Language of document : ECLI:EU:T:2017:599

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Settembru 2017 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna reġjonali għall-investiment – Għajnuna mill-Ġermanja għal proġett kbir ta’ investiment ta’ BMW f’Leipzig dwar il-produzzjoni ta’ żewġ mudelli ta’ vetturi elettriċi (i3 u i8) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – L-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna – Neċessità tal-għajnuna”

Fil-Kawża T-671/14,

Bayerische Motoren Werke AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Rosenthal, G. Drauz u M. Schütte, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Lübbig u K. Gaßner, avukati,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Erlbacher, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti, imbagħad minn T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjalment tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4531 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 32009 (2011/C) (ex 2010/N), li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qiegħda tippjana li tagħti lil BMW għal proġett kbir ta’ investiment f’Leipzig,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bayerische Motoren Werke AG, hija l-kumpannija parent tal-grupp Bayerische Motoren Werke (iktar 'il quddiem “BMW”), li l-attività prinċipali tagħha hija l-manifattura ta’ vetturi bil-mutur u muturi tal-marki BMW, MINI u Rolls-Royce.

2        Fit-30 ta’ Novembru 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat, taħt l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq [intern] skont l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (ĠU 2008, L 214, p. 3), għajnuna f’ammont nominali ta’ EUR 49 miljun li hija kellha l-intenzjoni li tagħti li skont l-Investitionszulagengesetz 2010 (liġi dwar l-għajnuna għall-investimenti), tas-7 ta’ Diċembru 2008, kif emendata (BGBl. 2008 I, p. 2350, iktar 'il quddiem l-“IZG”), għall-kostruzzjoni f’Leipzig (il-Ġermanja) ta’ sit ta’ produzzjoni għall-manifattura tal-vettura elettrika i3 u tal-vettura ibrida riċiklabbli i8 ta’ BMW, konformement mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għajnuna reġjonali għall-perijodu 2007-2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”). In-notifika kienet tindika spejjeż ta’ investiment ta’ EUR 392 miljun (jiġifieri EUR 368.01 miljun barra interessi) u intensità ta’ għajnuna ta’ 12.5. Il-ħlas attwali tal-għajnuna kien ikkundizzjonat fuq l-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

3        Il-Kummissjoni, wara li kisbet xi informazzjoni addizzjonali, iddeċidiet li tiftaħ, fit-13 ta’ Lulju 2011, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u kisbet, insegwitu, l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan ir-rigward. Fit-13 ta’ Diċembru 2011, id-deċiżjoni intitolata “Għajnuna mill-Istat — il-Ġermanja — Għajnuna mill-Istat SA.32009 (11/C) (ex 10/N) (ex 10/N) — LIP — Għajnuna lill-BMW Leipzig — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011 C 363, p. 20). Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija ma rċevietx osservazzjonijiet min-naħa ta’ terzi.

4        Fis-17 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet Ġermaniżi emendaw in-notifika inizjali sabiex jinkludu għajnuna għal element ta’ investiment addizzjonali. Dan kien deċiż mill-benefiċjarju tal-għajnuna wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-kuntest, diversi kjarifiki ntalbu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li għaldaqstant ipprovdiethom lill-Kummissjoni. B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat ukoll lill-Kummissjoni b’modifiki oħra tal-proġett ta’ għajnuna, li jikkonċernaw it-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna u l-intensità tagħha.

5        Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 4531 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32009 (2011/C) (ex 2010/N) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-Artikolu 1 huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna mill-Istat li [r-Repubblika Federali tal-] Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta favur investiment [tar-rikorrenti] f’Leipzig, li tammonta għal EUR 45257273 hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun limitata għal ammont ta’ EUR 17-il miljun (fi prezzijiet tal-2009); l-ammont lil hinn minn dan (EUR 28,257,273) huwa inkompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk l-għajnuna tista’ tiġi implimentata biss sal-ammont ta’ EUR 17-il miljun.”

6        Fir-rigward tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fil-premessa 113 tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li, billi nnotifikat il-miżura ta’ għajnuna ppjanata qabel ma daħlet fis-seħħ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet osservat l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) TFUE u l-obbligu ta’ notifika individwali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008. Insegwitu, fil-premessi 114 sa 123 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod partikolari li ser tipproċedi skont il-linji gwida u speċifikament fil-punt 4.3 tagħha, intitolat “Għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment”, u l-Komunikazzjoni tagħha rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU 2009, C 223, p. 3). F’dan il-kuntest, wara li ddeterminat li l-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 65 tal-linji gwida, dwar il-ħolqien ta’ suq ġdid ta’ prodotti, ma kienx applikabbli f’dan il-każ, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni, konformement mal-paragrafu 68(i) u (ii) tal-linji gwida, sabiex tistabbilixxi jekk il-limiti li kienu previsti kinux ser jinqabżu hekk li kellha twettaq evalwazzjoni fil-fond tal-għajnuna nnotifikata. B’hekk hija waslet, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tevalwa jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna kellhiex parti mis-suq li jaqbeż 25 % tas-suq tal-prodotti u s-suq ġeografiku inkwistjoni. Il-Kummissjoni argumentat li, għalkemm l-imsemmija swieq ma setgħux jiġu ddefiniti b’mod konklużiv, hija kellha tevalwa jekk il-benefiċjarju kellux tali parti mis-suq għal-inqas f’wieħed mis-swieq plawżibbli. Hija, barra min hekk, enfasizzat li tali evalwazzjoni fil-fond, jekk kellha ssir, ma tippreġudika bl-ebda mod l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

7        Rigward, b’mod aktar partikolari, id-determinazzjoni tas-swieq tal-prodotti rilevanti, l-ewwel nett, il-Kummissjoni, essenzjalment, indikat, fil-premessi 124 sa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha “dubji” dwar jekk il-vetturi elettriċi u ibridi kinux jagħmlu parti mis-suq ġenerali tal-vetturi konvenzjonali. It-tieni nett, fil-premessi 128 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, enfasizzat l-importanza partikolari tal-analiżi tas-swieq fir-rigward tal-vetturi i3, mudelli purament elettriċi (Battery Electric Vehicles), sa fejn il-fatt li dan il-mudell qabeż il-limiti rilevanti dwar mill-inqas wieħed mis-swieq plawżibbli kellu jkun biżżejjed sabiex issir l-evalwazzjoni fil-fond, mingħajr ma l-Kummissjoni kellha titħasseb li tiddetermina s-suq rilevanti għall-vetturi i8, mudelli ibridi rikarikabbli (Plug-in Hybrid Electric Vehicles). Barra minn hekk, hija qieset li ma setgħetx tikkonkludi b’ċertezza li dawn il-vetturi kienu jaqgħu fis-segmenti C u D tas-suq konvenzjonali, skont il-“klassifikazzjoni ta’ IHS Global Insight”. It-tielet nett, fil-premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni reġgħet esprimiet riżervi dwar jekk is-suq rilevanti kienx dak tal-vetturi elettriċi fis-segmenti magħquda tiegħu C u D. Fil-fatt, wara li kkonstatat li s-swieq tal-prodotti plawsibbli għandhom jinkludu l-iktar livell baxx li għaliha statistiċi kienu disponibbli, hija enfasizzat li kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari li possibbilment seta’ jkun hemm, jiġifieri l-pożizzjoni dominanti li jokkupa l-benefiċjarju ta’ għajnuna f’wieħed mis-segmenti C u D tas-suq tal-vetturi elettriċi.

8        Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, il-Kummissjoni, essenzjalment, iddikjarat fil-premessi 135 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata li l-allegazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skontha s-suq globali kellu jkun irrikonoxxut bħala s-suq rilevanti għall-vetturi elettriċi ma kinitx akkumpanjat minn indikazzjonijiet iddettaljati biżżejjed dwar il-fatturi previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-għanijiet tad-dritt Komunitarja tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5). Għaldaqstant, u fid-dawl tal-informazzjoni li kienet ipprovduta lilha, il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li ma setgħetx teskludi lil hinn minn kwalunkwe dubju li ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ikkostitwixxiet is-suq ġeografiku rilevanti għall-vetturi elettriċi jew ibridi.

9        F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-premessi 141 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat il-partijiet tas-suq li r-rikorrenti, bħala benefiċjarja tal-għajnuna, teoretikament kienet ser tikseb fuq ċerti swieq potenzjali u, konsegwentement, iddeċidiet dwar l-applikabbiltà tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment. Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan il-kuntest, li, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, skont is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni (T-304/08, EU:T:2012:351), hija kienet obbligata li twettaq evalwazzjoni fil-fond fil-każijiet kollha fejn l-effetti pożittivi ta’ għajnuna reġjonali ma jegħlbux b’mod ċar l-effetti negattivi possibbli tagħha, anki meta ma jkunux inqabżu l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 68 tal-linji gwida. Preċedentement, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda prova li turi li ma kienx hemm “distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni” ma kienet prodotta u li għajnuna li tammonta għal EUR 50 miljun għal proġett ta’ investiment ta’ EUR 400 miljun kellha ċertament potenzjal sinjifikattiv sabiex toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni.

10      Insegwitu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni fil-fond tal-għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha teżamina fid-dettall, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fil-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex meħtieġa sabiex toħloq effett ta’ inċentiv għall-proġett ta’ investiment u jekk il-vantaġġi ta’ din il-miżura jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li ħolqot u l-effetti konnessi ta’ din id-distorsjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

11      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat, fil-premessi 160 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna nnotifikata kien intwera mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u dan abbażi tat-tieni xenarju previst mill-KKomunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, jiġifieri dak dwar iċ-ċirkustanzi li fihom, fl-assenza ta’ għajnuna, l-investiment inkwistjoni kien ikun twettaq f’reġjun ieħor tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni enfasizzat, fuq dan il-livell, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet sostniet li l-bini tal-fabbrika f’München (il-Ġermanja) kienet tikkostitwixxi miżura alternattiva għas-sit ta’ Leipzig. Il-Kummissjoni b’mod partikolari ddikjarat li mid-dokumenti rilevanti, ippreżentati lill-bord tad-diretturi tar-rikorrenti f’Diċembru 2009, jirriżulta li “s-sit ta’ München kellu joħloq, fl-asenza tal-għajnuna […], EUR 17-il miljun fi spejjeż inqas mis-sit ta’ Leipzig”. Wara li enfasizzat li fattur ieħor, ukoll dwar l-għażla tal-post ta’ stabbiliment tal-investiment, kien jinsab fl-opportunità strateġika fit-tul sabiex tiżdied iktar il-kapaċità ta’ produzzjoni, iżda li dan il-fattur ma ġiex espress mill-impriża f’termini monetarji, il-Kummissjoni enfasizzat dokumenti interni oħra tal-impriża li jikkonfermaw “li l-possibbiltà li tinkiseb għanuna mill-Istat ta’ EUR 50 miljun kien[et] analizzata bi preprazzjoni għad-deċiżjoni fuq l-investiment u fuq il-post ta’ stabbiliment”.

12      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, fil-premessi 174 sa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’sitwazzjoni li tikkorrispondi għat-tieni xenarju, skont il-paragrafu 33 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment “dwar inċentiv għall-għażla ta’ post ta’ stabbiliment, l-għajnuna […] titqies proporzjonali jekk [kienet] ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti sabiex tinvesti fir-reġjun megħjun u dawk sabiex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i)”.

13      Rigward dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-ammont ta’ EUR 17-il miljun, li jinkludu d-differenza fl-ispejjeż bejn iż-żewġ siti (Leipzig u München), ikkalkulata abbażi tal-ispejjeż ta’ investiment inerenti għall-prodotti, l-ispejjeż ta’ investimenti strutturali, l-ispejjeż ta’ ppjanar u tal-bidu, l-ispejjeż ta’ provvista, l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż loġistiċi u d-dazji doganali għat-trasport internazzjonali, għandhom jitqiesu bħala l-ammont tal-għajnuna li tikkostitwixxi l-“minimu neċessarju sabiex tinfluwenza d-deċiżjoni tal-benefiċjarju tagħha fuq il-post ta’ stabbiliment”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li dan l-ammont huwa proporzjonat fid-dawl tal-għan ta’ promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali segwit mill-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-possibbiltà strateġika ta’ żieda tal-kapaċità ta’ produzzjoni f’Leipzig, li ma kinitx teżisti fis-sit ta’ München, ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna nnotifikata, peress li din il-fakultà kienet rilevanti biss fit-tul, u, għaldaqstant, lil hinn miċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni.

14      Fil-premessi 176 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-proporzjonalità ta’ miżura ma kellhiex tkun evalwata biss abbażi ta’ dokumenti li kienu jirriflettu s-sitwazzjoni fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post ta’ stabbiliment, iżda wkoll fid-dawl tal-ispejjeż supplimentari effettivi, jiġifieri, f’dan il-każ, billi jittieħed kont ta’ ammont totali ta’ EUR 50 miljun, li kien jinkludi spejjeż addizzjonali ta’ EUR 29 miljun, “li dehru qabel tmiem l-2012”. Essenzjalment, il-Kummissjoni ddikjarat, f’dan ir-rigward, li ma kienx permess li jintwera l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna abbażi ta’ dokumenti li kellhom totalment differenti dwar l-iżvantaġġi u l-ispejjeż netti tal-investiment fis-sit tar-reġjun megħjun. Skont il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda dritt tal-użu ta’ dokumenti li jagħtu dettalji ta’ spejjeż li kienu inkorsi diversi snin wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-post ta’ stabbiliment inkwistjoni, u dan minkejja li x-xogħlijiet dwar il-proġett ta’ investiment kienu diġà bdew.

15      Fil-premessi 190 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li evalwat l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni bbilanċjathom, billi konstatat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 17-il miljun jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll ir-riperkussjonijiet eventwali ekonomiċi u soċjali fuq is-sit alternattiv, li kien jinsab f’reġjun iktar ivvantaġġat.

16      Fl-aħħar nett, fil-premessi 199 sa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-kompetenza tagħha sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern skont il-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment hija limitata għall-parti tal-ammont tal-għajnuna li hija ogħla mil-limitu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Fl-4 ta’ Diċembru 2014 il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

18      Skont l-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ġiet ippubblikata opinjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, C 439, p. 30), dwar ir-rikors ippreżentat f’din il-kawża.

19      Fit-28 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-replika u, fil-11 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

20      Fis-16 ta’ Jannar 2015, l-intervenjent, Freistaat Sachsen, ressaq talba għal intervent insostenn tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 u l-10 ta’ Frar 2015, rispettivament. Din it-talba għal intervent intlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2015.

21      Fit-3 ta’ Lulju 2015, l-intervenjent ippreżenta fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali in-nota ta’ intervent, li fuqha r-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-14 ta’ Settembru 2015.

22      Fis-17 ta’ Settembru 2015, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Il-Kummissjoni indikat, fit-22 ta’ Settembru 2015, li hija ma kinitx qed titlob iż-żamma ta’ seduta. Ir-rikorrenti indikat, fis-7 ta’ Ottubru 2015, li hija xtaqet tinstema’.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali tal-proċedura.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata “sa fejn tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern is-somma ta’ EUR 28 257 273, li tikkorrispondi għall-parti mill-għajnuna ta’ EUR 45 257 273 mitluba li teċċedi EUR 17-il miljun”;

–        sussidjarjament, “tannulla [l-imsemmija deċiżjoni] sa fejn tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern is-somma ta’ EUR 22.50 miljun, eżentata mill-obbligu ta’ motifika bl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      L-intervenjent talab, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi skont it-talbiet imressqa mir-rikorrenti.

 Id-dritt

28      L-appellanti tinvoka tliet aggravji. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u t-tielet motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tar-Regolament Nru 800/2008, li jirriżulta mil-limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għal ammont inqas mill-ammont eżentat tal-obbligu ta’ notifika.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) KE

29      It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari. It-tieni parti tirrigwarda l-allegata assenza ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali. It-tielet parti tirrigwarda l-evalwazzjoni manifestament żbaljata ta-natura applikabbli tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

30      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn din tal-aħħar ma talbitx sabiex jingħelbu, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fid-definizzjoni tas-suq rilevanti. Skontha, għalkemm il-Kummissjoni kienet osservat il-prinċipju ta’ ġestjoni tajba u interpretat b’mod korrett il-paragrafu 68(i) tal-linji gwida, hija ma għamlitx evalwazzjoni fil-fond tal-għajnuna inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkritikaha wkoll li astjeniet billi tidħol fi djalogu kostruttiv mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u magħha.

31      L-intervenjent isostni, essenzjalment, li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-oneru tal-prova, li fuqha hija tibbaża l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma hijiex konvinċenti. Skont l-intervenjent, ma kinitx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kellha tipproduċi l-prova dwar l-“assenza ta’ diffikultajiet serji”, jiġifieri fatt negattiv. Il-Kummissjoni ma setgħetx lanqas, skontha, tistaħba wara allegata insuffiċjenza ta’ informazzjoni rċevuta.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjent.

33      Il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami preliminari tal-għajnuna mill-Istat ippjanata, li għandu l-għan li jippermettilha tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija, min-naħa tagħha, intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi interessati u barra minn hekk għandha tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari billi tirċievi l-osservazzjonijiet ta’ terzi interessati u tal-Istati Membri. Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tiftaħ din il-proċedura, il-Kummissjoni għandha, madankollu, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-identifikazzjoni u fl-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tiftaħ djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, id-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Skont il-ġurisprudenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi għall-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom waqt l-eżami tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-ewwel nett, l-Artikolu 108 TFUE jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern wara l-proċedura ta’ eżami preliminari biss għal dawk il-miżuri li ma jqajmux diffikultajiet serji, b’tali mod li dan il-kriterju huwa ta’ natura esklużiva. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija tal-proċedura jew kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      It-tieni nett, meta l-Kummissjoni tiffaċċja diffikultajiet serji, hija għandha tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali u, f’dan ir-rigward, ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, min-natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżami tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji huwa intiż sabiex ikun magħruf jekk il-Kummissjoni kellhiex, meta adottat id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, informazzjoni ddettaljata biżżejjed sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T-36/06, EU:T:2010:61, punt 129). Il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal-Artikolu 108(3) sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli dwar miżura ta’ Stat biss jekk hija f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, wara eżami preliminari, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) KE, jew inkella, jekk tikkwalifika bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T-36/06, EU:T:2010:61, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni fid-dawl tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)TFUE, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-Unjoni u ma tistax toqgħod lura milli tevalwa l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq is-suq jew is-swieq rilevanti fiż-ŻEE kollha. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika li dawn il-miżuri huma tali li jikkontribwixxu effettivament għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kkonċernati, iżda wkoll tevalwa l-impatt ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, tevalwa r-riperkussjonijiet settorjali li din tista’ toħloq fl-Unjoni kollha (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti invokati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T-29/10 u T-33/10, EU:T:2012:98, punti 102 et seq).

43      Madankollu, peress li adottat ir-regoli ta’ kondotta u peress li stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm 'il quddiem għall-każijiet li jikkonċernawhom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm ma tagħtix raġunijiet li jiġġustifikaw, fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji, il-fatt li hija qed titbiegħed mir-regoli tagħha stess (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 68 tal-linji gwida b’mod partikolari jistabbilixxi limitu tal-partijiet tas-suq (25 %) li jekk jinqabżu jġiegħel lill-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali previst fl-Artikolu 108(2) TFUE, u dan anki jekk, a priori, hija tal-fehma li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, ma jirriżultax minn din ir-regola li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiġi eskluża meta dawn il-limiti ma jinqabżux u li l-Kummissjoni hija obbligata, f’każijiet bħal dawn, li tikkunsidra l-għajnuna direttament bħala kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punti 85, 86 u 88). Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-Kummissjoni għandha ċertament, dejjem il-fakultà li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda hija ma tistax tiġġustifika din id-deċiżjoni billi ssostni li hija kostretta mill-paragrafu 68 tal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punti 88).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward, hija ddikjarat, b’mod partikolari, li hija ma setgħetx teskludi li l-limitu stabbilit fil-paragrafu 68(i) tal-linji gwida kien inqabeż mill-inqas għal xi swieq tal-prodotti rilevanti.

46      Għandu jiġi kkonstatat li, meta ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

47      Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 44 iktar 'il fuq, fil-preżenza ta’ diffikultajiet serji, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, irrispettivament minn jekk il-limitu tal-partijiet tas-suq ta’ 25 % stabbilit fil-paragrafu 68(i) tal-linji gwida inqabiżx.

48      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta adottat il-paragrafu 68(i) tal-linji gwida, il-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali meta l-limitu tal-partijiet tas-suq ta’ 25 % kien inqabeż (ara l-punt 44 iktar 'il fuq). Issa, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta rrilevat li, fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, hija ma setgħetx teskludi li dan il-limitu kien inqabeż.

49      Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda tentattiv, matul il-proċedura għal investigazzjoni preliminari, sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, wara n-notifika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li indikat bħala suq tal-prodotti rilevanti s-suq tal-vetturi elettriċi jew, sussidjarjament, il-vetturi konvenzjonali kollha u, f’dan il-qafas, possibbilment, is-segmenti C u D skont il-“klassifikazzjoni ta’ IHS Global Insight”, filwaqt li enfasizzat il-problema li tirriżulta minn tali segmentazzjoni għas-settur tal-vetturi elettriċi, minkejja li, rigward id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, huwa s-suq globali li kien indikat, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2011, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għaliha fl-1 ta’ Marzu 2011.

50      B’mod iktar partikolari, mill-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2011 jirriżulta li l-informazzjoni addizzjonali mitluba tikkonċerna b’mod partikolari r-raġunijiet għaliex is-suq tal-vetturi elettriċi kien propost bħala suq rilevanti u mhux suq iddefinit b’mod iktar strett jew b’mod differenti kif ukoll ir-raġunijiet għaliex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qieset li suq integrat globali tal-vetturi elettriċi kien ser jinħoloq, li jinkludi flussi kummerċjali mifruxa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fittxet li tikseb ċerti studji indipendenti addizzjonali u analiżijiet dwar is-segmentazzjoni prevedibbli tas-suq inkwistjoni. It-talbiet kollha għal informazzjoni msemmija iktar 'il fuq għandhom jitqiesu fil-kuntest kif jirriżulta mill-punti 14 u 15 tal-ittra inkwistjoni, li minnha jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni qieset li kien diffiċli li tagħmel analiżi fil-futur fis-settur inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li ma setax jiġi eskluż li r-rikorrenti setgħet takkwista, b’mod partikoalri fuq is-segmenti magħquda C u D tas-suq tal-vetturi elettriċi fiż-ŻEE, parti li teċċedi l-25 %. B’hekk, hija qieset neċessarju li titlob informazzjoni ddettaljata dwar id-diversi segmenti potenzjalment rilevanti.

51      Wara t-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-1 ta’ Marzu 2011, li fiha kienu innotati b’mod partikolari partikolarment problemi dwar id-delimitazzjoni tas-swieq rilevanti, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2011, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-mudelli i3 u i8 jew ukoll informazzjoni ddettaljata dwar is-suq ġeografiku rilevanti. It-tweġiba ġiet ikkomunikata lilha fil-25 ta’ Mejju 2011.

52      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tikkritika l-insuffiċjenza ta’ ċerta informazzjoni miksuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar is-suq tal-prodotti u s-suq ġeografiku rilevanti. Fil-fatt, mid-diversi ittri msemmija iktar 'il fuq, moqrija flimkien mad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat, fil-kuntest tagħha, l-informazzjoni diġà miksuba u kkonkludiet li ma kienx possibbli li tieħu pożizzjoni definittiva, b’mod partikolari rigward id-delimitazzjoni tas-swieq rilevanti, mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex tistaqsi lil terzi dwar il-punti fejn kompliet tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji. Fir-rigward tas-suq ġeografiku, b’mod partikolari fil-mira tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat li l-elementi li kienet kisbet ma ppermettewx li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza attwali ta’ suq globali għall-prodotti inkwistjoni. Elementi addizzjonali ġew ukoll mitluba permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2012.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa ġustament li l-Kummissjoni enfasizzat id-diffikultajiet u l-inċertezzi li ltaqgħet magħhom, peress li anki r-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizzat, fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Marzu 2011, il-problemi dwar id-delimitazzjoni tas-swieq rilevanti. L-ewwel nett, hija sostniet li s-suq tal-vetturi elettriċi jew tal-vetturi elettriċi ħfief ma kienx għadu jista’ jiġi ddefinit u li s-suq tal-vetturi ibridi “kellu tendenza li jiftaħ biss għal-livell ta’ segmenti ogħla”, jiġifieri s-segmenti E u F. Għaldaqstant, huwa s-suq globali tal-vetturi konvenzjonali, kollu kemm hu, li jkun rilevanti, mingħajr ebda sottosegmentazzjoni. It-tieni nett, bi tweġiba għall-mistoqsijiet speċifiċi tal-Kummissjoni dwar is-segmenti li l-vetturi elettriċi jistgħu jappartjenu għalihom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet indikat li, minħabba t-tul tagħhom, il-vetturi i3 jaqgħu fis-segmenti B u C, iżda li, minħabba l-prezz tagħhom, il-klassifikazzjoni tagħhom tkun iktar iġġustifikata fis-segment D. It-tielet nett, fir-rigward tal-vetturi elettriċi prodotti minn kompetituri tar-rikorrenti, xorta jkun diffiċli li tikklassifikahom, fl-assenza ta’ informazzjoni ddettaljata, iżda dawn jistgħu jaqgħu, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod partikolari, fis-segmenti A, B jew C. Barra minn hekk, peress li huwa biss reċentement li vetturi elettriċi bdew jiġu prodotti bil-massa, kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni awtomatikament ikollhom il-konsegwenza li l-imprenditur li jkun f’pożizzjoni ta’ pijunier jikseb, mill-perspettiva tal-istatistika, partijiet kbar tas-suq. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ukoll sostniet, f’dan ir-rigward, li dan ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi, skont il-paragrafu 68 tal-linji gwida, sa fejn dawn tal-aħħar isegwu pjuttost l-objettiv li jikkonsisti f’li jkunu esklużi sitwazzjonijiet ta’ kapaċità żejda jew tal-preżenza ta’ impriżi dominanti fis-suq.

54      Dawn l-elementi, meħuda kollha kemm huma, wasslu lill-Kummissjoni sabiex titlob l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-punti 49 sa 51 iktar 'il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-Kummissjoni ma għamlitx djalogu effettiv mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, sa fejn l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma intiżi ukoll għall-assenza ta’ djalogu tal-Kummissjoni magħha, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, skont is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T-198/01, EU:T:2004:222, punti 191 sa 193), li għandha tiġi applikata f’dan il-każ, b’analoġija fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, tali rekwiżit ma huwiex impost fuq il-Kummissjoni.

55      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv bħala infondata, mingħajr il-ħtieġa, fi kwalunkwe każ, li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-allegazzjonijiet l-oħra tal-partijiet, bħal dik tal-intervjent fuq li r-rikorrenti ma tistax tipproduċi l-prova ta’ dak li huwa fatt negattiv, u mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk żball possibbli li jaffettwa d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

56      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-inċertezzi relatati mad-definizzjoni tas-suq fil-kuntest tal-analiżi prevista fil-paragrafu 68(i) tal-linji gwida, li jirriżultaw b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata, kellhom ikunu eliminati, l-iktar tard, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skontha, peress li dawn l-inċertezzi tnisslu direttament mill-approċċ meħud mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-fatt li la l-parteċipanti u lanqas it-terzi allegatament ma pprovdew l-informazzjoni rilevanti b’risposta għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija setgħet, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tuża mezzi oħra sabiex tkun infurmata b’mod sħiħ dwar il-fatti kollha tal-każ, pereżempju billi ssejjaħ espert estern jew tagħmel investigazzjoni tas-suq. L-approċċ adottat mill-Kummissjoni allegatament wassal, skont ir-rikorrenti, għal inugwaljanza ta’ trattament mhux iġġustifikata.

57      L-intervenjent jikkontesta l-metodu adottat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina liema kien is-suq rilevanti. L-ewwel nett, huwa jsostni li l-imsemmi metodu wassal għal restrizzjonijiet fil-livell tad-dritt u jista’ jiġi kklassifikat arbitrarju. It-tieni nett, huwa jsostni li d-definizzjoni tas-suq tippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. It-tielet nett, skontu, hemm assenza apparenti ta’ ġustifikazzjoni jew ta’ bażi fattwali għad-definizzjoni tas-suq. Fl-aħħar nett, skont l-intervenjent, id-definizzjoni tas-suq tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-intervenjent.

59      Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tirrileva, bħall-Kummissjoni, li dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jtqies, minħabba l-kontenut tiegħu, li jirrigwarda allegat ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, u mhux tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-fatt, huwa jirrigwarda allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

60      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kritika prinċipali tar-rikorrenti tirrigwarda, essenzjalment, il-mod kif il-Kummissjoni evalwat l-elementi li jippermettulha li tevalwa liema kien is-suq rilevanti u l-parti tar-rikorrenti fl-imsemmi suq. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tallega li, minħabba l-assenza ta’ analiżijiet fil-fond biżżejjed dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-Kummissjoni allegatament wettqet żbalji meta ddeterminat jekk kellhiex tiġi applikata, għall-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna nnotifikata, il-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment jew biss il-linji gwida.

61      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-paragrafu 68 tal-linji gwida huwa fformulat kif ġej:

“68. F’każ li l-ammont totali tal-għajnuna mis-sorsi kollha jaqbeż il-75 % tal-ammont massimu ta’ għajnuna li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi, bl-applikazzjoni tal-limitu applikabbli għall-impriżi l-kbar skont il-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata fid-data li għandha tingħata l-għajnuna, u f’każ:

(i)      li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu iktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fis-swieq ikkonċernati qabel l-investiment jew iktar minn 25 %, wara dan l-investiment;

[…]

il-Kummissjoni tawtorizza l-għajnuna għall-investiment reġjonali biss wara li tkun ivverifikat b’mod dettaljat, wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu [108](2) [TFUE], jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa sabiex toħloq effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-vantaġġi tal-għajnuna jegħlbux id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li huma jġibu magħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

62      Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, li tidher taħt il-paragrafu 68 tal-linji gwida, huwa ppreċiżat li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2007, tfassal gwida oħra dwar il-kriterji li hija kienet beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk l-għajnuna kinitx neċessarja sabiex jinħoloq effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-vantaġġi tal-għajnuna kinux jegħlbu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li huma jġibu magħhom.

63      Kif issostni l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 107(3) TFUE tal-għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment li jaqbżu l-limiti previsti fil-paragrafi 68 sa 70 tal-linji gwida, għandha tiġi applikata l-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, minħabba r-riskji partikolari ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-effetti fuq il-kummerċ assoċjati magħhom.

64      B’mod iktar partikolari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-paragrafi 6 u 7 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, il-paragrafi 68 sa 70 tal-linji gwida għandhom jinqraw fid-dawl tal-fatt li ċerta għajnuna reġjonali, ta’ ammont għoli, għal proġetti kbar ta’ investiment, jista’ jkollha effetti sostanzjali fuq il-kummerċ u twassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kellha darba oħra l-politika, fil-prinċipju, li ma tawtorizzax għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment li jaqbżu ċerti limiti u għandha l-politika, fid-data rilevanti għal din it-tilwima, li tevalwa tali għajnuna f’kundizzjonijiet ddettaljati.

65      Madankollu, għalkemm il-paragrafu 68 tal-linji gwida jistabbilixxi rekwiżit għall-Kummissjoni sabiex twettaq verifika ddettaljata dwar jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa sabiex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-benefiċċji tal-għajnuna jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li dawn iwasslu għaliha, din ir-regola ma għandhiex il-konsegwenza li timpedixxiha milli tagħmel tali verifika meta l-limiti inkwistjoni ma jinqabżux (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 88). Fil-fatt, il-fatt biss li l-limiti previsti fil-linji gwida ma jinqabżux ma jfissirx awtomatikament li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern. Għall-kuntrarju, anki fil-każ fejn l-imsemmija limiti ma jinqabżux u l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-linji gwida reġjonali jiġu ssodisfatti, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tivverifika jekk il-vantaġġi f’termini ta’ żvilupp reġjonali jegħlbux l-iżvantaġġi kkawżati mill-proġett inkwistjoni f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punti 90 sa 97, u dan jimplika, b’mod partikolari, il-kontroll tal-neċessità tal-għajnuna inkwistjoni.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha hija kienet intitolata li twettaq evalwazzjoni ddettaljata tal-għajnuna inkwistjoni, irrispettivament minn jekk il-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-linji gwida kinux inqabżu. B’mod partikolari, ma kien hemm xejn li jopponi, fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, li l-Kummissjoni tapplika l-kriterji msemmija fil-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment fil-kuntest tal-investigazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna inkwistjoni.

67      F’dan il-kuntest, għandu wkoll wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, anki fir-rigward ta’ għajnuna lil impriżi li għandhom parti mis-suq inqas minn 25 %, il-Kummissjoni tagħmel investigazzjoni fid-dawl tar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE li, jekk ikun il-każ, jimplika investigazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna inkwistjoni.

68      Għadaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jkum hemm deċiżjoni dwar l-argumenti li juru li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-limitu previst fil-paragrafu 68(i) tal-linji gwida kien inqabeż u li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

69      Din il-parti hija nnifisha maqsuma f’erba’ lmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest li jirriżulta mill-assenza ta’ definizzjoni tas-suq rilevanti, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fid-definizzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti għad-determinazzjoni ta’ partijiet tas-suq, it-tielet wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għad-determinazzjoni ta’ partijiet tas-suq u, finalment, ir-raba’ wieħed, tad-determinazzjoni manifestament żbaljata ta’ partijiet tas-suq.

70      B’mod trasversali għal dawn l-ilmenti kollha, ir-rikorrenti tallega li l-ksur tal-obbligu ta’ investigazzjoni attenta u imparzjali wassal għal żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sen li l-Kummissjoni tikkunsidra li kien iġġustifikat li tgħaddi “għall-fażi segwenti tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali” u li tapplika, f’dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment.

71      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha hija kienet intitolata li twettaq evalwazzjoni ddettaljata tal-għajnuna inkwistjoni, irrispettivament minn jekk il-limiti previsti fil-paragrafu 68 tal-linji gwida reġjonali kinux inqabżu, għandha tiġi kkonfermata.

72      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li din il-konklużjoni waħedha tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni ddettaljata tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern u, b’mod partikolari, tan-neċessità tagħha.

73      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti l-argumenti kollha li r-rikorrenti ressqet fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv u li huma intiżi li juru li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkonstata li l-limitu tal-partijiet tas-suq ta’ 25 % stabbilit mill-paragrafu 68 tal-linji gwida kien inqabeż u, għalhekk, l-imsemmi motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

74      It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel tliet partijiet jikkonċernaw l-evalwazzjoni manifestament żbaljata, rispettivament, tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, tal-adegwatezza tal-għajnuna u tal-effetti ta’ għajnuna. Fl-aħħar nett, ir-raba’ parti tirrigwarda l-allegata konstatazzjoni manifestament żbaljata tal-fatt li jirrigwardaw l-ispejjeż supplimentari effettivi.

75      Preliminarjament, ir-rikorrenti tindika li la r-Regolament Nru 800/2008 u lanqas il-linji gwida ma jikkwantifikaw l-effett ta’ inċentiv. B’mod partikolari, ma jkunx meħtieġ li jiġu stabbiliti l-iżvantaġġi tal-post ta’ stabbiliment, li jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ “miżura ta’ inċentiv”. Rigward l-adegwatezza tal-għajnuna, il-loġika tal-Artikolu 107(3) TFUE u tar-Regolament Nru 800/2008 ma jorbtux, skont ir-rikorrenti, l-ammont tal-għajnuna mal-prova ta’ spejjeż supplimentari. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma taqbilx ma’ din l-analiżi, għandu, skontha, jitqies li l-adegwatezza tal-għajnuna għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż supplimentari effettivi pjuttost milli fuq l-ispejjeż ta’ ppjanar stmati minn qabel. Il-Kummissjoni, minflok ma tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proġett ta’ investiment, tikkonstata biss li kwalunkwe għajnuna ogħla mid-differenza tal-ispejjeż evalwati inizjalment ikkawżat distorsjoni qawwija tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

76      Ir-rikorrenti tqis li hija vvizzjata bi żball manifest l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha “la l-effett ta’ inċentiv u lanqas l-adegwatezza tal-għajnuna ma kienu ġew stabbiliti” għall-parti tal-għajnuna għall-ammont ta’ EUR 17-il miljun. Skont ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet tal-evalwazzjoni “distinta” tal-effett ta’ inċentiv huma stabbiliti fl-Artikolu 8(3)(e) tar-Regolament Nru 800/2008. Hija ssostni li l-effett ta’ inċentiv tal-għoti ta’ għajnuna ta’ EUR 49 miljun kien stabbilit, billi jsir riferiment hawn, b’mod partikolari, għall-punt 172 tad-deċiżjoni kkontestata. L-għajnuna ta’ dan l-ammont kien jippermetti, skontha, mhux biss li tikkumpensa l-iżvantaġġi tal-post ta’ stabbiliment, iżda wkoll li tkopri żvantaġġi oħra, fosthom uħud “mhux kwantifikabbli”, marbuta mar-riskji ta’ investiment f’vettura kompletament ġdida, immanifatturata barra mis-sit prinċipali tal-impriża. Ir-rikorrenti ssostni li huwa dubjuż li d-differenza fl-ispejjeż, stmata EUR 17-il miljun fil-mument tad-deċiżjoni ta’ investiment, kienet tikkostitwixxi inċentiv suffiċjenti għal BMW sabiex jitlesta l-proġett tagħha f’Leipzig. Tali kwistjoni barra minn hekk ma kinitx tressqet quddiem il-bord tad-diretturi ta’ din l-impriża.

77      L-intervenjent isostni li, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, l-iżvantaġġi inerenti għal investiment għandhom “mill-inqas ikunu kkumpensati”, għaliex dan ikun l-uniku mod sabiex jinħoloq inċentiv sabiex isir investiment fir-reġjuni megħjuna. Inċentivi oħra, madankollu, għandhom jinħolqu sabiex jippermettu liż-żoni żvantaġġati li ma jibqgħux lura ekonomikament. Għalkemm id-dritt primarju jipprojbixxi l-kumpens żejjed, dan ma huwiex ibbażat, madankollu, fuq il-prinċipju ta’ kumpens nieqes. Minn dan isegwi li l-ispejjeż supplimentari kollha ġġenerati mill-investiment inkwistjoni, sal-limitu awtorizzat, ikunu kompatibbli mas-suq intern.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-intervenjent.

79      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji relatati ma’ motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jibbaża fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal dan id-dispożittiv, dan l-att jista’, fil-prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew kwalunkwe illegalità oħra li jaffettwaw wieħed biss mill-elementi ta’ raġunament ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li dan l-iżball ma jistax ikollu effett determinanti fuq id-dispożittiv sostnut mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2 punt 62).

80      Għandu jiġi rrilevat, insegwitu, li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 800/2008, li jirreferi għalih ir-rikorrent, jindika kif ġej:

“L-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar, koperta minn dan ir-Regolament, għandha tkun ikkunsidrata li jkollha effett ta’ inċentiv jekk flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel ma tingħata l-għajnuna individwali kkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi waħda jew aktar minn dawn il-kriterji:

[…]

e)      fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 13, li l-proġett ma setax jitwettaq bħala tali fir-reġjun assistit ikkonċernat fin-nuqqas ta’ l-għajnuna.”

81      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-dokumenti ta’ notifika, b’mod partikolari l-punti 2.3.1 u 2.3.2 tal-formola ta’ notifika, l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna għal-investiment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha intenzjoni li tagħti skont skema ta’ għajnuna (l-IZG) iżda li kienet taqa’ fl-obbligu ta’ notifika individwali (ara l-punt 2 iktar 'il fuq). Kif ġustament issostni l-Kummissjoni fil-punti 71 u 72 tar-risposta, kif ukoll fil-punt 40 tad-kontroreplika, meta tirreferi għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru°800/2008, din ma kinitx tirrigwarda għajnuna msemmija fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, għajnuna “koperta minn[l-imsemmi] regolament”, iżda għajnuna nnotifikata individwalment (ara, ukoll, il-premessi 1 sa 7 u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008).

82      Kif ġie spjegat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni setgħet tevalwa n-neċessità tal-għajnuna inkwistjoni u ma kien hemm xejn li jopponi li, f’dan il-kuntest, hija teżamina jekk, mingħajr l-għajnuna, il-proġett ma kienx isir fir-reġjun megħjun inkwistjoni.

83      Il-kwistjoni ewlenija hija jekk l-ammont tal-għajnuna li jista’ jitqies bħala inċentiv u, ukoll, proporzjonat kien ta’ EUR 17-il miljun, kif issostni l-Kummissjoni, jew ta’ EUR 49 miljun, kif issostni r-rikorrenti.

84      Għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, ġustament, għamlet analiżi differenzjata tan-natura ta’ inċentiv u proporzjonat tal-għajnuna. Tali distinzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2, punti 60 sa 101). Sa fejn ċerti allegazzjonijiet tar-rikorrent, għalkemm ippreżentati fil-kuntest tal-ilment li jirrigwarda n-natura ta’ inċentiv, huma, fir-realtà, pjuttost marbuta mal-proporzjonalità tal-għajnuna, huma ser jiġu analizzati fil-parti ddedikata għall-ilment segwenti.

85      Rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, kif jirriżulta mill-premessi 160 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat, ġustament, il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna realment tikkontribwixxix għal bidla tal-pjanijiet tal-benefiċjarju fis-sens li hija kienet ser tiddeċiedi, konsegwentement, li tinvesti fir-reġjun fil-mira.

86      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat iż-żewġ xenarji previsti mill-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, il-paragrafi 19 et seq tal-imsemmija komunikazzjoni u l-premessi 163 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Wara li fakkret, b’mod partikolari, li huwa l-Istat Membru li nnotifika li għandu jipproduċi provi f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-premessi 163 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet li l-ewwel xenarju li kien jikkonsisti, skont il-punt 1 tal-paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, li juru li“[l]-għajnuna toffri inċentiv tiġi adottata deċiżjoni pożittiva dwar l-investiment għaliex investiment li altrimenti ma setax ikun profittabbli għall-kumpanija fikwalunkwe lokalità [seta’] jseħħ fir-reġjun megħjun”. Din il-konklużjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ikkontestata f’dan il-każ quddiem il-Qorti Ġenerali.

88      Fir-rigward tat-tieni xenarju previst fil-punt 2 tal-paragrafu 22 tal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, jiġifieri dwar il-kwistjoni jekk “[l]-għajnuna tagħti inċentiv biex wieħed jagħżel li investiment ippjanat jagħmlu fir-reġjun ġeografiku relevanti minflok x’imkien ieħor għaliex ikun [ġew ikkumpensati l-] iżvantaġġi u l-ispejjeż netti marbuta ma’ post firreġjun”, il-Kummissjoni qieset, fil-punti 168 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet tikkorrispondi għal dan il-każ.

89      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rreferiet, b’mod partikolari fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-informazzjoni miksuba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirrigwarda, minn naħa, is-siti l-oħra inizjalment meqjusa għall-investiment u dwar l-analiżi tagħhom minn BMW u, min-naħa l-oħra, fuq id-data sabiex jitqabblu l-ispejjeż ta’ investiment f’München u f’Leipzig, jiġifieri fiż-żewġt ibliet li kienu baqgħu fuq il-lista ta’ siti li għandhom jitqiesu wara analiżijiet preparatorji.

90      Il-Kummissjoni nnutat li l-kalkoli, li jirriżultaw mid-dokumenti bid-data minn Diċembru 2009, juru li, fl-assenza tal-għajnuna inkwistjoni, l-ispejjeż tal-investiment f’München kienu jkunu ta’ EUR 17-il miljun inqas milli f’Leipzig. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret il-vantaġġi strateġiċi ta’ Leipzig meta mqabbla ma’ siti oħra evalwati preċedentement, jiġifieri, minbarra l-possibbiltà li faċilment tiżdied il-produzzjoni, il-fatt li ma kienx neċessarju li tinbeda l-kostruzzjoni minn żero, li s-sit tal-produzzjoni ma kienx 'il bogħod mis-siti fejn kienu immanifatturati l-materjali tal-plastik imsaħħa tal-fibra tal-karbonju, li ma kienx hemm diffikultajiet ta’ Komunikazzjoni, li ġiet ipprovduta l-protezzjoni tan-know-how u fl-aħħar nett, li s-sit ma kienx partikolarment 'il bogħod miċ-ċentru ta’ riċerka tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

91      Fl-aħħar nett, wara li indikat ukoll li d-dokumenti jikkonfermaw d-disponibbiltà eventwali li tinkiseb għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 50 miljun kienet ġiet analizzata bi tħejjija għad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post ta’ stabbiliment, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[r-Repubblika Federali tal-]Ġermanja abbażi ta’ dawn id-dokumenti kontemporanji u ġenwini, kienet uriet b’suċċess li d-deċiżjoni li l-proġett ta’ investiment dwar il-produzzjoni tal-mudell i3 isir f’Leipzig minflok f’München [kienet] ġiet immotivata mill-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat”.

92      B’hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rreferiet għad-dokumenti ppreżentati lill-bord tad-diretturi tal-grupp BMW f’Diċembru 2009 u li jirrigwardaw EUR 17-il miljun bħala spejjeż komparattivi addizzjonali tal-investiment f’Leipzig, filwaqt li rreferiet għal dokumenti oħra li jiċċertifikaw li l-possibbiltà li tinkiseb għajnuna ogħla, jiġifieri EUR 50 miljun, ġiet ukoll analizzata qabel id-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post ta’ stabbiliment.

93      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għal darba oħra tenfasizza l-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li hemm assenza tan-natura ta’ inċentiv għall-għajnuna, kemm jekk tkun fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun jew dak ta’ EUR 50 miljun, li jaqgħu, skont id-dokumenti interni tal-impriża benefiċjarja, fin-natura ta’ “possibbiltà li tinkiseb”. Il-Kummissjoni kkonstatat biss, fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna nnotifikata li jaqbeż is-17 il-miljun, li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma ntlaħaqx, li huwa s-suġġett ta’ lment separat f’dawn il-proċeduri.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma ġiex muri li l-effett ta’ inċentiv għal BMW kien stabbilit biss minħabba l-eventwali għoti tal-għajnuna li tammonta għal madwar EUR 50 miljun, stmati mill-impriża inkwistjoni, u mhux minħabba s-EUR 17-il miljun, kif dam jirriżulta wkoll evidenti mir-rakkomandazzjoni mogħtija, dwar dan is-suġġett, lill-bord tad-diretturi tal-impriża. Fil-fatt, kif ser jiġi analizzat fid-dettall fil-punti 113 et seq, dwar in-natura “neċessarja” tal-għajnuna, li kienet diġà fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun, iddefinita bħala li tikkorrispondi għad-differenza prevedibbli tal-ispejjeż bejn is-sit ta’ München u dak ta’ Leipzig, li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-korpi deċiżjonali tal-impriża benefiċjarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fattibbiltà tal-investiment inkwistjoni f’Leipzig u li, fl-aħħar mill-aħħar, efettivament ikkontribwixxiet għat-twettiq tiegħu bħala proġett li din l-impriża ma kienx twettaq bil-mezzi tagħha stess fir-reġjun megħjun.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-allegazzjonijiet differenti tar-rikorrenti dwar l-ammont tal-għajnuna li għandu jitqies bħala konformi mas-suq intern, inkluż il-kritika rigward xi tkun “amalgamazzjoni illegali” bejn l-effett ta’ inċentiv u l-adegwatezza tal-għajnuna, il-kwistjonijiet tal-“kwantifikazzjoni” tal-effett ta’ inċentiv jew ukoll tal-mistoqsijiet dwar jekk “l-ammont tal-għajnuna għandux ikun limitat għad-differenza fl-ispejjeż ivvalutati ex ante”, jirrigwardaw, fir-realtà, il-proporzjonalità tal-għajnuna u ser jiġu analizzati fil-kuntest tal-ilment segwenti.

96      Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-konformità tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment mad-dritt ta’ livell superjuri, imressqa fir-replika, sa fejn għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda l-illegalità tal-imsemmija Komunikazzjoni, hija ma tressqitx b’mod ċar fir-rikors u ma kinitx lanqas ma ġiet sostnuta. Għaldaqstant, hija inammissibbli. Barra minn hekk, il-portata ġuridika tal-imsemmija Komunikazzjoni diġà ġiet analizzata (ara l-punt 43 iktar 'il fuq).

97      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-intervenjent, imqassra fil-punt 77 iktar 'il fuq, minn naħa, fir-rigward ta’ dak li skontha distorsjoni tal-kompetizzjoni kienet tidher f’dan il-każ għad-detriment tal-investitur, benefiċjarju tal-għajnuna, li, għaldaqstant, għandu jiġi protett, din għandha tiġi miċħuda, peress li ma tistax tintrabat ma’ bażi legali preċiża biżżejjed. B’mod partikolari, jekk din l-allegazzjoni kellha tinqara bħala li tirreferi għall-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-impriżi b’parti mis-suq inqas minn 25 %, diġà ġie nnutat li ma jistax ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju, f’dan il-każ, sa fejn il-Kummissjoni tista’ tagħmel analiżijiet fil-fond irrispettivament mill-fatt jekk jew le dan il-limitu nqabiżx jew le (ara l-punt 67 iktar 'il fuq). Jekk din l-allegazzjoni msemmija iktar 'il fuq kellha tiġi interpretata b’mod usa’, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rwol ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, li għandha tevalwa l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq il-kompetizzjoni kollha kemm hi.

98      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-intervenjent li hemm “kumpens nieqes” għad-detriment tal-investitur, din tista’ tkun marbuta, possibbilment, mal-kwistjoni dwar jekk il-proporzjonalità tal-għajnuna kinitx evalwata tajjeb mill-Kummissjoni, din ser tiġi analizzata fil-kuntest tal-ilment segwenti.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm in-natura ta’ inċentiv tal-għajnuna, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

100    Din il-parti hija maqsuma hija stess fi tliet ilmenti. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-amalgamazzjoni inaċċettabbli bejn l-effett ta’ inċentiv u l-adegwatezza tal-għajnuna, it-tieni wieħed fuq l-iżball manifest li jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna bbażata fuq li l-ispejjeż ippjanati pjuttost milli fuq l-ispejjeż attwali u, l-aħħar wieħed, fuq l-allegat żball manifest li jirriżulta mill-konstatazzjoni ta’ ammont li jaqbeż l-iżvantaġġi tal-post ta’ stabbiliment.

101    Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, il-Kummissjoni evalwat b’mod manifestament żbaljat l-adegwatezza tal-għajununa billi tgħaqqad l-analiżi tal-effett ta’ inċentiv u tal-adegwatezza tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni allegatament osservat fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata li l-paragrafu 33 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment kien jindika espressament li “l-għajnuna ġeneralment titqies proporzjonali jekk [kienet] ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti għall-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-ispejjeż netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i).” Din hija r-raġuni għaliex l-għajnuna kienet tqieset proporzjonata biss sa “l-ammont neċessarju sabiex tikkawża d-deċiżjoni ta’ investiment għall-post ta’ stabbiliment ikkonċernat.” Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istess dokumenti bħal dawk użati sabiex jiġi stabbilit l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, jiġifieri d-dokumenti disponibbli għall-bord tad-diretturi ta’ BMW fid-data tad-deċiżjoni ta’ investiment meħuda f’Diċembru 2009 u li indikaw, fil-paragun bejn is-siti ta’ Leipzig u ta’ München, differenza fl-ispejjeż ta’ ppjanar ta’ EUR 17-il miljun. Madankollu, il-Kummissjoni allegatament ċaħdet id-dokumenti sussegwenti, li jirrifletti l-ispejjeż sostnuti biss diversi snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ investiment jew tad-deċiżjoni dwar il-post ta’ stabbiliment (ara l-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-ewwel ilment

102    Ir-rikorrenti, meta rreferiet għall-paragrafu 7 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, issostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna, il-Kummissjoni kellha tagħmel evalwazzjoni fil-fond, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-ispejjeż tal-implementazzjoni tal-investiment, l-għajnuna kinitx ogħla mill-ammont meħtieġ u wasslet għaldaqstant għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Mil-loġika tal-Artikolu 107(3) TFUE u tar-Regolament Nru 800/2008 jirriżulta li l-adegwatezza tal-għajnuna ma kinitx tiddependi mir-relazzjoni bejn l-ammont tal-għajnuna u l-prova ta’ spejjeż supplimentari, iżda li kien, fil-prinċipju, possibbli li tingħata għajnuna fil-kuntest tal-limiti awtorizzati. Il-paragrafu 33 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, li, barra minn hekk, ma jistax jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 800/2008, ma jistax iwassal, skontha, għal konklużjoni differenti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-paragrafu 33 tal-imsemmija Komunikazzjoni għandha tiġi interpretata bħala “regola ġenerali” u “bl-ebda mod bħala eżempju”. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-analiżi tal-pożizzjoni tagħha fis-suq skont il-paragrafu 68(i) tal-linji gwida ma kinitx wasslet għal konklużjoni ċara. Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għan-natura li qed tevolvi tas-swieq inkwistjoni.

103    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

104    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-“ammont previst tal-għajnuna”, li kien, skontha, ta’ EUR 49 miljun, kien maqsum f’żewġ partijiet. Skont l-allegazzjonijiet tagħha, l-ewwel waħda kienet tikkonsisti fl-ammont li jikkumpensa l-iżvantaġġi tal-post ta’ stabbiliment u t-tieni waħda kienet tkopri żvantaġġi oħra li kienu jidhru fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proġett u l-iżvantaġġi mhux f’ċifri (u parzjalment mhux kwantifikabbli) neċessarjament relatati mar-riskji ta’ investiment f’vettura kompletament ġdida, ibbaġitjata b’mod preċiż, immanifatturata mhux fuq is-sit prinċipali tal-impriża, iżda fuq sit ta’ produzzjoni ieħor.

105    Bħall-Kummissjoni, fir-rigward ta’ din it-tieni parti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma hemmx lok, permezz tal-għajnuna mill-Istat, li jitwarrab kwalunkwe riskju ta’ investiment marbut ma’ proġett partikolari. Tali riskji, għall-kuntrarju, huma responsabbiltà tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, speċjalment peress li dawn ma kinux f’ċifri jew, parzjalment, lanqas ma kienu kwantifikabbli bil-quddiem. Il-kriterju rilevanti, fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza ta’ għajnuna, huwa biss dak dwar jekk l-għajnuna kinitx neċessarja sabiex il-proġett ta’ investiment twettaq fir-reġjun megħjun inkwistjoni. Issa, kif jirriżulta mill-paragrafu 33 tal-KomunikazzjoniKomunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, dan huwa l-każ jekk l-għajnuna hija “ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti sabiex tinvesti fir-reġjun megħjun u dawk sabiex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i)”.

106    Dwar l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 800/2008 u l-paragrafu 38 tal-linji gwida, l-intensità tal-għajnuna ammissibbli ser tkun ikkalkulata “biss abbażi ta’ spejjeż eliġibbli”, għandu jiġi rrilevat li din ma turix b’mod ċar kif dawn id-dispożizzjonijiet isaħħu l-pożizzjoni tagħha f’dan il-każ. Fil-fatt, il-formulazzjoni tagħhom ma ssemmix l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, a posteriori, l-ispejjeż li fil-fatt ġew investiti fi proġett konkret li jibbenefika minn għajnuna mill-Istat reġjonali.

107    Barra minn hekk, mil-loġika stess tal-paragrafu 38 tal-linji gwida jirriżulta li huwa, fil-prinċipju, qabel il-bidu tax-xogħlijiet li għandhom ikunu previsti l-ispejjeż li ser ikunu s-suġġett tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, huwa maħsub li għajnuna tista’ tingħata biss taħt skema ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju ressaq talba f’dan ir-rigward u jekk l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, suġett għal verifiki iktar iddettaljati, il-proġett fil-prinċipju kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti mir-reġim “qabel il-bidu tax-xogħlijiet.” Bl-istess mod, il-ħtieġa ta’ “ittra ta’ intenzjoni” maħruġa mill-awtorità kompetenti “qabel il-bidu tax-xogħlijiet” hija prevista, mid-dispożizzjoni inkwistjoni, għall-għajnuna “ad hoc”, suġġetta għal approvazzjoni tal-miżura mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, huwa espressament indikat li, jekk ix-xogħol jibda “qabel ma l-kundizzjonijiet stabbiliti [fid-dispożizzjoni inkwistjoni] jkunu ssodisfatti, huwa l-proġett kollu li ser jitlf id-dritt tiegħu għall-għajnuna”. Fl-aħħar nett, lanqas ma huwa possibbli li tibda mill-premessa tar-rikorrenti li “huwa possibbli li tingħata għajnuna fil-kuntest tal-limiti awtorizzati” – b’riferiment għar-Regolament Nru 800/2008, u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament – din l-allegazzjoni tirreferi, impliċitament, għall-fatt li ma hemm l-ebda ħtieġa li tevalwa l-ammont tagħha mill-perspettiva tal-proporzjonalita’.

108    Rigward l-allegazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istess dokumenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni kemm tal-effett ta’ inċentiv kif ukoll tal-proporzjonalità tal-għajnuna, għandu jiġi kkonstatat li mill-KomunikazzjoniKomunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, u b’mod partikolari mill-paragrafu 34 ta’ din l-istess Komunikazzjoni, li tali approċċ ma huwiex eskluż. Fil-fatt, skont dan il-paragrafu, “bażikament, [l-ispejjeż netti speċifikati fil-paragrafu 33] li huma meqjusin bħala marbutin mal-iżvantaġġi reġjonali jirriżultaw fi profittabbiltà tal-investiment” u “għal din ir-raġuni, il-kalkoli li jintużaw għall-analiżi tal-effett ta’ inċentiv, jistgħu jintużaw ukoll biex jiġi evalwat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonali”.

109    Għandu wkoll jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 107(3) KE biss meta tkun tista’ tikkonstata li l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija; għanijiet li l-impriża benefiċjarja ma tistax tilħaq permezz tal-mezzi tagħha stess f’ċirkustanzi normali tas-suq. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew iwettqu ħlasijiet li jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-Artikolu 107(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Skont din l-istess ġurisprudenza, ma jistax, fil-fatt, jiġi aċċettat li għajnuna tinkludi regoli ddettaljati, b’mod partikolari l-ammont tagħha, li l-effetti restrittivi tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għajnuna tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ammessi mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2.punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari tirriżulta mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew twettaq, mill-impriża interessata qabel ma t-talba għall-għajnuna tkun tressqet lill-awtoritajiet kompetenti, fatt li jeskludi li l-għajnuna kkonċernata jista’ jkollha effett ta’ inċentiv (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, EU:C:2008:224, punt 69).

112    F’dan il-każ, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma ġiex muri li l-effett ta’ inċentiv u n-neċessità tal-għajnuna għal BMW kienu stabbiliti biss minħabba l-eventwali għoti tal-għajnuna li tammonta għal madwar EUR 50 miljun (ara l-punt 94 iktar 'il fuq).

113    F’dan ir-rigward, mid-dokument mibgħut lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-5 ta’ April 2012, li jirrigwarda b’mod partikolari l-analiżi mwettqa minn ditta tal-awditjar, bi tweġiba għall-ittri tal-Kummissjoni datati 17 ta’ Frar u 21 ta’ Marzu 2012, li l-paragun magħmul bejn is-sit ta’ München u dak ta’ Leipzig wassal sabiex tiġi konkluża li hemm differenza “ta’ EUR 17 il-miljun”, ammont li jinkludi l-evalwazzjoni ta’ lista sħiħa ta’ data rilevanti, kif din tfakkret fil-punt 77 tal-imsemmija ittra. L-elementi analizzati inkludew l-ispejjeż ta’ investimenti strutturali, l-ispejjeż ta’ ppjanar, l-ispejjeż fissi, l-ispejjeż ta’ materjali u oħrajn. Barra minn hekk, il-fatt li s-sit ta’ Leipzig kien ippermetta żieda eventwali ta’ produzzjoni fil-futur kien ittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni favur tagħha.

114    Kif jirriżulta mill-punt 81 tal-ittra tal-5 ta’ April 2012 imsemmija iktar 'il fuq, li preċiżament issegwi t-tabella li turi d-differenza ta’ EUR 17-il miljun bejn iż-żewġ siti inkwistjoni, l-għajnuna mill-Istat ta’ dan l-ammont kienet tikkostitwixxi element ewlieni fid-deċiżjoni dwar il-post ta’ stabbiliment tal-investiment. Din l-għajnuna mill-Istat kienet deċiża neċessarja sabiex l-investiment f’Leipzig kien seta’ jsir ekwivalenti għal dak f’München, li l-vantaġġ tiegħu kien jikkonsisti fl-użu ta’ binjiet eżistenti. Din l-istess konklużjoni tirriżulta mid-dokumenti interni differenti ta’ BMW, li fuqhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ibbażat ruħha matul il-proċedura amministrattiva, bħal dawk li għandhom id-data minn Diċembru 2009, b’mod partikolari l-minuti ta’ laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-15 ta’ Diċembru 2009, li għalihom isir riferiment fil-premessi 170, 175 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata.

115    Issa, huwa f’dan il-kuntest partikolari li għandha tinqara wkoll il-proposta interna tar-rikorrenti, li tirriżulta mill-Anness 2 tal-istess ittra tal-5 ta’ April 2012 (p. 489), li kienet tikkonsisti, mingħajr iktar spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward, li tintalab għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 50 miljun. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tabella murija fuq din l-istess paġna ssemmi biss “il-possibbiltajiet ta’ investiment u ta’ sussidju” (Möglichkeiten der Investitionszulage und des Investitionszuschusses), jiġifieri l-possibbiltà li tinkiseb għajnuna ta’ ammonta korrispondenti għal 12.5 % tal-investiment, jiġifieri EUR 50 miljun, mingħajr ma ssir rabta ċara rigward l-analiżijiet li ppreċedew. L-istess konstatazzjoni għandha ssir fir-rigward tat-tennija ta’ din il-proposta fl-Anness 3 tal-ittra inkwistjoni, li tirrigwarda protokoll intern tar-rikorrenti, bid-data tal-15 ta’ Diċembru 2009, fil-paġni 496 sa 501, u fl-Anness 4 tal-istess ittra, fil-paġna 505, li fiha jinsabu l-konklużjonijiet li jsegwu evalwazzjoni tal-possibbiltajiet li tinkiseb għajnuna fiskali jew oħra fid-diversi postijiet ta’ stabbiliment imqabbla – analiżijiet li tirreferi għalihom ukoll ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 39 et seq. B’mod partikolari, la mid-dokumenti ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni u lanqas mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżulta li s-somma ta’ EUR 50 miljun kienet ikkwantifikata, fid-data tad-deċiżjoni dwar il-post tal-investiment li għandu jsir, fid-dawl ta’ elementi bħal xenarji prevedibbli u saħansitra probabbli li jistgħu jseħħu matul it-twettiq tal-investiment. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, kif dan huwa enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-investiment inkwistjoni kien ippjanat għal Leipzig, li kien finalment deċiż u li l-proġett kien diġà ġie implementat wara l-approvazzjoni tal-għajnuna għall-ammont ta’ EUR 17-il miljun (ara, wkoll, il-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Għandu jiġi rrilevat li huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, insegwitu, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-fatt li l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-investiment f’Leipzig setgħu, abbażi tal-informazzjoni li hija kienet kisbet minn din tal-aħħar, ikunu sostnuti permezz ta’ għajnuna mill-Istat inqas minn dik li tinsab fit-talba ta’ BMW.

117    Skont il-Kummissjoni, l-effetti negattivi tal-għajnuna, fl-ammont tagħha inizjalment mitlub, kienu għoljin wisq, peress li setgħu jiġu kkumpensati biss bil-fatt li għan ta’ politika reġjonali ġie segwit. Dawn l-elementi ġew żviluppati fid-dettall fil-premessi 174 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Issa, huwa ġustament li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni li, skont il-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, “biex l-għajnuna reġjonali tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex l-investiment ikun jista’ jseħħ fir-reġjun megħjun”. Skont il-paragrafu 33 tal-istess komunikazzjoni, għal inċentiv li jintgħażel post ta’ stabbiliment, l-għajnuna ġeneralment titqies proporzjonata jekk tkun ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ investiment fir-reġjun megħjun, għall-impriża benefiċjarja, u l-ispejjeż ta’ investiment fir-reġjun(i) alternattiv(i).

119    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ammont li jaqbeż EUR 17-il miljun, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li ma kinitx għajnuna li tkun “neċessarja” sabiex tipproduċi effett ta’ inċentiv għall-investiment, skont il-paragrafu 21 tal-komunikazzjoni msemmija iktar 'il fuq, li tirreferi għall-paragrafu 68 tal-linji gwida.

120    Huwa ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien jimplika li l-parti mill-għajnuna li kienet taqbeż il-minimu neċessarju sabiex id-deċiżjoni li ttieħdet sabiex isir investiment fiż-żona megħjuna kellha titqies bħala eċċessiva sa fejn kienet sussidju finanzjarju lill-benefiċjarju tal-għajnuna li ma kien ikkundizzjonat u ma għandu l-ebda għan li jkun kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

121    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma ntweriex li, anki lil hinn mis-EUR 17-il miljun, “l-għajnuna kkontribwixxiet realment għal bidla fl-aġir tal-benefiċjarju fis-sens tal-investiment (supplimentari) imwettaq fir-reġjun megħjun ikkunsidrat”.

122    Il-fatt biss li l-proposta li saret lill-korpi deċiżjonali ta’ BMW inkludiet ir-riferiment għall-possibbiltà li tinkiseb għajnuna ta’ EUR 50 miljun ma jistax jitqies bħala element determinanti fil-kuntest li jsegwi d-dokumenti tekniċi li inkludew, b’mod konkomitanti, analiżi li kienet tiffissa biss għal EUR 17-il miljun d-differenza fil-prezz skont jekk l-investiment sar f’München jew f’Leipzig, anki mingħajr ma ġie spjegat b’mod ċar għaliex l-ammont mitlub kien ikbar. L-elementi tal-proċess ma jippermettux li jiġi kkonstatat, essenzjalment, li eventwali possibbiltà ta’ għajnuna ta’ ammont sa EUR 50 miljun kienet deċiża, b’mod partikolari mill-bord tad-diretturi ta’ BMW, bħala l-limitu massimu li, jekk ikun meħtieġ, kien seta’ jinkiseb.

123    Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, ma jistax jitqies suffiċjenti li jsir riferiment, b’mod ġenerali, għal-limitu massimu previst għal investiment f’reġjun megħjun lanqas li jsir riferiment, mingħajr ma din id-data tkun preċiżament kwantifikabbli, għal riskji futuri marbuta mal-investiment, pereżempju minħabba bidliet fl-ispiża tax-xogħol. Ma huwiex lanqas rilevanti, sabiex tingħata għajnuna li tammonta għal EUR 50 miljun, li jiġi enfasizzat li hija setgħet ikkontribwixxiet għal titjib tal-profitti tal-proġett inkwistjoni, kif sostniet ir-rikorrenti fis-seduta.

124    Fir-rigward tar-riferiment, mir-rikorrenti u l-intervenjent, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 5071 finali tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30743 (2012/C) (ex N 138/2010) – Germany Financing of infrastructure projects at Leipzig/Halle airport, fil-każ dwar l-iffinanzjar tal-infrastrutturi tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle, minn naħa, għandu jiġi konstatat li l-imsemmi każ jirrigwarda settur differenti, li għalih hemm regoli speċifiċi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 8, 315 u 352 tal-imsemmija deċiżjoni).

125    Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet imqajma fil-każ imsemmi fil-punt 124 iktar 'il fuq, li jinkludu dawk li fihom parti mill-investiment taqa’ fl-interess pubbliku, huma differenti mill-każ preżenti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 209 et seq tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 124 iktar 'il fuq). Finalment, kif jirriżulta mill-premessi 326 u 337 ta’ din id-deċiżjoni, l-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv saret ukoll fuq il-bażi tal-approċċ ex ante. Dan l-istess prinċipju ġie mtenni fil-premessi 340 u 341 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna. Fir-rigward tal-mertu tal-analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna, mill-premessa 317 tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 124 iktar 'il fuq kif ukoll mill-premessi 340 et seq jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat il-kwistjoni dwar jekk “l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu”. Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li huwa indikat, jiġifieri fil-premessa 342 ta’ din id-deċiżjoni, dan li ġej:

“Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna m’għandhiex teċċedi d-differenza fil-finanzjament reali tal-proġett ta’ investiment.”

126    Fir-rigward tad-dokumenti ppreżentati f’dan il-każ mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni f’Settembru 2012 u li juru l-ispejjeż reali ta’ investiment, għandu jiġi kkonstatat kif ġej.

127    Skont il-premessi 186 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ma huwiex possibbli li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi mressqa a posteriori, għaldaqstant tard, li hija wkoll għandha dubji dwar il-valur probatorju tagħhom. Anki mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi dwar il-valur probatorju tad-dokumenti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, effettivament, l-analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna għandha ssir, ukoll, fid-data tad-deċiżjoni ta’ investiment, jiġifieri, fil-kuntest li fih l-impriża benefiċjarja tiddeċiedi l-post ta’ stabbbiliment tal-proġett tagħha.

128    Fil-fatt, kif jirriżulta diġà mil-loġika tal-paragrafu 21 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, li jirriferi għal-paragrafu 68 tal-linji gwida u li jobbliga lill-Kummissjoni li tivverifika jekk l-għajnuna hijiex “neċessarja” sabiex tipproduċi effett ta’ inċentiv għall-investiment. Issa, minbarra l-fatt li l-effett “ta’ inċentiv” għandu jiġi evalwat qabel id-deċiżjoni stess dwar l-investiment, għandu jingħad ukoll li r-riferiment għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex “neċessarja” f’dan ir-rigward jaqa’ fl-analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, huwa impossibbli li tissepara dawn il-kriterji sabiex wieħed ikun evalwat a priori u l-ieħor a posteriori.

129    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li s-soluzzjoni proposta mir-rikorrenti twassal għal sitwazzjoni fejn anki għajnuna mill-Istat li teċċedi dak li huwa strettament neċessarju, fir-rigward tal-għan segwit, tista’ titqies bħala li tissodisfa l-effett ta’ inċentiv u bħala li hija proporzjonata għar-raġuni biss li hija tista’ twassal għar-realizzazzjoni ta’ proġett kif imsemmi fil-paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment u mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk din l-għajnuna ma tikkostitwixxix, fir-realtà, ħlas li jġib titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T-162/06, EU:T:2009:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, EU:C:1997:10, punt 17). Din l-interpretazzjoni, li hija ntiża li tanalizza kemm in-neċessità tal-għajnuna kif ukoll l-effett ta’ inċentiv tagħha fil-mument tal-investiment, tibqa’ konsistenti mal-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment kif ukoll mal-paragrafu 26 tagħha, peress li din tal-aħħar tirreferi b’mod partikolari “għad-dokumenti li jiġu ppreżentati lill-kumitat għall-investiment u li fihom ikun hemm elaborazzjoni dwar diversi xenarji ta’ investiment, għad-dokumenti sottomessi lil kumitat ta’ investiment u li jiżviluppaw xenarji varji ta’ investiment.”

130    Finalment, kif ġustament tindika l-Kummissjoni fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna u l-proporzjonalità tagħha, fil-kuntest tal-għażla tal-post ta’ stabbiliment f’Leipzig, ma tistax issir skont l-investiment fil-proġett tal-bini ta’ vetturi i8, peress li dan tal-aħħar jiżdied biss mal-proġett inizjali ta’ bini ta’ vetturi i3, f’data fejn il-post ta’ stabbiliment ta’ Leipzig kien diġà deċiż. Ir-rikorrenti stess sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni inizjali tal-2009 dwar l-għażla ta’ Leipzig kienet tikkonċerna biss il-mudell i3, anki jekk il-produzzjoni tal-mudell i3 ġiet adottata biss fl-2011. Kif tindika l-Kummissjoni, id-deċiżjoni dwar il-mudell i8 ma kienx hemm iktar lok li tiġi analizzata fil-kuntest tat-tieni xenarju previst mill-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ara l-punt 88 iktar 'il fuq), jiġifieri fil-kuntest li fih l-investiment kien diġà allokat ġeografikament. Fil-fatt, kif innotat fl-imsemmi premessa, l-għadd baxx ta’ vetturi i8 li l-produzzjoni tagħhom kienet ippjanata ma ppermettietx li jiġi maħsub sit ieħor apparti milli dak ta’ Leipzig. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet indikat hija stess li l-volumi inizjalment ippjanati ta’ vetturi elettriċi ma kinux ser jiġu mmodifikati bl-inklużjoni tal-mudell i8 u lanqas hija ma kienet sostniet li kellha ssir bidla, f’dan ir-rigward, fl-analiżi tal-għajnuna kif innotifikata.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti Ġenerali tiċħad dan l-ilment tar-rikorrenti, sa fejn il-proporzjonalità tal-għajnuna ma ntwerietx fl-ammont globali tagħha, jiġifieri lil hinn mis-17-il miljun.

–       Fuq it-tieni lment

132    Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “spejjeż ta’ ppjanar” fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna tikkostitwixxi żball manifest, sa fejn l-imsemmija adegwatezza għandha tiġi evalwata pjuttost imqabbla mal-“ispejjeż effettivi”. L-adegwatezza tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli għandhom dejjem jiġu evalwati ex post, sabiex jirriflettu r-realtà ekonomika. L-effett ta’ inċentiv biss jista’, skont ir-rikorrenti, jiġi evalwat ex ante fid-data tad-deċiżjoni ta’ investiment. Kwalunkwe approċċ ieħor ikun sproporzjonat, jinjora r-realtà ekonomika u jiftaħ il-bieb għall-abbużi, li jikkonsistu f’evalwazzjonijiet għolja wisq tal-ispejjeż ta’ ppjanar. F’dan il-każ, l-ispejjeż supplimentari kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-IZG, hija kienet ukoll obbligata li turi l-kundizzjonijiet effettivi tal-implementazzjoni tal-investiment.Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Kummissjoni mxiet b’mod awtomatiku, jiġifieri, mingħajr evalwazzjoni tal-effetti tal-għajnuna lil hinn mid-differenza fl-ispejjeż evalwati għal EUR 17-il miljun. Meta tagħmel dan, hija ma eżerċitatx il-milja tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

134    Il-Qorti Ġenerali tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-analiżijiet li diġà twettqu fil-kuntest tal-ilmenti preċedenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tindikax bażi legali preċiża li biha jista’ jiġi kkonstatat li għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż “effettivi” u mhux dawk inizjalment ippjanati waqt id-deċiżjoni fuq l-investiment.

135    Issa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jistax jiġi deċiż bħala “sproporzjonat” li l-Kummissjoni analizzat l-elementi fil-pussess tagħha fl-evalwazzjoni tan-neċessità u n-natura ta’ inċentiv tal-għajnuna, meta titqies is-sitwazzjoni fid-data tad-deċiżjoni li tippermetti għażla finali tal-post ta’ stabbiliment tal-proġett ta’ investiment.

136    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li skontha dan l-approċċ tal-Kummissjoni “jiftaħ il-bieb għall-abbużi, li jikkonsistu f’evalwazzjonijiet għolja wisq tal-ispejjeż ta’ ppjanar”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 25, in fine, tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, hija l-Kummissjoni li tanalizza jekk l-ispejjeż ippjanati kinux jew ma kinux “realistiċi” fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ xenarji komparattivi differenti ppreżentati mill-Istat Membru li jinnotifika.

137    Finalment, kif jirriżulta mill-punt 28 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, jekk l-għajnuna “ma tibdilx l-imġiba tal-benefiċjarju billi tistimula investiment (addizzjonali) fir-reġjun megħjun ikkonċernat, ikun hemm nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv biex jinkiseb l-għan reġjonali. Jekk l-għajnuna ma jkollha l-ebda effett ta’ inċentiv biex jinkiseb l-għan reġjonali, għajnuna bħal din tista’ titqies bħala flus li waqgħu mis-sema għallkumpanija”. Skont din l-istess premessa, “għaldaqstant, f’valutazzjoni fil-fond ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, l-għajnuna m’għandhiex tiġi approvata f’każi fejn ikun jidher li l-istess investiment ikun jista’ jseħħ fir-reġjun ukoll mingħajr għajnuna” (ara l-premessa 3, in fine, tal-imsemmija komunikazzjoni).

138    Mil-loġika ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija l-Kummissjoni li tanalizza jekk l-għajnuna tistax tibdel l-imġiba ta’ impriża, li jwassal lil din tal-aħħar li tagħmel investiment li hija ma tkunx wettqet fl-assenza tal-għajnuna. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż reali, a posteriori, lanqas ma għandu effett fuq dan l-element ta’ analiżi, iżda jippermetti l-iktar li jiġu ppreċiżati l-elementi li jaqgħu fir-riskju ta’ imprenditur tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna.

139    Għaldaqstant, dan il-motiv ukoll għandu jiġi miċħud

–       Fuq it-tielet ilment

140    Skont ir-rikorrenti, huwa b’mod manifestament żbaljat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parti tal-għajnuna li l-ammont minimu neċessarju sabiex tittieħed id-deċiżjoni sabiex l-investiment isir fir-reġjun megħjun trid titqies bħala superfluwa, peress li din il-parti tal-għajnuna finanzjarja ma kinitx issegwi għan kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti ssostni li din il-konstatazzjoni tirriżulta mis-ipoteżi żbaljata li l-investiment ta’ BMW kellu neċessarjament jitwettaq f’Leipzig jekk l-għajnuna ngħatat għal ammont ta’ EUR 17-il miljun biss. Issa, għall-kuntrarju, hija tenfasizza li l-impriża inkwistjoni kienet parti mill-ipoteżi li għajnuna kienet ser tingħata għal EUR 49 miljun, li tikkawża d-deċiżjoni li tinvesti f’din iż-żona megħjuna. Skont ir-rikorrenti, l-għajnuna segwiet għan kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, peress li ssodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-IZG, li kienu jikkonsistu miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont ir-Regolament Nru 800/2008. Ir-rikorrenti tiċħad l-approċċ ta’ tentattiv ta’ evitar tal-iskemi ta’ għajnuna.

141    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

142    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan l-ilment jista’ jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħall-ilmenti preċedenti. Kif indikat mill-Kummissjoni fil-punt 93 tar-risposta, għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni ta’ investiment inkwistjoni kienet diġà ġiet adottata mill-impriża benefiċjarja fuq il-bażi ta’ wegħda ta’ għajnuna, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u suġġetta għall-approvazzjoni finali tal-Kummissjoni. Issa, din tal-aħħar awtorizzat biss li l-ammont ta’ EUR 17-il miljun relatat maċ-ċifri dwar id-differenzi fl-ispejjeż bejn is-sit ta’ Leipzig u dak ta’ München, data ppreżentata fid-dokumenti li servew ta’ bażi għall-korpi kompetenti ta’ BMW u li kienu jagħmlu parti, insegwitu, mill-fajl ta’ notifika.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

143    Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ verifika u fin-nuqqas ta’ osservazzjonijiet kritiċi minn terzi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandha titqies bħala infondata l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-ammont addizzjonali ta’ EUR 28 257 273 kellu effetti negattivi li jikkostitwixxu distorsjoni serja tal-kompetizzjoni, iktar u iktar meta jistgħu jiskoraġġixxu lill-kompetituri milli jinvestu fi prodotti simili, li kien jikkontribwixxi sabiex investituri privati jinħarġu mis-suq rilevanti. Il-Kummissjoni astjeniet milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Skont ir-rikorrenti, ma huwiex possibbli li jitqies li kwalunkwe għajnuna f’ammont ikbar mid-differenza fl-ispejjeż bejn is-siti inkwistjoni kellha awtomatikament effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari mingħajr lanqas ma tkun evalwata l-pożizzjoni ta’ BMW fis-suq u mingħajr ma jitqabblu l-vantaġġi tal-investiment issussidjat mal-effetti negattivi tiegħu. F’dan il-każ, l-effetti pożittivi tal-miżura huma evidenti, peress li dawn jippermettu li jippromwovu l-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat kif ukoll uħud mill-għanijiet prijoritarji tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u tal-enerġija.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

145    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li sabiex għajnuna reġjonali tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tagħha għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ sabiex l-investiment jitwettaq fir-reġjun megħjun. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-premessa 30 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, li, ġustament, setgħet tiġi applikata mill-Kummissjoni fil-każ (ara l-punt 66 iktar 'il fuq, in fine) jirreferi għal-linji gwida u għal ċerti limiti stabbiliti għall-għajnuna reġjonali, skont il-gravità tal-problemi li jaffettwaw l-imsemmija reġjuni. Barra minn hekk, il-premessa 33 tal-komunikazzjoni tindika f’liema sitwazzjoni għajnuna, ġeneralment, titqies bħala proporzjonata. Isir riferiment għall-fatt li l-għajnuna titqies ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti għall-impriża benefiċjarja sabiex tinvesti fir-reġjun megħjun u dawk sabiex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i). Kriterji differenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma elenkati. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li tali prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkonsisti fil-limitazzjoni ta’ għajnuna għall-minimu meħtieġ sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet fis-suq intern, huwa wkoll rilevanti f’oqsma oħra tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C-526/14, EU:C:2016:570, punti 54, 57 u 59).

146    F’dan il-każ, sa fejn il-kriterju ta’ “proporzjonalità” ma kienx muri bil-parti tal-għajnuna li taqbeż is-EUR 17-il miljun, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkkonstatat li l-ammont addizzjonali ta’ EUR 28 257 273 kellu effetti negattivi li jikkostitwixxu distorsjoni serja tal-kompetizzjoni, iktar u iktar meta li jistgħu jiskoraġġixxu lill-kompetituri milli jinvestu fi prodotti simili, u dan jikkontribwixxi sabiex investituri privati jinħarġu mis-suq rilevanti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li din il-parti tal-ammont tal-għajnuna ma tippermettix li jitwarrab il-finanzjament ta’ “riskju” marbut mal-investiment u, permezz ta’ dan, li ssir kontribuzzjoni fi flus lill-impriża benefiċjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett negattiv li jikkonsisti f’possibbli distorsjoni tal-kompetizzjoni u f’effett dissważiv għat-twettiq ta’ investimenti privati kompetittivi seta’ jiġi preżunt mill-Kummissjoni. B’hekk sa fejn l-għajnuna tikkonsisti f’tisħiħ indebitu tal-pożizzjoni tal-impriża fis-suq, li jippermettilha li tiffinanzja l-bżonnijiet tagħha lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex issegwi l-għanijiet mixtieqa, jiġifieri li tkun ta’ inċentiv għad-deċiżjoni tagħha li tinvesti fir-reġjun megħjun. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, mingħajr ma tanalizza l-effetti pożittivi addizzjonali possibbli, li l-għajnuna ma kinitx konformi mas-suq waħdieni.

147    Din is-soluzzjoni hija msaħħa mill-qari tal-premessi 6 u 7 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment. Minn naħa, kif ġie indikat fil-premessa 6 tal-imsemmija komunikazzjoni, ċerta għajnuna reġjonali ta’ ammont ogħla għal proġetti kbar ta’ investiment setgħet kellha effett sostanzjali fuq il-kummerċ u twassal għal distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni.

148    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment u kif hemm ukoll riferiment fil-punt 68 tal-linji gwida, l-għan tal-investigazzjoni formali tal-Kummissjoni, li għandha approċċ individwali, huwa preċiżament li tivverifika fid-dettall “jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment” u “jekk il-benefiċċji tal-miżura tal-għajnuna jissuperawx id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, huwa biss jekk ir-risposta għall-ewwel parti ċċitata hija pożittiva li hija l-Kummissjoni li għandha tagħmel l-evalwazzjoni tat-tieni waħda. Fl-istess sens, mill-premessa 52 tal-istess komunikazzjoni jirriżulta li kienet darba biss li hija kienet “stabbilixxiet li l-għajnuna hija meħtieġa biex tkun ta’ inċentiv għat-twettiq ta’ investiment fir-reġjun ikkonċernat” li hija kellha tagħmel ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi ta’ għajnuna reġjonali għal proġett kbir ta’ investiment.

149    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li l-Kummissjoni ġustament spjegat sa fejn l-għajnuna inkwistjoni toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni, ma kellhiex twettaq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-suq rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C-494/06 P, EU:C:2009:272, punt 58), kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

150    Għaldaqstant, dan l-ilment imqajjem mir-rikorrenti għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv

151    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern biss sa fejn ippermettiet li tikkumpensa l-ispejjeż supplimentari effettivi, quod non, għandu jiġi osservat li BMW indikat, permezz tal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-28 ta’ Settembru 2012 li, f’dak iż-żmien, l-ispiża ta’ investiment fis-sit ta’ Leipzig kienet ta’ EUR 46 miljun ogħla mill-ispiża ta’ investiment komparabbli fis-sit ta’ München. L-imsemmija ittra tinkludi, skont ir-rikorrenti, spjegazzjoni ddettaljata tal-ammont ta’ madwar EUR 29 miljun – li jiżdied mal-ispejjeż ta’ ppjanar ta’ EUR 17-il miljun stmati fid-data tad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ stabbiliment adottata f’Diċembru 2009 – li jikkorrispondi għall-ispejjeż supplimentari netti li jirriżultaw mill-post ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, is-somma ta’ EUR 45 257 260.13 mitluba tista’ tkun iġġustifikata għalkollox.

152    Rigward l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, imressqa fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom “id-dokumenti pprovduti [mir-Repubblika Federali tal-] Ġermanja f’Settembru 2012 u li jelenkaw l-ispejjeż supplimentari ma humiex awtentiċi u ma għandhomx id-data miż-żmiem meta ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-post ta’ stabbiliment, peress li dawn id-dokumenti ġew prodotti biss f’Settembru 2012”, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju, dawn huma estratti minn dokumenti ta’ kontijiet annwali ta’ BMW, ivverifikati minn ditta ta’ kontabbiltà. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li dawn id-dokumenti kienu redatti sabiex il-Kummissjoni evalwat l-adegwatezza tal-għajnuna inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, għandhom manifestament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-mudell i8. L-intervenjent, essenzjalment, isostni l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

153    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

154    Dan l-ilment jirripproduċi, essenzjalment, elementi diġà analizzati qabel. Sa fejn l-ittra inkwistjoni, mibgħuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, hija datata 28 ta’ Settembru 2012, hija ma tistax titqies rilevanti dwar jekk “l-għajnuna kinitx meħtieġa sabiex tipproduċi effett ta’ inċentiv għall-investiment” skont il-premessa 7 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment. Għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni, li huwa biss l-investiment inizjali, għall-manifattura ta’ vetturi i3, li huwa rilevanti fl-analiżi, skont it-tieni kriterju stabbilit fil-premessa 22 tal-imsemmija Komunikazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk l-għajnuna kinitx ta’ inċentiv sabiex jitwettaq proġett ta’ investiment fir-reġjun meqjus pjuttost milli xi mkien ieħor peress li hija kkumpensat l-iżvantaġġi netti u l-ispejjeż marbuta mal-għażla ta’ sit fir-reġjun benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-fatt, ma kienx sostnut mir-rikorrenti, b’mod awtonomu, li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ vetturi i8 kien analizzat ukoll b’mod komparattiv fir-rigward tas-sit ta’ produzzjoni.

155    F’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata wkoll il-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, essenzjalment, fl-2009, il-mudell i8 ma kienx għadu inkluż fid-deċiżjoni ta’ investiment fis-sit ta’ Leipzig. Kien biss wara li d-deċiżjoni tal-post ta’ stabbiliment tas-sit ta’ Leipzig kienet ittieħdet minn BMW, għall-mudell i3, li deċiżjoni addizzjonali kienet żiedet il-mudell i8. Mid-dokumenti prodotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jirriżultax li din it-tieni deċiżjoni kienet tikkonċerna, hija wkoll, għażla awtonoma ta’ reġjun, iżda pjuttost li kienet teħtieġ għażla xierqa dwar jekk kellhiex tipproduċi mudell addizzjonali i8 fis-sit ta’ Leipzig diġà magħżul. Issa, tali soluzzjoni hija simili għal dik tal-ewwel xenarju previst mill-paragrafu 22 tal-KomunikazzjoniKomunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment.

156    Barra minn hekk, l-ebda għajnuna addizzjonali indipendenti ma kienet intalbet b’mod partikolari dwar il-mudell ta’ vetturi i8 u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ikkonfermat li ż-żieda ta’ dan il-mudell għall-proġett oriġinali ma wasslitx għal żieda fil-volum tal-produzzjoni ta’ vetturi elettriċi fis-sit ta’ Leipzig (ara, f’dan is-sens, l-ittra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mibgħuta lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Mejju 2011).

157    Fl-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fil- 25 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonkludiet li, anki jekk fejn il-produzzjoni tal-vetturi i8 kellha jkollha l-post ta’ stabbiliment tagħha pjuttost lejn l-ogħla parti tal-limiti previsti, matul l-ewwel sentejn ta’ produzzjoni, l-istima totali tal-investiment ma kinitx tinqabeż. Hija sostniet espressament li l-volumi tal-manifattura kellhom jiġu inklużi fis-sit ta’ Leipzig, kemm dwar il-mudell i3 kif ukoll tal-mudell i8. Skontha, ma kien hemmx maħsub li tiġi emendata n-notifika f’dan ir-rigward.

158    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet argumentat li kien biss wara li kienu megħluba xi effetti marbuta mal-kriżi finanzjarja globali li l-proġett kien ħa forma iktar innovattiva, u anki lussuża, inklużi teknoloġiji tal-karbonju u permezz tal-ħolqien ta’ ċentru tekniku ta’ ħiliet ġodda f’Leipzig, li jinvolvi l-ippjanar ta’ proġett ġdid imsejjaħ i8. Huwa f’dan il-kuntest li, fl-2010, BMW iddeċidiet li żżid mas-sit inkwistjoni il-produzzjoni tal-mudell innovattiv i8 kif ukoll il-produzzjoni tal-plastik, u dan kellu l-effett li jiżdiedu b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż ta’ investiment meta mqabbla ma’ dawk inizjalment ippjanati.

159    Filwaqt li huwa veru li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega, insegwitu, li kien ikun possibbli li tipproduċi b’inqas spiża l-mudell i8 fuq is-sit ta’ München, ma ġiet prodotta ebda prova komparattiva f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fl-għażla tal-investiment i3 f’Leipzig. Barra minn hekk, ma ntweriex li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li skontha kien jidher raġonevoli li “tlaqqam” il-produzzjoni tal-mudell i8 fis-sit ta’ Leipzig, diġà previst għall-mudell i3, sa fejn il-materjali ta’ produzzjoni u t-tekniki huma sovrapposti, turi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li huma biss l-ispejjeż previsti inizjalment kellhom jitqiesu rilevanti. B’hekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni ġdida tal-ispejjeż reali, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet infurmata biha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

161    Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud, u, għaldaqstant, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tar-Regolament Nru 800/2008, li jirriżulta mil-limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għal ammont inqas mill-ammont eżentat tal-obbligu ta’ notifika.

162    Skont ir-rikorrenti, hija setgħet tikseb mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-proġett ta’ investiment deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, għajnuna bbażata “fuq l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mir-Regolament Nru 800/2008” u “elenkata fl-IZG” sal-limitu ta’ EUR 22.5 miljun, sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi Ġermaniża kienu ssodisfatti. Hija ssostni li dan kien “indipendetement minn kwalunkwe notifika, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008”. Għaldaqstant, sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tirrifjuta espressament li l-għajnuna ta’ EUR 22 500 000 tiġi allokata lil BMW.

163    Ir-rikorrenti tenfasizza li, minn dan il-fatt, il-Kummissjoni pprojbixxiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kuntrarjament għal dak li kien jiġri fl-assenza ta’ notifika jew jekk hija kienet waqfet, li tagħti l-għajnuna f’ammont ta’ EUR 22.5 miljun. Ir-rikorrenti tallega li dan huwa ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE tar-Regolament Nru 800/2008 kif ukoll ta’ abbuż ta’ poter, li jippreġudika illegament il-kompetenzi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont ir-rikorrenti, peress li l-IZG “hija għajnuna eżistenti”, il-Kummissjoni tista’ teżamina biss il-miżuri speċifiċi, innotifikati peress li qabżu l-limitu tan-notifika. Taħt l-imsemmi livell, l-għajnuna dejjem tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-IZG. L-intervenjent, essenzjalment, isostni l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

164    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-intervenjent.

165    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma timplementax tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 31).

166    L-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika kull għajnuna ġdida lill-Kummissjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 32).

167    Issa, skont l-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jagħmel kull regolament xieraq għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jista’, b’mod partikolari, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) TFUE għandu japplika u l-kategoriji ta’ għajnuna eżentati mill-proċedura prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 33).

168    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 108(4) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta r-regolamenti li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kunsill iddetermina, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 34).

169    B’hekk, huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 109 KE li ġie adottat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), li taħtu ġie adottat, insegwitu, ir-Regolament Nru 800/2008 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 35).

170    Minn dan jirriżulta li, minkejja l-obbligu ta’ notifika qabel kull miżura intiża li tistabbilixxi jew li temenda għajnuna ġdida, li hija imposta fuq Stati Membri bis-saħħa tat-Trattati u li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008, dan l-Istat Membru jista’ jibbenefika mill-possibbiltà li jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika. Għall-kuntrarju, mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 800/2008 jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta b’dan ir-Regolament għandha tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika meħtieġa skont l-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 36).

171    Minn dan jirriżulta li, bħala temperament għar-regola ġenerali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ notifika, ir-Regolament Nru 800/2008 u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 37).

172    Tali approċċ jinsab ikkonfortat fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-regolamenti ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, kif spjegati fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 994/98. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regolamenti, sabiex tiżgura sorveljanza effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u sabiex tissimplifika l-ġestjoni amministrattiva, mingħajr ma jiddgħajjef l-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, tali regolamenti wkoll għandhom bħala għan li jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. L-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regolamenti, inkluż, konsegwentement, permezz tar-Regolament Nru 800/2008, tippermetti li tiżgura li dawn l-għanijiet ikunu kompletament issodisfatti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C-493/14, EU:C:2016:577, punt 38).

173    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fir-rigward b’mod iktar partikolari l-għajnuna reġjonali li taqbeż il-limiti previsti sabiex tirrrileva l-obbligu ta’ notifika individwali lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru°800/2008, li din ma tistax tiġi evalwata skont dan tal-aħħar, peress li ma hijiex koperta mir-regolament, iżda għandha tiġi evalwata skont il-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, meta l-kundizzjonijiet previsti fil-linji gwida huma ssodisfatti u, b’mod iktar ġenerali, minħabba r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3) TFUE (ara, ukoll, il-punti 65 sa 67 iktar 'il fuq).

174    Fil-fatt, rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, għandu jiġi enfasizzat li dan tal-aħħar għandu jinqara fid-dawl u fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolamenti, li skontu “dan ir-Regolament ma japplikax għal kwalunkwe għajnuna individwali, kemm jekk ad hoc mogħtija jew taħt skema, l-ekwivalenti f’għotja grossa hija ogħla minn limiti [previsti]”. Madankollu, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, huwa biss għall-għajnuna li tkun konformi mar-regolament u li ma taqbiżx il-limiti tan-notifika li għandu jsir riferiment għall-Artikolu 5 ta’ dan tal-aħħar, li skontu huwa previsti kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jeżenta kwalunkwe għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament, u kwalunkwe skema ta’ għajnuna, sakemm kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata skond din l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, kif ukoll sorveljanza aktar effiċjenti ta’ l-għajnuna, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna individwali mogħtija skond dan ir-Regolament għandu jkun fiha referenza espressa għad-dispożizzjoni applikabbli tal-Kapitolu II [ta’ dan ir-regolament] u għal-liġi nazzjonali li fuqha hi bbażata l-għajnuna individwali.”

175    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont il-linji gwida, u b’mod partikolari fil-paragrafu 64, l-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw individwalment lill-Kummissjoni ċerta għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment, taħt skema eżistenti, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kif iddefiniti mill-imsemmija linji gwida.

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u l-intervenjent, ma jistax jitqies li l-għajnuna kienet suġġetta għal eżenzjoni minħabba li kienet taqa’ fir-Regolament Nru 800/2008 jew l-IZG. Fil-fatt, peress li din tal-aħħar taqbeż il-limitu sabiex taqa’ taħt notifika obbligatorja, huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li hija għandha tiġi evalwata bħala għajnuna individwali u mhux bħala għajnuna li taqa’ fl-applikazzjoni tar-regolament dwar eżenzjonijiet ġenerali jew bħala għajnuna eżistenti awtorizzata (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-467/15 P, EU:C:2017:24, punti 61 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, f’dan il-każ, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati mir-rikorrenti jew mill-intervenjent ma tippermetti li tibbaża l-allegazzjoni tagħha li skontha l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha billi evalwat, kollha kemm hi, l-għajnuna nnotifikata dwar il-konformità tagħha mas-suq intern u mhux biss l-ammont li jaqbeż il-limitu ta’ notifika. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni li tawtorizza għajnuna li tkun ġiet innotifikata lilha jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi sinjifikattivi u vinkolanti, suġġetti biss għal kontestazzjoni eventwali quddiem il-qrati tal-Unjoni. Din, b’hekk, hija skema proċedurali differenti minn dik li taqa’ taħt eżenzjoni ġenerali, li din tal-aħħar, tikkonsisti f’approċċ ibbażat fuq preżunzjoni ta’ konformità mas-suq intern. F’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, preżunzjoni ta’ konformità tal-għajnuna sa ċertu limitu ma tistax tipprevali fuq l-evalwazzjoni individwali tagħha, peress li huwa paċifiku li din tal-aħħar taqa’ taħt l-obbligu ta’ notifika, jiġifieri li kienet ta’ importanza meqjusa, prima facie, bħala partikolari dwar l-effetti potenzjali tagħha fuq il-kompetizzjoni.

178    Barra minn hekk, hija taqa ukoll taħt il-premessa 56 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment li “il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jew li tapprova, tikkundizzjona jew tipprojbixxi l-għajnuna”. Insegwitu, din l-istess premessa tindika, minn naħa, li, jekk hija tieħu deċiżjoni kundizzjonata taħt l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, hija tista’ tehmeż kundizzjonijiet sabiex tillimita d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u tiżgura l-proporzjonalità u min-naħa l-oħra, li hija tista’, b’mod partikolari, tnaqqas l-ammont jew l-intensità tal-għajnuna nnotifikata għal livell meqjus proporzjonat u għalhekk kompatibbli mas-suq intern.

179    Kuntrarajment għal dik li ssostni r-rikorrenti, il-konklużjonijiet imsemmija iktar 'il fuq ma humiex ikkontestati bir-riferiment magħmul għan-nota ta’ qiegħ il-paġna relatat mal-paragrafu 56 tal-Komunikazzjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, li jindika li: “meta l-għajnuna tingħata abbażi ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna reġjonali, madankollu għandu jiġi nnotat li l-Istat Membru jżomm il-possibbiltà li jagħti din l-għajnuna sal-livell li jikkorrispondi mal-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli.” Fil-fatt, din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma tistax titqies bħala li għandha prijorità fuq il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ, innotifikata skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, kellha tiġi evalwata bħala għajnuna individwali u mhux bħala għajnuna mogħtija taħt skema ta’ għajnuna reġjonali approvata. F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat li, skont il-komunikazzjoni inkwistjoni u fil-kuntest tal-analiżi magħmula skont l-Artikolu 107(3) TFUE, kienet il-Kummissjoni li kellha tevalwa b’mod partikolari n-natura ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna. Issa, huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern biss sa EUR 17-il miljun, li jikkorrispondi għad-differenza fl-ispejjeż bejn is-sit ta’ München u dak ta’ Leipzig, stmata fid-data tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post ta’ stabbiliment tagħha.

180    Bl-istess mod, għar-raġunijiet indikati, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-intervenjent, imressqa fil-punti 61 sa 67 tan-nota ta’ intervent, li skonthom, essenzjalment, għandu jitqies f’dan il-każ li l-għajnuna inkwistjoni taqa’, sal-limitu ta’ notifika, fi skema ta’ għajnuna eżistenti li kellha tiġi analizzata mill-Kummissjoni għall-konformità tagħha mas-suq intern. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-għajnuna nnotifikata f’dan il-każ, li tkun eċċediet il-limiti għal notifika individwali, għandha titqies bħala li taqa’ taħt riżerva għall-approvazzjoni jew għall-eżenzjoni, li kellha tkun suġġetta għall-iskema ġenerali ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-IZG (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, EU:T:1995:130, punti 124 sa 131).

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li huwa ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li hija biss analiżi individwali li tippermetti li tilleġittima tali għajnuna jew parti minnha. Għandu għalhekk, barra minn hekk, jiġi kkonstatat li n-neċessità ta’ tali eżami tikkorrispondi għall-iskop tal-Artikolu 107 TFUE li, bħala regola ta’ kompetizzjoni, huwa maħsub sabiex jipprevjeni, fil-prinċipju, li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istati Membri toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ fis-suq intern. Dan l-approċċ huwa konformi wkoll mal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-127/99, T-129/99 u T-148/99, EU:T:2002:59, punti 228 u 229), li skontu l-għajnuna li taqbeż il-limiti previsti għal skema ta’ għajnuna, anki rigward skema ġenerali ta’ għajnuna li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni, ma tistax titqies bħala li hija koperta bis-sħiħ minnu.

182    Għalhekk, għandu jiġi miċħud ukoll it-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti, mingħajr il-ħtieġa, fi kwalunkwe każ, li jiġi deċiż il-mertu tal-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li l-proposta ta’ għajnuna inkwistjoni kienet limitata għal EUR 22.5 miljun, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-IZG, u, għalhekk, li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

183    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

184    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

185    L-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bayerische Motoren Werke AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Freistaat Sachsen għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.