Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2009 - SE.RI.FO. vs Il-Kummissjoni u L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

(Kawża T-438/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Serifo Srl (Napoli, l-Italja) (rappreżentanti: R. de Lorenzo, P. Kivel Mazuy, u G. Ruberto, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej; L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, li d-data u d-dettalji tagħha mhumiex magħrufa, li permezz tagħha l-EACEA, fil-kuntest tal-Lifelong Learning Programme, approvat il-lista tal-proġetti, li jagħmlu parti mill-programm trasversali "KA3 ICT Multilateral Projects" u li ntgħażlu għal kofinanzjament Komunitarju, u l-lista ta' riżerva, u dan sa fejn il-proġett "V-3DAS" Nru 505690-2009-LLP-IT-KA3-KA3MP, ippreżentat minn Se.Ri.Fo. s.r.l. ġie inkluż fil-lista ta' riżerva minflok f'dik tal-proġetti ffinanzjati.

tannulla n-nota tal-21 ta' Settembru 2009, li waslet fit-22 ta' Settembru 2009, li permezz tagħha l-EACEA bagħtet lil Se.Ri.Fo. s.r.l. l-evalwazzjonijiet dwar il-proġett "V-3DAS" magħmula mill-esperti esterni tal-Aġenzija u l-marki mogħtija.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ħadet sehem fis-sejħa tal-2009 taħt il-Programm ta' azzjoni Komunitarju fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (Lifelong Learning Programme) ippreżentat mill-Aġenżija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (Educational, Audiovisual and Culture Executive Agency, iktar 'il quddiem l-"EACEA") permezz tal-proġett V-3DAS li jagħmel parti mill-Programm Trasversali - attività ewlenija 3 "ICT".

Il-kandidaturi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Gwida għall-proponenti 2009, ġew evalwati minn esperti esterni tal-EACEA. Peress li kiseb marka ta' 30.5 minn massimu ta' 40 (jiġifieri 76.3 % tal-marka massima), meta mqabbel mal-31 punt meħtieġa sabiex jiġi inkluż fil-lista tal-proġetti ffinanzjati (jiġifieri 77.5 % tal-marka massima), il-proġett ippreżentat mir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta' riżerva, lista li tista' tintuża sabiex isiru għotijiet sussegwenti fil-każ li jkun hemm fondi disponibbli minħabba li jiġu rtirati proġetti approvati jew minħabba li jiżdied il-baġit tal-Programm.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjonijiet tal-esperti esterni tal-EACEA dwar il-proġett ippreżentat minnha u l-marki rispettivi mogħtija mill-istess esperti għal kull kriterju għall-għoti huma vvizzjati minħabba n-natura apodittika tal-motivazzjoni, minħabba żball fl-applikazzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni u minħabba kontradizzjonijiet inerenti u nuqqas ta' loġika fl-evalwazzjonijiet. Dawn l-irregolaritajiet kienu deċiżivi għall-esklużjoni tal-proġett ippreżentat mir-rikorrenti mil-lista tal-proġetti ffinanzjati, esklużjoni li seħħet minħabba 0.5 ta' punt biss.

F'dan ir-rigward qed jiġi enfasizzat li, fl-Artikolu 109 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, jipprovdi, fir-rigward ta' għotjiet, li, "L-għoti ta' flejjes għandu jkun suġġett għall-prinċipji ta' trasparenza u trattament ugwali".

____________