Language of document : ECLI:EU:T:2005:438

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

8 ta' Diċembru 2005 (*)

"Trademark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trademark Komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali ‘CRISTAL CASTELLBLANCH’ – Trademark verbali nazzjonali preċedenti CRISTAL – Użu ġenwin tat-trademark preċedenti – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 15(2)(a) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-29/04,

Castellblanch, SA, stabbilita fi Sant Sadurni d’Anoia (Spanja), irrappreżentata minn F. de Visscher, E. Cornu, É. De Gryse u D. Moreau, avocats,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Champagne Louis Roederer SA, stabbilita f'Reims (Franza), irrappreżentata minn P. Cousin, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-17 ta' Novembru 2003 (kawża R 37/2000‑2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Castellblanch, SA u Champagne Louis Roederer SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andova, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposti ta' l-UASI ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Ġunju u fit-28 ta' Settembru 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ġunju 2004,

wara s-seduta ta' l-4 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta' April 1996, Castellblanch, SA ippreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L. 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej (iktar 'il quddiem it-"trademark CRISTAL CASTELLBLANCH"):

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 33 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Inbejjed u inbejjed bil-gass".

4       Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 29/1997 tal-24 ta' Novembru 1997.

5       Fit-23 ta' Frar 1998, Champagne Louis Roederer SA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni ta' din it-trademark Komunitarja. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin tas-sinjal verbali CRISTAL :

–       ir-reġistrazzjoni Franċiża Nru 1 114 613, datata 27 ta' Novembru 1979, imġedda fit-13 ta' Novembru 1989 (Nru 1 559 904) u fl-20 ta' Diċembru 1991 (Nru 1 713 576) sabiex tindika l-"inbejjed ta' oriġini Franċiża, jiġifieri xampanja, inbejjed bil-gass, xorb alkoħoliku (ħlief birer)", li jaqgħu taħt il-klassi 33;

–       ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 451 185, mitluba fid-29 ta' Jannar 1980, b'effett fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux, fl-Italja u fil-Portugal sabiex tindika l-"inbejjed ta' oriġini Franċiża, jiġifieri xampanja, inbejjed bil-gass", li jaqgħu taħt il-klassi 33;

–       ir-reġistrazzjoni Ġermaniża DD 647 501, datata 18 ta' April 1991, sabiex tindika x-"xorb alkoħoliku (ħlief birer)", li jaqa' taħt il-klassi 33;

–       ir-reġistrazzjoni Brittannika Nru 368 211, mitluba fit-22 ta' Diċembru 1988, sabiex tindika l-"inbejjed ta' Champagne", li jaqgħu taħt il-klassi 33;

–       ir-reġistrazzjoni Irlandiża Nru 150 404, datata 30 ta' Ottubru 1992, sabiex tindika x-"xorb alkoħoliku (ħlief birer)", li jaqa' taħt il-klassi 33;

–       ir-reġistrazzjoni Daniża VR 06.021 1995, datata 15 ta' ta' Settembru 1995, sabiex tindika x-"xampanja, inbejjed bil-gass, inbid u konjak", li jaqgħu taħt il-klassi 33.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq trademarks magħrufa sew fil-Belġju, fi Franza, fil-Gran Brittanja u fil-Germanja li jindikaw l-"inbejjed ta' Champagne".

7       L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti kollha koperti mir-reġistrazzjonijiet preċedenti tas-sinjal CRISTAL u ġiet imressqa kontra l-prodotti kollha koperti mit-trademark li għaliha saret applikazzjoni. Ir-raġunijiet invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Ottubru 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha unikament fuq it-trademark preċedenti Franċiża (iktar 'il quddiem it-"trademark preċedenti"). Hija kkunsidrat l-ewwel nett, li l-intervenjenti tat prova suffiċjenti ta' l-użu ġenwin tat-trademark preċedenti u, it-tieni nett, li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni u x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, kif ukoll il-karattru distintiv għoli tat-trademark preċedenti fis-suq Franċiż, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur Franċiż.

9       Fit-22 ta' Diċembru 1999, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

10     Matul il-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti illimitat l-applikazzjoni għat-trademark għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu taħt il-klassi 33 : "inbejjed bil-ġass Spanjoli, tat-tip cava".

11     Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Novembru 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors. Huwa kkunsidra li t-trademark preċedenti kienet ġiet użata b'mod ġenwin u effettiv u kkonkluda li jeżisti xebh bejn il-prodotti in kwistjoni u xebh bejn is-sinjali konfliġġenti li jistgħu jagħtu lok għal probabbiltà ta' konfużjoni li tinkludi probabbiltà li ssir assoċjazzjoni f'moħħ il-pubbliku Franċiż.

 It-talbiet tal-partijiet

12     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

13     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

14     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

15     Ir-rikorrenti ssostni li l-annessi 23 sa 30 tar-risposta ta' l-intervenjenti għandhom jiġu meqjusa bħala inammissibbli, peress li dawn ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

16     Għandu jiġi osservat li l-annessi 23 u 24 huma kopji ta' deċiżjonijiet ta' qrati nazzjonali. Għalkemm ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux provi fis-sens strett tal-kelma, iżda jirrigwardaw il-ġurisprudenza nazzjonali li parti jista' jirreferi għaliha anki wara l-proċedimenti quddiem l-UASI.

17     L-anness 25 jikkonsisti f'kopja ta' silta minn dizzjunarju bilingwi Franċiż-Spanjol. Ma ġiex stabbilit li dan id-dokument kien ġie ppreżentat quddiem l-UASI. Madankollu, dan id-dokument juri fatt li ssemma fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-kelma Spanjola "cava" hija ekwivalenti għall-kelma Franċiża "champagne". Għaldaqstant, ir-referenza ta’ l-intervenjenti għal dizzjunarju hija irrilevanti, meta jiġi kkunsidrat li l-prova mogħtija minn din ir-referenza hija parti mill-kuntest fattwali tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

18     F'dak li jirrigwarda l-annessi 26 sa 29, dawn huma kopji tal-korrispondenza skambjata bejn ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza u r-rappreżentant ta' l-intervenjenti, fir-rigward ta' din il-proċedura. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-inammissibbiltà tagħhom.

19     L-anness 30 jikkonsisti f'ritratti tal-kaxxa li fiha jinbiegħu l-fliexken bit-trademark CRISTAL. Mill-fajl amministrattiv quddiem l-UASI jirriżulta li d-dokumenti ppreżentati quddiemu jinkludu ritratti ta' din il-kaxxa. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tieħu dan l-anness in kunsiderazzjoni.

20     Konsegwentement, l-allegazzjonijiet ta' inammissibbiltà ta' l-annessi 23 sa 30 tar-risposta ta' l-intervenjenti għandhom jiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

21     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 15(2)(a) u ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tar-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' implimentazzjoni"). It-tieni raġuni hija bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 15(2)(a) u ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tar-Regola 22(2) tar-Regolament ta' implimentazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

22     Fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni, l-intervenjenti ppreżentat "osservazzjoni preliminari" dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(1) tar-Regolament ta' implimentazzjoni, li l-UASI interpreta bħala raġuni bbażata fuq argument dedott mill-ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet, li ma tqajmitx fir-rikors, kif jippermetti l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, iżda li hija inammissibbli peress li ma ġietx ippreżentata quddiem l-UASI.

23     L-intervenjenti ssostni li r-rikorrenti qatt ma talbitha, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li turi l-użu tat-trademark preċedenti u li l-UASI qatt ma stedinha, b’applikazzjoni tar-Regola 22(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, biex tagħti prova ta’ tali użu, billi jistipula terminu ta’ żmien sabiex tagħmel dan. Għaldaqstant, skond l-intervenjenti, u kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs l-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR) (T-183/02 u T-184/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata, kuntrarjament għal dak li għamel il-Bord ta’ l-Appell, il-kwistjoni jekk id-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti sabiex tiġġustifika l-fama tat-trademark tagħha jurux jew le użu ġenwin ta’ din it-trademark. B'hekk, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

24     Huwa biżżejjed li jingħad li, peress li l-intervenjenti ma tikkontestax l-iskop tad-deċiżjoni kkontestata, li laqgħat l-oppożizzjoni, u ma titlobx li din id-deċiżjoni tiġi annullata jew riformata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Naipes Heraclio Fournier vs l-UASI – France Cartes (xabla tal-logħob tal-karti, kavallier tal-ħatar u r-re tax-xwabel), T-160/02 sa T-162/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 17 sa 20], l-osservazzjoni preliminari tagħha ma tistax tintuża in sostenn tat-tabliet tagħha.

25     Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata din l-osservazzjoni preliminari.

 Fuq l-allegata alterazzjoni tal-karattru distintiv tat-trademark preċedenti

26     Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma tatx prova ta’ l-użu ġenwin tat-trademark preċedenti u li għalhekk id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 15(2)(a) u l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 22(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, meta trademark tkun magħmula minn diversi elementi fejn wieħed jew xi wħud minnhom biss ikunu distintivi u jkunu ppermettew li t-trademark tiġi rreġistrata kollha kemm hi, alterazzjoni ta’ dak l-element, l-ommissjoni tiegħu jew is-sostituzzjoni tiegħu b’element ieħor ġeneralmet ifisser alterazzjoni tal-karattru distintiv ta’ l-imsemmija trademark. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-prassi deċiżjonali ta’ l-UASI.

27     L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jsostnu li ngħatat prova ta’ l-użu tat-trademark CRISTAL.

28     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, kif jirriżulta mid-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-Kunsill ikkunsidra li l-protezzjoni ta’ trademark preċedenti hija ġustifikata biss meta din tkun ġiet użata effettivament. In konformità ma’ din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trademark Komunitarja jista’ jitlob li tingħata prova li jkun sar użu ġenwin mit-trademark preċedenti fit-territorju li fih hija kienet protetta matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta' pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għat-trademark li kontra tagħha tressqet oppożizzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs l-UASI – Harrison (HIWATT), T-39/01, Ġabra p. II-5233, punt 34, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs l-UASI – Krafft (VITAKRAFT), T-356/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25].

29     Skond ir-Regola 22(2) tar-Regolament ta' implimentazzjoni, il-prova ta' l-użu għandha tkopri l-post, il-ħin, il-limitu u n-natura ta’ l-użu tat-trademark preċedenti.

30     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2)(a) flimkien ma' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta' l-użu ġenwin ta' trademark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trademark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova ta' l-użu tat-trademark preċedenti f'għamla li jkollha xi elementi differenti iżda li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta' dik it-trademark fl-għamla li fiha tkun ġiet irreġistrata [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T-156/01, Ġabra p. II-2789, punt 44].

31     F'din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mill-provi ta' l-użu u tar-reputazzjoni ppreżentati mill-intervenjenti li hija użat it-trademark preċedenti f'għamla differenti minn kif kienet irreġistrata. Fil-fatt, it-trademark preċedenti hija użata għal fliexken li għandhom, ripetutament, fuq it-tikketta prinċipali u dik ta' l-għonq tal-flixkun, minbarra l-kelma "cristal", l-isem "Louis Roederer", kif ukoll simbolu magħmul mill-ittri "l" u "r" u xi elementi figurattivi addizzjonali. Skond ir-rikorrenti, il-kelma "cristal" flimkien ma' l-isem "Louis Roederer", l-ittri "lr" u l-elementi figurattivi jaffettwaw sostanzjalment l-identità tat-trademark preċedenti, speċjalment meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-karattru distintiv qawwi ta' l-indikazzjoni "Louis Roederer", u ma jikkostitwixxux użu ġenwin tat-trademark preċedenti CRISTAL. Għaldaqstant, l-oppożizzjoni mressqa mill-intervenjenti u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata huma totalment infondati.

32     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, bħalma tagħmel l-UASI, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-post, il-ħin, u l-limitu ta’ l-użu tat-trademark preċedenti, iżda biss in-natura ta' dan l-użu.

33     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li ma teżisti ebda regola f'dak li jirrigwarda trademarks Komunitarji li tobbliga lil min qed jopponi jagħti prova ta' l-użu tat-trademark preċedenti waħedha, indipendentement minn kull trademark oħra. Skond il-Bord ta' l-Appell, huwa possibbli li żewġ trademarks jew iktar ikunu użati flimkien iżda b'mod awtonomu, bi jew mingħajr l-isem tal-kumpannija tal-manifattur, kif jiġri, b'mod partikolari, fis-setturi tal-karrozzi u ta' l-inbid.

34     Dan l-argument għandu jiġi aċċettat. Fil-fatt, din mhijiex sitwazzjoni fejn it-trademark ta' l-intervenjenti hija użata f'għamla differenti minn kif kienet irreġistrata, iżda sitwazzjoni fejn diversi sinjali huma użati simultanjament mingħajr ma jinbidel il-karattru distintiv tas-sinjal irreġistrat. Kif ġustament osserva l-UASI, f'dak li jirrigwarda t-twaħħil ta' tikketti fuq prodotti ta' l-inbid, iż-żjieda konġunta ta' trademarks jew ta' indikazzjonijiet separati fuq l-istess prodott, b'mod partikolari l-isem ta' l-istabbiliment li jipproduċi l-inbid u l-isem tal-prodott, tikkostitwixxi prattika kummerċjali komuni.

35     F'din il-kawża, it-trademark CRISTAL tidher erba' darbiet b'mod ċar fl-għonq tal-flixkun ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti u darbtejn fuq it-tikketta prinċipali, flimkien mas-simbolu ®. Fl-għonq tal-flixkun, hija tinsab separata mill-elementi oħra. Barra minn hekk, fuq il-kaxxi li fihom jinbiegħu l-fliexken tat-trademark CRISTAL, it-trademark CRISTAL tidher waħedha. Anki fuq il-kontijiet maħruġa mill-intervenjenti, hemm referenza għat-terminu "cristal" flimkien ma' l-indikazzjoni "1990 coffret". Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li t-trademark CRISTAL tidentifika l-prodott ikkummerċjaliżżat mill-intervenjenti.

36     F'dak li jikkonċerna l-indikazzjoni "Louis Roederer" li jidhru fuq it-tikketta prinċipali, huma jindikaw sempliċiment l-isem tal-kumpannija tal-manifattur, ħaġa li tista' toħloq rabta diretta bejn gamma waħda jew iktar ta' prodotti u impriża speċifika. L-istess raġunament japplika għall-grupp ta' ittri "lr" li jirrappreżenta l-inizjali ta' l-isem ta' l-intervenjenti. Kif sostna l-UASI, l-użu ta' dawn l-elementi flimkien fuq l-istess flixkun ma jaffettwax il-funzjoni ta' identifikazzjoni li twettaq it-trademark CRISTAL fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni.

37     Barra minn hekk, il-konklużjoni ta' l-UASI li l-użu ta' trademark verbali flimkien ma' l-indikazzjoni ġeografika "Champagne" ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żjieda li tista' tbiddel il-karattru distintiv tat-trademark meta tintuża għax-xampanja, għandha tiġi approvata. Fil-fatt, fis-settur ta' l-inbid, il-konsumatur spiss għandu interess partikolari fl-oriġini ġeografika preċiża tal-prodott u fl-identità tal-produttur ta' l-inbid, peress li r-reputazzjoni ta' dawn il-prodotti hija spiss marbuta mal-fatt li jiġu prodotti f'reġjun ġeografiku speċifiku minn stabbiliment speċifiku li jipproduċi l-inbid.

38     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tat-trademark verbali CRISTAL flimkien ma' indikazzjonijiet oħra huwa mingħajr rilevanza u li l-Bord ta' l-Appell la kiser l-Artikoli 15(2)(a) jew 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u lanqas ir-Regola 22(2) tar-Regolament ta' implimentazzjoni.

39     Konsegwentement, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

40     Ir-rikorrenti ssostni li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' xebh bejn il-prodotti, in-nuqqas ta' xebh bejn it-trademarks, il-karattru distintiv dgħajjef tat-trademark preċedenti u l-fatturi rilevanti l-oħra kollha, bħad-deċiżjonijiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu ma' din il-kawża u l-koeżistenza paċifika tas-sinjali konfliġġenti, ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti.

41     L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord ta' l-Appell wettaq evalwazzjoni korretta ta' l-eżistenza tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

42     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebħ tagħha ma' trademark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trademarks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trademark preċedenti. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu "trademarks preċedenti" jfisser trademarks reġistrati fi Stat Membru u t-trademarks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li jkollhom data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tippreċedi dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja.

43     Skond ġurisprudenza kostanti, probabbiltà ta' konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament.

44     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45     F'din il-kawża, it-trademarks li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni huma trademarks nazzjonali rreġistrati fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Gran Brittanja, fl-Irlanda, fid-Danimarka u trademark internazzjonali applikabbli fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux, fl-Italja u fil-Portugal. Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni u d-deċiżjoni kkontestata kienu bbażati unikament fuq it-trademark preċedenti Franċiża, liema fatt mhuwiex ikkontestat mill-partijiet. Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għat-territorju Franċiż.

46     Il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-konsumatur medju Franċiż li huwa meqjus bħala infurmat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Dan il-pubbliku jinkludi wkoll il-professjonisti u l-ispeċjalisti tas-settur tal-koltivazzjoni ta’ l-għeneb għall-inbid u tar-restoranti.

–       Fuq il-paragun bejn il-prodotti

47     Ir-rikorrenti tosserva li l-użu ta’ l-intervenjenti huwa limitat esklużivament għal “inbejjed ta' oriġini Franċiża, jiġifieri ta' Champagne”, filwaqt li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tkopri, wara r-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti rivendikati, l-“inbejjed bil-gass Spanjoli, tat-tip cava”. Dawn il-prodotti mhumiex simili meta jittieħdu in kunsiderazzjoni d-differenzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-oriġini, il-karatteristiċi, il-prezz tax-xampanja u tal-“cava” kif ukoll il-pubbliku kkonċernat.

48     Għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bħal fid-deċiżjoni kkontestata, ġie kkunsidrat li l-użu tat-trademark preċedenti ntwera għall-prodotti kollha koperti mit-trademark preċedenti, jiġifieri mhux biss għax-xampanja.

49     Għaldaqstant, għandu jsir paragun bejn l-“inbejjed bil-gass Spanjoli, tat-tip cava”, rivendikati fl-applikazzjoni għat-trademark, u l-“inbejjed ta’ oriġini Franċiża, jiġifieri x-xampanja, inbejjed bil-gass; xorb alkoħoliku (ħlief birer)”, koperti mit-trademark preċedenti.

50     Sabiex ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġi evalwat, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll jekk jikkumplimentawx lil xulxin jew inkella jekk humiex f’kompetizzjoni ma’ xulxin (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).

51     Barra minn hekk, meta l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti jinkludu l-prodotti koperti fl-applikazzjoni għat-trademark, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala identiċi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs l-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punti 32 u 33].

52     Għandu jiġi rrilevat li l-“inbejjed ta’ oriġini Franċiża, jiġifieri x-xampanja, inbejjed bil-gass; xorb alkoħoliku (ħlief birer)” u l-“inbejjed bil-gass Spanjoli, tat-tip cava” għandhom l-istess natura, li huma intiżi għall-istess użu u jiġu kkunsmati fl-istess kundizzjonijiet, per eżempju, f’festi, u li jinbiegħu fl-istess stabbilimenti jew fuq l-istess xkafef fis-supermarkits, b’tali mod li huma f'kompetizzjoni ma' xulxin. Għalkemm il-prodotti rivendikati mir-rikorrenti huma limitati għal dawk li joriġinaw minn Spanja, dan il-fatt mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi x-xebh bejn il-prodotti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni anki meta, ghall-pubbliku, il-prodotti in kwistjoni għandhom postijiet ta’ produzzjoni differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 29 u 30). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti mhumiex biss inbejjed ta’ oriġini Franċiża, iżda wkoll inbejjed bil-gass b'mod ġenerali li jistgħu, għalhekk, jiġi prodotti fi Spanja. Għaldaqstant, l-inbejjed bil-gass jinkludu l-“inbejjed bil-gass Spanjoli, tat-tip cava”, b’tali mod li dawn il-prodotti huma identiċi.

53     Anki li kieku x-xampanja biss kellha tittieħed in kunsiderazzjoni għat-trademark preċedenti, il-prodotti kkonċernati huma simili. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti dwar id-differenza fil-prezz bejn ix-xampanja tat-trademark CRISTAL u l-“cava” li hija tikkummerċjalizza mhuwiex fondat. Mhuwiex il-prodott speċifiku li jikkostitwixxi x-xampanja tat-trademark CRISTAL li għandu jiġi mqabbel mal-prodotti rivendikati fl-applikazzjoni għat-trademark, iżda x-xampanja b'mod ġenerali. Għandu jiġi rrilevat li teżisti xampanja li l-prezz tagħha mhuwiex daqstant differenti minn dak ta’ “cava” ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, kif ġie imfakkar iktar ‘il fuq, id-differenza fil-post ta’ produzzjoni, anki jekk il-konsumatur Franċiż ikun jaf li l-“cava” jista’ jiġi prodott biss fi Spanja, m’għandhiex importanza. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-istess kumpannija tista’ tipproduċi kemm il-“cava”, kif ukoll ix-xampanja f’postijiet differenti.

54     Konsegwentement, il-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew, għall-inqas, simili ħafna.

–       Fuq il-paragun bejn is-sinjali

55     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni kumplessiva li jagħtu s-sinjali, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

56     Ir-rikorrenti ssostni li l-paragun bejn is-sinjali għandu jsir billi tittieħed in kunsiderazzjoni t-trademark preċedenti kif inhi użata u mhux kif kienet irreġistrata.

57     L-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi aċċettat. Kif osserva korrettament il-Bord ta' l-Appell, il-paragun għandu jsir bejn is-sinjali kif ġew irreġistrati jew kif jidhru fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, indipendentement mill-użu tagħhom b'mod iżolat minn jew flimkien ma' trademarks jew indikazzjonijiet oħra. Għaldaqstant, is-sinjali li għandhom jiġu mqabbla huma dawn li ġejjin:

CRISTAL

Image not foundImage not found

trademark preċedenti

trademark li għaliha saret l-applikazzjoni


58     Billi irripeta x'qalet id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, il-Bord ta' l-Appell sostna dan li ġej:

"Id-deċiżjoni [tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni] tindika li, għalkemm hemm numru ta' aspetti li jixxiebhu bejn is-sinjali mqabbla, it-trademarks mhumiex simili mill-aspett viżiv. Għall-kuntrarju, id-differenzi fonetiċi bejn iż-żewġ sinjali mhumiex biżżejjed sabiex jiġu meqjusa differenti, fatt li jwassal għall-konklużjoni dwar ix-xebh mill-aspett fonetiku. Fl-aħħar nett, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sostniet li s-sinjali huma simili mill-aspett kunċettwali u affermat li l-kelma "cristal" tista' tevoka l-prodotti koperti mis-sinjali mqabbla, iżda fl-ebda każ ma tiddeskrivihom."

59     F'dak li jirrigwarda l-paragun bejn is-sinjali fuq il-livell viżiv, għandu jiġi osservat li t-trademark preċedenti hija komposta biss mill-element verbali "cristal", filwaqt li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trademark figurattiva, komposta minn stampa ta' kastell u l-kliem "cristal" u "castellblanch", b'ċirku magħmul bit-tikek madwarhom. Il-kelma "castellblanch" hija miktuba b'tipi grassi u b'ittri ikbar minn dawk tal-kelma "cristal". Għaldaqstant, kif ir-rikorrenti ssostni korrettament, l-attenzjoni tal-konsumatur tmur mill-ewwel fuq il-kelma "castellblanch", peress li l-elementi figurattivi tat-trademark huma purament sekondarji. Madankollu, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-post ċentrali li tokkupa l-kelma "cristal" fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-fatt li t-trademark preċedenti hija kollha kemm hi riprodotta fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, jeżisti ċertu xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti.

60     F'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, għalkemm it-trademarks konfliġġenti huma differenti fir-rigward tan-numru ta' kliem, ta' ittri, ta' sillabi, ta' vokali u ta' konsonanti, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi osservat li jeżisti xebh fonetiku bejn dawn it-trademarks, peress li t-trademark preċedenti hija riprodotta fl-intier tagħha fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-element komuni għaż-żewġ trademarks in kwistjoni jikkoinċidi ma' l-ewwel kelma tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u b'hekk hija l-ewwel waħda li tingħad. Iż-żjieda tal-kelma separata "castellblanch" ma taffettwax dan ix-xebh. Fil-fatt, peress li l-kelma "cristal" hija qasira u tiġbed l-attenzjoni, ma jistax jiġi eskluż li, meta l-prodott jiġi ordnat verbalment, il-konsumatur jgħid biss l-ewwel kelma. Għaldaqstant, it-terminu "cristal" jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-aspett fonetiku. Barra minn hekk, huwa identiku għall-element uniku tat-trademark preċedenti. Għaldaqstant, jeżisti xebh fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti.

61     F'dak li jirrigwarda l-paragun fuq il-livell kunċettwali, għandu jiġi rrilevat li jeżisti xebh bejn is-sinjali. Fil-fatt, iż-żewġ sinjali fihom il-kelma "cristal", li għandha kontenut kunċettwali ċar għall-pubbliku rilevanti inkwantu dan it-terminu jagħti l-idea ta' trasparenza u ta' purezza. Għall-kuntrarju, il-kelma "castellblanch" m'għandha ebda sinifikat ovvju għall-pubbliku rilevanti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kelma "castellblanch" ma tistax tiġi meqjusa bħala l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fuq il-livell kunċettwali. F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kelma "cristal" hija deskrittiva, jew għall-inqas evokattiva, tal-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, ħaġa li tagħtiha karattru sekondarju fi ħdan it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tbiddilx il-kontenut kunċettwali tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li element evokattiv jista' jiġi meqjus bħala l-element dominanti, jekk l-elementi l-oħra tas-sinjal huma inqas karatteristiċi minnu [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Mejju 2005, TeleTech Holdings vs l-UASI – Teletech International (TELETECH GLOBAL VENTURES), T-288/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 86].

62     Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li jeżistu elementi importanti ta' xebh bejn it-trademarks konfliġġenti. Għandha ssir ukoll evalwazzjoni globali ta' jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

63     Ir-rikorrenti ssostni li t-trademark preċedenti għandha biss karattru distintiv dgħajjef, peress li l-kelma "cristal" tiddeskrivi u tevoka l-prodotti in kwistjoni, li hija ma kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu u li jeżistu fis-suq ħafna trademarks oħrajn li fihom il-kelma "cristal", irreġistrati għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 33.

64     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-argument li l-kelma "cristal" kienet indikazzjoni deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni billi kkonstata li dik il-kelma kienet indikazzjoni evokattiva, li tissuġġerixxi l-karattru kristallin ta' l-inbejjed, iżda li, fl-ebda każ, ma tiddeskrivi l-prodott. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, b'mod partikolari wara servej dwar il-fama mwettaq fi Frar 1999 fi Franza, fir-Renju Unit u fl-Italja mill-istitut Gallup France (iktar 'il quddiem is-"servej Gallup"), li kienet ingħatat prova tal-karattru distintiv għoli tat-trademark CRISTAL fis-suq Franċiż.

65     Mis-servej Gallup jirriżulta li t-trademark CRISTAL tgawdi minn fama li hija kważi identika għal dik tat-trademark Dom Pérignon kemm fi Franza kif ukoll fl-Italja u fir-Renju Unit.

66     Għandu jiġi rrilevat li s-servej Gallup eżamina l-"[f]ama tal-vintages ta' xampanja [p]restiġjuża fi Franza, fl-Italja u fir-Renju Unit" fi Frar 1999. Mill-parti intitolata "Kuntest, objettivi u metodoloġija" jirriżulta li r-rappreżentanti ta' l-intervenjenti xtaqu jwettqu studju dwar il-fama tax-xampanja tat-trademark CRISTAL "f'lukandi, restoranti u upmarket cellarmen". F'kull wieħed mill-pajjiżi fejn sar dan l-istudju, twettqu 100 intervista.

67     Għandu jiġi rrilevat li s-servej juri l-fama tat-trademark CRISTAL biss għal parti milll-pubbliku kkonċernat. Fil-fatt, dan is-servej ma eżaminax il-fama tat-trademark CRISTAL fost il-konsumaturi medji, imma fost il-konsumaturi professjonisti, li huma speċjalizzati ħafna f’dan il-qasam. Barra minn hekk, id-dokumenti l-oħra pprezentati mill-intervenjenti ukoll juru biss il-fama għal pubbliku speċjalizzat, peress li huma siltiet minn gazzetti speċjalizzati fil-qasam tal-koltivazzjoni ta’ l-għeneb għall-inbid. Minn dawn id-dokumenti ma jistax jiġi stabbilit li t-trademark CRISTAL tgawdi minn reputazzjoni fost il-konsumaturi medji Franċiżi.

68     Madankollu, anki jekk il-fama jew ir-reputazzjoni tat-trademark preċedenti ma tistax tiġi kkonstatata għall-pubbliku rilevanti kollu, tezisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trademarks konfliġġenti, li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-identità jew, għall-inqas, ix-xebh kbir bejn il-prodotti in kwistjoni u x-xebh bejn is-sinjali korrispondenti. Il-kwistjoni jekk it-trademark preċedenti għandha jew m'għandhiex karattru distintiv intrinsikament għoli wkoll hi rrilevanti.

69     Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trademark għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24), huwa biss element fost oħrajn involuti f’dik l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki f’każ ta’ trademark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari minħabba xebh bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs l-UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61].

70     F’kull każ, il-kelma “cristal” bl-ebda mod m’hija deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni, iżda tista’ tiġi kkunsidrata bħala evokattiva. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li t-trademark CRISTAL għandha karattru distintiv medju, iżda mhux dgħajjef, kif issostni r-rikorrenti.

71     F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jeżistu trademarks oħrajn li fihom il-kelma “cristal” irreġistrati għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 33, li jagħti prova tal-karattru dgħajjef tat-trademark preċedenti kif ukoll tal-koeżistenza paċifika bejn it-trademarks in kwistjoni, huwa biżżejjed li jingħad li mhuwiex stabbilit li dawn it-trademarks għandhom xi effett jew jikkorrispondu għal użu b’relazzjoni għall-prodotti in kwistjoni u b’mod partikolari l-inbejjed bil-gass.

72     Barra minn hekk, anki jekk mhuwiex totalment eskluż li, f’ċerti każijiet, il-koeżistenza ta’ trademarks preċedenti fis-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u mill-Bord ta’ l-Appell bejn żewġ trademarks konfliġġenti, tali possibbiltà tittieħed in kunsiderazzjoni biss jekk, għall-inqas, matul il-proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut quddiem l-UASI, l-applikant tat-trademark Komunitarja ikun wera suffiċjentement li l-imsemmija koeżistenza tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, bejn it-trademarks preċedenti minnu invokati u t-trademark preċedenti ta’ l-intervenjenti li fuqha tkun ġiet ibbażata l-oppożizzjoni u bil-kundizzjoni li t-trademarks preċedenti in kwistjoni u t-trademarks konfliġġenti jkunu identiċi [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs l-UASI – Sadia (GRUPO SADA), T-31/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86].

73     F'din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedimenti amministrattivi, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element ieħor ħlief kopji ta’ ritratti ta’ ċerti reġistrazzjonijiet ta’ trademarks invokati kif ukoll ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni in sostenn ta’ l-allegazzjoni li dawn ir-reġistrazzjonijiet jikkoeżistu fis-suq flimkien mat-trademark preċedenti ta’ l-intervenjent. Huwa biżżejjed li jingħad li t-trademarks preċedenti in kwistjoni mhumiex identiċi għat-trademarks konfliġġenti. Barra minn hekk, din l-informazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex turi li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trademarks konfliġġenti hija mnaqqsa u, a fortiori, eliminata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GRUPO SADA, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 87).

74     F’dak li jirrigwarda l-allegata koeżistenza tat-trademark preċedenti CRISTAL u tat-trademark nazzjonali CRISTAL CASTELLBLANCH tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jingħad li r-rikorrenti lanqas ma tat prova li l-imsemmija koeżistenza hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-proċess li t-trademarks tar-rikorrenti u ta’ l-intervenjenti kienu s-suġġett ta’ diversi tilwimiet, liema fatt juri għalhekk li din l-allegata koeżistenza mhijiex paċifika.

75     F’dak li jirrigwarda id-diversi deċiżjonijiet nazzjonali invokati mill-partijiet, huwa biżżejjed li jingħad li s-sistema Komunitarja tat-trademarks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli, li tipprova tikseb għanijiet speċifiċi, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47].

76     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

77     Konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

78     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti, konformement mat-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Dicembru 2005.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.