Language of document : ECLI:EU:T:2008:187

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

10 ta’ Ġunju 2008

Kawża T-127/07 P

Francesco Bligny

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Kundizzjonijiet għall- ammissjoni – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-korrezzjoni tal-eżami bil-miktub – Avviż ta’ kompetizzjoni – Applikazzjoni inkompleta – Prova taċ-ċittadinanza – Appell manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tal-15 ta’ Frar 2007, Bligny vs Il-Kummissjoni (F-142/06 u F-142/06 AJ, Ġabra I-A-0000), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Francesco Bligny għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

2.      Uffiċjali – Kompetizzjonijiet – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

1.      Il-kunċett ta’ żball skużabbli li jirriżulta mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ termini għall-preżentata ta’ rikors huwa applikabbli, b’analoġija, fil-qasam tat-termini mandatorji previsti għall-preżentata ta’ att jew ta’ dokument quddiem l-amministrazzjoni nifisha. Dan il-kunċett, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni kkawżat l-iżball imwettaq minħabba mġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Mejju 1991, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑12/90, Ġabra p. II‑219, punt 29

2.      Applikazzjoni għal kompetizzjoni għall-aċċess għas-servizz pubbliku Ewropew, li t-termini ċari u mhux ekwivoki tiegħu jippreċiżaw in-neċessità li jinthemeż, taħt piena ta’ nullità, dokument li jipprova ċ-ċittadinanza tal-kandidat, mhuwiex ta’ natura li jwassal għal żball ta’ kandidat li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata, li ma jistax raġonevolment jasal għall-konklużjoni li l-att ta’ kandidtatura tiegħu seta’ jkun ammissibbli mingħajr ma nthemeż tali dokument ta’ prova, u dan anki fin-nuqqas ta’ riferiment, fl-applikazzjoni, għad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li jimponi dan l-obbligu.

(ara l-punti 44 sa 46)