Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Novembru 2009 - Azienda Agricola Bracesco vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-440/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Azienda Agricola Bracesco Srl (Orgiano, l-Italja) (rappreżentanti: F. Tosello, avukat, S. Rizzioli, avukat, C. Pauly, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex, skont l-Artikoli 235 u 288(2) tat-Trattat KE, tħallas bħala danni favur il-kumpannija Azienda Agricola Bracesco s.r.l, li attwalment tinsab fi stralċ, l-ammont ta' EUR 335 000, jew kwalunkwe ammont ieħor stabbilit matul il-proċedura u li, fi kwalunkwe każ, ikun stabbilit mill-qorti, minbarra l-imgħax legali minn meta l-ammont isir dovut sad-data effettiva tal-ħlas;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea jinsab fil-kuntest ta' miżuri Komunitarji tal-ġlieda kontra l-influwenza avjarja.

F'dan ir-rigward, qed jiġi sostnut illi, minħabba t-tfixkil fis-suq Ewropew tat-tjur kkawżat minħabba t-tnaqqis tal-prezzijiet wara t-tnaqqis tad-domanda mill-konsumaturi, marbuta, minn naħa tagħha, mat-tixrid tal-influwenza avjarja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li tintervjeni permezz tar-Regolament Nru 1010/20061, li jipprovdi miżuri ta' sostenn favur il-bdiewa.

Madankollu, minkejja li l-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward is-saħħa tal-annimali; tinkludi s-summien fil-kunċett ta' tjur, il-produtturi tal-għasafar involuti fit-trobbija u fil-qatla ta' din l-ispeċi ġew esklużi mingħajr ebda raġuni mill-benefiċċju tal-għajnuna.

Ir-rikorrenti, Azienda Agricola Bracesco s.r.l fi stralċ, tallega li sofriet danni mhux iġġustifikati minħabba mġiba tal-Kummissjoni Ewropea, li tikkostitwixxi vjolazzjoni gravi u manifest ta' wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Komunitarju, jiġifieri il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2006, tat-3 ta' Lulju 2006, li jikkonċerna ċerti miżuri eċċezzjonali ta' sostenn tas-suq fis-setturi tal-bajd u tat-tjur f'ċerti Stati Membri (ĠU L 180, p.3).