhom ir-rikorrenti tallega l-ksur.

91     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 96/282, li tiegħu huwa allegat il-ksur, sempliċement jipprovdi li d-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tkun assigurata s-sigurtà ta' l-installazzjonijiet li għalihom huwa jkun responsabbli. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tistax, waħedha, tkun il-bażi ta' l-imputabbiltà ta' l-allegat nuqqas ta' xogħlijiet u/jew manutenzjoni fuq it-tielet parti tal-fossa mingħajr ma jiġi stabbilit li l-parti in kwistjoni hija installazzjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru. Issa, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tippermetti li t-tielet parti tal-fossa tiġi kkunsidrata li taqa' taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur taċ-Ċentru. Għall-kuntrarju, kif ġie osservat fil-punt 72 iktar 'il fuq, mill-Artikolu 3 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC jirriżulta li l-Komun ta' Ispra huwa inkarigat jipprovdi liċ-Ċentru s-servizzi ta' ġbir ta' ilma mormi, b'tali mod li t-tielet parti tal-fossa ma tistax tiġi meqjusa l-istess bħal installazzjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà taċ-Ċentru. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 96/282 ma jippermettix li fuqu tiġi bbażata l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lill-Komunità.

92     Ir-rikorrenti tallega wkoll il-ksur tal-Ftehim JRC li, fil-fehma tagħha, jipprovdi li ċ-Ċentru għandu jippreserva u jħares is-sigurtà pubblika. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 16(1) ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC huwa l-unika dispożizzjoni ta' dan il-ftehim li tittratta s-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Mandankollu, kwantu għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din id-dispożizzjoni hija relevanti biss f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tan-nirien u l-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti. F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippreżenta ebda argument li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-aġir ikkontestat għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tan-nirien jew mal-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lill-Komunità ma tistax tirriżulta mill-obbligu taċ-Ċentru li jiggarantixxi l-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa pubblika, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 16(1) ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC.

93     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tallega li l-aġir ikkontestat jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2043 u 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

94     F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, anke jekk jiġi aċċettat, kif issostni r-rikorrenti, li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju neminem laedere, li dan huwa prinċipju komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri u li jista' jiġi applikat f'dan il-każ minħabba li l-Kummissjoni u/jew iċ-Ċentru kisru l-prinċipju ġenerali ta' prudenza u ta' diliġenza, madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tresseq ebda raġuni li għaliha l-Kummissjoni u/jew iċ-Ċentru għandu jkollhom l-obbligu ta' prudenza u ta' diliġenza fir-rigward tat-tielet parti tal-fossa. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni invokata ma tippermettix, waħedha, li l-aġir ikkontestat jiġi imputat lill-Komunità.

95     F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 2051 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, anke jekk jiġi aċċettat li din id-dispożizzjoni tad-dritt Taljan tikkostitwixxi prinċipju komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, xorta jibqa' l-fatt li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa huwa r-responsabbiltà ta' istituzzjoni jew korp Komunitarju. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa minn istituzzjoni jew korp Komunitarju ma jistax jirriżulta mid-dritt tal-proprjetà ta' l-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru għaliex, kif ġie indikat fil-punt 89 iktar 'il fuq, ebda istituzzjoni jew korp Komunitarju m'għandu d-dritt tal-proprjeta ta' din l-art. Għaldaqstant, anke jekk jiġi aċċettat li t-tielet parti tal-fossa hija aċċessorju ta' l-art li fuqha tinsab, dan ma jfissirx li hija tal-Komunità. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi respint.

96     Hemm ukoll lok li jiġi respint l-argument li jgħid li l-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa huwa responsabbiltà tal-Kummissjoni jew taċ-Ċentru minħabba l-fatt li, skond l-Artikolu 1 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC, mhuwiex possibli għal terzi persuni li jaċċedu għaliha. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 71 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 3 ta' l-Annes F tal-Ftehim JRC, tneħħi l-immunità prevista fl-Artikolu 1 ta' l-Anness F tal-Ftehim JRC sabiex tippermetti lid-dipartimenti responsabbli għas-servizzi pubbliċi jispezzjonaw, isewwu u jagħmlu l-manutenzjoni ta' l-installazzjonijiet li jinsabu ġewwa ċ-Ċentru. F'dawn il-ċirkustanzi, l-allegata immunità ta' l-art li fuqha huwa mibni ċ-Ċentru ma tistax tiġi effettivament invokata sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni u/jew iċ-Ċentru għandhom il-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa.

97     Lanqas ma jista' jiġi kkunsidrat li l-ħarsien tat-tielet parti tal-fossa huwa responsabbiltà tal-Kummissjoni u/jew taċ-Ċentru għar-raġuni li din il-parti hija għad-dispożizzjoni esklużiva taċ-Ċentru. Fil-fatt, minbarra r-raġunijiet imsemmija fil-punt ta' qabel dan, kif ġie osservat fil-punt 75 iktar 'il fuq, peress li l-fossa, li tinkludi magħha t-tielet parti, tiġbor l-ilma mormi li jkun ġej mit-territorju tal-Komun ta' Ispra u taċ-Ċentru, it-tielet parti ma tistax tiġi meqjusa bħala li hija għad-dispożizzjoni esklużiva tal-Kummissjoni u/jew taċ-Ċentru.

98     Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-allegat nuqqas ta' manutenzjoni u/jew ta' xogħlijiet fuq it-tielet parti tal-fossa mhuwiex imputabbli lil istituzzjoni jew korp Komunitarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u safejn huwa ammissibbli, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr m'hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk f'dan il-każ kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

 Fuq it-talbiet għal miżuri istruttorji

99     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna miżuri istruttorji sabiex jiġu verifikati l-allegazzjonijiet li hija tagħmel. B'mod partikolari, hija ssostni li għandha tinkiseb informazzjoni mingħand id-direttur u l-aġenti taċ-Ċentru kif ukoll mingħand l-awtoritajiet Taljani li marru fuq il-post matul l-għargħar. Hija ssostni li hemm lok li jiġu ammessi l-provi permezz tax-xhieda u, f'dan ir-rigward, hija tirriserva d-dritt li tindika iktar 'il quddiem l-ismijiet tax-xhieda li għandhom jinstemgħu. Hija tosserva, fl-aħħarnett, li, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti allegati, fosthom id-danni allegatament subiti jew li għad iridu jseħħu, għandhom isiru aċċess u/jew perizja.

100   F'dan ir-rigward, għandu bilfors jiġi osservat li r-rikorrenti ma tidentifika la l-fatti preċiżi li dawn il-miżuri għandhom jivverifikaw u lanqas b'liema mod jistgħu jservu dawn il-miżuri sabiex jistabbilixxu l-imputabbiltà ta' l-aġir ikkontestat lil istituzzjoni jew korp Komunitarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-miżuri istruttorji għanda tiġi miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

101   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

102   Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċhud bħala inammissibbli safejn jirrigwarda talba għal.kumpens tad-danni pekunjarji mhux definiti li għad iridu jseħħu u danni mhux pekunjarji mhux definiti subiti jew li għad iridu jseħħu.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat fil-kumplament tiegħu,

3)      It-talbiet għal miżuri istruttorji huma miċħuda.

4)      Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta' Novembru 2005.

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

       J. Pirrung




* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.