Language of document : ECLI:EU:T:2015:473

Kawża T‑677/13

Axa Versicherung AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti relatati ma’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni — Talba li tirrigwarda sensiela ta’ dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Talba li tirrigwarda dokument wieħed — Werrej — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u awditu — Interess pubbliku superjuri — Kawża għal kumpens — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Lulju 2015

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali — Applikazzjoni lill-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ kontroll ta’ osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni — Preżunzjoni ġenerali ta’ ksur tal-protezzjoni tal-interessi involuti f’tali proċedura bl-iżvelar ta’ ċerti dokumenti li jifformaw parti minn tali fajls

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2))

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ibbażat fuq diversi eċċezzjonijiet — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(2) u (7))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Portata — Applikazzjoni lill-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ kontroll ta’ osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni — Komunikazzjoni lil persuna li tikkunsidra eventwali rikors għad-danni bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Obbligu tar-rikorrent li jistabbilixxi l-ħtieġa li jaċċedi għad-dokumenti inkwistjoni — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti — Użu ta’ preżunzjoni ġenerali fil-każ ta’ talba intiża għal dokument uniku — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Applikazzjoni lill-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri ta’ kontroll ta’ osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni — Preżunzjoni ġenerali ta’ ksur tal-protezzjoni tal-interessi involuti fi proċedura ta’ klemenza bl-iżvelar ta’ ċerti dokumenti li jifformaw parti minn tali fajls — Limiti — Obbligu ta’ bbilanċjar tar-riskju ta’ ksur tal-effettività tal-programm ta’ klemenza u tad-dritt għal kumpens ta’ rikorrent li jqis li sofra dannu minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 298/11)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Applikabbiltà sħiħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 — Obbligu tar-rikorrent li jipprova n-natura neċessarja tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni — Portata

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali — Applikazzjoni għal informazzjoni li tidher f’dokumenti li ilhom jeżistu ħames snin jew iktar — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

1.      Sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili setgħu japplikaw għal talbiet li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura.

Għalhekk, fil-każ ta’ talba intiża għal sensiela ta’ dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami individwali u konkret ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti, li l-iżvelar tagħhom bħala prinċipju jippreġudika l-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li huma partijiet fil-proċedura, li huma strettament marbuta f’tali kuntest. L-użu ta’ preżunzjoni ta’ din in-natura ma huwiex limitat la għall-każ fejn talba hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għat-totalità tad-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u lanqas dak fejn tirrigwarda sensiela globali u mingħajr distinzjoni ta’ dokumenti li jinsabu fih. Bil-kontra, jista’ jsir ukoll użu tagħha fil-każ ta’ talba li tirrigwarda sensiela iktar speċifika ta’ dokumenti tal-fajl, identifikati b’riferiment għall-karatteristiċi komuni tagħhom jew l-appartenenza tagħhom għal kategorija ġenerali waħda jew iktar.

Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħmel użu minn tali preżunzjoni ġenerali sakemm il-proċedura kkonċernata ma tistax titqies li hija magħluqa, kemm minħabba li hija għadha ma wasslitx għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, kemm minħabba li rikorsi għal annullament kienu ġew ippreżentati kontra din id-deċiżjoni u għadhom pendenti fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl relatat magħha u tagħti deċiżjoni dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, il-possibbiltà li tuża preżunzjoni ġenerali sabiex tittratta talba ta’ aċċess li tirrigwarda lilha stess fuq sensiela ta’ dokumenti tfisser li d-dokumenti inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ żvelar, integrali jew anki parzjali.

(ara l-punti 36, 37, 39-42)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 56)

3.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ma jeskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Għal dan il-għan, huwa l-applikant li għandu konkretament jinvoka ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jimponi li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha li għalihom intalab l-aċċess. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni ġenerali mill-effettività tagħha, li tikkonsisti li l-Kummissjoni tkun tista’ twieġeb għal talba globali b’mod daqstant globali.

Barra minn hekk, il-fatt li d-dokumenti mitluba kellhom f’dan il-każ iktar minn ħames snin lanqas ma huwa waħdu, ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ tixrid, peress li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-eċċezzjonijiet previsti minn dan ir-regolament jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, jew iktar jekk meħtieġ.

(ara l-punti 59, 60, 63)

4.      Għalkemm huwa veru li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tali dritt isaħħaħ in-natura operattiva ta’ dawn ir-regoli, peress li huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-implementazzjoni ta’ akkordji jew ta’ prattiki oħra, ta’ spiss moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li għalhekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni, kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali ma jistgħux madankollu, inkwantu tali, jipprevalu fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għal dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni bbażat fuq il-fatt li dawn id-dokumenti huma koperti, kollha kemm huma, minn preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tagħhom prinċipalment jippreġudika, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni.

Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata implementazzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens, ma huwiex neċessarju li kull dokument inkluż fil-fajl ta’ tali proċedura jiġi kkomunikat lill-persuna li titlob li jkollha aċċess għalih skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fid-dawl li titressaq kawża għal kumpens, peress li ma tantx huwa probabbli li tali kawża tkun ibbażata fuq l-elementi kollha inklużi fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura. L-istess japplika fil-każ fejn il-persuna li titlob li jkollha aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl tkun diġà ressqet kawża għal kumpens, sa fejn ma tantx huwa probabbli li din il-kawża għandha tibbaża ruħha fuq il-fajl kollu.

Għalhekk, hija kull persuna li tixtieq tikseb kumpens għad-dannu li hija tqis li ssubixxiet minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi n-neċessità, għaliha, biex taċċedi għal wieħed jew l-ieħor mid-dokumenti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’, għal kull każ individwali, tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti u l-protezzjoni tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża. Fin-nuqqas ta’ dan, l-interess li jeżisti li jinkiseb il-kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 66-70, 163)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 92, 93)

6.      Huwa mixtieq li istituzzjoni li titressaq quddiemha talba għall-aċċess għal xi dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess, minkejja li t-talba inkwistjoni tirrigwarda biss dokument wieħed. Madankollu, f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, fejn l-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ma huwiex intiż li jippermetti li tiġi ttrattata globalment talba li fiha nfisha hija globali, hija l-istituzzjoni li kellha l-intenzjoni li tagħmel użu minnha li għandha tivverifika jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari kinux effettivament applikabbli għad-dokument li l-iżvelar tiegħu kien mitlub.

Dan ir-rekwiżit ma jimplikax neċessarjament li l-istituzzjoni twettaq evalwazzjoni konkreta tad-dokument inkwistjoni, bl-istess mod kif l-obbligu impost fuq din l-istituzzjoni li tivverifika li l-preżunzjoni ġenerali li għandha l-intenzjoni li tagħmel użu minnha sabiex tittratta talba li tirrigwarda sensiela ta’ dokumenti tapplika realment ma jistax jiġi interpretat fis-sens li hija għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha li għalihom huwa mitlub l-aċċess. Madankollu, xorta jibqa’ neċessarju li l-istituzzjoni kkonċernata tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess tagħha suffiċjentement fil-fatt u dritt, billi tibbaża ruħha fuq riskju raġonevolment prevedibbli ta’ ħsara konkreta u effettiva għal interess wieħed jew iktar protetti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Minbarra dan, anki fil-każ ta’ użu ta’ preżunzjoni ġenerali biex tiġi ttrattata talba li tirrigwarda lil dokument uniku, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-obbligu li tipproċedi bl-iżvelar tad-dokument kollu, jew parti minnu, indikat fit-talba meta din tikkonstata li l-karatteristiċi tal-proċedura relatati miegħu ikunu jippermettu hekk.

(ara l-punti 94, 100, 101, 116)

7.      Fir-rigward ta’ talba għal aċċess abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għal dokumenti relattivi għal programm ta’ klemenza, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, essenzjalment, li l-komunikazzjoni tar-referenzi għall-korrispondenza skambjata ma’ impriżi li talbu biex jibbenefikaw mill-Avviż dwar l-immunità mill-multa u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji tista’ tikkomprometti l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha, sa fejn dan iwassal sabiex iġib għall-konoxxenza ta’ terz informazzjoni kummerċjali sensittiva jew indikazzjonijiet kunfidenzjali relatati mal-kooperazzjoni tal-partijiet li jinsabu f’dawn id-dokumenti. Fil-fatt, il-programmi ta’ klemenza implementati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu għodda utli sabiex jiġi osservat u mitmum il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, li jikkontribwixxi għalhekk għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. L-effikaċja ta’ dawn il-programmi tista’ tiġi affettwata mill-komunikazzjoni tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza għall-persuni li jixtiequ jressqu kawża għad-danni. F’dan ir-rigward, jidher raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-perspettiva ta’ tali komunikazzjoni tiddisswadi l-persuni implikati fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni milli jagħmlu użu minn tali programmi.

Madankollu, għalkemm tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw li l-aċċess għal ċerti dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jiġi rrifjutat, dawn ma jimplikawx madankollu li dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat sistematikament, billi kull talba ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni għandha tiġi suġġetta għal evalwazzjoni f’kull każ individwali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li tali rifjut jista’ jipprekludi l-eżerċizzju ta’ dawn il-kawżi għad-danni, imressqa quddiem il-qrati nazzjonali, billi jipprovdi barra minn hekk lill-impriżi kkonċernati, li jistgħu jkunu diġà bbenefikaw minn immunità, għall-inqas parzjalment, fil-qasam ta’ sanzjonijiet pekunjarji, il-possibbiltà li jevitaw ukoll l-obbligu tagħhom li jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u dan b’dannu tal-persuni leżi, teħtieġ li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-interess invokat u applikabbli għal kull dokument li l-aċċess għalih huwa rrifjutat.

Konsegwentement, hija biss l-eżistenza ta’ riskju li dokument partikolari jippreġudika b’mod konkret l-interess pubbliku relatat mal-effikaċja tal-programm ta’ klemenza inkwistjoni li tista’ tiġġustifika li dan id-dokument ma jiġix żvelat. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu bbilanċjati, għal kull każ individwali, l-interessi differenti li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni jew il-protezzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-kawża u, b’mod partikolari, l-interess tal-applikant sabiex jikseb l-aċċess għad-dokumenti li huwa għandu l-intenzjoni li jiġu kkomunikati lilu sabiex isostni l-kawża għal kumpens tiegħu, fid-dawl ta’ possibbiltajiet oħra eventwalment għad-dispożizzjoni tiegħu, minn naħa, u l-konsegwenzi realment dannużi li għalihom tali aċċess jista’ jagħti lok fir-rigward tal-interess pubbliku jew tal-interessi leġittimi ta’ persuni oħra, min-naħa l-oħra. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar f’sitwazzjoni fejn persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li diġà ressqet kawża għal kumpens quddiem qorti nazzjonali titlob lill-Kummissjoni li tkun tista’ taċċedi mhux għad-dokumenti ta’ klemenza inklużi fil-fajl tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ dan il-ksur, iżda unikament għar-riferimenti għal dawn id-dokumenti inklużi fil-werrej ta’ dan il-fajl.

Fil-fatt, rifjut sħiħ ta’ aċċess għal tali referenzi, f’dak li jinkludi l-elementi tagħhom l-iktar newtri jew insinjifikattivi, jista’ jagħmel, fil-prattika, impossibbli jew tal-inqas eċċessivament diffiċli kull identifikazzjoni tad-dokumenti ta’ klemenza elenkati fil-werrej u jipprekludi lir-rikorrent milli jifforma opinjoni rigward in-neċessità eventwali li jkollu dawn id-dokumenti sabiex isostni l-kawża għal kumpens tiegħu, kif ukoll, iktar u iktar, li jiġġustifika r-raġunijiet ta’ tali neċessità. Issa, huwa b’osservanza ta’ tali rekwiżit li huma suġġetti għal kundizzjonijiet mhux biss l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti u l-produzzjoni ġudizzjarja tagħhom fil-kuntest ta’ kawżi għal kumpens imressqa quddiem il-qorti nazzjonali, iżda wkoll ir-rikonoxximent ta’ interess pubbliku superjuri mill-Kummissjoni fil-każ li quddiemha titressaq talba skont ir-Regolament Nru 1049/2001. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tipprekludi, fil-prattika, lill-persuna interessata milli teżerċita effettivament id-dritt għal kumpens li hija tieħu mit-Trattat.

(ara l-punti 114, 118, 119, 121-124, 134)

8.      L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jistabbilixxi sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni tal-persuni li d-data personali tagħhom tista’, skont il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku, jeħtieġ li l-preġudizzju eventwali għall-ħajja privata u għall-integrità tagħhom ikun dejjem eżaminat u evalwat konformement, b’mod partikolari, mar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li d-data personali ma għandhiex tiġi ttrasferita lil destinatarju ħlief jekk dan juri n-neċessità tat-trasferiment tagħha u jekk ma teżisti ebda raġuni sabiex ikun hemm possibbiltà li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal kull talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 li tkun intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali. Konsegwentement, meta l-persuna li titlob li jkollha aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali ma tipprovdi ebda ġustifikazzjoni espliċita u leġittima, u lanqas xi argument konvinċenti sabiex tintwera n-neċessità tat-trasferiment lilha ta’ din id-data, l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx fil-pożizzjoni li tibbilanċja l-interessi differenti involuti.

(ara l-punti 139, 141, 143)

9.      Huwa veru li l-fatt li informazzjoni li setgħet tiżvela sigrieti tan-negozju jew li jkollha natura kunfidenzjali ta’ ħames snin jew iktar għandu bħala konsegwenza li din għandha titqies li hija storika sakemm, eċċezzjonalment, ma jintweriex li din għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża li hija tikkonċerna. Bl-istess mod, il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva ikunu iżgħar, iktar ma din tkun antika. Madankollu, dan ma jeskludix li tali informazzjoni tista’ tkompli taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

(ara l-punt 154)