Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2024 – Northtechnic vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-6/24)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: “Northtechnic” OOD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: Y. Stoychev, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment, sa fejn tikkonċernaha, bħala illegali d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ottubru 2023 dwar id-determinazzjoni, konformement mar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra 1 , tal-valuri ta’ referenza għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2024 għal kull produttur jew importatur li qiegħed, legalment, idrofluworokarburi fis-suq tal-Unjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, kif jipprevedi r-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014 u tal-Anness V fil-konfront tagħha.

Il-valur ta’ referenza fir-rigward tar-rikorrenti ġie ddeterminat mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ idrofluworokarburi li hija legalment qiegħdet fis-suq fis-sena 2016.

It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Il-Kummissjoni Ewropea ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ idrofluworokarburi li r-rikorrenti qiegħdet fis-suq fl-2016 sabiex tiddetermina l-valur ta’ referenza fir-rigward tar-rikorrenti għas-sena 2024.

It-tielet motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Is-sempliċi riferiment għar-Regolament Nru 517/2014 ma huwiex suffiċjenti bħala bażi għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ma huwiex possibbli għar-rikorrenti li tidentifika r-raġunijiet għaliex il-valur ta’ referenza fil-konfront tagħha għas-sena 2024 ġie ddeterminat mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ idrofluworokarburi li hija qiegħdet fis-suq fl-2016.

____________

1     Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 517/2014”) (ĠU 2014, L 150, p. 195).