Language of document : ECLI:EU:T:2011:600

Kawża T-439/09

John Robert Purvis

vs

Il-Parlament Ewropew

“Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Skema ta’ pensjoni addizzjonali — Rifjut li parti mill-benefiċċju ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tingħata fil-forma ta’ kapital — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Drittijiet miksuba — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta li tagħti lil Membru parti mill-benefiċċju ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tiegħu fil-forma ta’ kapital

(Artikoli 230 KE u 241 KE)

2.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Drittijiet miksuba — Ksur — Assenza

3.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ kontinwità tal-kuntratti — Ksur — Assenza

4.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Kompetenza tal-Bureau sabiex jadotta l-emenda għal dawn ir-regolamenti li sservi ta’ bażi għall-imsemmija deċiżjoni

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE)

5.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Nuqqas ta’ retroattività — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Ksur — Assenza

6.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il‑pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Ksur — Assenza

7.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Ksur — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1292/2004)

8.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Ksur — Assenza

9.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Obbligu li jiġu kkonsultati s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u l-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Ksur — Assenza

(Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 21(2))

10.    Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti — Ksur — Assenza

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta li tagħti lil Membru parti mill-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali (volontarja) tiegħu fil-forma ta’ kapital, il-motivi invokati mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu għandhom jiġu interpretati bħala invokati esklużivament insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li ġiet formalment imqajma separatament kontra d-deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li fuqha kienet tibbaża l-imsemmija deċiżjoni.

Fil-fatt, peress li l-Artikolu 4 tar-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri, li kien jipprovdi l-possibbiltà għal Membru tal-Parlament li jibbenefika minn parti tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital, ġie mħassar minn din id-deċiżjoni tal-Bureau, id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u ebda possibbiltà oħra ħlief li jiċħad it-talba tar-rikorrent ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 29, 31)

2.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tad-drittijiet miksuba tiegħu sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li l-fatt li jagħti lok għad-dritt għal pensjoni addizzjonali huwa ddefinit mill-Artikolu 1(1) tar-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali bħala l-jum li fih il-Membru jtemm il-funzjonijiet tiegħu u l-fatt li kien għadu ma temmx il-funzjonijiet tiegħu meta daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni, huwa kien għadu ma kisibx id-dritt tiegħu għall-imsemmija pensjoni.

Fil-fatt, il-prinċipju li jipprovdi li rikorrent ma jistax jinvoka dritt miksub ħlief jekk il-fatt li ta lok għad-dritt tiegħu seħħ taħt leġiżlazzjoni preċedenti għall-emenda li saret lil din l-iskema u li huwa jikkontesta bir-rikors tiegħu, għalkemm ġie stabbilit fil-ġurisprudenza li tirrigwarda lill-uffiċjali Ewropej, huwa għandu japplika b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, għall-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tagħhom għandha l-istess element ewlieni karatteristiku bħall-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej, peress li ż-żewġ sistemi jiddefinixxu kalkolu attwarjali li, fil-kuntest tiegħu, il-kontribuzzjoni annwali għandha tikkorrispondi għal terz tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-istess sena.

(ara l-punti 44-46)

3.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali “marbuta mal-kuntratt ta’ pensjoni addizzjonali” u tal-prinċipju ta’ kontinwità ta’ kuntratti sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital.

Fil-fatt, it-twaqqif tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll l-emenda tagħha fil-każ ta’ bżonn għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ organizzazzjoni interna intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Parlament Ewropew u jaqgħu, minħabba f’dan, taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati. Effettivament, f’kull sistema Parlamentari, waħda mill-kwistjonijiet essenzjali hija dik li tiġi żgurata l-indipendenza, inkluża l-indipendenza finanzjarja tal-Membri bħala rappreżentanti tal-poplu, liema Membri huma mistennija jservu l-interess ġenerali ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-garanzija ta’ kumpens finanzjarju xieraq, li jiżgura l-indipendenza tal-Membru, ma għandux ikun limitat biss għas-sempliċi tul tal-mandat iżda għandu jkopri wkoll, sa fejn huwa xieraq, perijodu tranżitorju wara t-tmiem ta’ dan il-mandat u jipprovdi pensjoni, skont iż-żmien li fih il-Membru għamel parti mill-Parlament.

Minn dan isegwi li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kkontestata tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan, fl-interess ġenerali, li jiżguraw l-indipendenza finanzjarja tal-Membri.

Għaldaqstant, id-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn din l-iskema għall-Parlament u għall-Membri jagħmlu parti mill-kuntest ta’ rabta legali li tgħaqqadhom u għaldaqstant ma humiex kuntrattwali iżda jaqgħu taħt id-dritt pubbliku. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmi Membru jkun aderixxa volontarjament mal-imsemmija skema, ma jbiddilx in-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-Parlament, li tibqa’ rregolata mid-dritt pubbliku.

(ara l-punti 59-62)

4.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, billi jibbaża ruħu fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Bureau biex jadottaha.

Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni tidħol fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, hija taqa’ fil-kamp tal-kompetenza tiegħu u tal-miżuri li għandu jieħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE. Issa, l-istituzzjoni u, skont il-każ, l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri għandhom jitqiesu bħala tali miżuri.

(ara l-punt 64)

5.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li t-tħassir ta’ din il-possibbiltà ma japplikax ħlief mid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni lill-Membri kollha u li dawk li temmew il-funzjonijiet tagħhom qabel din id-data u li b’hekk kisbu drittijiet għall-pensjoni addizzjonali, ma ġewx affettwati minn din id-deċiżjoni li ma kellhiex elementi retroattivi.

(ara l-punti 65, 66)

6.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li l-informazzjoni li huwa jinvoka sabiex jistabbilixxi tali ksur ma hijiex preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-possibbiltà li parti minn pensjoni addizzjonali titħallas fil-forma ta’ kapital kienet teżisti fiż-żmien tal-adeżjoni tal-imsemmi Membru, mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, ma jistax jitqies bħala garanzija, min-naħa tal-Parlament, li l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema mhux ser jiġu emendati fil-futur. Bl-istess mod, la jistgħu jitqiesu bħala informazzjoni tali li tiġġustifika l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata, kalkoli proviżjonali tal-pensjoni tagħha stabbiliti mill-amministrazzjoni tal-Parlament, la kalkoli mwettqa f’dan ir-rigward bħala eżempju mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew” u lanqas ir-rikonoxximent min-naħa tal-Bureau tal-Parlament, ta’ obbligu li tiġi ggarantita l-osservanza tal-impenji meħuda fir-rigward tal-persuni li aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali indipendentement mis-sitwazzjoni tal-fond.

(ara l-punti 70-75)

7.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital billi jibbaża ruħu fuq paragun bejn l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri li saret wara li daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-Membri tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Membri tal-Qrati tal-Unjoni li saret wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1292/2004, li jemenda r-Regolamenti Nru 422/67/KEE u Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi s-salarji tal-President u tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-President, l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, il-Membri u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fil-fatt, bil-kontra tal-emendi tal-iskema ta’ pensjoni tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni introdotta mir-Regolament Nru 1292/2004, l-emendi tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri li saru wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 ma kinux jaffettwaw il-valur attwarjali tal-pensjoni li l-affiljati f’din l-iskema tal-aħħar setgħu jistennew.

Għaldaqstant, peress li l-Membri tal-Parlament Ewropew, minn naħa, u l-Membri tal-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li huma essenzjalment differenti għal dak li jikkonċerna l-impatt tal-emendi tal-iskemi ta’ pensjoni tagħhom li saru wara d-dħul fis-seħħ, rispettivament, tal-imsemmija deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament u tar-Regolament Nru 1292/2004, setgħu jingħataw trattament differenti għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 86, 87, 89)

8.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital peress li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu sabiex jirregola l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri, il-Parlament seta’ jipprova jilħaq l-għanijiet, imsemmija f’din id-deċiżjoni, b’mod leġittimu, peress li l-miżuri meħuda fil-kuntest tagħha sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu kienu adatti għal dan u peress li l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital kienet il-miżura l-inqas restrittiva għall-affiljati tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

(ara l-punti 93, 94, 114, 116, 117)

9.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-Artikolu 29 tar-regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri, li jipprovdi li l-Kwesturi u s-Segretarju Ġenerali għandhom jiżguraw, fuq l-istruzzjonijiet tal-President, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni stretta tal-imsemmija regolamenti, sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża biss għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u mhux għall-emendi tagħhom u li l-Bureau kellu l-kompetenza sabiex jemenda dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li temenda ttieħdet fuq proposta tal-imsemmi Segretarju Ġenerali u, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-Kwesturi jipparteċipaw għal-laqgħat tal-Bureau f’kapaċità konsultattiva.

(ara l-punti 121-123)

10.    Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li r-relazzjonijiet bejn l-imsemmi Membru u l-Parlament jagħmlu parti mir-rabta statutorja li torbot lill-Membru mal-Parlament u għaldaqstant jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati.

(ara l-punti 124-126)